Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 13 ta' Ġunju 2018 - StrasburguVerżjoni finali
Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***
 Proċedimenti ta' insolvenza: annessi aġġornati għar-Regolament ***I
 Ftehim bejn l-UE-Iżlanda dwar regoli supplementari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***
 Ftehim bejn l-UE-Żvizzera dwar regoli supplimentari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***
 L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija *
 Il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari
 Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna ***I
 Negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì
 Relazzjonijiet UE-NATO
 Ċiberdifiża

Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***
PDF 120kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (00007/2018 – C8-0216/2018 – 2017/0900(NLE))
P8_TA(2018)0249A8-0207/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (00007/2018),

—  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (C8-0216/2018),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew annessa magħha(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0207/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0029.


Proċedimenti ta' insolvenza: annessi aġġornati għar-Regolament ***I
PDF 336kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Anness A għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza (COM(2017)0422 – C8-0238/2017 – 2017/0189(COD))
P8_TA(2018)0250A8-0174/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0422),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0238/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Mejju 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0174/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissostitwixxi l-Annessi A u B għar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta' insolvenza

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/946).


Ftehim bejn l-UE-Iżlanda dwar regoli supplementari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***
PDF 250kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (09228/2017 – C8-0101/2018 – 2017/0088(NLE))
P8_TA(2018)0251A8-0196/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09228/2017),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (09253/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0101/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0196/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Iżlanda.


Ftehim bejn l-UE-Żvizzera dwar regoli supplimentari għall-fruntieri esterni u l-viżas għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ***
PDF 251kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (06222/2018 – C8-0119/2018 – 2018/0032(NLE))
P8_TA(2018)0252A8-0195/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06222/2018),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (06223/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0119/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0195/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.


L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija *
PDF 245kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (15820/1/2017 – C8-0017/2018 – 2018/0802(CNS))
P8_TA(2018)0253A8-0192/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (15820/1/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0017/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0192/2018),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari
PDF 392kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari (2017/2211(INI))
P8_TA(2018)0254A8-0184/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 11, 174 sa 178, 191 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, fi Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 7: li "jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd" u l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari" (COM(2017)0034),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (COM(2017)0033),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju" (COM(2014)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni" (C(2012)4701),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Integration of environmental concerns in Cohesion Policy Funds (ERDF, ESF, CF) – Results, evolution and trends through three programming periods (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)" (L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (FEŻR, FSE, FK) – Riżultati, evoluzzjoni u xejriet matul tliet perjodi ta' programmazzjoni (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs(12),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gżejjer Intelliġenti tat-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0184/2018),

A.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari ma' kwistjonijiet lokali u reġjonali u huma atturi ewlenin għal implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni, huma wkoll fuq quddiem tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; billi l-mudell ta' governanza Ewropea f'diversi livelli, li huwa mibni fuq kooperazzjoni attiva u kostruttiva bejn il-livelli differenti ta' governanza u l-partijiet ikkonċernati, flimkien ma' informazzjoni adegwata u involviment attiv taċ-ċittadini, huwa kruċjali għall-kisba ta' din il-bidla;

B.  billi l-bliet jirrappreżentaw biss 3 % tas-superfiċje tad-dinja iżda jilqgħu fihom aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja, jikkonsmaw aktar minn 75 % tar-riżorsi globali, u jipproduċu 60-80 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u billi sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni globali hija mistennija li tiċċaqlaq lejn il-bliet;

C.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ċirkolari hija kemm opportunità tajba kif ukoll sfida għall-UE, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tagħha, biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u tiġi ggwidata lejn direzzjoni aktar sostenibbli; billi din hija, b'mod partikolari, opportunità għar-reġjuni Ewropej kollha u l-awtoritajiet lokali, li huma l-livell governattiv l-eqreb tal-komunitajiet lokali; billi ġġib magħha possibbiltajiet għall-iżvilupp u t-tkabbir fir-reġjuni Ewropej u tista' tgħinhom jibnu mudell sostenibbli li jikseb żvilupp ekonomiku, jittrasforma setturi eżistenti, itejjeb il-bilanċi kummerċjali u l-kompetittività industrijali bi produttività mtejba, joħloq impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u mħallsin tajjeb u joħloq ktajjen ta' valur ġodda;

D.  billi madwar 60 % tal-iskart tal-UE fil-preżent mhuwiex riċiklat u billi l-esplorazzjoni u l-introduzzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda jistgħu joħolqu kost-benefiċċji kbar u opportunitajiet ta' negozju għall-benefiċċju tal-SMEs tal-UE;

E.  billi l-ilħuq tal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedu bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari u huwa kontribut vitali għall-iżvilupp ta' mudell ekonomiku li għandu bħala l-għan tiegħu, mhux biss il-profitt, iżda anke l-protezzjoni tal-ambjent;

F.  billi l-politika ta' koeżjoni toffri mhux biss opportunitajiet ta' investiment b'reazzjoni għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), iżda toffri wkoll qafas ta' politika integrat biex jitnaqqsu d-disparitajiet tal-iżvilupp bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħafna sfidi għall-iżvilupp tagħhom, inkluż permezz tal-appoġġ għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni territorjali u l-bini ta' kapaċità, u anke biex jiġi attirat u promoss l-investiment privat;

G.  billi l-qafas leġiżlattiv kurrenti għall-politika ta' koeżjoni ma jsemmix it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala objettiv, u billi l-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju orizzontali għall-użu tal-Fondi SIE, kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll fil-Qafas Strateġiku Komuni (Anness I) li jippermettu t-tisħiħ tar-rabta bejn l-istrumenti eżistenti bħala appoġġ tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari;

H.  billi ħafna mill-objettivi tematiċi stabbiliti għall-Fondi SIE li jridu jikkonformaw mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll il-kundizzjonalitajiet ex ante relatati, huma rilevanti għall-objettivi ta' ekonomija ċirkolari;

I.  billi l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għamilha obbligatorja li l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Fondi SIE jkunu konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali relatat mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż speċjalment id-dritt ambjentali;

J.  billi wieħed mill-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari huwa li jitnaqqas l-iskart li jintbagħat fil-landfills u billi l-iżgurar u r-riabilitazzjoni ta' landfills legali u illegali fl-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala prijorità assoluta;

K.  billi ċ-Ċina pprojbiet, mill-1 ta' Jannar 2018, l-importazzjonijiet ta' fdal tal-plastik u ta' skart tal-karti mhux isseparat, u billi din il-projbizzjoni se toħloq sfidi ta' riċiklaġġ għall-Unjoni, li se jinħtieġ li jiġu ttrattati fil-livelli reġjonali u lokali;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

1.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ekonomija ċirkolari permezz ta' politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jużaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-appoġġ tal-UE għall-perjodu 2014-2020 għall-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-protezzjoni ambjentali jammonta għal EUR 150 biljun u ħafna minn dawn l-oqsma qed jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari;

3.  Jinnota li l-analiżi dwar ir-riżultat tan-negozjati rigward il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti wriet li l-FSE ntuża biex jappoġġja azzjonijiet biex jiġu introdotti mudelli ta' organizzazzjoni tax-xogħol aktar ekoloġiċi u azzjonijiet fis-settur ekoloġiku;

4.  Jinnota, madankollu, li kif issottolinjat fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni, il-qafas ta' politika kurrenti ma jippermettix li jiġi kopert il-kontribut sħiħ tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari; jinnota l-fatt, f'dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kategoriji tal-"Qasam ta' Intervent" eżistenti użati għall-allokazzjonijiet finanzjarji ma tkoprix l-ekonomija ċirkolari bħala tali;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri ppjanati tal-ekonomija ċirkolari u tosserva prattiki regolatorji tajbin, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati l-miżuri ta' implimentazzjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat l-impenn tal-Kummissjoni għal qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari(13) bil-għan li jiżdied u jiġi evalwat il-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni straordinarja biex tirranġa ż-żoni użati għar-rimi illegali u r-rimi ta' skart perikoluż fil-landfills, li qed jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati;

8.  Jissottolinja r-rwol tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 u tal-Programm LIFE 2014-2020 biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi u jappoġġjaw it-tnaqqis tal-iskart, il-proġetti ta' riċiklaġġ u l-proġetti ta' użu mill-ġdid li jkunu rilevanti għall-ekonomija ċirkolari;

9.  Japprezza li diversi reġjuni użaw l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom biex jistabbilixxu prijoritajiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u jiggwidaw l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni lejn dan l-objettiv, filwaqt li jwettqu rwol fundamentali biex jappoġġjaw l-investimenti u l-infrastruttura li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-SMEs; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jużaw din il-prattika tajba bħala modus operandi komuni u jimplimentaw dawn l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

10.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-SMEs, kif ukoll il-Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju tal-Ekonomija Ċirkolari;

11.  Itenni l-fehma tiegħu li l-ekonomija ċirkolari tmur lil hinn mill-ġestjoni tal-iskart u tinkludi oqsma bħalma huma l-impjiegi ekoloġiċi; l-enerġija rinnovabbli; l-użu effiċjenti tar-riżorsi; il-bijoekonomija; il-politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd, bl-industriji b'bażi bijoloġika tagħhom maħsuba biex jieħdu post il-fjuwils fossili; il-ġestjoni tal-ilma; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; il-ħela tal-ikel; l-iskart fil-baħar; it-titjib tal-kwalità tal-arja; ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'oqsma relatati; jirrikonoxxi, madanakollu, li l-infrastruttura tal-iskart hija element kruċjali għat-tnaqqis ta' xejriet lineari ta' produzzjoni u ta' konsum u li hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-ekodisinn sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' skart tal-plastik;

12.  Ifakkar li l-problema bażika li trid tiġi solvuta l-ewwel hija s-suq tal-materja prima sekondarja, peress li jekk l-ispiża tal-materja prima tkun inqas minn dik tal-materja riċiklata, huwa ċar li l-ispinta lejn l-ekonomija ekoloġika tonqos b'mod konsiderevoli u li l-użu tal-fondi strutturali jista' jintilef f'ċirku vizzjuż; iqis, f'dan il-kuntest, li ċerti liġijiet ad hoc (bħall-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar l-użu uniku tal-prodotti tal-plastik) u tassazzjoni xierqa fil-livell tal-UE bħala parti mir-riżorsi proprji tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

13.  Jenfasizza l-fatt li, bħala medja, il-materjali riċiklati jissodisfaw biss madwar 10 % tad-domanda tal-UE għal materjali; jirrikonoxxi, fir-rigward ta' żviluppi ġodda fis-swieq globali, speċjalment il-projbizzjoni riċenti fiċ-Ċina ta' fdal ta' plastiks u skart tal-karti mhux isseparat, il-potenzjal il-ġdid għal reġjuni u komunitajiet lokali li jinvestu f'infrastruttura ta' riċiklaġġ, joħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u jindirizzaw l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-UE;

14.  Jenfasizza l-eżistenza u l-importanza tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar il-Fondi SIE relatati, b'mod partikolari, mal-objettiv tal-ħarsien u l-protezzjoni l-ambjent u tal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal dik dwar "il-promozzjoni ta' investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart"; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-negliġenza tal-ġerarkija tal-iskart u n-nuqqas ta' valutazzjoni ambjentali soda tal-eżiti fit-tul tal-investimenti taħt il-Fondi SIE;

15.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn ir-reġjuni, SMEs u entitajiet pubbliċi/privati oħrajn sabiex jitnedew pjattaformi tematiċi ġodda ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, b'mod partikolari bejn is-settur agroalimentari, dak tal-enerġija u dak industrijali;

16.  Jenfasizza l-importanza li tkun applikata l-ġerarkija tal-iskart bħala prerekwiżit biex tinkiseb ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-bżonn ta' trasparenza akbar fil-katina tal-provvista, sabiex il-prodotti u l-materjali li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u rkuprati b'mod effiċjenti; barra minn hekk, jirrikonoxxi xejra negattiva fl-investiment tal-Fondi SIE f'livelli aktar baxxi tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikolari fil-faċilitajiet ta' trattament bijoloġiku mekkaniku (MBT) u fl-inċinerazzjoni, li f'ċerti każijiet tista' twassal għal kapaċitajiet żejda u lock-in teknoloġiku fit-tul, u li b'hekk tipperikola l-ilħuq tal-miri ta' riċiklaġġ tal-UE; ifakkar li t-tħeġġiġ tal-komunità tan-negozju biex issegwi l-ġerarkija għandu jiġġenera materjali addizzjonali fil-fluss tar-riżorsi, u għandu joffri wkoll opportunitajiet potenzjali għall-użu tagħhom fil-manifattura;

17.  Ifakkar fil-miri l-ġodda dwar l-iskart għall-2025, l-2030 u l-2035 stabbiliti fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jissottolinja li l-ilħuq ta' dawn il-miri jirrikjedi impenn politiku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investimenti ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Unjoni disponibbli b'appoġġ għal tali investimenti u jissottolinja li dawn se jiġġeneraw redditi sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-proġetti reġjonali għall-ipproċessar tal-iskart residwu li huwa kompletament mhux riċiklabbli sabiex jiġu prodotti bijokarburanti sostenibbli tat-tieni ġenerazzjoni, wara separazzjoni bir-reqqa jew ġbir separat f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjonijiet kollha relatati mal-iskart jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-progress li jsir mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Azzjonijiet Innovattivi Urbani, li s'issa approvat tmien proġetti innovattivi tal-ekonomija ċirkolari tal-awtoritajiet urbani għal finanzjament tal-FEŻR u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tifformula politiki usa' tal-ekonomija ċirkolari;

L-ekonomija ċirkolari bħala mutur għall-iżvilupp sostenibbli u reġjonali

21.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija u r-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur mhux governattiv, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, waqt it-tfassil ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi operattivi; jitlob li jkun hemm involviment ġenwin tas-sħab fil-proċessi ta' politika, bil-ħolqien ta' sħubijiet trasversali u li fid-dokumenti ta' programmazzjoni jiġu inkorporati adegwatament objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess f'dan il-qasam f'koordinazzjoni mal-approċċ tal-UE għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollu l-gvern lokali fil-kisba tal-ekonomija ċirkolari;

22.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati fit-tfassil u l-ippjanar ta' prodotti u servizzi ġodda li jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, bil-ħsieb li jiġu implimentati erba' mudelli tad-disinn li jkunu jistgħu jintużaw taħt ekonomija ċirkolari: it-tfassil għal-lonġevità; it-tfassil għal kiri/servizz; it-tfassil għall-użu mill-ġdid fil-manifattura; it-tfassil għall-irkupru ta' materjali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu u jiġu adattati l-istrateġiji u l-mudelli tas-suq kurrenti biex jakkumpanjaw lir-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn din il-forma ta' ekonomija aktar sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika, industrijali u ambjentali;

24.  Jitlob li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari fil-qafas tal-governanza kkoordinata f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, bi trasparenza sħiħa, l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-parteċipazzjoni pubblika wiesgħa;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċessi ta' ekonomija ċirkolari;

26.  Jinnota li l-proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari li rċevew l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni ġabu magħhom benefiċċji akbar għal reġjuni aktar żviluppati; jirrikonoxxi l-kapaċità amministrattiva limitata ta' reġjuni anqas żviluppati, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-possibbiltajiet kollha eżistenti sabiex jipprovdu għajnuna esperta u jsaħħu l-kapaċità ta' dawn ir-reġjuni biex jgħinuhom iżidu l-isforzi tagħhom, u biex joħolqu kundizzjonijiet għall-kisba ta' qabża teknoloġika billi jimplimentaw aktar proġetti li jissodisfaw il-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari u billi jiżviluppaw sħubijiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati bħal esperti tal-materjali, kimiki, manifatturi u riċiklaturi, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva "Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari";

27.  Jisħaq fuq l-istimi li bidla lejn materja prima bijoloġika u metodi ta' pproċessar bijoloġiku tista' tiffranka sa 2,5 biljun tunnellata ta' CO2 fis-sena sal-2030, biex b'hekk jiżdiedu ferm is-swieq għall-materja prima b'bażi bijoloġika u prodotti ġodda tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza assoluta ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità filwaqt li r-riżorsi jiġu ttrasformati fi prodotti, materjali u fjuwils b'bażi bijoloġika;

28.  Iqis li l-bijoekonomija hija essenzjali għall-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li żżid il-koeżjoni bejn ir-reġjuni permezz tal-potenzjal tagħha li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali; jitlob li jsir aktar użu mill-Fondi SIE għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet eżistenti, permezz ta' politiki li jħeġġu l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tkompli titrawwem l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' materjali b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli, riċiklabbli u kompostabbli prodotti minn stokkijiet tal-għalf bijoloġiku mmaniġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li l-implimentazzjoni konsistenti tal-bijoekonomija tista' wkoll issolvi l-problema tal-ħela tal-ikel; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ħolqien ta' sistemi u pjattaformi li jgħaqqdu l-atturi differenti mis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tat-trasport, tal-bejgħ bl-imnut, tal-konsumaturi u tal-iskart, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, biex b'hekk jinkisbu sinerġiji akbar biex joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti;

29.  Jinnota li, barra l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-inċentivi għandhom jingħataw ukoll lill-konsumaturi nfushom, li għandhom jiġu infurmati b'mod kostanti u mħeġġa jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi fir-rigward tal-ġestjoni u l-produzzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u kwistjonijiet li jinvolvu soluzzjonijiet sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

30.  Jitlob għal aċċess aħjar, eħfef u aktar trasparenti biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffinanzjati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom u permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-BEI, fil-qafas taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-investimenti f'impjiegi ekoloġiċi, il-ġestjoni tal-iskart, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, żvilupp ulterjuri ta' żoni rurali inkluż fir-rigward tal-infrastruttura meħtieġa u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-bidla minn fjuwils fossili għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-innovazzjoni għal enerġija nadifa u l-ekonomija ċirkolari; jilqa' l-fatt li l-BEI pprovda, matul l-aħħar ħames snin, madwar EUR 2,4 biljun f'kofinanzjament għal proġetti tal-ekonomija ċirkolari għall-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma jew ir-riċerka u l-iżvilupp agrikoli; jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar tal-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, anke bil-ħsieb li jiġu żgurati programmi li jinkludu approċċ reġjonali u li jużaw aħjar il-potenzjal reġjonali għal sorsi tal-enerġija sostenibbli;

31.  Jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-appoġġ ta' netwerks għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija, partikolarment dawk li joperaw bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali, biex jestendu l-ħajja ta' prodotti permezz tal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riutilizzazzjoni, u billi jħaffu l-aċċess ta' tali netwerks għal punti ta' ġbir tal-iskart, u billi jippromwovu l-użu tal-Fondi SIE, l-istrumenti ekonomiċi, il-kriterji ta' akkwist pubbliku, jew miżuri oħra f'dan is-sens;

32.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tiddependi mill-konsum tal-enerġija fit-trasport; jissottolinja li dan japplika b'mod partikolari għal żoni rurali fejn id-distanzi bejn il-punti ta' ġbir u s-siti tal-ipproċessar huma itwal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fl-istrateġiji tagħhom tal-ekonomija ċirkolari għal żoni rurali sabiex jevitaw impatti ambjentali u klimatiċi li jkunu b'mod ġenerali negattivi;

33.  Jirrimarka li, minn kampjun ta' 32 programm operattiv rivedut għal studju dwar l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-fondi tal-politika ta' koeżjoni, disgħa jindirizzaw l-ekonomija ċirkolari u sitta l-impjiegi ekoloġiċi; jilqa' l-isforzi eżistenti li saru mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali iżda fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi u reġjonali tagħhom u fil-ftehimiet ta' sħubija tagħhom; iħeġġeġ li jingħata appoġġ lir-reġjuni biex jiżguraw tranżizzjoni li tkun kemm jista' jkun bla xkiel għall-ekonomija ċirkolari;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ekonomija ċirkolari tkun inkorporata b'mod xieraq fil-programmi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid bħala suġġett interdixxiplinari sabiex tifforma attitudnijiet ġodda li mbagħad jgħinu sabiex jiġu ddefiniti mudelli ta' negozju ġodda u joħolqu impjiegi ġodda;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għat-tħejjija tal-programmi operattivi biex jintegraw aktar mill-qrib l-ekonomija ċirkolari fi programmi ta' kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera, bil-għan li jimplimentaw soluzzjonijiet transfruntieri li jistgħu jiġġeneraw riżultati aktar effiċjenti u orħos;

36.  Jemmen li l-ippjanar futur tal-Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, billi juża, fejn ikun possibbli, indikaturi simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella għal strateġija ambizzjuża u koerenti għall-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri mandatorji diġà eżistenti fil-livell tal-UE dwar il-mitigazzjoni tal-klima;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità biex jintegraw aktar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi kurrenti tagħhom matul il-perjodu ta' reviżjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita dan il-proċess filwaqt li tipprovdi assistenza għall-Istati Membri fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti u l-oqsma possibbli fejn l-ekonomija ċirkolari u l-prinċipji tagħha jkunu jistgħu jiġu applikati u miżjuda;

38.  Iqis li r-rwol tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandu jkun imsaħħaħ aktar; jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni transfruntiera, b'mod partikolari permezz tal-ETC, biex jiġu implimentati proġetti tal-ekonomija ċirkolari; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta' ftehimiet ta' qabel l-adeżjoni ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri biex jindirizzaw l-isfidi preżenti, speċjalment fil-qasam tat-tniġġis tal-arja;

39.  Jisħaq fuq il-potenzjal mhux sfruttat tal-istrateġiji makroreġjonali kurrenti biex jgħinu fl-indirizzar ta' sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, mhux biss fl-Istati Membri iżda wkoll f'pajjiżi terzi li jinstabu fl-istess żona ġeografika; jenfasizza li dawk l-istrateġiji għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet li jappoġġjaw il-ħolqien ta' suq għal materja prima sekondarja għall-Unjoni; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta' kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien;

40.  Itenni l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza tal-bini u ż-żamma adegwati tal-kapaċitajiet fl-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali, li hija wkoll rilevanti ħafna għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jindika r-rwol importanti li l-assistenza teknika jista' jkollha f'dan il-qasam; jirrikonoxxi li r-reġjuni u ż-żoni urbani għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn isfel għal fuq (bottom-up) u huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollhom l-inizjattivi "bliet intelliġenti" fl-ekonomija ċirkolari billi jippromwovu mudelli ta' teknoloġija ekoloġika bħala parti minn strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli; jissottolinja li bliet sostenibbli u "ċirkolari" huma strument għal ekonomija ċirkolari effettiva;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku bħala mutur tal-ekonomija ċirkolari, b'suq potenzjali li jammonta għal EUR 1,8 triljun kull sena u li jipprovdi xogħlijiet pubbliċi, prodotti u servizzi(14);

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju tal-enerġija li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija permezz tad-dritt tal-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, kif ukoll permezz ta' skemi għal appoġġ kontinwu, l-aċċess prijoritarju ggarantit għall-grilja u dispaċċ ta' prijorità għall-enerġija rinnovabbli;

43.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkomplu jinvestu fi programmi edukattivi, f'taħriġ vokazzjonali u biex il-ħaddiema jerġgħu jiġu kkwalifikati, kif ukoll f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-vantaġġi tal-azzjonijiet kollha bil-għan li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari permezz ta' proġetti ta' politika ta' koeżjoni, biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FSE; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-intraprendituri żgħażagħ jitħeġġu jersqu lejn ekonomija ċirkolari, speċjalment f'reġjuni b'livelli baxxi ta' introjtu u tkabbir; jissottolinja wkoll li l-ekonomija ċirkolari hija opportunità biex iż-żoni rurali jiġġieldu d-depopolazzjoni, jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jiksbu sigurtà kontra r-riskji; jindika, f'dan ir-rigward, li ż-żoni rurali għandhom bżonn ta' inċentivi għat-tranżizzjoni lejn katini ta' valur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija speċifika għal reġjuni insulari;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI) biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati lokali jikkombinaw flussi ta' fondi u jippjanaw inizjattivi lokali mmirati lejn l-ekonomija ċirkolari;

45.  Jinnota li 80 % tal-iskart fil-baħar jiġi minn sorsi bbażati fuq l-art; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-art u r-rimi tal-iskart fil-baħar permezz ta' azzjoni lokali u reġjonali li għandha kemm il-benefiċċji ambjentali kif ukoll is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-prevenzjoni ta' skart iġġenerat fuq l-art;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-impatt fuq il-kalkolu ta' żbilanċi tal-gvern tal-investimenti reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati permezz tal-Fondi SIE fi proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari;

47.  Jilqa' l-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas l-iskart tal-plastik mill-ilma fil-fliexken, u li tinvolvi ffrankar kbir tal-enerġija u ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb;

L-ekonomija ċirkolari fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, timplimenta metodoloġija ta' rintraċċar rilevanti b'indikaturi xierqa li jippermettu monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari sabiex toffri stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi;

49.  Jindika li appoġġ konsiderevoli għat-tkomplija tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari qed tiġi pprovduta wkoll minn programmi oħrajn, bħal LIFE, COSME u Orizzont 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti msemmija hawn fuq sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda għall-qafas ta' politika ta' koeżjoni futur, tiżviluppa kundizzjonalitajiet ex ante xierqa relatati mal-kisba ta' ekonomija ċirkolari; iqis li għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta' ekonomija ċirkolari fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-sħab ekonomiċi u soċjali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-programm Orizzont 2020 jagħti ferm aktar attenzjoni u finanzjament lill-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari;

52.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għall-iżvilupp urban u rurali sostenibbli, u jitlob li jingħata rwol aktar prominenti lil objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari f'dan il-kuntest; jitlob li jitkomplew azzjonijiet urbani u rurali innovattivi f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu massimu mit-tagħlimiet meħuda fil-perjodu 2014-2020 meta tħejji l-proposti għall-futur; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jipprovdi inċentivi u gwida biex jiġu sfruttati għalkollox il-potenzjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari post fejn jiġu skambjati l-aħjar prattiki sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

54.  Jenfasizza l-interdipendenza tal-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant jitlob infiq akbar f'investimenti relatati mal-ekonomija ċirkolari u mal-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020; barra minn hekk jenfasizza li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) in-nefqa relatata mal-klima għandha b'mod ġenerali tiżdied meta mqabbla ma' dik kurrenti;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0321.
(10) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 111.
(11) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(12) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029).
(14) "Buying green! – A handbook on green public procurement" (Ixtri b'mod ekoloġiku! - Manwal dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku) , it-3 edizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, 2016.


Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna ***I
PDF 335kWORD 45k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna (COM(2018)0127 – C8-0108/2018 – 2018/0058(COD))
P8_TA(2018)0255A8-0183/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0127),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0108/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Georgia(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta' Mejju 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0183/2018).

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ukrajna

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/947).

(1) ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15


Negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì
PDF 355kWORD 55k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward in-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (2018/2018(INI))
P8_TA(2018)0256A8-0158/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 36, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn ir-Repubblika taċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-tnedija, fis-16 ta' Novembru 2017, tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì dwar ftehim ta' assoċjazzjoni modernizzat,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill, fit-13 ta' Novembru 2017, tad-direttivi ta' negozjati għal dan il-ftehim,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċilì tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-CELAC tal-11 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Equality, rights and democratic participation for the peoples of Europe and Latin America and the Caribbean" (Ugwaljanza, drittijiet u parteċipazzjoni demokratika għall-popli tal-Ewropa, u tal-Amerika Latina u l-Karibew),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0158/2018),

A.  billi ċ-Ċilì u l-UE huma magħquda b'valuri kondiviżi u b'relazzjonijiet kulturali, ekonomiċi u politiċi mill-qrib;

B.  billi ċ-Ċilì u l-UE huma sħab mill-qrib fl-indirizzar ta' sfidi reġjonali u globali, bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà internazzjonali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza globali;

C.  billi ċ-Ċilì huwa difensur qawwi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-kummerċ ħieles u miftuħ, u tal-multilateraliżmu; billi huwa wkoll membru ewlieni tal-Alleanza tal-Paċifiku, tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), u tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), kif ukoll pajjiż b'introjtu għoli u membru tal-OECD;

D.  billi ċ-Ċilì kien attur ewlieni fi kwistjonijiet reġjonali, pereżempju bħala pajjiż garanti fil-proċess ta' paċi Kolombjan u fit-taħditiet ta' Santo Domingo bejn il-Gvern Venezwelan u l-oppożizzjoni; billi ċ-Ċilì rtira mit-taħditiet Venezwelani peress li l-kundizzjonijiet minimi għall-elezzjonijiet presidenzjali demokratiċi u n-normalizzazzjoni istituzzjonali ma ntlaħqux;

E.  billi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-Ċilì f'operazzjonijiet tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ilu fis-seħħ minn Jannar 2014; billi ċ-Ċilì jipparteċipa fil-EUFOR ALTHEA fil-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll f'għadd ta' operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU, li jirriflettu l-impenn tiegħu favur il-paċi u s-sigurtà globali;

F.  billi l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti wrew għal darb'oħra n-natura stabbli u matura tad-demokrazija Ċilena; billi ċ-Ċilì gawda minn tkabbir ekonomiku qawwi u kien waħda mill-aktar ekonomiji bi tkabbir rapidu tal-Amerika t'Isfel matul dawn l-aħħar deċenji; billi l-isforzi ta' riforma fil-pajjiż għadhom għaddejjin;

G.  billi d-dekriminalizzazzjoni reċenti tal-abort, taħt ċerti ċirkostanzi, uriet żieda fil-ftuħ tas-soċjetà Ċilena lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet;

H.  billi fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2016, iċ-Ċilì jitqiegħed fil-kategorija "żvilupp tal-bniedem għoli ħafna" u jikklassifika ruħu bħala l-ewwel pajjiż Latin Amerikan u n-numru 38 fid-dinja, qabel seba' Stati Membri tal-UE;

I.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċilì kien strumentali għall-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi u għaż-żieda sostanzjali tal-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; billi rispett kontinwu għall-istat tad-dritt u qafas ġuridiku u politiku stabbli jippermettu sew liċ-Ċilì u sew lill-UE li jeżerċitaw intraprenditorija ħielsa u jrawmu ambjent ta' investiment adegwat li jinkludi s-salvagwardja tal-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt;

J.  billi l-UE u ċ-Ċilì kkonkludew aktar ftehimiet ambizzjużi u komprensivi ma' sħab oħra f'dawn l-aħħar snin; billi l-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì għalhekk għandha l-potenzjal li tapprofondixxi b'mod sinifikanti r-relazzjonijiet eżistenti, inklużi relazzjonijiet fl-oqsma tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà;

K.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni futur bejn l-UE u ċ-Ċilì jrid jirrifletti bis-sħiħ in-natura trasformattiva tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u r-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

L.  billi Ftehim ta' Assoċjazzjoni aġġornat, flimkien mal-ftehimiet li qed jiġu attwalment innegozjati (mill-ġdid) mal-Messiku u l-Mercosur, isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala alleat ewlieni tal-Amerika Latina, fi żmien meta atturi oħra, bħaċ-Ċina u r-Russja, qed jippruvaw dejjem aktar jiksbu influwenza fir-reġjun;

M.  billi l-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) UE-Ċilì esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-aktar reċentement fid-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-25 laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2018;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ):

Prinċipji ġenerali

Multilateraliżmu u kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali

Djalogu politiku u kooperazzjoni

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

   (a) li b'mod konsiderevoli jsaħħu l-kooperazzjoni bejn iċ-Ċilì u l-UE, sħab li jaħsbuha l-istess f'ambjent ta' inċertezza ġdida fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, abbażi tal-valuri kondiviżi tagħna u l-prinċipji tad-demokrazija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
   (b) li jiżguraw li l-ftehim immodernizzat maċ-Ċilì jkun ambizzjuż, komprensiv u bbilanċjat, u li jwassal għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-ekonomiji taż-żewġ naħat; li jiżguraw li l-ftehim ikun minn ta' quddiem fost il-ftehimiet l-aktar avvanzati li l-UE qatt ikkonkludiet ma' pajjiżi terzi;
   (c) li jsaħħu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-kooperazzjoni UE-Ċilì fid-dawl tal-istrateġija tad-drittijiet tal-bniedem UE-Ċilì 2016-2020; li jinkludu impenn konġunt għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u d-drittijiet tal-minoranzi, bħall-komunità LGBTI u l-popli indiġeni b'mekkaniżmi infurzabbli għall-monitoraġġ, ir-rapportar regolari u s-soluzzjoni tat-tilwim; li ċ-Ċili jitħeġġeġ isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet mal-poplu nattiv Mapuche u ma' popli indiġeni oħra; li l-prattika tal-inklużjoni ta' klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tkompli fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni futuri kollha; li jkomplu d-djalogu regolari bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar id-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jsaħħu l-qafas istituzzjonali u l-politiki pubbliċi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' kooperazzjoni multilaterali;
   (d) li ċ-Ċilì jitħeġġeġ jiżgura proċess ġuridiku korrett u proċedimenti ġuridizzjarji ġusti b'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali;
   (e) li fil-mira jkun hemm it-trawwim tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar u t-tnaqqis tal-livell ta' inugwaljanza fid-dawl tal-impenn taċ-Ċilì li jilħaq l-SDGs fil-qafas tal-Aġenda 2030;
   (f) li ċ-Ċilì jingħata sostenn fit-titjib tal-istandards edukattivi u tal-programmi edukattivi, u li jiżgura li l-persuni bl-iktar dħul baxx ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja; li jsaħħu r-rabta bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol, inaqqsu d-diskrepanza tal-ħiliet u jippromwovu l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;
   (g) li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u ambjentali, u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;
   (h) li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-isfidi reġjonali u globali, bħall-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, iż-żieda fl-inugwaljanza, il-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, inkluża l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; li jagħtu sostenn lill-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u jistabbilixxu mekkaniżmi ta' riammissjoni, inkluż għal persuni apolidi u għal ċittadini minn pajjiżi terzi;
   (i) li jfakkru l-importanza tal-aġenda multilaterali u li kwalunkwe negozjar bilaterali m'għandux idgħajjef l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali;
   (j) li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi promossa s-sigurtà internazzjonali u jindirizzaw l-isfidi globali b'mod effettiv; li jsaħħu l-koordinazzjoni dwar il-pożizzjonijiet meħuda miż-żewġ naħat f'organizzazzjonijiet u f'fora internazzjonali;
   (k) li ċ-Ċilì jitħeġġeġ ikompli jinkoraġġixxi skemi ta' integrazzjoni u ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-Alleanza tal-Paċifiku, fid-dawl tar-riżultati inkoraġġanti tiegħu bħala mutur reali u attiv tal-integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tar-reġjun, iżda wkoll tal-UNASUR u tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC); li jeżaminaw il-possibbiltà li l-UE tikseb status ta' osservatur fi ħdan l-Alleanza tal-Paċifiku;
   (l) li jipprovdu djalogu regolari u sinifikanti dwar il-kwistjonijiet kollha ta' rilevanza, li jibni fuq formati eżistenti kif ukoll jestendihom; li jimmobilizzaw riżorsi disponibbli permezz tal-Istrument ta' Sħubija (PI) bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi strateġiċi;
   (m) li jipprovdu kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sigurtà marittima, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni; li jippermettu l-parteċipazzjoni msaħħa taċ-Ċilì fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE;
   (n) li jippermettu aktar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u aktar kooperazzjoni għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-kriminalità transkonfinali, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali; li jieħdu azzjoni fil-kuntest tal-ġlieda globali kontra t-terroriżmu permezz tat-tisħiħ ta' mekkaniżmi, ta' miżuri u ta' korpi għall-kooperazzjoni globali u reġjonali fir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
   (o) li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif ukoll standards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;
   (p) li jfakkru li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġusta, u li b'hekk jixxekkel it-tkabbir ekonomiku; li jinkludu taqsimiet speċifiċi li jiddeskrivu l-impenji u l-miżuri ċari u qawwija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha, u li jimplimentaw standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni;
   (q) li jiffaċilitaw il-mobilità bejn l-UE u ċ-Ċilì; li jjsaħħu l-iskambji ta' żgħażagħ u ta' studenti, il-programmi ta' boroż ta' studju u l-korsijiet ta' taħriġ, inkluż permezz tal-programm Erasmus+; li jagħmlu aktar sforzi lejn ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki akkademiċi u lejn il-modernizzazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja;
   (r) li jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-kooperazzjoni, bl-użu sħiħ tal-programmi eżistenti, bħal Orizzont 2020;
   (s) li jippromwovu u jsaħħu r-relazzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, li jibnu fuq il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali ffirmat fl-2015; li joħolqu mekkaniżmi innovattivi li jwessgħu u jsaħħu l-kooperazzjoni triangulari u reġjonali ma' partijiet terzi fi ħdan l-Amerika Latina u lil hinn minnha permezz ta' programmi bħall-EUROsociAL+ u l-Euroclima+, u l-kooperazzjoni dwar il-politiki marbuta mad-droga;
   (t) li jiżviluppaw metodoloġija li turi l-effetti tal-ftehim modernizzat fuq l-irġiel u n-nisa u li r-riżultati tagħha jintużaw bħala bażi għat-tfassil ta' politiki biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi;
   (u) li jaffermaw mill-ġdid l-impenn konġunt favur il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u favur l-Aġenda 2030, u li jipprevedu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; li jsaħħu s-sħubija fir-rigward tal-kooperazzjoni teknika u politika f'oqsma ambjentali ewlenin, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport internazzjonali, il-konservazzjoni tal-bijodiveristà, kif ukoll il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; li jħeġġu l-kooperazzjoni msaħħa dwar l-ekonomija ċirkolari sabiex jitjiebu l-effiċjenza tar-riżorsi, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-ekoinnovazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma; li jżidu s-sostenn għal proġetti li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;
   (v) li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u dwar l-użu tal-programm Copernicus tal-UE fil-qasam tad-data satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja għal skopijiet ambjentali;
   (w) li jrawmu l-kooperazzjoni kulturali u li jagħtu sostenn lid-dijaspora sew fiċ-Ċilì u sew fl-UE, bl-objettiv li jingħata sostenn lill-investimenti barranin kemm fl-UE kif ukoll fiċ-Ċilì;
   (x) li jaffermaw mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma huwa dritt tal-bniedem;
   (y) li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinbena fuq parteċipazzjoni parlamentari b'saħħitha, filwaqt li jsaħħu d-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi kurrenti ta' kooperazzjoni biex ikun hemm aktar input u skrutinju tal-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-format interparlamentari eżistenti tal-KPK; li jipprevedu l-possibbiltà li l-KPK jitlob l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
   (z) li jiżguraw l-involviment adegwat tas-soċjetà ċivili sew matul in-negozjati u sew fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-Kumitat Konsultattiv Konġunt; jisħaq dwar il-bżonn li jkun stabbilit mekkaniżmu istituzzjonali li jippermetti djalogu politiku li jippermetti l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żewġ reġjuni;
   (aa) li l-Parlament jinżamm informat immedjatament u totalment fl-istadji kollha tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE; dan jinkludi li l-Parlament jingħata t-testi u l-minuti tan-negozjati ta' kull ċiklu ta' negozjati; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 li jiġi ppubblikat il-mandat ta' negozjar mogħti lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ f'Novembru 2017;
   (ab) li l-pubblikazzjoni riċenti tad-direttivi ta' negozjati titqies bħala preċedent importanti u li jittieħed l-impenn li d-direttivi ta' negozjati kollha għall-ftehimiet internazzjonali futuri jiġu ppubblikati;
   (ac) li jħaffu n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li tkun permessa r-ratifika tiegħu mill-Parlament qabel it-tmiem tal-leġiżlatura Ewropea kurrenti;
   (ad) li jiżguraw ir-rispett, fil-livelli kollha, għall-prattika stabbilita li l-ftehim il-ġdid ma jiġix applikat proviżorjament sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-approvazzjoni tiegħu;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċilì.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0354.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0345.


Relazzjonijiet UE-NATO
PDF 384kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (2017/2276(INI))
P8_TA(2018)0257A8-0188/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tat-28 ta' Ġunju 2016, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2015 u tal-14 ta' Novembru 2016 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar il-kooperazzjoni UE-NATO, tas-6 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju 2017 u tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE, u tad-19 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO tas-6 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' 42 proposta li ġew approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sett ġdid ta' 32 proposta li ġew approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin (inkluża d-difiża), li saru fit-13 ta' Novembru 2017 u fis-6 ta' Marzu 2018, li jirrigwardaw speċifikament il-kooperazzjoni UE-NATO,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea" (JOIN(2017)0041) u l-Pjan ta' Azzjoni assoċjat ippreżentat f'Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),

–  wara li kkunsidra l-pakkett għad-difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO għall-2017, maħruġ fil-15 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 439 tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (NATO PA) tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-kooperazzjoni aktar mill-qrib UE-NATO ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 440 tan-NATO AP tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-bażi industrijali tad-difiża Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Ottubru 2017 tal-Kumitat għad-Difiża u s-Sigurtà tan-NATO AP dwar il-kooperazzjoni UE-NATO wara Varsavja, inkluż l-anness tiegħu b'kontribut tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar, "L-UE f'ambjent globali jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0188/2018),

A.  billi l-valuri tagħna, bħad-demokrazija liberali, il-multilateraliżmu, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, l-iżvilupp u l-istat ta' dritt, li fuqhom huma msejsa l-UE u r-rabta transatlantika, kif ukoll is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u l-għaqda u l-koeżjoni Ewropea, jinsabu fi żmien fejn qegħdin jaffrontaw kemm sfidi ġeopolitiċi kif ukoll degradazzjoni rapida tal-ambjent strateġiku;

B.  billi ż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin tal-Punent, l-UE u n-NATO, qegħdin iwettqu progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw sfidi, riskji u theddid kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, li joriġinaw minn atturi statali u mhux statali prinċipalment min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-akkumulazzjoni ta' kriżijiet, li qegħdin jiddestabbilizzaw il-viċinat Ewropew, toħloq kemm theddid intern kif ukoll estern għas-sigurtà; billi l-ebda waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet m'għandha l-mezzi kollha biex tindirizza dawn l-isfidi kollha għas-sigurtà waħidha u t-tnejn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jindirizzawhom jekk jikkooperaw flimkien; billi l-UE u n-NATO huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha;

C.  billi l-kooperazzjoni UE-NATO m'għandhiex titqies bħala għan fiha nnifisha iżda mezz li bih jinkisbu l-prijoritajiet u l-għanijiet kondiviżi dwar is-sigurtà permezz tal-komplementarjetà tal-missjonijiet u tal-mezzi disponibbli; billi l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom ġabra waħda ta' forzi; billi flimkien jistgħu jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jimmobilizzaw b'mod aktar effettiv firxa kbira ta' strumenti eżistenti bħala reazzjoni għall-isfidi għas-sigurtà;

D.  billi n-NATO hija alleanza militari u l-UE mhijiex; billi l-UE hija attur strateġiku globali u tipprovdi sigurtà bil-firxa unika u varjata ta' strumenti u għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tindirizza l-isfidi attwali b'mod komprensiv permezz tad-diversi politiki tagħha; billi, skont l-objettivi u fid-dawl tal-Istrateġija Globali, l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà u d-difiża proprja u r-rwol tagħha bħala sieħeb għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kontribut tagħha għan-NATO u trawwem kooperazzjoni msaħħa;

E.  billi n-NATO għandha r-responsabbiltà ewlenija għad-difiża kollettiva tal-membri tagħha; filwaqt li jieħu nota tal-linja gwida tan-NATO sabiex l-alleati jonfqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża fi żmien għaxar snin sabiex tinżamm kapaċità ta' difiża adatta; billi n-NATO, bħala s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE, għadha garanzija essenzjali għall-interoperabilità tal-kapaċitajiet tal-forzi alleati u għall-koerenza tal-isforzi ta' akkwist tagħhom;

F.  billi l-azzjonijiet tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu komplementari fid-dimensjoni tas-sigurtà sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ġodda, mingħajr preċedent u multidimensjonali għas-sigurtà; billi l-oqsma komuni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrikjedu wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u effiċjenti;

G.  billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO, li huma involuti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, jistgħu jkunu aktar effiċjenti f'din l-attività li kieku kellhom jaġixxu b'mod tassew ikkoordinat u jisfruttaw kemm jistgħu l-għarfien espert u r-riżorsi tagħhom; billi, bħala segwitu għall-Istrateġija Globali tal-UE, l-UE qiegħda ssaħħaħ l-approċċ konġunt tagħha għall-konflitti u l-kriżijiet esterni, kif ukoll tirrispondi għat-theddid u l-isfidi fir-rabta interna-esterna tas-sigurtà b'mezzi ċivili jew militari;

H.  billi waqt is-Summit tan-NATO f'Varsavja fl-2016, l-Alleanza u l-UE indikaw l-oqsma għal kooperazzjoni msaħħa fid-dawl tal-isfidi komuni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, inklużi l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tisħiħ tar-reżiljenza, il-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża, iċ-ċiberdifiża, is-sigurtà marittima u l-eżerċizzji; billi f'Diċembru 2016, 42 miżura għall-avvanz tal-kooperazzjoni NATO-UE f'oqsma maqbula ġew approvati mill-ministri għall-affarijiet barranin tan-NATO u f'Diċembru 2017 intlaħaq qbil dwar aktar oqsma ta' ħidma konġunta;

I.  billi hemm bżonn ta' sħubija UE-NATO fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-misinformazzjoni u d-diżinformazzjoni u t-tqawwija tar-reżiljenza; billi hemm bżonn distinzjoni ċara fir-rigward tal-mandat u l-istrateġiji politiċi taż-żewġ istituzzjonijiet;

J.  billi hemm żieda kbira fl-attivitajiet min-naħa tar-Russja; billi, filwaqt li jippersisti r-riskju ta' dgħufija fir-rabta transatlantika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, l-approċċ komuni u strateġiku tagħhom fir-rigward tar-Russja jrid jissaħħaħ; billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mħassba dwar l-imġiba militari aktar assertiva tar-Russja; billi l-manipulazzjoni politika u l-attakki ċibernetiċi huma wkoll sorsi ta' tħassib; billi l-UE rreaġiet għall-indħil tar-Russja fl-affarijiet interni Ewropej bi ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali; billi r-reżiljenza hija, u se tibqa', element ewlieni tad-difiża kollettiva;

K.  billi l-Viċinat tan-Nofsinhar qiegħed jiffaċċja instabilità mingħajr preċedent u jirrappreżenta sfida strateġika importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE kif ukoll għall-membri tan-NATO, speċjalment dawk li jinsabu fil-fruntiera;

L.  billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u aktar sofistikati; billi fl-2014 in-NATO stabbiliet iċ-ċiberdifiża bħala parti mill-kompiti ċentrali tal-Alleanza għad-difiża kollettiva u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala dominju operattiv flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO jistgħu jikkomplementaw l-isforzi ta' xulxin; billi għandha tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà u, f'dan il-qasam irid ikun hemm approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha tal-UE;

M.  billi f'Diċembru 2017 in-NATO u l-UE ddeċidew li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi primarjament iżidu l-iskambju tal-informazzjoni u jtejbu r-reżiljenza nazzjonali;

N.  billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO jużaw l-istess infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa, fattur ċentrali għall-iskjerament rapidu tal-militar, u billi dan l-aħħar il-mobbiltà militari ġiet identifikata bħala prijorità fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

O.  billi, skont l-aktar stħarriġ reċenti tal-Pew Research Center, l-appoġġ pubbliku għan-NATO huwa wieħed sod u qiegħed jiżdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tan-NATO;

Sħubija aktar sostantiva

1.  Huwa konvint li l-UE u n-NATO għandhom l-istess valuri sabiex jinkisbu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, minħabba 22 sħubija sovrastanti tal-membri, għandhom interessi konverġenti fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża, inkluża l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom kontra kull theddid; iqis li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi għas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni UE-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli reċiproċi;

2.  Jissottolinja li l-ftuħ u t-trasparenza bir-rispett sħiħ tal-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll l-inklużività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta' kull Stat Membru, huma prinċipji importanti tas-sħubija strateġika UE-NATO; jenfasizza li l-kooperazzjoni ma' Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE hija parti integrali mill-kooperazzjoni UE-NATO;

3.  Huwa konvint li għall-membri tagħha, in-NATO hija l-pedament tad-difiża u d-deterrenza kollettiva fl-Ewropa; huwa konvint ukoll li UE aktar b'saħħitha b'PSDK aktar effettiva, permezz ta' diversi proġetti bejn l-Istati Membri, u li kapaċi tonora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jitolbu assistenza, tikkontribwixxi għal NATO aktar b'saħħitha; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni UE-NATO trid tikkunsidra wkoll il-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' dawk is-sitt Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u ta' dawk is-seba' membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE;

4.  Jemmen bil-qawwa li r-risponsi effettivi għall-ispettru sħiħ ta' sfidi ta' sigurtà jirrikjedu viżjoni strateġika, adattament strutturali ulterjuri, kif ukoll taħlita ta' strumenti ta' saħħa formali u informali kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO; jissottolinja li ż-żmien huwa fattur essenzjali fit-tisħiħ tas-sħubija UE-NATO, meta jitqiesu d-differenzi bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

5.  Jinnota li, filwaqt li għandha tiġi żviluppata kultura strateġika komuni Ewropea, il-kisba ta' perċezzjoni komuni għat-theddid ikollha impatt pożittiv; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha taħdem biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex isibu, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fehim kondiviż tal-ambjent tat-theddid li qiegħed jevolvi u jkomplu bl-isforzi bħat-tgħarrif konġunt, it-taħriġ ta' rispons għall-emerġenzi ċivili u l-valutazzjonijiet kondiviżi tat-theddid; jilqa' l-isforzi reċenti f'dik id-direzzjoni;

6.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jirrikonoxxu li r-reazzjonijiet purament nazzjonali għat-terroriżmu u n-nuqqas ta' sigurtà mhumiex biżżejjed, jistennew lill-UE tipproteġihom minn dan it-theddid u li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO tippermetti lill-Istati Membri jkunu aktar komplementari u aktar effettivi;

7.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NATO fuq missjonijiet u operazzjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak tattiku;

8.  Jisħaq li s-sħubija strateġika UE-NATO hija fundamentali wkoll għat-tibdil fil-PSDK tal-UE, u għall-futur tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet UE-Renju Unit wara l-Brexit;

9.  Iqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-NATO jista' jiġi sfruttat aktar u li żviluppi u approfondiment ulterjuri tas-sħubija ma għandhomx ikunu limitati għal rispons komuni għall-kriżijiet barra l-Ewropa, partikolarment fil-viċinat, iżda anke għall-kriżijiet fil-kontinent;

10.  Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma konġunta dwar il-prevenzjoni, l-analiżi u t-twissija bikrija permezz ta' kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bit-tir li t-theddid emerġenti jiġi miġġieled permezz ta' azzjonijiet komuni;

11.  Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni sussegwenti jirrappreżentaw fażi ġdida u sostantiva tas-sħubija strateġika; jilqa' r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, il-koerenza tar-riżultati fil-proċessi rispettivi tal-ippjanar tad-difiża u l-kooperazzjoni marittima; jinkoraġġixxi aktar progress u jilqa' l-ġabra ġdida ta' azzjonijiet li ġew miżjuda fil-5 ta' Diċembru 2017, b'mod partikolari dawk rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari u n-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jilqa' l-bidla fil-kultura ta' involviment kif ukoll il-funzjonament mingħajr xkiel tal-kooperazzjoni bejn il-persunal fl-implimentazzjoni ta' kull azzjoni; itenni li għalkemm il-proċess innifsu huwa rregolat minn istituzzjonijiet, is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' għanijiet u azzjonijiet komuni maqbula jiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-involviment ukoll tal-Membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; iqis li huwa importanti li jissaħħu kooperazzjoni u djalogu aħjar UE-NATO u li jiġu żgurati rieda politika u riżorsi xierqa għall-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni; jistenna b'interess l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni l-ġdida UE-NATO waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fil-11-12 ta' Lulju 2018;

12.  Jinnota t-tgħarrif regolari komuni mwassal mill-VP/RGħ u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE u fil-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAC) tan-NATO, rispettivament, u l-kontinwazzjoni tal-laqgħat regolari bejn il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u n-NAC;

13.  Jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn mill-Istati Uniti lejn in-NATO u s-sigurtà Ewropea; ifakkar il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti huma sħab internazzjonali ewlenin u li din is-sħubija teżisti wkoll permezz tan-NATO; jissottolinja l-valur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti; jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni UE-NATO ssaħħaħ r-rabta transatlantika u li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-missjonijiet tagħha hija marbuta mar-relazzjoni transatlantika; jinnota, għaldaqstant, li l-iżviluppi politiċi reċenti jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa tar-relazzjoni transatlantika; jinnota li l-Istati Uniti, li normalment jinkoraġġixxu u jilqgħu l-iżviluppi sostantivi fid-difiża tal-UE, għandhom ikomplu bl-isforzi għal fehim aħjar tal-interessi strateġiċi Ewropej, inkluż fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tikseb awtonomija strateġika jsaħħu l-ambjent tas-sigurtà tal-Alleanza;

14.  Jilqa' l-Enhanced Forward Presence tan-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant tan-NATO; jilqa' l-iskjerament minn NATO ta' erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, immexxija, rispettivament, mir-Renju Unit, il-Kanada, il-Ġermanja u l-Istati Uniti; iqis li, għas-sigurtà taż-żewġ organizzazzjonijiet, għandha tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni UE-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant u tan-Nofsinhar u li l-penetrazzjoni Russa anke fil-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mezzi ibridi jew konvenzjonali, għandha tiġi evitata u jkun hemm reżistenza għaliha kif adattat; jissottolinja li l-infrastruttura attwali fl-Ewropa, li hija prinċipalment orjentata lejn il-Punent, għandha tiġi kkomplementata bl-iżvilupp ta' dimensjoni ġdida bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari; jisħaq li l-isforzi dwar il-mobbiltà militari għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni difensiva tal-Alleanza; iqis li t-toroq, il-pontijiet u l-linji ferrovjarji għandhom jiġu modernizzati sabiex jippermettu l-iskjerament rapidu tal-persunal u t-tagħmir militari;

15.  Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ rapidu tan-NATO permezz tat-titjib tal-infrastruttura tal-UE u dik nazzjonali, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi u infrastrutturali għall-moviment rapidu tal-forzi u bl-istazzjonament antiċipat tat-tagħmir u l-provvisti militari, li jtejbu s-sigurtà kollettiva tagħna;

16.  Jilqa' t-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); jisħaq fuq il-potenzjal tagħha li ssaħħaħ il-kontribut tal-UE fi ħdan in-NATO; jemmen li din tista' żżid is-sinerġiji u l-effikaċja, u li huwa pass kruċjali għat-titjib tas-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE kif ukoll il-prestazzjoni potenzjali tal-membri Ewropej fin-NATO, u huwa konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin;

17.  Jenfasizza l-komplementarjetà tal-PESCO għan-NATO u li għandha tkun xprun għal aktar kooperazzjoni UE-NATO fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet billi din tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE u, b'mod ġenerali, biex il-PSDK issir aktar effikaċi u rilevanti sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali tas-sigurtà u ta' dawk militari; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni dwar il-PESCO mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tan-NATO sabiex jiġu evitati ideat żbaljati;

18.  Jissottolinja li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tinsisti li l-kapaċitajiet żviluppati fuq livell multinazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-PESCO, u mill-membri tan-NATO jkunu disponibbli kemm għall-operazzjonijiet tal-UE kif ukoll għal dawk tan-NATO; jenfasizza li d-deċiżjonijiet reċenti mill-UE (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD), PESCO, Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) maħsuba biex jiżguraw li l-Ewropej jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tan-NATO kif ukoll għall-iżgurar ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet transatlantiċi, filwaqt li jitqies l-objettiv li flimkien jindirizzaw l-isfidi komuni għas-sigurtà, jevitaw duplikazzjoni bla bżonn u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplementari u interoperabbli; iqis li l-iżvilupp ta' standards komuni, proċeduri, taħriġ u eżerċizzji għandu jitqies bħala faċilitatur importanti għal kooperazzjoni UE-NATO aktar effiċjenti;

19.  Jinnota li wara l-Brexit, 80 % tal-infiq tan-NATO fid-difiżamhux se jkun mill-UE u li tlieta minn erba' brigati fil-Lvant se jitmexxew minn pajjiżi mhux tal-UE;

20.  Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

Oqsma ewlenija ta' Kooperazzjoni

21.  Jinnota li t-theddid għas-sigurtà sar aktar ibridu u anqas konvenzjonali, u li hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat dan it-theddid; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu l-bini ta' reżiljenza u jiżviluppaw għarfien sitwazzjonali kondiviż tat-theddid ibridu; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jikkoordinaw il-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tagħhom sabiex jipprovdu risponsi koerenti għat-theddid ibridu; jilqa' l-inawgurazzjoni konġunta reċenti taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ibrida ibbażata f'Helsinki mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-VP/RGħ u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE joħolqu Ċentri ta' Eċċellenza Ibrida abbażi tal-eżempju taċ-ċentru f'Helsinki; jilqa' f'dan ir-rigward, l-eżerċizzji separati iżda paralleli, PACE17 u CMX17, li saru fl-2017 u li permezz tagħhom il-persunal tal-UE u tan-NATO ittestjaw rispettivament il-proċeduri rispettivi tagħhom għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni matul l-iżvolġiment ta' theddida ibrida fittizja; ifaħħar l-azzjoni konkreta mill-alleati tal-Punent bħala reazzjoni għall-attakk kimiku Russu suspettat fir-Renju Unit;

22.  Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tilqa' l-progress li sar u tappella għall-implimentazzjoni prattika tal-proposti kollha adottati miż-żewġ istituzzjonijiet; jemmen li hemm bżonn ta' aktar sforzi rigward l-implimentazzjoni tad-diversi impenji li diġà ttieħdu;

23.  Jemmen, f'dan il-kuntest, li l-inizjattivi biex tissaħħaħ l-Ewropa tad-Difiża għandhom ikunu ta' benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet, li b'hekk jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-awtonomija strateġika tagħhom u jkunu jistgħu jintervjenu flimkien militarment b'mod li jkun kredibbli; ifakkar li dawn l-inizjattivi huma komplementari għal dawk tan-NATO;

24.  Iqis li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' inklużività, reċiproċità u rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017;

25.  Jilqa' l-Eżerċizzju Parallel u Koordinat tal-UE ta' Maniġġar ta' Kriżijiet tal-2017 li kien ta' suċċess u li pprovda pjattaforma utli għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jistenna b'interess li jeżamina l-esperjenzi misluta kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fl-eżerċizzji konġunti bejn l-UE u n-NATO, inkluż l-eżerċizzju mmexxi mill-UE ppjanat fl-2018;

26.  Jinnota li l-proċeduri attwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għadhom kumplessi u ineffiċjenti; jikkunsidra li ż-żewġ organizzazzjonijiet jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, għaldaqstant, se jiffaċċjaw il-konsegwenzi flimkien; jemmen li – bil-bini ta' fiduċja reċiproka – il-kooperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni klassifikata u l-analiżi tal-intelligence jridu jitjiebu, inkluż fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-UE se jkollha żżid il-kapaċità tagħha billi tipprovdi aktar persunal tal-UE li jkollu approvazzjoni tas-sigurtà, taħriġ iddedikat għal ħidma fuq informazzjoni klassifikata u investiment f'komunikazzjonijiet siguri; huwa tal-opinjoni li t-trawwim tar-reċiproċità u approċċ ibbażat fuq "ħtieġa għal kondiviżjoni" fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni xierqa jkun ta' benefiċċju wkoll għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-Valutazzjoni b'mod Parallel u Kkoordinat tal-Intelligence tista' tintuża biex it-theddid ibridu jiġi miġġieled flimkien b'mod aktar effettiv;

27.  Jistieden lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward tal-komunikazzjoni strateġika, inkluż bit-tisħiħ tas-sħubija bejn iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) diviżjoni StratCom;

28.  Jilqa' ċ-Ċellola ta' Fużjoni l-ġdida tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u l-interazzjoni tagħha maċ-Ċellola ta' Analiżi Ibrida tan-NATO fil-kondiviżjoni tal-għarfien sitwazzjonali kif ukoll bl-iskambju tal-analiżi ta' theddid ibridu potenzjali;

29.  Huwa konvint li l-kooperazzjoni kif ukoll l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma kruċjali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi; jappella liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom kif ukoll l-iskambju ta' data relatata maċ-ċiberdifiża, fejn xieraq, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' intelligence UE-NATO; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattiva u jrawmu l-interoperabbiltà bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar mezzi, metodi u proċessi, użati għall-attribuzzjoni tal--attakki ċibernetiċi; iqis li ż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija prijorità sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni tas-sorsi responsabbli għall-attakki ċibernetiċi u sabiex jitwettqu l-azzjonijiet legali konsegwenti; iqis li huwa importanti wkoll li jiġu armonizzati l-attivitajiet ta' taħriġ u li jkun hemm kooperazzjoni fir-Riċerka u t-Teknoloġija fid-dominju ċibernetiku; jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO; jemmen li fi ħdan il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), l-attivitajiet ġodda relatati mal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża jistgħu jkunu ta' interess għan-NATO;

30.  Iqis li huwa importanti li tkun żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi għall-bini ta' kapaċità marittima sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà marittima b'mod aktar effiċjenti; jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni operattivi UE-NATO, inkluża l-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni abbażi tal-esperjenzi miksuba fil-Mediterran u l-Qarn tal-Afrika, biex b'hekk ikun hemm aktar opportunitajiet għal appoġġ loġistiku reċiproku u skambju tal-informazzjoni bejn il-persunal taż-żewġ organizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet operattivi, inklużi attivitajiet relatati mal-migrazzjoni irregolari;

31.  Jilqa' l-kooperazzjoni tattika u operattiva msaħħa, inkluż permezz ta' rabtiet diretti bejn tal-Kmand Marittimu Alleat tan-NATO u l-Frontex, kif ukoll bejn l-Operazzjoni Sea Guardian u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li jgħinu lill-UE u l-missjonijiet tagħha sabiex titrażżan il-migrazzjoni irregolari u jiġu miġġielda netwerks ta' traffikar illegali, inkluż it-traffikar illegali tal-armi; jinnota li fuq talba n-NATO tista' tipprovdi appoġġ loġistiku u kapaċitajiet oħrajn bħar-riforniment tal-fjuwil fuq il-baħar kif ukoll appoġġ mediku; jinnota li dan huwa r-riżultat tal-kooperazzjoni UE-NATO, bejn l-Operazzjoni Ocean Shield u EUNAVFOR Operazzjoni Atalanta, fil-ġlieda kontra l-piraterija 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;

32.  Jinkoraġġixxi sinerġiji ulterjuri UE-NATO f'dan il-qasam kif ukoll titjib ieħor, partikolarment fil-koordinazzjoni tal-intelligence, tas-sorveljanza u tal-isforzi ta' rikonjizzjoni (ISR);

33.  Itenni li l-inizjattivi tal-UE mmirati għat-tisħiħ tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea għandhom jgħinu wkoll biex jiżguraw li dawk l-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO jissodisfaw l-impenji tagħhom tan-NATO; iqis li li tkun Stat Membru tal-UE kif ukoll membru tan-NATO m'għandha tkun ta' detriment għal ebda stat; bl-istess mod, jisħaq li dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO għandu jkollhom obbligi differenti fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom il-kapaċità jniedu missjonijiet militari awtonomi f'ċirkostanzi meta n-NATO ma tkunx disposta taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE tkun aktar xierqa;

34.  Jilqa' l-kontinwazzjoni tat-tendenza ta' żieda fl-infiq marbut mad-difiża fost il-membri tan-NATO; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jagħmlu progress sostantiv lejn il-kisba ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża, b'20 % jkun fuq tagħmir prinċipali ġdid; iqis li l-Istati Membri tal-UE, impenjati jissodisfaw il-linji gwida tan-NATO dwar l-infiq għad-difiża, għandhom jikkunsidraw l-allokazzjoni ta' somma speċifika, fi ħdan il-linja gwida, ta' 20 % fuq l-akkwist, lejn ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jiggarantixxu li jkun hemm nefqa minima għall-innovazzjoni, li tista' tirriżulta f'teknoloġiji li jintużaw ukoll għas-settur ċivili;

35.  Ifakkar lill-membri fl-appell tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ta' Varsavja sabiex "jiffaċilitaw industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u aktar riċerka fil-qasam tad-difiża"; jemmen bis-sħiħ li l-membri tal-UE u tan-NATO jeħtieġ jikkooperaw u jfittxu sinerġiji dwar it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tagħhom sabiex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari permezz tar-rieżami annwali koordinat dwar id-difiża u l-proċess tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO; iqis li huwa importanti li kooperazzjoni teknoloġika u industrijali, li tkun effettiva u bilanċjata dwar id-difiża transatlantika, għandha tkun prijorità strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa l-miżuri previsti skont l-EDF bħala sosteniment għall-attivitajiet konġunti ta' riċerka u ta' żvilupp tal-kapaċitajiet Ewropej; iqis li impenn akbar fir-rigward tar-riċerka u l-ippjanar tal-kapaċitajiet jista' jwassal għal aktar effiċjenza;

36.  Itenni l-bżonn li tiġi żgurata l-koerenza tal-eżiti u tal-iskedi ta' żmien bejn ir-Rieżami Annwali Koordinat tal-UE dwar id-Difiża, il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet u l-proċessi rispettivi tan-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jissottolinja li l-kapaċitajiet użati fil-PSDK u żviluppati fl-ambitu tal-PESCO jibqgħu proprjetà tal-Istati Membri, li jistgħu jagħmluhom disponibbli wkoll għal oqfsa oħra;

37.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu indirizzati, f'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO, l-ostakli fiżiċi u legali għall-moviment veloċi u rapidu tal-persunal u l-assi militari fi ħdan u lil hinn mill-UE sabiex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, moviment bla xkiel tat-tagħmir u l-forzi madwar l-Ewropa, inkluża l-utilità tal-infrastruttura kritika bħat-toroq, il-pontijiet u r-rotot ferrovjarji, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni abbażi tal-pjan direzzjonali żviluppat fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jfittxu jagħmlu segwitu u jużaw il-momentum miksub s'issa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompatibbli biex jiġu ffaċilitat l-iskjerament u l-kooperazzjoni madwar l-UE u n-NATO; jirrakkomanda lill-UE u lin-NATO biex jindirizzaw ukoll il-mobbiltà ta' forzi tan-NATO li mhumiex fl-UE fi ħdan it-territorju Ewropew;

38.  Iqis li l-UE u n-NATO għandhom jaħdmu aktar biex iqawwu r-reżiljenza, id-difiża u s-sigurtà tal-ġirien u tas-sħab taż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa bil-qawwa l-fatt li l-assistenza lill-pajjiżi ġirien u sħab għall-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u għat-trawwim tar-reżiljenza, inklużi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċiberdifiża, il-ħżin ta' munizzjon u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, huma objettiv komuni, partikolarment fi tliet pajjiżi pilota (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u t-Tuneżija);

39.  Ifakkar li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-Viċinat tal-UE u jikkooperaw f'ċerti oqsma partikolari; jilqa' l-isforzi tal-UE u tan-NATO biex jipprovdu appoġġ politiku u prattiku lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jkomplu b'dawn l-isforzi sabiex jiżguraw kontinwazzjoni tal-iżvilupp demokratiku u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tal-kontinent kollu;

40.  Jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipji minquxa fid-Dokument ta' Vjenna, b'mod partikolari l-prinċipju tal-aċċess miftuħ u t-trasparenza; jilqa' f'dan ir-rigward l-aċċess miftuħ li għandhom l-osservaturi internazzjonali għall-eżerċizzji militari u l-eżerċizzji konġunti tal-UE u tan-NATO;

41.  Itenni r-rwol importanti tan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK u tan-NATO, b'mod partikolari fit-trattament tan-nisa u t-tfal fiż-żoni ta' kunflitt; jilqa' l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għarfu dan ir-rwol importanti; jirrakkomanda li l-UE u n-NATO jippromwovu b'mod proattiv d-diversità bejn il-ġeneri fl-istrutturi u fl-operazzjonijiet tagħhom;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura relazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit wara l-Brexit, b'rikonoxximent li r-Renju Unit jibqa' kontributur ewlieni għad-difiża Ewropea kemm bħala membru tan-NATO kif ukoll bħala nazzjon Ewropew, filwaqt li ma jibqax aktar membru tal-UE;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma ta' sigurtà u ta' difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

(1) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 109.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0440 u P8_TA(2017)0492.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0503 u P8_TA(2017)0493.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0092.


Ċiberdifiża
PDF 514kWORD 73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (2018/2004(INI))
P8_TA(2018)0258A8-0189/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea" (COM(2017)0315),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża" (COM(2017)0295),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Frar 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur(JOIN(2013)0001),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titlu "Valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2013 dwar iċ-Ċibersigurtà" (SWD(2017)0295),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża tat-18 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2015 dwar id-diplomazija diġitali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi ("għodda tad-diplomazija diġitali"),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE (JOIN(2017)0450),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Tallinn Manual 2.0 on the International Law Applicable to Cyber Operations"(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titlu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' April 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu ''Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, għall-ġabriet komuni ta' proposti għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta approvati mill-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017, u għar-rapport ta' progress fuq l-implimentazzjoni tagħhom fl-14 ta' Ġunju 2017 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, ‘l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà’, u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (‘l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà’) (COM(2017)0477),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0189/2018),

A.  billi l-isfidi, it-theddidiet u l-attakki ċibernetiċi u ibridi jikkostitwixxu theddida ewlenija għas-sigurtà, id-difiża, l-istabbiltà u l-kompetittività tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha; billi ċ-ċiberdifiża tinkorpora b'mod ċar kemm dimensjonijiet militari kif ukoll dimensjonijiet ċivili;

B.  billi l-UE u l-Istati Membri qed jiffaċċjaw theddida mingħajr preċedent fil-forma ta' ċiberattakki politikament motivati u sostnuta minn stat, kif ukoll kriminalità u terroriżmu ċibernetiċi;

C.  billi ċ-ċiberspazju qed jiġi rikonoxxut b'mod wiesa' mill-militar bħala l-ħames qasam operazzjonali, b'mod li jippermetti l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' ċiberdifiża; billi qed jiġu organizzati dibattiti dwar jekk iċ-ċiberspazju għandux jiġi rikonoxxut bħala l-ħames qasam ta' gwerra;

D.  billi l-klawżola ta' difiża reċiproka, l-Artikolu 42(7) tat-TUE, tipprevedi obbligu reċiproku ta' għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha ta' poter f'każ ta' aggressjoni armata fuq territorju ta' Stat Membru; billi dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri; billi l-klawżola ta' solidarjetà, l-Artikolu 222 tat-TFUE, tikkomplementa l-klawżola ta' difiża reċiproka billi tipprevedi li l-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jaġixxu b'mod konġunt meta pajjiż tal-UE jkun il-vittma ta' attakk terroristiku jew ta' diżastru naturali jew diżastru kkaġunat mill-bniedem; billi l-klawżola ta' solidarjetà timplika l-użu ta' strutturi kemm ċivili u kemm militari;

E.  billi filwaqt li ċ-ċiberdifiża għadha kompetenza ewlenija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol essenzjali x'taqdi biex tipprovdi pjattaforma għal kooperazzjoni Ewropea u biex tiżgura li dawn l-isforzi ġodda jiġu kkoordinati mill-qrib f'livell internazzjonali u fi ħdan l-arkitettura tas-sigurtà trans-Atlantika mill-bidu, sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi u l-ineffiċjenzi li huma karatteristika ta' bosta sforzi tradizzjonali dwar id-difiża; billi jeħtieġ li nwettqu aktar milli ntejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħna; billi jeħtiġilna niżguraw il-prevenzjoni effettiva billi nqawwu l-kapaċità tal-UE biex tiskopri, tiddefendi u tiskoraġġixxi; billi ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika kredibbli huma meħtieġa biex tinkiseb ċibersigurtà effettiva għall-UE filwaqt li jiġi żgurat li dawk l-istati li huma l-inqas imħejjija ma jaqgħux fil-mira ta' ċiberattakki, u billi ċiberdifiża sostanzjali għandha tkun parti neċessarja mill-PSDK u mill-iżvilupp ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; billi qegħdin f'sitwazzjoni ta' nuqqas permanenti ta' speċjalisti fiċ-ċiberdifiża bi kwalifiki għolja; billi koordinazzjoni mill-qrib fir-rigward tal-protezzjoni tal-forzi armati kontra ċ-ċiberattakki hija parti essenzjali mill-iżvilupp ta' PSDK effettiva;

F.  billi l-Istati Membri tal-UE huma spiss soġġetti għal ċiberattakki mwettqa minn atturi ostili u perikolużi, statali u mhux statali, kontra miri ċivili jew militari; billi l-vulnerabbiltà kurrenti hija prinċipalment minħabba l-frammentazzjoni ta' strateġiji u kapaċitajiet tad-difiża Ewropej, li jippermettu lil aġenziji ta' intelligence barranin ripetutament jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tas-sistemi tal-IT u tan-netwerks essenzjali għas-sigurtà Ewropea; billi l-gvernijiet tal-Istati Membri spiss naqsu milli jinfurmaw lil partijiet ikkonċernati rilevanti fil-ħin biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet fil-prodotti u s-servizzi tagħhom; billi dawn l-attakki jirrikjedu tisħiħ urġenti u li jiġu żviluppati kapaċitajiet offensivi u difensivi Ewropej fil-livelli ċivili u militari sabiex jiġi evitat l-impatt ekonomiku u soċjetali transfruntier possibbli taċ-ċiberinċidenti;

G.  billi fiċ-ċiberspazju l-konfini bejn l-interferenza ċivili u dik militari mhumiex ċari;

H.  billi bosta ċiberinċidenti jkunu saru possibbli minħabba n-nuqqas ta' reżiljenza u solidità tal-infrastruttura tan-netwerks privati u pubbliċi, minħabba bażijiet tad-data bi protezzjoni jew sigurtà skarsa u minħabba lakuni oħra fl-infrastruttura ta' informazzjoni kritika; billi huma biss ftit dawk l-Istati Membri li jieħdu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tan-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom, u tad-data assoċjata, bħala parti mid-dmir ta' diliġenza rispettiv tagħhom, fatt li jispjega n-nuqqas ġenerali ta' investimenti f'taħriġ u fl-aktar teknoloġija ta' sigurtà moderna, u fl-iżvilupp ta' linji gwida xierqa;

I.  billi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-Artikolu 16 tat-TFUE, u huma rregolati mir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2018;

J.  billi ċiberpolitika attiva u effiċjenti hija waħda li hi kapaċi tiskoraġġixxi l-għedewwa kif ukoll li tfixkel il-kapaċitajiet tagħhom u tantiċipa u tiddegrada l-kapaċità tagħhom li jattakkaw;

K.  billi diversi gruppi u organizzazzjonijiet terroristiċi jużaw iċ-ċiberspazju bħala għodda rħisa għar-reklutaġġ, ir-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' propoganda terroristika; billi l-gruppi terroristiċi, l-atturi mhux statali u n-netwerks kriminali transnazzjonali jużaw operazzjonijiet ċibernetiċi biex jiġġeneraw fondi b'mod anonimu, jiġbru intelligence u jiżviluppaw armi ċibernetiċi ħalli jwettqu kampanji ta' terrur ċibernetiku, ifixklu, jagħmlu ħsara jew jeqirdu infrastruttura kritika, jattakkaw sistemi finanzjarji u jwettqu attivitajiet oħra illegali b'implikazzjonijiet rilevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

L.  billi d-deterrenza ċibernetika u ċ-ċiberdifiża tal-forzi armati u tal-infrastrutturi kritiċi tal-Ewropa saru kwistjonijiet kritiċi f'dibattiti dwar il-modernizzazzjoni tad-difiża, l-isforzi komuni tal-Ewropa dwar id-difiża, l-iżvilupp futur tal-forzi armati u l-operazzjonijiet tagħhom, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea;

M.  billi bosta Stati Membri investew sostanzjalment fit-twaqqif ta' kmandi ċibernetiċi b'għadd adegwat ta' persunal sabiex jintlaħqu dawn l-isfidi ġodda u jtejbu r-reżiljenza ċibernetika tagħhom, iżda jeħtieġ li jsir ħafna iktar hekk kif qed issir aktar u aktar diffiċli li ċ-ċiberattakki jiġi miġġielda fil-livell tal-Istati Membri; billi l-kmandi ċibernetiċi tal-Istati Membri rispettivi jvarjaw fil-mandati offensivi u difensivi tagħhom; billi strutturi oħra ta' ċiberdifiża jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri u spiss jibqgħu frammentati; billi ċ-ċiberdifiża u d-deterrenza ċibernetika huma attivitajiet li l-aħjar jiġu indirizzati permezz ta' kooperazzjoni fil-livell Ewropew u f'koordinazzjoni mas-sħab u l-alleati tagħna, billi l-qasam operazzjonali tagħhom la jagħraf konfini nazzjonali u lanqas dawk organizzattivi; billi ċ-ċibersigurtà militari u dik ċivili huma relatati mill-qrib, u billi għalhekk jeħtieġ aktar sinerġija bejn l-ispeċjalisti ċivili u militari; billi kumpaniji privati għandhom għarfien espert sostanzjali f'dan il-qasam, b'mod li jqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar il-governanza u s-sigurtà, u dwar il-kapaċità tal-Istati biex jiddefendu liċ-ċittadini tagħhom;

N.  billi hemm bżonn urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża minħabba n-nuqqas ta' rispons f'waqtu għax-xenarju dejjem jinbidel taċ-ċibersigurtà; billi rispons rapidu u tħejjija xierqa huma elementi ewlenin sabiex tiġi żgurata s-sigurtà f'dan il-qasam;

O.  billi kemm il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Difiża huma inizjattivi ġodda bi skop neċessarju li jrawmu ekosistema li tista' tipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u għall-kumpaniji ġodda, u li jiffaċilitaw proġetti ta' kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża, u t-tnejn li huma se jikkontribwixxu biex isawru l-qafas regolatorju u istituzzjonali;

P.  billi l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO impenjaw ruħhom li jiżguraw li l-isforzi ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża – bħall-qsim ta' informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali – se jkomplu jiżdiedu;

Q.  billi fost is-sbatax-il proġett magħżula għall-PESCO, żewġ proġetti jirrigwardaw il-qasam taċ-ċiberdifiża;

R.  billi l-Fond Ewropew għad-Difiża jeħtieġ li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni globali tal-industrija tad-difiża Ewropea, billi jinvesti f'teknoloġiji diġitali u ċibernetiċi, kif ukoll li jiffaċilita l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet intelliġenti billi jipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u kumpaniji ġodda sabiex jieħdu sehem f'dan l-isforz;

S.  billi l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) varat għadd ta' proġetti biex tissodisfa l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom ta' ċiberdifiża, inklużi proġetti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħall-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża (CD TEXP), Akkomunament tat-Talbiet għal appoġġ relatat mat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża mis-settur privat (DePoCyTE) u l-proġett dwar iċ-Ċiberspazji ta' Taħriġ;

T.  billi bħalissa għaddejjin proġetti oħra tal-UE dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, id-detezzjoni tal-malware u l-qsim tal-informazzjoni (il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware (MISP) u s-Sistema b'Diversi Aġenti għall-Identifikazzjoni Avvanzata ta' Theddidiet Persistenti (MASFAD));

U.  billi l-bini tal-kapaċità u l-ħtiġijiet ta' taħriġ fil-qasam taċ-ċiberdifiża huma sostanzjali u qegħdin jiżdiedu, u billi l-aktar mod effikaċi biex dawn jintlaħqu huwa permezz ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak tan-NATO;

V.  billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, bħall-isforzi organizzattivi moderni kollha, jiddependu bil-bosta fuq sistemi tal-IT li jiffunzjonaw; billi t-theddidiet ċibernetiċi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jistgħu jeżistu f'livelli differenti li jvarjaw mil-livell tattiku (missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK) u livell operazzjonali (netwerks tal-UE) sal-livell usa' tal-infrastruttura globali tal-IT;

W.  billi s-sistemi ta' kmand u kontroll, l-iskambju ta' informazzjoni u l-loġistika jiddependu minn infrastruttura tal-IT kemm klassifikata kif ukoll mhux klassifikata, speċjalment fil-livell tattiku u operattiv; billi dawn is-sistemi huma miri attraenti għal atturi malizzjużi li jfittxu li jattakkaw il-missjonijiet; billi ċ-ċiberattakki jista' jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-infrastruttura tal-UE; billi ċ-ċiberattakki kontra l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, b'mod partikolari, ikollhom riperkussjonijiet serji, u għalhekk jeħtiġilna nitħarsu minnhom;

X.  billi huwa mifhum sewwa li ċ-ċiberdifiża għandha tiġi kkunsidrata b'mod xieraq fl-istadji kollha tal-proċess tal-ippjanar għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PESK, li tirrikjedi monitoraġġ kontinwu, u li hemm bżonn li kapaċitajiet adegwati jkunu disponibbbli sabiex din tiġi kompletament integrata fl-ippjanar tal-missjonijiet u biex jingħata kontinwament l-appoġġ kritiku meħtieġ;

Y.  billi n-netwerk tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) huwa l-uniku fornitur ta' taħriġ Ewropew għall-istrutturi, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi, skont il-pjanijiet kurrenti, ir-rwol tiegħu fil-ġbir tal-kapaċitajiet ta' taħriġ Ewropew fil-qasam ċibernetiku għandu jiżdied b'mod sostanzjali;

Z.  billi d-Dikjarazzjoni tan-NATO tas-Summit ta' Varsavja tal-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam ta' operazzjonijiet li fih in-NATO jeħtiġilha tiddefendi lilha nnifisha bl-istess mod effettiv bħal ma tagħmel fl-ajru, fuq l-art u fil-baħar;

AA.  billi l-UE u n-NATO kkontribwew għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri, permezz ta' proġetti ta' riċerka b'użu doppju kkoordinati mill-EDA u min-NATO, u għat-titjib tar-reżiljenza ċibernetika tal-Istati Membri, permezz tal-appoġġ mogħti mill-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

AB.  billi fl-2014 in-NATO stabbiliet operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bħala parti mid-difiża kollettiva tagħha, u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam operazzjonali flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO huma sħab komplementari fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom ta' reżiljenza ċibernetika u ċiberdifiża; billi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża diġà huma wieħed mill-pilastri l-aktar b'saħħithom ta' kooperazzjoni bejn it-tnejn u qasam kritiku fejn it-tnejn li huma għandhom kapaċitajiet uniċi; billi fid-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, l-UE u n-NATO qablu dwar aġenda wiesgħa ta' kooperazzjoni; billi erbgħa minn 42 proposta għal kooperazzjoni aktar mill-qrib jikkonċernaw iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, bi proposti ulterjuri mmirati lejn l-indirizzar tat-theddidiet ibridi b'mod aktar ġenerali; billi fil-5 ta' Diċembru 2017 dan ġie kkomplementat bi proposta ulterjuri dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

AC.  billi l-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni (UNGGE) ikkonkluda l-aħħar sensiela tiegħu ta' deliberazzjoni; billi, minkejja li fl-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens, japplikaw il-ftehimiet tal-2015 u tal-2013, inkluż ir-rikonoxximent li l-liġi internazzjonali eżistenti, u b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hija applikabbli u hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà, u għall-promozzjoni ta' ambjent tal-ICT miftuħ, sigur, paċifiku u aċċessibbli;

AD.  billi l-qafas li ġie varat reċentement għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-għodda tad-diplomazija diġitali tal-UE – intiża biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jinfluwenzaw l-imġiba ta' aggressuri potenzjali – tipprevedi l-użu ta' miżuri proporzjonati fi ħdan il-PESK, inklużi miżuri restrittivi;

AE.  billi atturi statali differenti – ir-Russja, iċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, fost l-oħrajn, iżda anke atturi mhux statali (inklużi gruppi tal-kriminalità organizzata) ispirati, mikrija jew sostnuti mill-istati, minn aġenziji ta' sigurtà jew minn kumpaniji privati – kienu involuti f'attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sabiex jilħqu objettivi politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà, li jinkludu attakki fuq infrastruttura kritika, spjunaġġ ċibernetiku u sorveljanza tal-massa ta' ċittadini tal-UE, billi għenu kampanji ta' diżinformazzjoni u fid-distribuzzjoni ta' malware (WannaCry u NotPetya, eċċ.) hekk li llimitaw l-aċċess għall-internet u l-funzjonament ta' sistemi tal-IT; billi dawn l-attivitajiet jinjoraw u jiksru l-liġi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tal-UE filwaqt li jipperikolaw id-demokrazija, is-sigurtà, l-ordni pubbliku u l-awtonomija strateġika tal-UE, u għalhekk għandhom iwasslu għal rispons konġunt tal-UE, billi pereżempju jintuża l-qafas għal rispons konġunt diplomatiku tal-UE, li jinkludi l-użu ta' miżuri restrittivi previsti għall-għodod tad-diplomazija ċibernetika fil-livell tal-UE, bħal fil-każ ta' kumpaniji privati, multi u restrizzjoni tal-aċċess għas-suq intern;

AF.  billi tali attakki fuq skala kbira kontra l-infrastruttura tal-ICT twettqu diversi drabi fil-passat, inkluż fl-Estonja fl-2007, fil-Georgia fl-2008, u fil-preżent kważi kuljum fl-Ukrajna; billi kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi qed jintużaw ukoll kontra l-Istati Membri tal-UE u tan-NATO fuq skala mingħajr preċedent;

AG.  billi t-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà, rilevanti għall-oqsma militari u ċivili, huma ‘teknoloġiji b'użu doppju’ li joffru bosta opportunitajiet sabiex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-atturi ċivili u militari f'għadd ta' oqsma, bħall-kriptaġġ, l-għodda għall-ġestjoni tas-sigurtà u l-vulnerabbiltà, is-sistemi ta' identifikazzjoni u prevenzjoni ta' intrużjoni;

AH.  billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ċibernetiċi matul is-snin li ġejjin se jaffettwa oqsma ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti, ir-robotika u l-apparati mobbli, u dawn l-elementi kollha jista' jkollhom ukoll diversi implikazzjonijiet relatati mas-sigurtà għall-qasam tad-difiża;

AI.  billi d-dipartimenti ta' kmand ċibernetiċi stabbiliti minn diversi Stati Membri jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-protezzjoni ta' infrastruttura ċivili essenzjali u billi, ta' spiss, l-għarfien relatat maċ-ċiberdifiża huwa wkoll utli fil-qasam ċivili;

Żvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u taċ-ċiberdeterrenza

1.  Jissottolinja li politika komuni dwar iċ-ċiberdifiża u kapaċità sostanzjali taċ-ċiberdifiża għandhom jikkostitwixxu wieħed mill-elementi ewlenin tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

2.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal pakkett taċ-ċibersigurtà sabiex trawwem ir-reżiljenza ċibernetika, iċ-ċiberdeterrenza u ċ-ċiberdifiża tal-UE;

3.  Ifakkar li ċ-ċiberdifiża għandha dimensjonijiet kemm militari u kemm ċivili, u li dan ifisser li jeħtieġ approċċ ta' politika integrata u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati militari u ċivili;

4.  Jappella għal żvilupp koerenti ta' kapaċitajiet ċibernetiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll fl-Istati Membri u li jinstabu soluzzjonijiet politiċi u prattiċi meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakoli politiki, leġiżlattivi u organizzazzjonali li jifdal għall-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża; iqis l-iskambju u l-kooperazzjoni regolari u mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi rilevanti fiċ-ċiberdifiża, fil-livell tal-UE u nazzjonali, bħala kruċjali;

5.  Jenfasizza bis-sħiħ li, fil-qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża emerġenti, il-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem nett u, kemm jista' jkun, jiġu integrati mill-bidu sabiex tiġi żgurata l-akbar effiċjenza possibbli; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp tad-dipartimenti ċibernetiċi ta' kmand rispettivi tagħhom, billi jużaw pjan direzzjonali ċar, u b'hekk jikkontribwixxu għal proċess ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mill-EDA bil-għan li l-istrutturi taċ-ċiberdifiża jiġu ssimplifikati aħjar fost l-Istati Membri, jiġu implimentati b'mod urġenti miżuri disponibbli fuq perjodu ta' żmien qasir u jitrawwem l-iskambju ta' għarfien espert; huwa tal-fehma li għandna niżviluppaw Netwerk Ewropew sigur għall-informazzjoni u l-infrastrutturi kritiċi; jirrikonoxxi li kapaċitajiet ta' attribuzzjoni b'saħħithom huma komponent essenzjali ta' ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika effikaċi, u li prevenzjoni effikaċi tirrikjedi l-iżvilupp ta' aktar għarfien espert teknoloġiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkattru r-riżorsi finanzjarji u personali, b'mod partikolari esperti fiċ-ċiberforensika, sabiex itejbu l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki; jissottolinja li tali kooperazzjoni għandha tiġi implimentata wkoll permezz tat-tisħiħ tal-ENISA;

6.  Jirrikonoxxi li bosta Stati Membri jqisu li l-pussess ta' kapaċitajiet proprji ta' ċiberdifiża huwa fil-qalba tal-istrateġija nazzjonali tas-sigurtà tagħhom u li jikkostitwixxi parti essenzjali tas-sovranità nazzjonali tagħhom; jisħaq, madankollu, li minħabba li ċ-ċiberspazju m'għandux fruntieri, il-livell u l-għarfien rikjesti għal forzi verament komprensivi u effikaċi li jiżguraw li l-għan tal-awtonomija strateġika tal-UE fiċ-ċiberspazju huma lil hinn mill-potenzjal ta' kwalunkwe Stat Membru individwali, u għaldaqstant jirrikjedu rispons intensifikat u koordinat min-naħa tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-UE; jinnota, f'dan l-isfond, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsibu ruħhom taħt pressjoni ta' żmien fir-rigward tal-iżvilupp ta' tali forzi u jeħtieġ li jaġixxu b'mod immedjat; jinnota li minħabba inizjattivi bħas-suq uniku diġitali, l-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba biex tokkupa rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' strateġiji Ewropej dwar iċ-ċiberdifiża; itenni li l-iżvilupp taċ-ċiberdifiża fil-livell Ewropew irid jippromwovi l-kapaċità tal-Unjoni biex tħares lilha nfisha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mandat permanenti propost ta' ENISA u r-rwol imsaħħaħ għaliha;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-qafas ipprovdut mill-PESCO u l-Fond Ewropew għad-Difiża meta jipproponu proġetti ta' kooperazzjoni;

8.  Jieħu nota taxoxgħol sfiq li l-UE u l-Istati Membri tagħha wettqu fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jinnota b'mod partikolari l-proġetti tal-EDA dwar is-cyber ranges, l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka dwar iċ-Ċiberdifiża u l-iżvilupp ta' pakketti ta' għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika li jistgħu jintużaw għall-kwaritieri ġenerali;

9.  Jilqa' ż-żewġ proġetti ċibernetiċi li se jitniedu fil-qafas ta' PESCO, jiġifieri l-Pjattaforma għall-Qsim tal-Informazzjoni dwar it-Theddidiet Ċibernetiċi u r-Rispons għall-Inċidenti u t-Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fiċ-Ċibersigurtà; jenfasizza li dawn iż-żewġ proġetti jiffokaw fuq politika ċibernetika difensiva li tibni fuq il-qsim tal-informazzjoni dwar it-theddidiet ċibernetiċi permezz ta' pjattaforma tal-Istati Membri li topera b'netwerk u l-istabbiliment ta' Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku li jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lil xulxin sabiex jiżguraw livell għola ta' reżiljenza ċibernetika u sabiex flimkien jidentifikaw, jirrikonoxxu u jimmitigaw theddidiet ċibernetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-proġetti PESCO, fuq it-Timijiet nazzjonali ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u fuq assistenza reċiproka fiċ-ċibersigurtà, billi jistabbilixxu Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku Ewropew bil-kompitu li jikkoordina, jidentifika u jiġġieled kontra t-theddidiet ċibernetiċi kollettivi b'appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti;

10.  Jinnota li l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa proġetti ta' ċiberdifiża hija bbażata fuq il-kompetenza tagħha fl-użu tat-teknoloġiji, tat-tagħmir, tas-servizzi u tad-data u l-ipproċessar tagħha, u fuq id-dipendenza tagħha fuq bażi ta' partijiet ikkonċernati industrijali ta' fiduċja;

11.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet tal-isforz biex titjieb l-omoġeneità tas-sistemi ta' kmand huwa li jiżgura li l-mezzi ta' kmand disponibbli jkunu interoperabbli ma' dawk tal-pajjiżi tan-NATO li mhumiex fl-UE, kif ukoll ma' dawk ta' sħab xierqa, u li jiżgura l-fluwidità tal-iskambju ta' informazzjoni sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jinżamm il-kontroll tal-informazzjoni f'kuntest ta' riskju ċebernetiku;

12.  Jirrakkomanda li jinstabu modi li jikkomplementaw il-proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti (pereżempju, l-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet Multinazzjonali ta' Ċiberdifiża, il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Multinazzjonali dwar iċ-Ċiberdifiża);

13.  Jirrikonoxxi l-iżviluppi li qed isiru f'oqsma bħan-nanoteknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali, il-big data, l-iskart-e u r-robotika avvanzata; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jagħtu attenzjoni partikolari lill-isfruttament possibbli ta' dawn l-oqsma minn atturi statali ostili u minn gruppi tal-kriminalità organizzata; jitlob l-iżvilupp ta' taħriġ u kapaċitajiet immirati lejn il-protezzjoni kontra l-emerġenza ta' skemi kriminali sofistikati bħal frodi kumpless tal-identità u l-falsifikazzjoni tal-oġġetti;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar ċarezza terminoloġika dwar is-sigurtà fiċ-ċiberspazju, kif ukoll għal approċċ komprensiv u integrat, u sforzi konġunti, sabiex jiġu miġġielda t-theddidiet ċibernetiċi u ibridi, jiġu identifikati u eliminati r-rifuġji online tal-estremisti u l-kriminali, billi jittejjeb u jiżdied il-qsim tal-informazzjoni bejn l-UE u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust, l-EDA u l-ENISA;

15.  Jissottolinja r-rwol dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali kemm fir-reati ċibernetiċi kif ukoll fiċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dan il-qasam, kemm matul ir-riċerka kif ukoll fl-iżvilupp prattiku tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tagħhom;

16.  Jenfasizza bis-sħiħ li, bl-użu ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, kemm jekk ikunu armati jew le, għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi potenzjali tagħhom;

Ċiberdifiża tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK

17.  Jenfasizza li ċ-ċiberdifiża għandha titqies bħala kompitu operattiv għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u li għandha tiġi inkluża fil-proċessi kollha ta' ppjanar tal-PSDK sabiex tiġi żgurata li ċ-ċibersigurtà titqies kontinwament fil-proċess kollu tal-ippjanar u b'hekk tnaqqas il-lakuni fil-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi;

18.  Jirrikonoxxi li, biex missjoni jew operazzjoni tal-PSDK tiġi ppjanata b'suċċess, hemm bżonn għarfien espert sostanzjali dwar iċ-ċiberdifiża kif ukoll infrastrutturi u netwerks tal-IT sikuri, kemm fir-rigward tal-kwartieri ġenerali operazzjonali kif ukoll fil-missjoni stess, sabiex issir valutazzjoni bir-reqqa tat-theddid u tingħata protezzjoni adegwata fil-qasam; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu kwartieri ġenerali għall-operazzjonijiet tal-PSDK sabiex jissaħħaħ l-għarfien espert mogħti lill-missjonijiet u lill-operazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm limitu għal kemm kwalunkwe missjoni fl-ambitu tal-PSDK tista' tiġi ppreparata biex tipproteġi lilha nnifisha minn ċiberattakki;

19.  Jenfasizza li l-ippjanar kollu fir-rigward ta' missjoni jew operazzjoni tal-PSDK jeħtieġ li jkun akkumpanjat b'valutazzjoni bir-reqqa tax-xenarju tat-theddid ċibernetiku; jinnota li t-tassonomija tat-theddidiet (threat taxonomy) imħejjija mill-ENISA tipprovdi mudell xieraq għal tali valutazzjoni; jirrakkomanda l-ħolqien ta' kapaċità ta' valutazzjoni tar-reżiljenza ċibernetika għall-kwartieri ġenerali prinċipali tal-PSDK;

20.  Jirrikonoxxi, b'mod partikolari, l-importanza li l-impronti ċibernetiċi u s-superfiċji ta' attakk tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jinżammu għall-minimu possibbli; iħeġġeġ lill-pjanifikaturi involuti biex iqisu dan sa mill-bidu tal-proċess tal-ippjanar;

21.  Jirrikonoxxi l-Analiżi tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-EDA, li wriet nuqqasijiet kbar fil-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċiberdifiża fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, mhux biss fl-Istati Membri, u jilqa' l-inizjattivi tal-EDA fir-rigward ta' korsijiet għal dawk f'pożizzjonijiet għolja li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Istati Membri b'appoġġ għall-ippjanar ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

Edukazzjoni u taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża

22.  Jinnota li xenarju ssimplifikat tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża jnaqqas it-theddidiet b'mod sinifikanti u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jqawwu l-kooperazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-eżerċizzji;

23.  Jappoġġja bis-sħiħ il-Programm Militari Erasmus u inizjattivi oħra komuni ta' taħriġ u skambju bil-għan li jtejbu l-interoperabbiltà tal-forzi armati tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta' kultura strateġika komuni permezz ta' aktar skambju ta' persunal militari żagħżugħ, filwaqt li jqis li tali interoperabbiltà hija meħtieġa fost l-Istati Membri u l-alleati kollha tan-NATO; jemmen, madankollu, li skambji għal taħriġ u edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża għandhom imorru lil hinn minn din l-inizjattiva u jinkludu persunal militari tal-etajiet kollha u mill-gradi kollha kif ukoll studenti miċ-ċentri akkademiċi kollha ta' studju dwar iċ-ċibersigurtà;

24.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' aktar esperti fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi ċivili u l-akkademji militari biex jitnaqqas dan id-distakk bil-għan li jinħolqu aktar possibbiltajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża, u biex jallokaw aktar riżorsi għal taħriġ operattiv ċibernetiku speċjalizzat dwar l-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-akkademji militari jintegraw fil-kurrikuli tagħhom l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, u b'hekk jgħinu biex ikabbru t-talent ċibernetiku disponibbli għall-ħtiġijiet tal-missjoni tal-PSDK;

25.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurmaw, iqajmu sensibilizzazzjoni u jagħtu pariri b'mod suffiċjenti u proattiv lill-kumpaniji, lill-iskejjel u liċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà u t-theddidiet diġitali ewlenin; jilqa', f'dan ir-rigward, gwidi ċibernetiċi bħala għodda li tiggwida liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet lejn strateġija ta' ċibersigurtà aħjar, tkattar l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u ttejjeb ir-reżiljenza ċibernetika universalment;

26.  Jinnota li, minħabba l-ħtieġa għal persunal aktar speċjalizzat, l-Istati Membri għandhom jiffokaw mhux biss fuq ir-reklutaġġ ta' persunal kompetenti tal-forzi armati, iżda anke fuq iż-żamma ta' speċjalisti meħtieġa;

27.  Jilqa' l-implimentazzjoni – minn ħdax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja) tal-proġett Cyber Ranges Federation – tal-ewwel erba' proġetti ta' ċiberdifiża mnedija skont l-aġenda tal-EDA dwar Akkomunament u Kondiviżjoni; jistieden lill-Istati Membri l-oħra jissieħbu f'din l-inizjattiva; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu disponibbiltà reċiproka akbar ta' taħriġ virtwali dwar iċ-ċiberdifiża u ċiberspazji ta' taħriġ; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-ENISA u l-għarfien espert tagħha għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

28.  Jemmen li tali inizjattivi jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' pjattaformi tekniċi estensivi u l-istabbiliment ta' komunità ta' esperti tal-UE; jemmen li l-forzi armati Ewropej jistgħu jwessgħu l-appell tagħhom billi jipprovdu taħriġ komprensiv dwar iċ-ċiberdifiża biex jattiraw u jżommu talent ċibernetiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati d-dgħufijiet fis-sistemi tal-kompjuter kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jirrikonoxxi li l-iżball uman huwa wieħed mid-dgħufijiet identifikati l-aktar ta' spiss fis-sistemi taċ-ċibersigurtà u jitlob, għalhekk, taħriġ regolari kemm tal-persunal militari kif ukoll ċivili li jaħdmu għall-istituzzjonijiet tal-UE;

29.  Jistieden lill-EDA tniedi l-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għal Edukazzjoni, Taħriġ u Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex tappoġġja s-Cyber Ranges Federation malajr kemm jista' jkun, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar rekwiżiti armonizzati, it-trawwim tar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u l-innovazzjonijiet tat-teknoloġija, u tassisti b'mod kollettiv lill-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom biex joħolqu reżiljenza fiċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomplementaw dawn l-inizjattivi b'ċentru ta' eċċellenza Ewropew iddedikat għat-taħriġ fiċ-ċiberdifiża sabiex jipprovdi taħriġ espert lill-aktar rekluti promettenti, b'appoġġ tat-taħriġ ċibernetiku tal-Istati Membri parteċipanti;

30.  Jilqa' t-twaqqif tal-Pjattaforma għal Edukazzjoni, Taħriġ, Eżerċizzji u Valutazzjoni dwar iċ-Ċiberdifiża(ETEE) , fi ħdan il-KESD, bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fl-Istati Membri;

31.  Iħeġġeġ aktar skambji ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni permezz ta' eżerċizzji ċibernetiċi ta' stimulazzjoni u koordinazzjoni ta' sforzi rispettivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet sabiex tinkiseb aktar interoperabbiltà u prevenzjoni u rispons aħjar għal attakki futuri; jitlob li dawn il-proġetti jiġu mwettqa ma' alleati tan-NATO, mal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE u ma' sħab oħra b'esperjenza estensiva fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki sabiex jiżviluppaw id-disponibbiltà operattiva, proċeduri u standards komuni biex jiffaċċjaw b'mod komprensiv it-theddidiet ċibernetiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-involviment tal-UE f'eżerċizzji ċibernetiċi bħall-Eżerċizzju ta' Ċiberreat u Ċiberdifiża;

32.  Ifakkar li ċiberspazju reżiljenti jirrikjedi iġjene ċibernetika impekkabbli; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jwettqu taħriġ regolari ta' iġjene ċibernetika għall-membri kollha tal-persunal tagħhom;

33.  Jirrakkomanda li jiżdied l-iskambju ta' għarfien espert u ta' tagħlimiet miksuba bejn il-forzi armati, il-forzi tal-pulizija u korpi statali oħra fl-Istati Membri li huma involuti b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku;

Kooperazzjoni UE-NATO dwar iċ-ċiberdifiża

34.  Itenni li, abbażi tal-valuri komuni u l-interessi strateġiċi tagħhom, l-UE u n-NATO għandhom ir-responsabbiltà u l-kapaċità speċjali li jindirizzaw l-isfidi dejjem akbar marbuta maċ-ċibersigurtà u maċ-ċiberdifiża b'mod aktar effiċjenti, u f'kooperazzjoni mill-qrib, billi jħarsu lejn punti komplementari possibbli, jevitaw id-duplikazzjoni u jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

35.  Jistieden lill-Kunsill, filwaqt li jaħdem ma' istituzzjonijiet u strutturi oħra rilevanti tal-UE, sabiex iqis modi biex, mill-aktar fis possibbli, jipprovdi appoġġ fil-livell tal-Unjoni sabiex il-qasam ċibernetiku jiġi integrat fid-duttrini militari tal-Istati Membri, b'mod armonizzat u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

36.  Jappella għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri li diġà ġew miftiehma; jitlob li jiġu identifikati inizjattivi ġodda għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, b'kont meħud ukoll tal-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fi ħdan iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO u l-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni tan-NATO, li għandhom l-għan li jqawwu l-kapaċitajiet ta' taħriġ għaċ-ċiberdifiża fis-sistemi tal-IT u fis-sistemi ċibernetiċi, fir-rigward tas-software u tal-hardware; jinnota li dan jista' jinkludi djalogu man-NATO dwar il-possibbiltà li l-UE li tissieħeb fl-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni bil-ħsieb li żżid il-komplementarjetà u l-kollaborazzjoni; jilqa' l-ħolqien reċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddidiet Ibridi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-alleati kollha rilevanti sabiex jiddiskutu b'mod regolari l-attivitajiet tagħhom biex jevitaw lakuni u jħeġġu approċċ ikkoordinat lejn iċ-ċiberdifiża; jemmen li huwa kruċjali li, fuq il-bażi ta' fiduċja reċiproka, jiġi stimulat l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-Istati Membri u man-NATO;

37.  Jinsab konvint li kooperazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO hija importanti u utli fil-qasam taċ-ċiberdifiża bħala mezz biex tipprevjeni, tidentifika u tiskoraġġixxi ċ-ċiberattakki; jappella, għaldaqstant, liż-żewġ organizzazzjonijiet biex iżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattivi tagħhom, u jespandu l-isforzi konġunti tagħhom għall-bini ta' kapaċità, b'mod partikolari fis-sura ta' eżerċizzji u taħriġ konġunti għall-persunal ċivili u militari fiċ-ċiberdifiża u permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi proġetti tan-NATO dwar difiża intelliġenti; iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-qsim tal-informazzjoni sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali taċ-ċiberattakki u konsengwentement jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkooperaw aktar mill-qrib anke dwar aspetti ċibernetiċi relatati mal-ġestjoni tal-kriżijiet;

38.  Jilqa' l-iskambju ta' kunċetti sabiex ir-rekwiżiti u l-istandards dwar iċ-ċiberdifiża jiġu integrati fl-ippjanar u t-twettiq ta' missjonijiet u operazzjonijiet bil-għan li titrawwem l-interoperabbiltà u jesprimi t-tama li dan se jkun segwit b'aktar kooperazzjoni operattiva sabiex jiġi żgurat l-aspett taċ-ċiberdifiża tal-missjonijiet rispettivi u s-sinkronizzazzjoni ta' approċċi operattivi;

39.  Jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters, maħsub biex jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni, l-appoġġ loġistiku, il-valutazzjonijiet tat-theddid komuni, l-akkwist tal-persunal u l-qsim tal-aħjar prattiki, u dan kollu sabiex tiġi żgurata l-abbiltà li jirrispondu għat-theddid f'ħin reali; jisħaq fuq l-importanza li jitħeġġu l-iskambji ta' informazzjoni bejn is-CERT-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters u jsiru sforzi biex jikber il-livell ta' fiduċja; jemmen li hemm suppożizzjoni li l-informazzjoni miżmuma mis-CERT-UE tista' tkun utli għar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u n-NATO, u li din l-informazzjoni għandha tinqasam, dment li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

40.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet f'eżerċizzji taċ-ċiberdifiża; jinnota l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fl-Eżerċizzju annwali dwar il-Koalizzjoni Ċibernetika; jirrikonoxxi l-progress li l-parteċipazzjoni tal-UE – permezz tal-Eżerċizzji Paralleli Kkoordinati (PACE) 17 fl-Eżerċizzju 17 tan-NATO dwar l-Immaniġġar ta' Kriżijiet – tirrappreżenta, u jilqa', b'mod partikolari, l-inklużjoni ta' komponent dwar iċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jintensifikaw dawn l-isforzi;

41.  Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

42.  Jinnota li hemm lok sostanzjali għal programm ta' kooperazzjoni aktar ambizzjuż u konkret dwar iċ-ċiberdifiża li jmur lil hinn mill-aspett kunċettwali tal-kooperazzjoni fil-kuntest ta' operazzjonijiet speċifiċi; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jimplimentaw, fil-prattika u b'mod effettiv dak kollu li diġà jeżisti u biex jippreżentaw proposti aktar ambizzjużi għar-rieżami li jmiss tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta;

43.  Jilqa' s-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO, li ġiet stabbilita fl-2014, u jappella għall-involviment tal-UE fi sforzi kooperattivi tas-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO bil-ħsieb li jingħaqad l-isforz ta' kooperazzjoni tan-NATO-UE ma' dak tal-mexxejja tal-industrija speċjalizzati f'teknoloġiji ċibernetiċi sabiex tiġi avvanzata ċ-ċibersigurtà permezz ta' kollaborazzjoni kontinwa b'enfasi partikolari fuq: taħriġ, eżerċizzji u edukazzjoni għar-rappreżentanti tan-NATO, tal-UE kif ukoll tal-industrija; L-inklużjoni tal-UE u tal-industrija fi proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti ; qsim ta' informazzjoni kollaborattiv u l-aħjar prattiki għal tħejjija u rkupru bejn in-NATO, l-UE u l-industrija; l-eżerċizzju konġunt ta' kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċiberdifiża; u rispons kollaborattiv għal ċiberinċidenti meta u fejn xieraq;

44.  Jinnota l-ħidma kontinwa dwar il-Proposta għal Regolament li jirrevedi r-Regolament tal-ENISA ((UE) Nru 526/2013) u jistabbilixxi qafas Ewropew ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT; jistieden lill-ENISA tiffirma ftehim man-NATO biex iżżid il-kooperazzjoni prattika tagħhom, inklużi l-qsim tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni f'eżerċizzji dwar iċ-ċiberdifiża;

Normi internazzjonali applikabbli għaċ-ċiberspazju

45.  Jitlob l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża fil-PESK u l-azzjoni esterna tal-UE u l-Istati Membri tagħha bħala kompitu trasversali, u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u sħab strateġiċi oħra, b'mod partikolari fir-rigward ta' regoli, normi u miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju;

46.  Jiddispjaċih li, wara diversi xhur ta' negozjati, il-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU (UNGGE) tal-2016-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens ġdid; ifakkar li, kif ġie rikonoxxut fir-rapport tal-2013, il-liġi internazzjonali eżistenti u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod partikolari – li tipprojbixxi t-theddid jew l-użu tal-forza kontra l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat, inklużi operazzjonijiet ċibernetiċi koerċittivi maħsuba biex ifixklu l-infrastruttura teknika essenzjali għall-iżvolġiment ta' proċeduri parteċipattivi uffiċjali, inklużi l-elezzjonijiet, fi stat ieħor – japplikaw u għandhom jiġu infurzati fiċ-ċiberspazju; jinnota li r-rapport UNGGE tal-2015 jelenka sett ta' normi ta' mġiba responsabbli mill-istat, inkluża l-projbizzjoni li l-istati jwettqu jew jappoġġjaw konxjament l-attivitajiet ċibernetiċi li jmorru kontra l-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-regoli internazzjonali; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' mexxejja fid-dibattiti kontinwi u futuri dwar normi internazzjonali fiċ-ċiberspazju, u l-implimentazzjoni tagħhom;

47.  Jinnota r-rilevanza tal-Manwal ta' Tallin 2.0 bħala bażi għal dibattitu u bħala analiżi ta' kif il-liġi internazzjonali eżistenti tista' tiġi applikata għaċ-ċiberspazju; jistieden lill-Istati Membri jibdew janalizzaw u japplikaw dak li l-esperti ddikjaraw fil-Manwali ta' Tallinn, u jaqblu dwar aktar normi volontarji ta' mġiba internazzjonali; jinnota, b'mod partikolari, li kwalunkwe użu offensiv tal-kapaċitajiet ċibernetiċi għandu jkun ibbażat fuq il-liġi internazzjonali;

48.  Jikkonferma l-impenn sħiħ tiegħu favur ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sigur, li jirrispetta l-valuri fundamentali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u fejn it-tilwim internazzjonali jiġi riżolt b'mezzi paċifiċi abbażi tal-Karta tan-NU u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ulterjuri ta' approċċ komuni u komprensiv tal-UE għaċ-ċiberdiplomazija u n-normi ċibernetiċi eżistenti, u jfasslu, flimkien man-NATO, kriterji u definizzjonijiet fil-livell tal-UE ta' dak li jikkostitwixxi ċiberattakk sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tasal malajr għal pożizzjoni komuni wara att internazzjonalment illegali fil-forma ta' ċiberattakk; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tan-normi volontarji u mhux vinkolanti dwar imġiba responsabbli tal-istati fiċ-ċiberspazju li jinsabu fir-rapport UNGGE tal-2015 u li jinkludu r-rispett tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u l-ħolqien ta' miżuri għall-bini ta' fiduċja reġjonali; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju biex tiżviluppa proposti għal normi u politiki li jtejbu s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u jiggwidaw imġiba responsabbli mill-istati u mhux mill-istati fiċ-ċiberspazju; japprova l-proposta li l-atturi statali u mhux statali ma għandhomx iwettqu, jew jippermettu konxjament, attività li tagħmel ħsara b'mod intenzjonat u sostanzjali lid-disponibbiltà jew l-integrità ġenerali tan-nukleu pubbliku tal-internet, u għalhekk l-istabbiltà taċ-ċiberspazju;

49.  Jirrikonoxxi li l-maġġoranza tal-infrastruttura teknoloġika hija proprjetà tas-settur privat jew hija operata minnu, u li l-kooperazzjoni mill-qrib, il-konsultazzjoni, u l-inklużjoni tas-settur privat u tal-gruppi tas-soċjetà ċivili permezz ta' djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati huma għaldaqstant essenzjali sabiex jiġi żgurat ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sikur;

50.  Jirrikonoxxi li, minħabba diffikultajiet fl-infurzar, il-ftehimiet bilaterali bejn l-istati mhux dejjem joffru r-riżultati mistennija; iqis, għaldaqstant, li l-ħolqien ta' koalizzjonijiet fi ħdan gruppi ta' pajjiżi b'intenzjonijiet simili li jiġġeneraw kunsens jikkostitwixxi mezz effikaċi li jikkomplementa l-isforzi minn diversi partijiet ikkonċernati; jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali għandhom fil-proċess tal-innovazzjoni teknoloġija u fil-qsim tad-data biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-attivitajiet terroristiċi;

51.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas għal risponsi diplomatiċi konġunti tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-hekk imsejħa Għodda tad-Diplomazija Diġitali tal-UE; jappoġġja l-possibbiltà għall-UE li tieħu miżuri restrittivi kontra avversarji li jattakkaw lill-Istati Membri tagħha fiċ-ċiberspazju, inkluża l-impożizzjoni possibbli ta' sanzjonijiet;

52.  Jitlob ukoll approċċ proattiv ċar lejn iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, u t-tisħiħ taċ-ċiberdiplomazija tal-UE bħala kompitu trasversali fil-politika barranija tal-UE u l-kapaċitajiet u l-istrumenti kollha tagħha, sabiex ikunu jistgħu effettivament isaħħu n-normi u l-valuri tal-UE, kif ukoll jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu kunsens b'mod globali dwar ir-regoli, in-normi u l-miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju; jinnota li l-bini tar-reżiljenza ċibernetika f'pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

53.  Iqis li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya u WannaCry huma jew diretti mill-istat jew iseħħu bl-għarfien u l-approvazzjoni ta' Stat; jinnota li dawn iċ-ċiberattakki, li minbarra li jikkawżaw ħsara ekonomika serja u dejjiema u huma ta' theddida għall-ħajja, huma ksur ċar tal-liġi internazzjonali u tan-normi legali; jemmen, għalhekk, li NotPetya u WannaCry jirrappreżentaw ksur tal-liġi internazzjonali kkawżat rispettivament mill-Federazzjoni Russa u mill-Korea ta' Fuq, u li ż-żewġ pajjiżi għandhom jiffaċċjaw risponsi proporzjonati u xierqa mill-UE u min-NATO;

54.  Jitlob li ċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol isir punt fokali għal diviżjonijiet tal-infurzar tal-liġi u aġenziji tal-gvern iddedikati għall-kriminalità ċibernetika, li r-responsabbiltà primarja tagħhom tkun li jimmaniġġjaw id-difiża kemm tad-dominji eu. kif ukoll tal-infrastrutturi kritiċi tan-netwerks tal-UE matul attakk; jenfasizza li tali punt fokali għandu jkollu wkoll il-mandat biex jiskambja informazzjoni u jipprovdi assistenza lill-Istati Membri;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati normi dwar il-privatezza u s-sigurtà, il-kriptaġġ, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u t-theddid terroristiku;

56.  Jirrakkomanda li kull Stat Membru jħaddan obbligi li jassistu lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun taħt ċiberattakk u jiżguraw obbligu ta' rendikont ċibernetiku nazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

Kooperazzjoni ċivili-militari

57.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jsaħħu s-sħubijiet għat-trasferiment tal-għarfien, jimplimentaw mudelli kummerċjali xierqa u jiżviluppaw fiduċja bejn il-kumpaniji u l-utenti aħħarin fid-difiża u fiċ-ċivil, kif ukoll itejbu t-trasferiment tal-għarfien akkademiku f'soluzzjonijiet prattiċi, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu ttrasferiti soluzzjonijiet bejn is-swieq ċivili u militari – jiġifieri suq uniku Ewropew għaċ-ċibersigurtà u prodotti ta' ċibersigurtà, abbażi ta' proċeduri trasparenti u b'rispett lejn il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali, bil-għan li tiġi ppreservata u msaħħa l-awtonomija strateġika tal-UE; jinnota r-rwol ċentrali li d-ditti privati taċ-ċibersigurtà jaqdu fit-twissija bikrija u l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki;

58.  Jenfasizza bis-sħiħ l-importanza tar-R&Ż, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sigurtà ta' livell għoli fis-suq tad-difiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu aktar appoġġ prattiku lill-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea u lil atturi ekonomiċi rilevanti oħrajn, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi, b'mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda (sorsi ewlenin ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża), u jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ta' riċerka universitarja u atturi ewlenin bil-ħsieb li jitnaqqsu d-dipendenzi fuq prodotti taċ-ċibersigurtà minn sorsi esterni u li tinħoloq katina tal-provvista strateġika fi ħdan l-UE sabiex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; jinnota, f'dan il-kuntest, il-kontribut siewi li jista' jsir minn strumenti tal-EDF u strumenti oħra taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra elementi taċ-ċiberdifiża f'netwerk ta' ċentri Ewropej ta' kompetenza u riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, anke bil-ħsieb li tipprovdi biżżejjed riżorsi għall-użu doppju tal-kapaċitajiet u t-teknoloġiji ċibernetiċi fi ħdan il-QFP li jmiss;

60.  Jinnota li l-protezzjoni ta' assi ta' infrastruttura kritika pubbliċi u oħrajn ċivili, b'mod partikolari s-sistemi ta' informazzjoni u d-data assoċjata, hija kompitu ta' difiża essenzjali għall-Istati Membri u, speċjalment għall-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni, u li din għandha tagħmel parti mill-mandat kemm tal-istrutturi taċ-ċiberdifiża nazzjonali kif ukoll mill-mandat ta' dawn l-awtoritajiet; jenfasizza li dan se jirrikjedi livell ta' fiduċja u l-eqreb kooperazzjoni possibbli, bejn l-atturi militari, l-aġenziji taċ-ċiberdifiża, u awtoritajiet rilevanti oħrajn u l-industriji affettwati, li tista' biss tinkiseb billi jiġu definiti b'mod ċar id-dmirijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi ċivili u militari, u jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieħdu kont ta' dan fil-proċessi tal-ippjanar tagħhom; jappella għal aktar kooperazzjoni transfruntiera, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, dwar l-infurzar tal-liġi relatat mal-eliminazzjoni ta' attività li tinvolvi attakk malizzjuż;

61.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffokaw l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà fuq il-protezzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u data assoċjata, u jqisu l-protezzjoni ta' din l-infrastruttura kritika bħala parti mill-obbligu ta' diliġenza rispettiv tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw strateġiji, linji gwida u strumenti li jipprovdu livelli xierqa ta' protezzjoni għal livelli ta' theddid li jistgħu jiġu identifikati b'mod raġonevoli, filwaqt li l-ispejjeż u l-piżijiet tal-protezzjoni għandhom ikunu proporzjonati għad-dannu probabbli għall-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi xierqa biex jobbligaw lill-persuni ġuridiċi, skont il-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jipproteġu d-data personali li huma responsabbli għaliha;

62.  Jirrikonoxxi li, minħabba l-ambjent li qed jinbidel tat-theddid ċibernetiku, tista' tiġi rrakkomandata kooperazzjoni aktar b'saħħitha u aktar strutturata mal-forzi tal-pulizija, speċjalment f'xi oqsma kritiċi, pereżempju meta jiġi traċċat theddid taħt titoli bħall-ġiħad ċibernetiku, it-terroriżmu ċibernetiku, ir-radikalizzazzjoni online u l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet estremisti jew radikali;

63.  Iħeġġeġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE bħall-EDA, l-ENISA u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità f'approċċ transsettorjali bil-għan li jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali għal approċċ ikkoordinat fir-rigward taċ-ċiberdifiża Ewropea, inkluż aġġornament tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex jiġi żgurat li dan jibqa' utli bħala l-mekkaniżmu ta' politika rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-EDA, il-Parlament u s-SEAE; jinnota li dan il-proċess irid ikun parti minn approċċ ta' strateġija usa' għall-PSDK;

65.  Jitlob għall-ħolqien ta' kapaċità ta' ċibersigurtà permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ kontinwi fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni ċibernetika, filwaqt li jitqies li fis-snin li ġejjin se jkun hemm miljuni ta' utenti ġodda tal-internet, bil-maġġoranza minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u b'hekk it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi u s-soċjetajiet fir-rigward tat-theddid ċibernetiku u ibridu;

66.  Jitlob kooperazzjoni internazzjonali u inizjattivi multilaterali sabiex jiġu żviluppati oqfsa strinġenti ta' ċiberdifiża u ta' ċibersigurtà sabiex tingħeleb il-manipulazzjoni tal-Istat imwettqa permezz tal-korruzzjoni, il-frodi finanzjarja, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u biex jiġu indirizzati l-isfidi kkawżati miċ-ċiberterroriżmu u mill-kriptomuniti u metodi alternattivi oħra ta' ħlasijiet;

67.  Jinnota li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya jinfirxu malajr, u b'hekk jikkawżaw ħsara indiskriminata, sakemm ma jkunx hemm reżiljenza mifruxa fuq livell globali; jemmen li t-taħriġ u l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża għandhom jagħmlu parti mill-azzjoni esterna tal-UE u li l-iżvilupp ta' reżiljenza ċibernetika fil-pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

Tisħiħ istituzzjonali

68.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni aktar ambizzjuża fil-qasam ċibernetiku fi ħdan il-PESCO; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jniedu programm ġdid ta' kooperazzjoni ċibernetika PESCO bil-ħsieb li jappoġġjaw l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll rapidi u effikaċi ta' operazzjonijiet u missjonijiet futuri tal-UE; jinnota li għandu jwassal għal koordinazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet operattivi fiċ-ċiberspazju, u jista' jwassal għall-iżvilupp ta' dipartiment komuni ta' kmand fir-rigward taċ-ċiberdifiża meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi hekk;

69.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ sabiex jippreżentaw white book tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jagħmlu ċ-ċiberdifiża u ċ-ċiberdeterrenza element ewlieni tal-white book, filwaqt li jkopru kemm il-protezzjoni tal-qasam ċibernetiku għall-operazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43 kif ukoll id-difiża komuni stipulata fl-Artikolu 42(7) tat-TUE;

70.  Jinnota li l-programmi ġodda ta' kooperazzjoni ċibernetika tal-PESCO għandhom jitmexxew kemm minn persunal militari kif ukoll ċivili ta' grad għoli minn kull Stat Membru, fuq bażi ta' rotazzjoni, u jkollhom obbligu ta' rendikont lejn il-ministri tal-UE tad-difiża fil-format tal-PESCO u l-VP/RGħ, sabiex jitrawwem il-prinċipju tal-fiduċja fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE meta jaqsmu l-informazzjoni u l-intelligence;

71.  Itenni t-talba tiegħu sabiex jinħoloq Kunsill tal-UE dwar id-Difiża bbażat fuq il-Bord ta' Tmexxija Ministerjali eżistenti tal-EDA u l-format tal-PESCO tal-ministri tal-UE tad-difiża, sabiex jiġu ggarantiti l-prijoritizzazzjoni, u t-tħaddim tar-riżorsi u l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni effettivi fost l-Istati Membri;

72.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Fond tad-Difiża Ewropea jinżamm, jew saħansitra jittejjeb fil-QFP li jmiss, b'baġit suffiċjenti allokat għaċ-ċiberdifiża;

73.  Jitlob żieda fir-riżorsi sabiex jiġu mmodernizzati u ssimplifkati ċ-ċibersigurtà u t-tixrid tal-intelligence bejn is-SEAE/iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN), il-Kunsill u l-Kummissjoni;

Sħubijiet pubbliċi-privati

74.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-kumpaniji privati jaqdu rwol essenzjali fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti relatati maċ-ċibersigurtà, mhux biss bħala fornituri tat-teknoloġija iżda anke bħala fornituri tas-servizzi mhux tal-IT;

75.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-settur privat fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà, flimkien mar-rwol tiegħu biex jistimula l-innovazzjoni fiċ-ċiberdifiża u jitlob, għalhekk, kooperazzjoni msaħħa mas-settur privat sabiex jiġi żgurat għarfien komuni dwar ir-rekwiżiti u l-assistenza tal-UE u n-NATO fl-għoti tal-għajnuna tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet komuni;

76.  Jistieden lill-UE twettaq rieżami komprensiv tat-tagħmir u tal-infrastruttura tas-software, tal-IT u tal-komunikazzjonijiet użati fl-istituzzjonijiet sabiex jiġu esklużi programmi u apparati potenzjalment perikolużi u jiġu pprojbiti dawk li ġew ikkonfermati bħala malizzjużi, bħal Kaspersky Lab;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ), lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tad-difiża u ċ-ċibersigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) Cambridge University Press, Frar 2017, ISBN 9781316822524, https://doi.org/10.1017/9781316822524.
(2) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0366.
(4) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 145.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0492.

Avviż legali