Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2079(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0396/2018

Testi mressqa :

A8-0396/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 24
CRE 12/12/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0519

Testi adottati
PDF 167kWORD 56k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Soluzzjoni mħaffa tat-tilwim kummerċjali
P8_TA(2018)0519A8-0396/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar soluzzjoni mħaffa ta' tilwim kummerċjali (2018/2079(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bl-isem "Inkattru l-kompetenza fil-liġi kummerċjali fl-Istati Membri",

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2018,

–  wara li kkunsidra n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju tal-2016 (EJTN) "Judicial Training Principles" (Prinċipji ta' Taħriġ Ġudizzjarju)(1),

–  wara li kkunsidra l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0396/2018),

A.  billi d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli, kif minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jikkostitwixxi waħda mill-garanziji fundamentali tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija u huwa parti intrinsika mill-proċedimenti ċivili b'mod ġenerali;

B.  billi l-introduzzjoni ta' Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa tista' tikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-proċedimenti nazzjonali, għal kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji u għal żieda fit-tkabbir ekonomiku, permezz ta' sistemi ġudizzjarji effettivi u effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja fl-Unjoni u tgħin biex jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni;

C.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-2018 uriet li d-disponibbiltà tal-għajnuna legali u l-livell tat-tariffi tal-qorti għandhom impatt ewlieni fuq l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari għaċ-ċittadini li jinstabu f'sitwazzjoni ta' faqar;

D.  billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja ġiet promossa, appoġġata u inkoraġġuta minn diversi atti proċedurali tal-leġislazzjoni sekondarja tal-Unjoni, inklużi r-Regolament dwar Talbiet Żgħar, id-Direttiva dwar l-Għajnuna Legali, ir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda u r-Regolament dwar in-notifika ta' dokumenti;

E.  billi l-għanjiet tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri huma, fost oħrajn, li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust f'każijiet transfruntiera, li jiġu garantiti proċeduri ġudizzjarji effikaċi u bla xkiel anki f'dawk is-sitwazzjonijiet u li tiġi stabbilita fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji, li hija l-bażi għal aktar rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi madwar l-Unjoni;

F.  billi bosta kwistjonijiet fir-rigward tal-liġi proċedurali fil-qasam tal-ġustizzja ċivili huma rregolati fil-livell nazzjonali, u b'hekk il-liġi proċedurali f'dan il-qasam hija differenti minn Stat Membru għall-ieħor, u dan huwa konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; billi proċedura mħaffa tista' twassal għall-approssimizzazzjoni neċessarja tas-sistemi proċedurali fl-Unjoni;

G.  billi huwa neċessarju li tiżdied il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet u s-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, ħalli jitneħħa kwalunkwe ostaklu li jista' jinħoloq mill-inkompatibbiltajiet bejn is-sistemi ġudizzjarji u amministrattivi differenti;

H.  billi r-Regolament Brussell I jistabbilixxi regoli bażiċi dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' kwistjonijiet ċivili u kummerċjali transfruntiera fl-Unjoni; billi l-verżjoni riformulata, li daħlet fis-seħħ fl-2015 (Brussell Ia), introduċiet għadd ta' aġġustamenti ewlenin għas-soluzzjoni ta' tilwim transfruntier tal-UE, u b'hekk tiffranka ħin u flus għan-negozji u l-individwi;

I.  billi r-Regolament Ruma I jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ċivili u kummerċjali;

J.  billi regoli proċedurali jenħtieġ li jiggarantixxu kemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet kif ukoll is-soluzzjoni rapida tat-tilwim;

K.  billi s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet kummerċjali fil-qrati pubbliċi fl-Istati Membri, b'mod ġenerali, timxi bil-mod u ma tissodisfax l-aspettattivi tal-partijiet involuti f'tilwim kummerċjali, fatt li huwa aċċentwat bl-introduzzjoni tal-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, li, min-naħa l-oħra, wasslet għal soluzzjoni sostanzjalment aktar mgħaġġla għat-tilwim tal-konsumaturi; u billi l-użu xieraq tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-qorti jikkontribwixxi għat-tħaffif tal-proċedimenti u għat-tnaqqis fl-ispejjeż.

L.  billi s-soluzzjoni bil-mod ta' tilwim kummerċjali fl-Unjoni tista' twassal biex il-partijiet kummerċjali jfittxu soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jew soluzzjoni tat-tilwim fi Stati mhux membri, u jagħżlu li japplikaw liġi nazzjonali ta' Stat li mhux membru għal kuntratti;

M.  billi s-soluzzjoni ta' kwalità għolja ta' tilwim kummerċjali tiddependi fuq livell għoli ta' kompetenza u esperjenza f'dawn il-kwistjonijiet fil-qrati, fost l-imħallfin u l-avukati u l-ġuristi;

N.  billi d-disponibbiltà ta' proċedura mħaffa u kosteffikaċi appoġġata minn imħallfin u avukati kompetenti ħafna u b'esperjenza kbira fl-Istati Membri tagħmel aktar probabbli deċiżjoni favur l-għażla ta' liġi nazzjonali ta' Stat Membru, u bħala konsegwenza, tarrikkixxi l-kompetenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fl-Istati Membri;

O.  billi jidher neċessarju li tinstab soluzzjoni xierqa fir-rigward tas-sistemi lingwistiċi differenti li tista' tikkonsisti f'forom armonizzati, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

P.  billi l-qrati u l-awli speċjalizzati fi kwistjonijiet kummerċjali se jiggarantixxu livell ogħla ta' kompetenza u indipendenza fi kwistjonijiet bħal dawn u b'hekk jattiraw każijiet bħal dawn fil-qrati tal-Istati Membri;

1.  Jinnota li s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet kummerċjali hija ħafna aktar bil-mod milli tista' tkun, u tieħu medja ta' bejn tliet snin u erba' snin u li dan iwassal għal telf sostanzjali għan-negozju, u mhux biss f'termini ekonomiċi iżda wkoll fir-rigward tal-ħin, l-enerġija u riżorsi oħra li jistgħu jiġu ddedikati minflok għal opportunitajiet oħra;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-dritt tal-partijiet għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif stabbilit fil-karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li jiġu garantiti proċedimenti ġudizzjarji ta' kwalità għolja fi kwistjonijiet kummerċjali;

3.  Jenfasizza l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (ESCP), li pprovdiet mezz biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim transfruntier tal-konsumaturi u tilwim ieħor dwar ammonti żgħar fl-Unjoni b'ħeffa u b'mod kosteffikaċi filwaqt li tinżamm il-protezzjoni għad-drittijiet tal-partijiet;

4.  Jenfasizza li l-fiduċja reċiproka hija kunċett kumpless, u li ħafna fatturi jaqdu rwol fil-bini ta' dik il-fiduċja, bħall-edukazzjoni ġudizzjarja u t-titjib tal-ħiliet, il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera u l-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-imħallfin;

5.  Jisħaq li, fir-rigward tal-proċess ġust u l-aċċess għall-ġustizzja, in-netwerks ta' kooperazzjoni u l-bażijiet tad-data li jtejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jinżammu u jiġu estiżi ulterjorment, inkluż in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li se jsir punt uniku ta' servizz fil-qasam tal-ġustizzja fl-Unjoni;

6.  Isostni li l-adozzjoni ta' regolament simili għall-ESCP, il-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa, applikabbli għal tilwim kummerċjali transfruntier, tkun l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-ħinijiet twal ta' stennija għal tilwim kummerċjali fl-Unjoni, filwaqt li possibbilment isir iffrankar kbir għan-negozji Ewropej u jiġi mmobilizzat il-kapital mhux użat;

7.  Isostni li l-partijiet kummerċjali se jkollhom opportunitajiet aħjar biex iħallsu għal rappreżentanza u jħejju għal kawża fil-qorti, li jfisser li għandhom iktar possibbiltajiet li jipproteġu d-drittijiet tagħhom, u dan jippermetti proċedura aktar imħaffa;

8.  Josserva li proċedura bħal din tista' tibni fuq rekwiżiti għal tħejjijiet bir-reqqa mill-partijiet qabel ma tiġi varata l-proċedura, skadenzi stretti, ftit possibbiltajiet biex jiżdiedu l-fatti jew l-evidenza matul il-proċess u l-ebda appell separat għal deċiżjonijiet proċedurali, biex b'hekk tinkiseb proċedura mgħaġġla;

9.  Huwa tal-fehma li sistema proċedurali stretta bħal din hija kompatibbli mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fuq il-kundizzjoni li l-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa tkun volontarja u tapplika biss:

   fejn il-partijiet ikunu qablu li jagħmlu użu mill-proċedura wara li jkun qam it-tilwim, jew
   fejn il-konvenut jaċċetta li jieħu sehem fil-proċedura wara li r-rikorrent ikun ressaq azzjoni taħt l-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa, sakemm il-konvenut ikollu ħin biżżejjed biex iħejji ruħu b'mod xieraq qabel il-bidu tal-proċedura;

10.  Jemmen li l-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa għandha tkun f'kull każ valida biss meta l-partijiet ikunu ġew debitament informati mill-qabel dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunsens biex tintuża tali proċedura; iqis li l-ispejjeż tal-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa m'għandhomx ikunu eċċessivi għall-partijiet, sabiex jiġi garantit ir-rispett tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja;

11.  Jisħaq li spiss il-partijiet fit-tilwima jilħqu soluzzjoni amikevoli biss meta ċ-ċirkostanzi u l-argumenti jiġu żviluppati bis-sħiħ, li jfisser li, f'sistema proċedurali li kienet teħtieġ li l-partijiet jinvestigaw iċ-ċirkostanzi u jkomplu jiżviluppaw l-argumenti tagħhom qabel ma jmorru l-qorti, aktar tilwim jiġi solvut b'mod amikevoli fi stadju aktar bikri;

12.  Josserva li l-għan li tiġi pprovduta soluzzjoni mħaffa u aktar kosteffikaċi ta' tilwim kummerċjali fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq unikament permezz tal-introduzzjoni ta' sistema proċedurali mħaffa armonizzata; għal dan il-għan, ikunu meħtieġa qrati, imħallfin, avukati u ġuristi li jkunu profiċjenti ħafna u jkollhom ħafna esperjenza fid-dritt kummerċjali u fid-dritt internazzjonali privat sabiex din is-sistema proċedurali tkun effiċjenti;

13.  Jenfasizza li d-distribuzzjoni attwali fl-għażla tal-liġi f'kuntratti kummerċjali bejn il-ġurisdizzjonijiet Ewropej differenti mhijiex ugwali bejn l-Istati Membri;

14.  Josserva li ħafna drabi l-għażliet tal-liġi applikabbli huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet kumplessi, iżda li l-kombinazzjoni ta' liġi barranija u ta' qorti barranija spiss tesponi lil parti għal riskji ekonomiċi sostanzjali, u li dispożizzjonijiet bħal dawn huma speċifikament dubjużi jekk ikun hemm qbil bħala parti minn kuntratti standard jew f'sitwazzjonijiet fejn waħda mill-partijiet ma jkollha l-ebda possibbiltà jew ikollha ftit li xejn possibbiltà li tinfluwenza l-ftehim f'dan ir-rigward;

15.  Jifhem li l-ostakli lingwistiċi jistgħu jkunu xkiel addizzjonali u b'hekk raġuni oħra biex tintgħażel liġi, u mhux oħra, bħala l-liġi applikabbli;

16.  Jissottolinja li d-disponibbiltà ta' forom standard uniformi, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, tiffaċilita l-aċċess għall-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa;

17.  Jissuġġerixxi, li sabiex jiġu żgurati forom uniformi standard, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni, eżerċitati b'mod konformi mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi r-Regolamenti Ruma I, Ruma II u Brussell Ia sabiex issaħħaħ ir-rabta bejn l-għan u s-suġġett tal-kuntratti u l-liġi magħżula filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-partijiet l-aktar dgħajfa fir-relazzjonijiet u l-kuntratti bejn in-negozji jkunu protetti, u tippreserva l-awtonomija tal-partijiet fir-rigward tal-għażla tal-liġi;

19.  Jenfasizza li l-miżuri leġislattivi ma jistgħux jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet waħedhom, u huma meħtieġa wkoll miżuri prattiċi biex iżidu l-għarfien espert kemm tal-qrati kif ukoll tal-avukati, bħal taħriġ imtejjeb fi kwistjonijiet kummerċjali u aċċess aħjar għad-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali tal-istati Membri, b'mod partikolari l-ġurisprudenza;

20.  Josserva li d-dritt kummerċjali u d-dritt internazzjonali privat huma oqsma inqas ikkodifikati minn oqsma oħra tad-dritt, li jfisser li hemm rwol aktar importanti għar-riċerka akkademika, u għalhekk waħda mill-miżuri biex tissaħħaħ il-kompetenza fi kwistjonijiet kummerċjali fl-Istati Membri hija li jsiru disponibbli aktar riżorsi għar-riċerka f'dan il-qasam;

21.  Jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon id-disa' prinċipji tat-taħriġ ġudizzjarju tal-EJTN adottati fl-Assemblea Ġenerali tiegħu tal-2016, peress li jipprovdu pedament u qafas komuni għall-ġudikatura Ewropea kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ ġudizzjarju;

22.  Jisħaq li l-kwalità tal-liġi applikabbli għal kwistjonijiet kummerċjali u kemm hija adattata sew għall-prattiki u l-iżviluppi fis-settur kummerċjali huma ta' importanza kbira;

23.  Jitlob għalhekk li, skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, sal-1 ta' Jannar 2020 u abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni tressaq proposta għal att leġislattiv dwar Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa u, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal din il-proposta, wara li l-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa għal tali rieżami, proposta possibbli għal emendi għar-Regolamenti Ruma I u Ruma II u Brussell Ia;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissupplementaw dawn il-proposti b'miżuri oħra ta' appoġġ bil-għan li jiżdied l-għarfien espert fl-Istati Membri fil-liġi kummerċjali u fid-dritt internazzjonali privat.

25.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet annessi ma' din ir-riżoluzzjoni jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

26.  Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposta, b'mod partikolari l-ispejjeż tal-proċedimenti mressqa taħt il-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa, jiġu kkumpensati bi tfaddil ekwivalenti, peress li l-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa x'aktarx li tkun sostanzjalment aktar kosteffikaċi mill-proċeduri ordinarji tal-Istati Membri u billi t-tilwim inkwistjoni mhux se jinġieb taħt is-sistema proċedurali ġenerali tal-Istat Membru inkwistjoni;

27.  Jenfasizza li d-dritt kummerċjali huwa biss wieħed mill-oqsma fejn hemm bżonn ta' aktar azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja, proċedimenti ta' kwalità ogħla, salvagwardji aktar b'saħħithom għall-partijiet u soluzzjoni aktar rapida tat-tilwim;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) http://www.ejtn.eu/PageFiles/15756/Judicial%20Training%20Principles_EN.pdf


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL MIŻURI GĦALL-INTRODUZZJONI U L-APPOĠĠ TA' PROĊEDURA ĊIVILI EWROPEA MĦAFFA

PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

I.  Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa

L-għan ewlieni tal-proposta li ġejja huwa li tiġi introdotta Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa volontarja sabiex il-kumpaniji Ewropej jingħataw possibbiltà li jsibu soluzzjoni għal tilwim purament kummerċjali bejn in-negozji ta' natura transfruntiera f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa tista' tibni fuq il-prinċipji li ġejjin:

1.  Għandha tapplika għal tilwim kummerċjali transfruntier li għalih il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma tapplikax;

2.  Għandha tapplika jekk il-partijiet jaqblu dwar dan wara li tqum it-tilwima jew jekk ir-rikorrent jiftaħ talba taħt il-proċedura u l-konvenut jaċċettaha;

3.  Għandha tapplika meta l-partijiet ikunu ġew debitament informati mill-qabel dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunsens biex tintuża din il-proċedura;

4.  Għandha teħtieġ li l-partijiet iħejju t-talbiet tagħhom sa grad għoli qabel ma jmorru l-qorti; flimkien ma' preklużjoni bikrija tal-possibbiltà li joħorġu fatti ġodda jew evidenza ġdida fil-qorti;

5.  Ma għandhiex tippermetti appell separat kontra d-deċiżjonijiet proċedurali;

6.  Fil-prinċipju tista' tkun proċedura bil-miktub, li tippermetti għal seduti orali meta tal-inqas wieħed mill-partijiet jitlob dan;

7.  Għandha, bħala punt tat-tluq, tapplika dati ta' skadenza qosra ħafna għall-proċedura, u dan jippermetti lill-qorti, bi qbil mal-partijiet, tapplika skadenzi itwal f'każijiet ta' kumplessità akbar;

8.  Tħeġġeġ soluzzjoni amikevoli ta' tilwim transfruntier ġewwa u barra l-qorti, inkluż permezz ta' medjazzjoni;

9.  Tinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji moderni għal raġunijiet ta' seduti orali, kumpilazzjoni ta' xhieda u notifika ta' dokumenti;

10.  L-ispejjeż tal-proċedura għandhom ikunu limitati, sabiex jiġi garantit ir-rispett tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja;

11.  Tippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza finali skont il-proċedura bl-aktar mod sempliċi u faċli għall-utent disponibbli skont id-dritt tal-Unjoni.

II.  Bidliet possibbli għar-Regolamenti Ruma I, Ruma II u Brussell Ia

Il-proposta dwar Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa tista' tiġi appoġġata bi proposta biex jiġu emendati r-Regolamenti Ruma I, Ruma II u Brussell Ia sabiex tinkiseb konnessjoni aktar b'saħħitha bejn l-għan u l-fini ta' ftehimiet u l-liġi magħżula fi ħdan l-UE, ukoll biex il-partijiet għal kuntratti purament kummerċjali jingħataw aktar awtonomija filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-partijiet aktar dgħajfa f'relazzjonijiet bejn negozji.

L-emendi għar-Regolament Ruma I jistgħu jinkludu:

1.  Il-konsiderazzjoni tat-tisħiħ tal-konnessjoni bejn il-liġi magħżula u l-kontenut, l-għan u l-fini tal-kuntratt u tal-partijiet;

2.  Il-konsiderazzjoni mill-ġdid tar-regoli applikabbli għall-validità ta' għażla tal-liġi, dan għandu jitqies taħt il-liġi prestabbilita applikabbli għall-kuntratt.

III.  Miżuri oħrajn biex tinbena kompetenza fi kwistjonijiet kummerċjali fl-Istati Membri

1.  Dawn il-proposti għandhom ikunu appoġġati ulterjorment b'azzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex tinbena kompetenza fi kwistjonijiet kummerċjali, bħal:

a)  taħriġ ta' mħallfin u avukati u ġuristi fi kwistjonijiet kummerċjali;

b)  aċċess simplifikat u mtejjeb għad-dritt tal-Unjoni u għal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, inkluża l-ġurisprudenza;

c)  aktar enfasi fuq il-liġi kummerċjali u d-dritt internazzjonali privat fl-edukazzjoni legali;

d)  riżorsi addizzjonali għar-riċerka akkademika fl-oqsma tad-dritt kummerċjali u d-dritt internazzjonali privat; u

e)  il-ħakma ta' lingwa barranija u tat-terminoloġija ġuridika tagħha.

2.  Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li l-qrati li japplikaw il-Proċedura Ċivili Ewropea Mħaffa jkollhom kompetenza speċifika fil-qasam tal-liġi kummerċjali, pereżempju billi jinnominaw jew isaħħu qrati jew kmamar kummerċjali eżistenti.

3.  Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mistiedna tistudja ulterjorment il-possibbiltà li tiġi stabbilita Qorti Kummerċjali Ewropea biex tissupplimenta l-qrati tal-Istati Membri u toffri lill-partijiet fil-kawża forum addizzjonali internazzjonali speċjalizzat fis-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali.

4.  Bħala miżura finali, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw ir-reviżjoni tal-liġijiet tagħhom applikabbli għal kwistjonijiet kummerċjali f'sitwazzjonijiet bejn negozji, peress li wieħed mill-fatturi importanti għall-għażla tal-liġi huwa l-effikaċja u l-kwalità tal-liġi kummerċjali ta' pajjiż.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali