Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2967(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0562/2018

Dibattiti :

PV 13/12/2018 - 7.1
CRE 13/12/2018 - 7.1

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.8

Testi adottati :

P8_TA(2018)0525

Testi adottati
PDF 132kWORD 52k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh
P8_TA(2018)0525RC-B8-0562/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, u b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh (2018/2967(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar l-Iran tad-29 ta' Novembru 2018 mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, il-President-Rapporteur tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, il-President tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika u r-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-tortura u t-trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-27 ta' Settembru 2018 tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u ta' Espressjoni lill-blogger Nasrin Sotoudeh fl-2012,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali, Kulturali tal-1966, li tagħhom l-Iran huwa firmatarju,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Nasrin Sotoudeh, avukata prominenti Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem, ġiet arrestata fit-13 ta' Ġunju 2018 wara li rrappreżentat mara li qed tiffaċċja priġunerija talli pprotestat b'mod paċifiku kontra l-liġi obbligatorja tal-hijab fl-Iran billi neħħietu fil-pubbliku; billi Nasrin Sotoudeh ilha fis-sezzjoni tan-nisa tal-Ħabs ta' Evin mindu ġiet arrestata u fis-26 ta' Novembru 2018 bdiet it-tielet strajk tal-ġuħ tagħha biex tipprotesta kontra r-rifjut tal-awtoritajiet Iranjani li jippermettu li Farhad Meysami jingħata trattament fi sptar;

B.  billi Nasrin Sotoudeh ġiet infurmata li hija kienet ġiet arrestata b'riżultat ta' sentenza ta' ħames snin ħabs li nħarġet kontriha in absentia fl-2015 minn imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja; billi hija ġiet akkużata bi "spjunaġġ waqt li staħbiet";

C.  billi Nasrin Sotoudeh irċeviet in absential-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2012 għax-xogħol u l-impenn tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem; billi Nasrin Sotoudeh għamlet kampanja twila u bla heda għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u diġà qattgħet diversi snin fil-ħabs minħabba l-isforzi tagħha; billi l-prosekuzzjoni tagħha u l-akkużi miġjuba kontriha juru sa liema punt serju l-ġudikatura Iranjana qed tikkriminalizza l-attiviżmu tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi Nasrin Sotoudeh f'bosta okkażjonijiet tkellmet pubblikament dwar in-nuqqasijiet tal-istat tad-dritt fl-Iran u l-inadegwatezzi fis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż; billi l-arrest ta' Nasrin Sotoudeh huwa parti minn repressjoni intensifikata kontra difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Iran; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li b'mod attiv għamlu kampanja biex isaħħu l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa sofrew fastidju, arresti u detenzjoni arbitrarji, u d-drittijiet tagħhom għal proċess ġust u dovut ġew miksura;

E.  billi f'Settembru 2018, ir-raġel tagħha, Reza Khandan, ġie arrestat waqt li kien qed jipprotesta b'mod paċifiku għall-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh, u ġie akkużat b' "tixrid ta' propaganda kontra s-sistema" u bi "promozzjoni tal-prattika li tidher fil-pubbliku mingħajr velu" fost akkużi oħra;

F.  billi fl-Iran, il-protesti tas-soċjetà ċivili kontra l-faqar, l-inflazzjoni, il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu politiku ilhom jiżdiedu u l-awtoritajiet Iranjani rreaġixxew b'repressjoni qawwija; billi s-servizz tal-intelligence Iranjan intensifika r-repressjoni tiegħu fuq il-ħaddiema tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, l-attivisti ambjentali, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-istudenti, l-għalliema, is-sewwieqa tat-trakkijiet u l-attivisti paċifiċi; billi fl-2018, l-awtoritajiet Iranjani żiedu r-repressjoni kontra dawk li kienu qed ifittxu li jeżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u bagħtu l-ħabs mijiet ta' persuni fuq akkużi ta' sigurtà nazzjonali wesgħin u bi kliem vag;

G.  billi esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU talbu lill-Iran jiggarantixxi d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-avukati li ġew arrestati talli appoġġaw pubblikament protesti kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab fl-Iran;

H.  billi r-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran tenna t-tħassib serju li kien ġie espress preċedentement mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-predeċessur tiegħu fir-rigward tal-eżekuzzjonijiet kontinwi ta' delinkwenti minorenni fl-Iran;

I.  billi fir-rapporti tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġie deskritt ksur sostanzjali tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iran, inklużi allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni kontra minoranzi reliġjużi, inklużi l-Kristjani u l-Baha'i;

J.  billi l-qrati Iranjani jonqsu milli jipprovdu proċess ekwu u ġust, b'ċaħda tal-aċċess għal konsulenti legali, b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u ċ-ċaħda ta' żjarat konsulari, tan-NU jew ta' organizzazzjonijiet umanitarji; billi s-sentenzi mill-ġudikatura Iranjana ta' spiss huma bbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' sigurtà nazzjonali u spjunaġġ;

K.  billi kien hemm diversi rapporti dwar il-kundizzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet u n-nuqqas ta' aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni bil-għan li jiġu intimiditi, ikkastigati jew sfurzati d-detenuti, bi ksur tar-regoli standard minimi tan-NU dwar it-trattament tal-priġunieri;

L.  billi fit-12 ta' April 2018, il-Kunsill estenda sat-13 ta' April 2019 il-miżuri restrittivi tiegħu b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viża għal individwi u entitajiet responsabbli minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna u ta' tagħmir għall-monitoraġġ tat-telekomunikazzjonijiet;

M.  billi l-UE u l-Iran kellhom ir-raba' laqgħa tad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli fis-26 ta' Novembru 2018 fi Brussell; billi d-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem saru bħala parti integrali mid-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iran u bħala kontinwazzjoni ta' skambji regolari li saru f'Novembru 2017 u fi Frar 2016;

N.  billi l-implimentazzjoni attwali tal-Karta tad-Drittijiet taċ-Ċittadini tkun pass 'il quddiem lejn it-titjib tad-drittijiet ċivili tal-poplu Iranjan;

1.  Jitlob lill-Gvern tal-Iran biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lil Nasrin Sotoudeh; ifaħħar lil Nasrin Sotoudeh għall-kuraġġ u l-impenn tagħha; iħeġġeġ lis-sistema ġudizzjarja tal-Iran tirrispetta l-proċess ekwu u ġust u tiżvela informazzjoni dwar l-akkużi kontra Nasrin Sotoudeh;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li t-trattament ta' Nasrin Sotoudehli waqt li tkun tinsab f'detenzjoni jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-'Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija', adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-riżoluzzjoni 43/173 tad-9 ta' Diċembru 1988; jenfasizza li l-awtoritajiet Iranjani jridu jiggarantixxu s-sikurezza u l-benessri tad-detenuti kollha waqt id-detenzjoni, inkluż permezz tal-għoti ta' kura medika adegwata; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' trattament ħażin matul id-detenzjoni u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja; jikkundanna t-tortura sistematika mwettqa fil-ħabsijiet Iranjani u jitlob li kull forma ta' tortura u trattament ħażin tal-priġunieri kollha tinġieb fi tmiemha immedjata; jistieden lill-Iran jiżgura, fil-liġi u fil-prattika, li ħadd ma jkun soġġett għal tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-dritt tal-opinjoni u tal-espressjoni; jitlob għall-ħelsien ta' dawk kollha arrestati għall-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet għal-libertà ta' għaqda, tal-opinjoni u tal-espressjoni, inkluż Reza Khandan, kif ukoll ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti ambjentali, sindakalisti, attivisti favur id-drittijiet tan-nisa u priġunieri tal-kuxjenza; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem universali tal-persuni kollha, b'mod partikolari d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni online u offline; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet ta' għaqda paċifika, u joqogħdu lura milli jużaw il-forza vjolenti fid-dispersjoni ta' assemblej mhux paċifiċi;

4.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-kampanja kontra l-kodiċi obbligatorju tal-ilbies tal-pajjiż; jikkundanna d-detenzjoni ta' nisa li neħħew il-veli tagħhom bħala parti mill-kampanja, u jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom;

5.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Iranjani li jipprotestaw biex itejbu s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u li jfittxu d-drittijiet soċjali u ekonomiċi;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-arresti ta' ċittadini doppji tal-UE u Iranjani mad-dħul tagħhom fl-Iran; jenfasizza li dawn l-arresti jfixklu l-opportunitajiet għal kuntatti bejn il-persuni, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jippermettu lill-Iranjani kollha jivvjaġġaw b'mod sikur lejn il-pajjiż tat-twelid tagħhom;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw id-dritt tal-konvenuti kollha għal konsulent legali tal-għażla tagħhom fil-kawżi kollha fil-qorti mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn, u d-dritt għal proċess ġust, f'konformità mal-impenji internazzjonali tal-Iran skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lill-Gvern Iranjan jiżgura d-drittijiet għal proċess ġust taċ-ċittadini kollha detenuti fl-Iran u jagħtihom proċess ekwu;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu l-libertà reliġjuża bi qbil mal-Kostituzzjoni Iranjana u mal-impenji internazzjonali tal-Iran, u jwaqqfu d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi kif ukoll kontra l-persuni li ma jemmnux; jikkundanna l-persekuzzjoni sistematika tal-minoranza Baha'i; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li dawk kollha li jgħixu fil-pajjiż ikollhom l-istess protezzjoni quddiem il-liġi, irrispettivament mill-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu f'kull ċirkostanza li d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr il-biża' ta' rappreżalji u ħielsa minn kull restrizzjoni, inkluża ċ-ċaħda tal-libertà, l-intimidazzjoni u l-fastidju ġudizzjarju; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu l-atti kollha ta' intimidazzjoni u ta' rappreżalji kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż biex jikkomunikaw ma' uffiċjali tal-UE u tan-NU u ma' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom b'appoġġ għar-rebbieħa tal-Premju Sakharov li jinsabu f'riskju, inklużi Nasrin Sotoudeh u oħrajn li ġew arrestati jew ikkundannati jew li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt jew proċessi manifestament inġusti f'pajjiżi terzi;

11.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jipprovdu l-appoġġ kollu xieraq lil Nasrin Sotoudeh u lil difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi żjarat fil-ħabs, monitoraġġ tal-proċessi u l-għoti ta' assistenza legali jew kwalunkwe forma oħra ta' assistenza li jistgħu jeħtieġu;

12.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-piena tal-mewt, inkluż l-użu tagħha kontra delinkwenti minorenni, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jinnota l-emendi għal-liġi dwar it-traffikar tad-droga, li għandhom inaqqsu l-impożizzjoni tal-piena kapitali;

13.  Itenni t-talba tiegħu li l-Iran japprofondixxi l-involviment tiegħu f'mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali u mekkaniżmi speċjali, fosthom billi japprova talbiet għall-aċċess għall-pajjiż min-naħa ta' detenturi ta' mandat; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn aktar mill-qrib mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Jitlob lill-UE, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pubbliku u fil-privat mal-awtoritajiet Iranjani f'fora bilaterali u multilaterali, inkluż dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bħala kundizzjoni essenzjali biex isir aktar progress fir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' djalogu formali bejn l-UE u l-Iran dwar id-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem universali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali