Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0411/2018

Testi mressqa :

A8-0411/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 25
CRE 12/12/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0531

Testi adottati
PDF 165kWORD 62k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Attivitajiet tal-Ombudsman fl-2017
P8_TA(2018)0531A8-0411/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017 (2018/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11, 15, 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 35, 37, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UN CRPD),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 220(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0411/2018),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament fit-22 ta' Mejju 2018, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentatu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fis-16 ta' Mejju 2018;

B.  billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C.  billi l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li "kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

D.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u li "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

E.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, rigward id-dritt għal amministrazzjoni tajba, jistipula fost l-oħrajn li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni";

F.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandha d-dritt li tirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

G.  billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jistipula li "fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti";

H.  billi fl-2017 l-Ombudsman fetħet 447 inkjesta, li minnhom 433 kienu bbażati fuq ilmenti u 14 kienu bbażati fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 363 inkjesta (348 ibbażati fuq ilmenti u 15 fuq inizjattiva proprja); billi ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (256 inkjesta jew 57.3 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (35 inkjesta jew 7.8 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (34 inkjesta jew 7.6 %), il-Parlament (22 inkjesta jew 4.9 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (17-il inkjesta jew 3.8 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (16-il inkjesta jew 3.6 %) u istituzzjonijiet oħra (67 inkjesta jew 15 %);

I.  billi t-tliet temi prinċipali fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2017 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti (20.6 %); il-kultura ta' servizz (16.8 %) u r-rispett għad-drittijiet proċedurali (16.5 %); billi tħassib ieħor kien jinkludi kwistjonijiet etiċi, parteċipazzjoni pubblika fid-drittijiet tal-UE għal teħid ta' deċiżjoni, l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, inkluż fil-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

J.  billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2017, l-uffiċċju tal-Ombudsman għalaq erba' inkjesti strateġiċi u fetaħ erbgħa ġodda dwar it-trasparenza tal-Kunsill; dwar il-kwistjoni ta' "bibien iduru" li tikkonċerna lill-eks Kummissarji Ewropej; dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabbiltà u dwar attivitajiet qabel is-sottomissjoni marbuta mal-valutazzjonijiet tal-mediċina mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); billi fl-2017 l-Ombudsman fetħet tmien inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħrajn, it-trasparenza fil-lobbjar tal-Kunsill Ewropew, it-titjib tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), u r-regoli ta' bibien iduru fid-diversi istituzzjonijiet u korpi tal-UE, u għalqet sitt inizjattivi strateġiċi;

K.  billi l-UE għadha qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu twaqqfet; billi l-approċċ ineffettiv adottat mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-indirizzar tan-nuqqas ta' trasparenza kemm fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kif ukoll fl-attivitajiet ta' lobbjar, minbarra kwistjonijiet etiċi sinifikanti oħra fi ħdan l-istituzzjonijiet, qed jikkontribwixxu biex ikomplu jdgħajfu l-perċezzjoni tal-UE;

L.  billi r-rifjut ta' aċċess għal dokumenti tal-UE u kwistjonijiet ta' trasparenza relatati baqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tal-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew fl-2017;

M.  billi minħabba l-fatt li ta' spiss it-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti jkunu ta' natura sensittiva għall-ħin, l-Ombudsman nediet fażi ta' prova għal proċedura rapida;

N.  billi l-Ombudsman għandha rwol kruċjali fir-rigward tal-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza u l-imparzjalità massima tal-amministrazzjoni tal-UE u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex tipproteġi b'suċċess id-drittijiet taċ-ċittadini, b'hekk iżżid il-fiduċja, l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

O.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stipulat li l-prinċipji tal-pubbliċità u tat-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE, u li l-effettività u l-integrità tal-proċess leġiżlattiv ma jistgħux idgħajfu l-prinċipji tal-pubbliċità u tat-trasparenza li fuqhom huwa bbażat dak il-proċess; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat gwida ċara dwar din il-kwistjoni, bħal fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Marzu 2018 dwar il-kawża T-540/15;

P.  billi l-Ombudsman wettqet inkjesta bbażata fuq ilmenti ta' sena sħiħa dwar is-sħubija tal-President tal-BĊE fil-Grupp ta' 30 (G30), organizzazzjoni privata li l-membri tagħha jinkludu rappreżentanti ta' banek sorveljati direttament jew indirettament mill-BĊE; billi l-Ombudsman irrakkomandat li l-President tal-BĊE jissospendi s-sħubija tiegħu tal-G30;

Q.  billi l-Ombudsman eżaminat l-ilmenti dwar l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-impjieg wara l-mandat tal-eks Kummissarji tagħha; billi l-Ombudsman kienet diġà sabet li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni speċifika dwar il-każ tal-eks President tal-Kummissjoni Barroso wassal għal amministrazzjoni ħażina; billi dwar il-każ ta' Barroso, il-Kumitat tal-Etika kkonkluda li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti biex jiġi stabbilit ksur tal-obbligi legali, wara li tqieset id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-eks President li hu ma kienx involut fil-lobbjar f'isem Goldman Sachs u li ma kellux l-intenzjoni li jagħmel dan;

R.  billi l-kriżi finanzjarja ġabet kriżi ekonomika u soċjali, li poġġiet dubju fuq l-istituzzjonijiet Ewropej;

S.  billi fil-25 ta' Ottubru 2017 saret laqgħa bejn l-eks President tal-Kummissjoni Barroso u l-Viċi President attwali tal-Kummissjoni, li ġiet irreġistrata bħala laqgħa uffiċjali ma' Goldman Sachs; billi l-Ombudsman innotat li n-natura preċiża ta' din il-laqgħa ma kinitx ċara; billi l-Ombudsman enfasizzat li hemm tħassib komprensibbli li l-eks President qed juża l-istatus li kellu u l-kuntatti tiegħu mal-eks kollegi biex jinfluwenza u jikseb informazzjoni; billi dan il-każ iqajjem kwistjonijiet sistematiċi dwar l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni lejn l-immaniġġjar ta' tali każijiet u l-grad ta' indipendenza tal-Kumitat tal-Etika; tenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, għal regoli aktar b'saħħithom fil-livell tal-UE biex jipprevjenu u jissanzjonaw il-kunflitti kollha ta' interess fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE;

T.  billi f'Marzu 2017 l-Ombudsman fetħet inkjesta strateġika dwar l-aċċess miftuħ u l-obbligu ta' rendikont tal-Kunsill; billi l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fin-nuqqas tal-Kunsill li jirreġistra l-identitajiet tal-Istati Membri li jieħdu pożizzjoni fi proċedura leġiżlattiva u fin-nuqqas ta' trasparenza mill-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu; bħall-prattika ta' mmarkar ta' dokumenti b'mod mhux proporzjonat bħala "LIMITE", jiġifieri, mhux għaċ-ċirkolazzjoni; billi fis-17 ta' Mejju 2018, l-Ombudsman ippreżentat rapport speċjali lill-Parlament dwar l-inkjesta strateġika tagħha biex ittejjeb l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill;

U.  billi aktar ftuħ dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet nazzjonali jista' jservi biex inaqqas il-fenomenu ta' "tort ta' Brussell", li jirrappreżenta b'mod ħażin ir-realtà ta' kif jintlaħaq qbil dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jipprovoka l-Ewroxettiċiżmu u s-sentiment kontra l-UE;

V.  billi l-Ombudsman eżaminat in-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-UE u internazzjonali tal-politika ta' trasparenza tal-BEI dwar l-aċċess għad-dokumenti;

W.  billi l-prevenzjoni b'mod xieraq tal-kunflitti ta' interess fi ħdan l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE hija parti essenzjali sabiex tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba u tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess tat-t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; billi l-Ombudsman nediet inkjesta strateġika dwar kif il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess għall-konsulenti speċjali tagħha, li spiss jaħdmu b'mod simultanju għas-settur privat;

X.  billi l-Ombudsman eżaminat l-ilmenti taċ-ċittadini li jiddenunzjaw in-nuqqas tal-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni f'waqtha dwar il-każijiet ta' ksur li jikkonċernaw l-abbuż ta' kuntratti ta' xogħol b'terminu fiss; billi, matul is-snin, diversi Stati Membri esperjenzaw żieda sinifikanti fil-kuntratti ta' impjieg atipiċi u temporanji, li qajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tad-dritt Ewropew tax-xogħol u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Y.  billi għall-finijiet tad-deċiżjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u mas-sigurtà tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti, fl-attitudni tagħhom, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-uffiċċji tal-UE għandhom ikunu speċjalment iffukati fuq iċ-ċittadini u orjentati lejn is-servizz, u għandhom jindirizzaw kif xieraq it-tħassib tal-pubbliku dwar trasparenza sħiħa, indipendenza u preċiżjoni fil-ġbir u l-evalwazzjoni tal-evidenza xjentifika; billi l-evidenza u l-proċeduri xjentifiċi użati fil-livell tal-UE li wasslu għall-awtorizzazzjonijiet ta', inter alia, organiżmi ġenetikament modifikati, pestiċidi u glifosat ħolqu kritika sinifikanti u taw bidu għal dibattitu pubbliku wiesa';

Z.  billi l-Kummissjoni għad trid timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar in-negozjati tagħha mal-industrija tat-tabakk, u b'hekk qiegħda tonqos milli tiżgura trasparenza sħiħa f'konformità mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-WHO (WHO FCTC);

AA.  billi l-Ombudsman ippubblikat rakkomandazzjonijiet ċari u prattiċi dwar kif l-uffiċjali pubbliċi għandhom jinteraġixxu mal-lobbisti, u għamlet sforzi biex iżżid l-għarfien dwar dawn fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni;

AB.  billi l-Ombudsman tagħmel parti mill-qafas tal-UE skont il-UN CRPD inkarigata mill-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

AC.  billi l-Ombudsman wettqet inkjesta dwar kif Martin Selmayr, il-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kummissjoni ta' dak iż-żmien, inħatar bħala Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni; billi l-Ombudsman enfasizzat li l-Kummissjoni ħolqot sens ta' urġenza artifiċjali biex timla l-kariga ta' Segretarju Ġenerali sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ppubblikatx avviż ta' post battal u organizzat proċedura tal-għażla għal Deputat Segretarju Ġenerali, mhux biex timla dak ir-rwol direttament, iżda biex tagħmel lis-Sur Selmayr Segretarju Ġenerali f'ħatra rapida b'żewġ stadji; billi l-Ombudsman sabet erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fil-ħatra tas-Sur Selmayr minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li ssegwi r-regoli rilevanti b'mod korrett sew fl-ittra kif ukoll fl-ispirtu;

AD.  billi l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew tikkomplementa perfettament il-ħidma tal-kontropartijiet nazzjonali u reġjonali tagħha; billi l-iskambju u l-koordinazzjoni tal-ħidma tagħhom fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, taħt l-awspiċji tal-Ombudsman Ewropew, huma parti pożittiva ħafna tal-isforzi biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE jgawdu mid-dritt għal amministrazzjoni tajba fil-livelli kollha;

AE.  billi l-istatut attwali tal-Ombudsman Ewropew ġie aġġornat riċentement qabel daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; billi minn dakinhar, ħarġu aspettattivi ġodda fost iċ-ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni tajba u r-rwol li għandha l-Ombudsman biex tiżguraha, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, żvelar ta' informazzjoni protetta u fastidju, u li tiżgura li l-Kummissjoni timmaniġġja l-ammissibbiltà tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej b'mod ġust u imparzjali;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2017 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; jieħu nota tal-istil tal-preżentazzjoni li hija ċara u tista' tinqara faċilment, billi jenfasizza l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman fl-2017;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li din toffri liċ-ċittadini; jafferma mill-ġdid l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-azzjonijiet imwettqa mill-Ombudsman għaċ-ċittadini u d-demokrazija Ewropea;

3.  Jilqa' l-istrateġija tal-Ombudsman mifruxa fuq perjodu ta' ħames snin "Lejn l-2019" li għandha l-għan li żżid l-impatt u l-viżibbiltà tal-uffiċċju tagħha u tibni relazzjonijiet b'saħħithom mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tal-UE, għall-benefiċċju akbar taċ-ċittadini;

4.  Jinnota bi tħassib kbir li l-inkjesti relatati mat-trasparenza u mal-obbligu ta' rendikont, inkluż dwar l-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti, baqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet immaniġġjati mill-Ombudsman fl-2017, segwiti minn ilmenti relatati mal-aġenziji u korpi oħra tal-UE;

5.  Jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman li tippreżenta lill-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE bil-Premju għal Amministrazzjoni Tajba 2017, b'mod partikolari dak għad-DĠ Saħħa tal-Kummissjoni għall-isforzi tagħhom f'isem il-pazjenti b'mard rari;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' trasparenza massima u aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-ħidma strutturali tal-Ombudsman fl-iżvelar ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina billi tadotta approċċ ta' każ b'każ u tniedi għadd dejjem jikber ta' inkjesti fuq inizjattiva proprja;

7.  Huwa grat għall-kooperazzjoni tajba tal-Ombudsman u t-tim tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li ġiet ikkaratterizzata minn rispett u attenzjoni għad-dettall;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti għandha tiġi aġġornata; itenni t-talba tiegħu biex ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(2) jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat ukoll ix-xogħol tal-Ombudsman fl-eżaminazzjoni tal-għoti ta' aċċess għad-dokumenti mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; jilqa' l-introduzzjoni tal-Ombudsman tal-proċedura rapida għall-ilmenti sabiex tittratta l-inkjesti dwar l-aċċess għad-dokumenti;

9.  Jenfasizza li ċ-ċittadini jeħtiġilhom ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar direttament fil-ħajja demokratika tal-UE u jsegwu l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE fid-dettall, u jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti sabiex jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom;

10.  Jisħaq ir-rwol tal-Ombudsman fil-ħidma tagħha biex tikseb trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar fil-proċess leġiżlattiv tal-UE biex iżżid il-fiduċja taċ-ċittadini, fir-rigward mhux biss tal-legalità ta' att iżolat, iżda wkoll tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet kollu kemm hu;

11.  Jitlob reviżjoni tal-linji gwida interni tal-Kunsill dwar dokumenti LIMITE, li m'għandhom l-ebda bażi legali solida, sabiex jiġi appoġġjat il-prinċipju li skontu l-istatus LIMITE jista' jingħata biss lil abbozz preliminari li għad m'għandux awtur u li m'għandu l-ebda impatt fuq il-proċedura leġiżlattiva;

12.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal trasparenza massima fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u jfaħħar l-inkjesta tal-Ombudsman dwar il-prattika normali ta' negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (it-trilogi); jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti ta' trilogu kollha skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jemmen bis-sħiħ li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar il-Politika ta' Trasparenza tal-BEI jridu jiġu implimentati mingħajr aktar dewmien; ifakkar li din il-politika hija bbażata fuq preżunzjoni ta' żvelar u li taħt din il-politika kulħadd jista' jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni tal-BEI;

14.  Jitlob li l-politika tad-divulgazzjoni tal-Grupp tal-BEI tiżgura livell dejjem ogħla ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji li jirregolaw il-politika tal-ipprezzar u l-korpi ta' governanza tiegħu; jitlob li jiġu ppubblikati l-minuti tal-laqgħat tal-kumitat ta' ġestjoni tal-Grupp tal-BEI;

15.  Jenfasizza li l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv tal-UE jridu jiġu rreġistrati u jsiru kwistjoni ta' għarfien pubbliku f'ħin opportun u b'mod aċċessibbli, bħal fi kwalunkwe sistema msejsa fil-prinċipju ta' leġittimità demokratika, il-koleġiżlaturi jeħtiġilhom jinżammu responsabbli mill-pubbliku għall-azzjonijiet tagħhom; jemmen li obbligu ta' rendikont akbar fil-Kunsill dwar pożizzjonijiet li jittieħdu mill-gvernijiet nazzjonali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż li d-dokumenti leġiżlattivi jsiru aċċessibbli b'mod proattiv għall-pubbliku waqt li jkun għaddej il-proċess leġiżlattiv, jgħin biex jindirizza n-nuqqas ta' trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jneħħi l-kultura ta' "tort ta' Brussell" għal deċiżjonijiet li finalment jittieħdu mill-gvernijiet nazzjonali nfushom; jeżiġi li l-Kunsill, skont l-Artikolu 15(3) tat-TFUE, jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu sabiex jiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza fil-ħidma tiegħu;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura trasparenza massima u aċċess għal dokumenti u informazzjoni, f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri tal-EU Pilot, tal-inqas fir-rigward tal-petizzjonijiet irċevuti, u mat-trasparenza sħiħa u mal-aċċess sħiħ għall-EU Pilot u ta' proċeduri ta' ksur li diġà spiċċaw;

17.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riforma tal-Kummissjoni tas-sistema tal-gruppi ta' esperti sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-regoli legalment vinkolanti u trasparenza massima fit-twettiq tal-attivitajiet tal-gruppi ta' esperti kollha, u tinvestiga u tirrapporta kwalunkwe kunflitt ta' interessi possibbli; jemmen li hija meħtieġa valutazzjoni b'attenzjoni u informazzjoni dwar il-gruppi ta' esperti kollha sabiex jiġi mifhum il-grad ta' indipendenza tagħhom, bl-għan li jservu l-interess pubbliku u jagħtu valur miżjud lit-tfassil ta' politika tal-UE; jemmen li l-membri kollha tal-gruppi ta' esperti jeħtiġilhom ikunu fuq ir-reġistru ta' trasparenza;

18.  Itenni t-talba tiegħu għal ċentru ta' trasparenza ċentrali għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

19.  Jappoġġja l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE; jisħaq l-importanza tal-adozzjoni ta' att leġiżlattiv xieraq sabiex ir-reġistru ta' trasparenza tal-UE jsir obbligatorju u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess kollha tal-UE, b'hekk tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-lobbjar;

20.  Jisħaq l-importanza li jkun hemm aġġornament regolari u titjib kbir fil-preċiżjoni tad-data fir-reġistru ta' trasparenza tal-UE, inkluż l-obbligu għall-kumpaniji legali li jillobbjaw biex jiddikjaraw il-klijenti kollha tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-informazzjoni kollha dwar l-influwenza tal-lobbisti ssir disponibbli mingħajr ħlas, tkun kompletament komprensibbli u tkun aċċessibbli faċilment għall-pubbliku; jemmen li trid tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-finanzjament tar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess kollha; jitlob li kwalunkwe organizzazzjoni li tikser ir-regoli ta' bibien iduru tiġi sospiża mir-reġistru ta' trasparenza;

21.  Jenfasizza s-sejbiet tal-Ombudsman li s-sħubija kontinwa tal-President tal-BĊE tal-G30 kienet tinkludi amministrazzjoni ħażina peress li tat bidu għal perċezzjoni pubblika li l-indipendenza tal-BĊE minn interessi finanzjarji privati tista' tiġi kompromessa; jisħaq li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-BĊE għandhom jastjenu milli jkunu membri wkoll ta' fora jew organizzazzjonijiet oħra li jinkludu eżekuttivi minn banek sorveljati mill-BĊE; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-15 ta' Jannar 2018 dwar l-involviment tal-President tal-BĊE u l-membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu fil-G30 u jħeġġeġ lill-BĊE biex jemenda r-regoli rilevanti sabiex jiżgura li jiġu implimentati fil-prattika l-ogħla standards etiċi u ta' obbligu ta' rendikont;

22.  Jemmen li l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-etika u l-istat tad-dritt fil-proċedura li użat biex taħtar lil Martin Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tagħha; jiddispjaċih bil-qawwa dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma lis-Sur Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tagħha, filwaqt li injorat il-kritika estensiva u wiesgħa miċ-ċittadini tal-UE u l-ħsara għar-reputazzjoni li ġiet ikkawżata lill-UE kollha kemm hi; jenfasizza li s-Sur Selmayr jeħtieġlu jirriżenja bħala Segretarju Ġenerali u jistieden lill-Kummissjoni tadotta proċedura ġdida biex taħtar is-Segretarju Ġenerali tagħha, filwaqt li tiżgura li jinżammu l-ogħla standards ta' trasparenza, etika u l-istat tad-dritt;

23.  Jistieden lill-Ombudsman biex tkompli l-ħidma tagħha dwar it-tisħiħ tar-regoli etiċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex issolvi l-kwistjoni ta' bibien iduru u biex tiggarantixxi trasparenza sħiħa dwar l-informazzjoni kollha relatata ma' każijiet bħal dawn, inkluża l-pubblikazzjoni immedjata tal-ismijiet ta' dawk l-uffiċjali anzjani kollha tal-UE involuti; jistenna b'interess l-analiżi tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni qiegħda timplimenta l-linji gwida u s-suġġerimenti tagħha dwar kif se ttejjeb l-immaniġġjar tas-sitwazzjonijiet ta' bibien iduru, inkluż il-possibbiltà li tadotta regoli leġiżlattivi biex tipprevjeni u tissanzjona tali sitwazzjonijiet u abbużi possibbli;

24.  Jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li jiġu applikati immedjatament regoli u standards morali u etiċi aktar stretti, ċari u li jiġu applikati b'mod faċli fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett għad-dmir tal-integrità u ta' diskrezzjoni, u li jiġi evitat kunflitt ta' interessi mas-settur privat; iqis li dawn ir-regoli u standards iridu jkunu bbażati fuq att leġiżlattiv; jieħu nota tal-kodiċi tal-kondotta aġġornat għall-Kummissarji, li daħal fis-seħħ fi Frar 2018 u introduċa perjodi ta' rtirar aktar stretti; jikkunsidra, madankollu, li l-perjodi ta' notifika ta' wara t-tmiem tal-mandat għandhom jiżdiedu;

25.  Jisħaq il-ħtieġa urġenti biex il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba eżistenti jiġi aġġornat effettivament, billi jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

26.  Jemmen li l-laqgħa bejn l-eks President tal-Kummissjoni Barroso u l-Viċi President attwali tal-Kummissjoni, li ġiet irreġistrata bħala laqgħa uffiċjali ma' Goldman Sachs, kompliet turi l-ħtieġa urġenti li jiġu riveduti r-regoli u l-prattiki attwali sabiex jissaħħu r-rekwiżiti ta' integrità għall-Kummissarji kemm waqt kif ukoll wara l-mandati tagħhom;

27.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi pubblikazzjoni proattiva u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-impjiegi ta' eks Kummissarji wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Kumitat tal-Etika jkun kompletament indipendenti u responsabbli u jħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli tivvaluta u tirrapporta dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli tal-membri tal-Kumitat tal-Etika;

28.  Jifraħ lill-Ombudsman dwar l-inkjesta strateġika tagħha dwar it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill (OI/2/2017/TE), iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-Kunsill li jwieġeb għas-sejbiet fi ħdan l-iskadenza; jinnota li dan, sfortunatament, huwa suġġett rikorrenti li jintwera b'mod kostanti anke mill-ilmenti mressqa lill-Ombudsman; jemmen, barra minn hekk, li dan għandu jitqies ta' importanza kbira għall-ħajja demokratika tal-Unjoni u l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini fil-kontinent kollu, peress li qiegħed ixekkel l-issodisfar tat-trattati kostituzzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jinnota, b'rabta ma' dan, is-sejbiet tal-Ombudsman f'każ reċenti (1272/2017/LP – ir-rifjut tal-Kunsill li jingħata aċċess pubbliku għall-opinjoni tas-Servizz Legali tiegħu fir-rigward ta' ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza), li ssuġġerew li l-kwistjoni qed thedded il-prinċipju ta' bilanċ istituzzjonali u qed tikser il-prattika essenzjali ta' kooperazzjoni sinċiera reċiproka; jindika li huwa impossibbli jitwettqu l-verifiki ex post fuq bażi ad hoc wara li tiġi rrifjutata talba;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat titjib kbir dwar ir-regoli ta' kunflitt ta' interess għal konsulenti speċjali; jistieden speċifikament lill-Kummissjoni biex timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dan ir-rigward, billi tadotta trasparenza massima u approċċ proattiv għall-valutazzjoni tagħha ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali qabel u wara l-ħatra ta' konsulenti speċjali, u biex tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni rilevanti kollha;

30.  Ifaħħar l-interess kostanti tal-Ombudsman fi kwistjonijiet rilevanti għall-persunal tal-istituzzjonijiet u jenfasizza l-importanza li titnaqqas kwalunkwe diskriminazzjoni li tista' tirriżulta minn status differenzjat; itenni l-importanza tas-sejbiet tal-Ombudsman dwar traineeships mhux imħallsa fid-delegazzjonijiet tal-UE tas-SEAE (kawża 454/2014/PMC) u r-rakkomandazzjoni li s-SEAE għandu jħallas lit-trainees tiegħu ammont xieraq skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; Jiddeplora l-fatt li istituzzjonijiet oħra tal-UE jsegwu l-istess prattika ħażina ta' traineeships mhux imħallsa, li ma joffrix opportunitajiet ġusti liż-żgħażagħ jew joffri xogħol daqs dak ta' impjegat, li jħalli lill-professjonisti żgħażagħ esklużi minn nuqqas ta' fondi suffiċjenti li bihom isostnu ruħhom u li jiġu remunerati b'mod inadegwat għas-servizzi tagħhom; jindika li n-nuqqasijiet fl-istatus tat-trainees jidhru f'oqsma oħra, jiġifieri nuqqas ta' mekkaniżmi għar-rappurtar ta' fastidju sesswali fl-aġenziji tal-Unjoni; jitlob għalhekk lill-Ombudsman, sabiex tiftaħ inkjesta strateġika ġenerali dwar l-istatus tat-trainees;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel xogħolha kompletament trasparenti billi tippubblika online data dwar il-laqgħat kollha tagħha mal-lobbisti tat-tabakk jew ir-rappreżentanti legali tagħhom u l-minuti kollha tagħhom, f'konformità mal-obbligi tagħha skont il-WHO FCTC;

32.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE dwar l-interazzjonijiet tagħhom mar-rappreżentanti interessati, u biex tkompli iżżid l-għarfien dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fost il-membri tal-persunal tal-UE fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, permezz ta' taħriġ edukattiv, seminars u miżuri ta' appoġġ relatati;

33.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-dewmien akkumulat mill-Kummissjoni b'rabta mal-proċeduri ta' ksur dwar l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, li serva għall-abbuż u l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri; jistieden lill-Ombudsman biex timmonitorja din il-kwistjoni sabiex tissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini b'mod effettiv;

34.  Jappoġġja r-rwol tal-Ombudsman fit-tiswir ta' politika proattiva u trasparenti fl-aġenziji kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli timmonitorja l-aġenziji kollha tal-UE sabiex tiżgura li dawn jissodisfaw l-ogħla standards ta' trasparenza u jipprovdu aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-informazzjoni, b'fokus partikolari fuq il-proċeduri u l-attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

35.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tniedi inkjesta strateġika sabiex tivvaluta jekk l-Istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-EMA, jiżgurawx li l-ġbir, l-eżaminazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' evidenza xjentifika humiex kompletament indipendenti, trasparenti, imparzjali, preċiżi u ħielsa mill-kunflitt ta' interessi, u jekk hemmx fis-seħħ il-politiki u l-proċeduri ta' salvagwardja xierqa, l-aktar meta jiġu indirizzati l-organiżmi modifikati ġenetikament, il-glifosat, il-pestiċidi, il-prodotti u l-mediċini fitosanitarji u bijoċidali; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward, li jkomplu jiġu investigati l-kompożizzjoni u l-proċeduri tal-għażla tal-kumitati u l-bords ta' dawn l-aġenziji, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kompletament indipendenti u sabiex jitqiegħdu fis-seħħ l-aktar mekkaniżmi stretti li jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli;

36.  Jilqa' l-inkjesti strateġiċi tal-Ombudsman dwar il-kura tal-persuni b'diżabbiltajiet skont ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Kummissjoni u dwar l-aċċessibbiltà tal-paġni web u l-għodod online tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabbiltajiet; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tagħmel l-almu tagħha bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-UN CRPD mill-amministrazzjoni tal-UE;

37.  Jilqa' l-impenn tal-Ombudsman għall-ftuħ u t-trasparenza matul in-negozjati tal-Brexit; jissottolinja r-rispons pożittiv li rċeviet l-Ombudsman kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza; jistieden lill-gvern tar-Renju Unit sabiex jikkomplementa dan l-impenn;

38.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

39.  Jistieden lin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen biex juri viġilanza akbar meta jimmonitorja li l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu immedjatament fuq każijiet ta' brutalità tal-pulizija, razziżmu u anti-Semitiżmu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika;

40.  Jitlob li jiġu allokati riżorsi ekonomiċi u umani akbar lill-uffiċċju tal-Ombudsman sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-ammont ta' xogħol attwali u futur, bl-għan li jinżamm id-dover kruċjali tiegħu li jżid il-prattiki ta' amministrazzjoni tajba fl-UE, servizz ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

41.  Jilqa' l-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen tad-19 ta’ Ġunju 2017, li ġiet iddedikata għall-konsegwenzi negattivi għad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw minn Brexit u minn żieda fil-populiżmu fl-Ewropa;

42.  Jilqa' l-Premju tal-Ombudsman għal Amministrazzjoni Tajba, li jirrikonoxxi l-isforzi tas-servizz ċivili tal-UE biex jinstabu mezzi innovattivi ta' kif għandhom jiġu implimentati politiki favur iċ-ċittadini;

43.  Itenni r-rieda tiegħu li jaġġorna l-istatut tal-Ombudsman Ewropew(3), u kwalunkwe parti tal-acquis relatata, sabiex ir-rwol tiegħu jitfassal għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi attwali taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba;

44.  Jisħaq il-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu soċjali;

45.  Jisħaq li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet hija tal-akbar importanza fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi attwali;

46.  Jisħaq il-ħtieġa li l-Ombudsman tinvestiga l-kunflitt ta' interess bejn ir-rwol tal-Kummissjoni fit-Trojka u r-responsabbiltà tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u tal-acquis;

47.  Jistieden lill-Ombudsman biex tiżgura li l-Kummissjoni se tgħin biex toħloq infrastruttura għall-ECI, billi tipprovdi pariri legali u qafas legali li jipproteġi lill-membri tagħha;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-korpi kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(3) Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-22 ta' April 2008 li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 116).

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali