Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 4 ta' Ottubru 2018 - StrasburguVerżjoni finali
Deterjorament tal-libertà tal-midja fil-Belarussja, b'mod partikolari l-każ ta' Charter 97
 L-Emirati Għarab Magħquda, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Ahmed Mansoor
 Detenzjoni arbitrarja tal-massa ta' Ujguri u Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang
 Il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku
 L-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) ***I
 Ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska ***I
 Moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea***I
 Il-kontribut tal-UE għal strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem
 Is-sitwazzjoni fil-Jemen
 Il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE

Deterjorament tal-libertà tal-midja fil-Belarussja, b'mod partikolari l-każ ta' Charter 97
PDF 123kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (2018/2861(RSP))
P8_TA(2018)0375RC-B8-0451/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fi Frar 2016, l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi bħala ġest ta' rieda tajba bil-għan li tinbeda politika ta' involviment bil-ħsieb li tħeġġeġ lill-Belarussja tirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

B.  billi l-UE ripetutament tenniet li r-relazzjonijiet UE-Belarussja jistgħu jkomplu jimxu 'l quddiem ġaladarba jkunu bbażati fuq il-fiduċja u l-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi l-politiki attwali fil-Belarussja jimminaw dawn il-valuri, u b'hekk iżommu lill-UE milli toffri lill-Belarussja parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant u relazzjonijiet eqreb, jew milli tiffirma l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

D.  billi s-sitwazzjoni f'termini tal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-libertà tal-kelma qed tkompli tiddeterjora fil-Belarussja, kif juri l-fastidju gravi ta' portals tal-aħbarijiet indipendenti u ta' ġurnalisti, bħal fil-"każ BelTA";

E.  billi l-awtoritajiet Belarussi reċentement taw bidu għal mewġa ta' fastidju u intimidazzjoni mill-pulizija kontra l-ġurnalisti;

F.  billi Reporters mingħajr Fruntieri kkonkludiet li aktar minn 100 ġurnalist ġew arrestati fl-2017, il-parti l-kbira waqt li kienu qed ikopru l-protesti tal-oppożizzjoni; billi l-fastidju ta' ġurnalisti freelance li jaħdmu għal outlets tax-xandir indipendenti bbażati barra mill-pajjiż laħaq livelli bla preċedent, u l-ġurnalisti ma jistgħux jiksbu akkreditazzjoni;

G.  billi Charter 97.org, is-sit web ewlieni indipendenti tal-aħbarijiet li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-kawżi tal-oppożizzjoni u li ħa ismu mid-dikjarazzjoni tal-1997 b'talba għad-demokrazija fil-Belarussja li kienet ġiet iffirmata minn ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti fil-qasam tad-drittijiet, ġie mġiegħel iġorr lejn Varsavja fil-Polonja, fejn ilu jopera mill-2011, wara li ġie bblukkjat diversi drabi mill-awtoritajiet Belarussi, waqt li l-pulizija wettqu rejd fuq l-uffiċċji tiegħu u kkonfiskaw it-tagħmir tiegħu fl-istess sena;

H.  billi mill-24 ta' Jannar 2018, l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie blukkjat fil-Belarussja, għal tul ta' żmien indefinit, mingħajr proċess legali u fost allegazzjonijiet vagi ta' "theddidiet għall-interess nazzjonali"; billi skont il-kap editur ta' Charter 97, Natalya Radina, fix-xahar wara l-ibblukkjar tas-sit web ta' Charter 97, l-għadd ta' viżitaturi għas-sit mill-Belarussja naqas b'70 %;

I.  billi s-Sa Radina rċeviet theddidiet ta' mewt;

J.  billi fis-16 ta' April 2018 l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie bblukkjat ukoll mill-awtoritajiet Russi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa;

K.  billi l-fundatur tad-dikjarazzjoni Charter 97, Aleh Byabenin, instab mgħallaq f'daru qrib Minsk f'Settembru 2010; billi Pavel Sheremet, kelliem ta’ Charter 97 imwieled fil-Belarussja, inqatel fi splużjoni ta' karozza bomba f'Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, f'Lulju 2016;

L.  billi fil-bidu ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Belarussi wettqu rejds fl-uffiċji editorjali ta' diversi outlets indipendenti Belarussi, li bdew bis-sit Tut.by u komplew bi tfittxijiet f'BelaPAN, realty.by, Belaruskaya Navuka u Kultura; billi r-rejds irriżultaw fl-arresti u d-detenzjoni ta' diversi ġurnalisti, inkluż l-editur kap ta' Tut.by, fuq allegazzjonijiet li kienu aċċessaw b'mod illegali u użaw informazzjoni online provduta mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat BelTA;

M.  billi fis-7 ta' Awwissu 2018, il-Kumitat Investigattiv tal-Belarussja fetaħ kawża kriminali taħt l-Artikolu 349(2) tal-Kodiċi Kriminali li ġġorr piena massima ta' sentejn priġunerija (aċċess illegali għall-informazzjoni f'kompjuter imwettaq b'interess personali ieħor li kkawża dannu sostanzjali) kontra ġurnalisti u edituri ta' għadd ta' riżorsi online u arresta 18-il ġurnalist, li seba' minnhom ġew detenuti bħala suspettati għal tlett ijiem; billi kien hemm każijiet fejn saret pressjoni fuq ġurnalisti u qraba tagħhom u li ġew imġiegħla jikkoperaw mas-servizzi tal-intelligence u l-pulizija;

N.  billi l-aħħar emendi għal-Liġi tal-Mezzi tax-Xandir tal-Massa, adottati f'Ġunju 2018, jestendu l-kontroll tal-gvern għall-outlets tal-mezzi tax-xandir online; billi l-bidliet, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2018, se jimponu aktar ostakoli burokratiċi għal siti web li jkunu jixtiequ jirreġistraw bħala outlets uffiċjali tal-mezzi tax-xandir online;

O.  billi s-siti web li jagħżlu li ma jirreġistrawx, minkejja l-leġiżlazzjoni l-ġdida, jew li ma jissodisfawx il-kriterji l-ġodda, qed jiġu miċħuda akkreditazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-gvern, u b'hekk l-istampa qed tiġi ċċensurata saħansitra aktar; billi l-outlets tal-mezzi tax-xandir online, kemm dawk reġistrati kif ukoll dawk li mhumiex, se jkunu obbligati wkoll li jirreġistraw l-ismijiet tal-persuni li jissottomettu kummenti; billi s-sidien tal-outlets tal-mezzi tax-xandir online reġistrati se jkunu wkoll responsabbli legalment għall-kontenut ta' tali kummenti;

P.  billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida se tirrikjedi li l-awturi tal-kitbiet u l-kummenti kollha fuq fora online jiġu identifikati u li s-sidien tas-sit web jikkontrollaw tali kummenti;

Q.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u r-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Media, Harlem Désir, esprimew il-fehma li dawn il-bidliet leġiżlattivi jikkostitwixxu restrizzjoni inaċċettabbli tal-libertà tal-kelma u tal-aċċess għall-informazzjoni;

R.  billi l-Belarussja tinsab fil-155 post fl-indiċi dinji tal-libertà tal-istampa tal-2017 ta' Reporters mingħajr Fruntieri, li tevalwa l-livell ta' libertà tal-istampa f'180 pajjiż kull sena;

S.  billi mill-bidu tal-2018, ġurnalisti Belarussi, li d-dritt tagħhom li jiġbru, jaħżnu u jxerrdu l-informazzjoni huwa garantit bil-Kostituzzjoni, ġew immultati aktar minn 70 darba għal kooperazzjoni ma' mezzi tax-xandir tal-massa barranin mingħajr akkreditazzjoni, b'multi li jammontaw għal BYN 60000; billi l-Artikolu 22.9 tal-Kodiċi ta' Ksur Amministrattiv sar għodda effiċjenti għall-fastidju tal-ġurnalisti indipendenti u outlets tal-mezzi tax-xandir bħal Belsat TV, li ilu mill-2011 jopera mill-Polonja;

T.  billi l-Belarussja hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jipprattika l-piena kapitali;

U.  billi kategoriji speċifiċi ta' nies fil-Belarussja qed jiġu soġġetti għal priġunerija falza u detenzjoni arbitrarja, iċ-ċaħda tal-kura xierqa u tal-kuntatt mal-qraba waqt id-detenzjoni, vjolenza fiżika u psikoloġika organizzata mill-istat, prosekuzzjoni u kundanni għal akkużi invalidi u falsifikati, penali finanzjarji sproporzjonati, sanzjonijiet amministrattivi u forom oħra ta' repressjoni mill-awtoritajiet Belarussi; billi dawn il-kategoriji jinkludi l-priġunieri politiċi (notevolment Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka), avversarji politiċi magħrufa, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, atturi tas-soċjetà ċivili, attivisti ta' organizzazzjonijiet ambjentali, mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, bloggers indipendenti, ġurnalisti u edituri, dimostranti paċifiċi mill-faxex kollha tas-soċjetà, u b'mod partikolari, attivisti ta' għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema (notevolment Henadz Fiadynich u Ihar Komlik);

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u d-detenzjoni tal-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Belarussja; iħeġġeġ l-awtoritajiet itemmu l-fastidju ġudizzjarju, l-intimidazzjoni u t-theddid kontral-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti u li jippermettu l-portals kollha tal-aħbarijiet joperaw liberament;

2.  Jikkunsidra bħala inaċċettabbli l-ibblukkjar, minn Jannar 2018, tas-sit web tal-aħbarijiet Charter 97 mill-awtoritajiet Belarussi; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat u bla kundizzjonijiet ineħħi l-ibblukkar impost fuq l-aċċess bl-internet għas-sit web tal-aħbarijiet fil-Belarussja;

3.  Jikkundanna b'qawwa l-emendi adottati għal-liġi tal-mezzi tax-xandir, li qed jintużaw biex iżidu l-kontroll fuq l-internet; itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-klima li qed teħżien għas-siti web u l-outlets tal-mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti fil-Belarussja;

4.  Hu tal-fehma li l-mezzi tax-xandir indipendenti ma jikkostitwixxux theddida għall-awtoritajiet iżda saħansitra huma element importanti tas-sistema ta' kontrolli u bilanċi u għaldaqstant għandhom jitqiesu mill-gvern bħala sieħeb kritiku potenzjali, u mhux bħala għadu;

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Belarussja qed tkompli tippersisti b'politika ta' trażżin u mhux demokratika kontra l-ġurnalisti, l-avukati, l-attivisti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-protagonisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema u oħrajn li jitqiesu bħala theddida għal dawk li għandhom il-poter politiku; jenfasizza li tali trażżin jostakola kwalunkwe relazzjoni eqreb mal-UE u parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex isaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż ir-rispett għall-ġurnaliżmu ġenwin u imparzjali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Belarussja;

7.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja referenzi sodi għall-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi ta' assistenza tal-UE u forom oħra ta' kooperazzjoni bilaterali, inkluża l-assistenza finanzjarja, iridu jkunu marbuta ma' passi ċari u tanġibbli lejn id-demokratizzazzjoni u l-ftuħ, inkluża riforma elettorali komprensiva u rispett sħiħ għal-libertà tal-mezzi tax-xandir;

8.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sorsi indipendenti kollha ta' informazzjoni għas-soċjetà Belarussa, inkluż ix-xandir bil-lingwa Belarussa, u dawk barra l-pajjiż bħal Charter 97 u Belsat TV;

9.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, b'kooperazzjoni mar-Rapporteur Permanenti tan-NU għall-Belarussja;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jippermettu l-funzjonament sħiħ u mhux imxekkel tal-organizzazzjonijiet politiċi u pubbliċi u jirrevokaw l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali li jneħħi l-libertajiet ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi;

11.  Jitlob b'qawwa l-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka, u r-riabilitazzjoni sħiħa tal-ex-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-awtoritajiet biex jippermettu lill-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema jaqdu r-rwol leġittimu u ċentrali tagħhom fis-soċjetà ċivili mingħajr xkiel; jiddispjaċih dwar il-kundanna, fl-24 ta' Awwissu 2018, ta' Henadz Fiadynich u Ihar Komlik, attivisti tal-għaqda indipendenti tal-ħaddiema REP, ta' erba' snin b'libertà ristretta;

12.  Ifaħħar ix-xogħol imwettaq mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u jiġbed l-attenzjoni tas-suċċessur tiegħu, Anaïs Marin, dwar id-diversi abbużi ta' poter, tnaqqis tal-libertajiet individwali u kollettivi u t-trażżin tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema u l-mezzi tax-xandir indipendenti, kif identifikat b'mod ċar fir-rapporti tas-Sur Haraszti;

13.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jirrikonoxxu l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja mingħajr dewmien, u lill-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex jikkundizzjonaw kwalunkwe assistenza finanzjarja jew teknika lill-Belarussja maċ-ċirkostanzi stabbiliti hawn fuq, filwaqt li tiġi ppreservata l-possibiltà li l-UE tiffinanzja b'mod dirett lis-soċjetà ċivili Belarussa;

14.  Għadu mħasseb dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant nukleari f'Ostrovets; jinnota r-rapport dwar it-testijiet tal-istress u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati fit-3 ta' Lulju 2018 u jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress jiġu implimentati bħala kundizzjoni għal kwalunkwe avvanz ulterjuri fil-kooperazzjoni UE-Belarussja, b'mod partikolari għall-iffirmar tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.


L-Emirati Għarab Magħquda, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Ahmed Mansoor
PDF 134kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar l-Emirati Għarab Magħquda, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ahmed Mansoor (2018/2862(RSP))
P8_TA(2018)0376RC-B8-0456/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, inkluża dik tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Emirati Għarab Magħquda(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Ġunju 2018, li fiha kkundanna s-sentenza ta' 10 snin ħabs mogħtija lil Ahmed Mansoor,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni tal-Emirati Għarab Magħquda (EGħM),

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-EGħM huma parti fiha,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-12 ta' Ġunju 2018, li fiha talbu l-ħelsien immedjat tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ahmed Mansoor mill-ħabs,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Lulju 2016 maħruġa mill-Kopresidenti tal-25 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u l-Laqgħa Ministerjali tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf fi Brussell,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-EGħM huma parti fihom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Ahmed Mansoor ġie arrestat mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-EGħM f'Marzu 2017; billi Mansoor huwa attivist prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u fl-2015 rebaħ il-Premju Martin Ennals għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi huwa jaf kien l-aħħar difensur tad-drittijiet tal-bniedem fl-EGħM li kien irnexxielu jikkritika lill-awtoritajiet pubblikament;

B.  billi, fi stqarrija maħruġa fid-29 ta' Marzu 2017, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-EGħM spjega li "l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għar-Reati Elettroniċi ordna l-arrest tas-Sur Ahmed Mansoor, akkużat li xerred informazzjoni falza u qarrieqa fuq l-Internet b'aġenda mmirata għat-tixrid tal-antipatija u s-settarjaniżmu"; billi din u stqarrijiet uffiċjali oħra tal-awtoritajiet tal-EGħM jindikaw li l-unika raġuni għall-arrest, il-proċess u l-kundanna fil-konfront tiegħu kien il-kontenut ta' dak li esprima online, u l-akkużi kontra tiegħu huma bbażati fuq l-allegat ksur tal-liġi repressiva dwar iċ-ċiberkriminalità adottata mill-EGħM fl-2012, li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-EGħM jistgħu jsikktu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li tipprevedi sentenzi ta' ħabs twal u pieni finanzjarji ħorox għall-individwi li jikkritikaw lill-mexxejja tal-pajjiż;

C.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem wasal għall-konklużjoni li l-arrest u l-kustodja sigrieta ta' Ahmed Mansoor jistgħu jkunu att ta' tpattija għall-kollaborazzjoni tiegħu mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u għall-fehmiet li esprima fuq il-midja soċjali, inkluż fuq Twitter, kif ukoll talli kien membru attiv ta' organizzazzjonijiet bħaċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem;

D.  billi grupp ta' esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem talab lill-Gvern tal-EGħM jeħles lil Mansoor mill-ħabs, u ddeskriva l-arrest tiegħu bħala attakk dirett fuq il-ħidma leġittima tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-EGħM;

E.  billi, fid-29 ta' Mejju 2018, Ahmed Mansoor ingħata sentenza ta' 10 snin ħabs talli, wara proċess ġudizzjarju inġust għall-aħħar f'Abu Dhabi, eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-kelma permezz ta' Twitter; billi ngħata wkoll multa ta' miljun dirham tal-EGħM (EUR 232 475) u tqiegħed taħt sorveljanza għal tliet snin wara li jinħeles; billi Mansoor appella s-sentenza, iżda ż-żmien li jieħu l-proċess tal-appell għadu mhux ċar;

F.  billi xi rapporti jgħidu li, mindu ġie arrestat f'Marzu 2017, Mansoor ma tħalla jagħmel l-ebda forma ta' kuntatt mal-familja tiegħu, u martu ngħatat l-opportunità żżuru erba' darbiet biss minn dakinhar; billi xi rapporti jgħidu li, mindu ġie arrestat, baqa' jinżamm f'iżolament u, allegatament, ġie ttorturat; billi, skont l-awtoritajiet tal-EGħM, qed jinżamm fil-ħabs ta' Al Sadr f'Abu Dhabi;

G.  billi jidher li Mansoor ma tħalliex iqabbad avukat indipendenti tal-għażla tiegħu minkejja li l-gvern qal li jista' jagħmel hekk; billi l-assistenza ta' avukat hija wieħed mid-drittijiet bażiċi ta' kull persuna arrestata, kif stipulat fl-Artikolu 16 tal-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ratifikata mill-EGħM;

H.  billi Ahmed Mansoor ilu jiġi intimidat u ppersegwitat mill-awtoritajiet tal-EGħM għal aktar minn sitt snin u kemm-il darba kellu jħabbat wiċċu ma' attakki fuq persuntu, theddid fuq ħajtu u sorveljanza fiżika u elettronika; billi, wara seba' xhur ta' arrest preventiv, ġie kkundannat tliet snin ħabs talli fl-2011 "insulta lill-uffiċjali" fi proċess ġudizzjarju meqjus inġust; billi wara tmien xhur ingħata maħfra presidenzjali u nħeles, iżda l-awtoritajiet qatt ma tawh lura l-passaport u b'hekk imponewlu divjet de facto fuq l-ivvjaġġar;

I.  billi, qabel ġie arrestat, Mansoor kien fost il-133 persuna li ffirmaw petizzjoni biex jiġu organizzati elezzjonijiet universali u diretti fl-EGħM u biex il-Kunsill Nazzjonali Federali, bord konsultattiv tal-gvern, jingħata poteri leġiżlattivi; billi Mansoor kien ukoll jamministra l-forum online Al-Hiwar al-Emarati, li kien jikkritika l-politika u l-mexxejja tal-gvern tal-EGħM; billi Mansoor huwa membru tal-Kumitat Konsultattiv għal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq tal-Human Rights Watch u huwa involut attivament fil-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

J.  billi r-residenti tal-EGħM li tkellmu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem qegħdin f'riskju serju ta' arrest arbitrarju, priġunerija u tortura; billi t-trażżin tal-attiviżmu paċifiku favur riforma kostituzzjonali u b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem għadu għaddej; billi l-attakki fuq il-membri tas-soċjetà ċivili, inklużi l-isforzi biex l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u oħrajn jissikktu, jintefgħu l-ħabs u jingħataw fastidju saru dejjem aktar komuni f'dawn l-aħħar snin;

K.  billi, wara ż-żjara tagħha fl-EGħM fl-2014, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati qalet li l-avukati li jaħdmu fuq kawżi relatati mas-sigurtà tal-istat "ġew intimidati, mhedda u saritilhom pressjoni"; billi hija kkundannat il-fatt li "s-sistema ġudizzjarja għadha de facto taħt il-kontroll tal-fergħa eżekuttiva tal-gvern";

L.  billi ħarġet evidenza li xi Stati Membri tal-UE approvaw l-esportazzjoni ta' diversi teknoloġiji ta' ċibersorveljanza lejn pajjiżi li għandhom storja diżastruża fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-EGħM;

M.  billi fl-EGħM għadha tingħata l-piena tal-mewt; billi bħalissa hemm mill-inqas 19-il persuna li nqatgħetilhom għall-mewt, u fl-2017 saret eżekuzzjoni waħda;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-intimidazzjoni, il-persekuzzjoni u l-arrest ta' Ahmed Mansoor u tad-difensuri l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem sempliċement għax jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u għax jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu ruħhom kemm online u kemm offline; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-EGħM jinvestigaw b'mod imparzjali u fil-fond l-attakki kontra l-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex min wettaqhom jitressaq quddiem il-ġustizzja;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet jeħilsu lil Ahmed Mansoor immedjatament u bla kundizzjonijiet, u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrih, għaliex qed jinżamm il-ħabs sempliċement minħabba t-twemmin tiegħu u talli eżerċita paċifikament id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż permezz tal-ħidma tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll biex il-priġunieri kollha li qegħdin il-ħabs fl-EGħM minħabba t-twemmin tagħhom jinħelsu immedjatament u bla kundizzjonijiet, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti li Ahmed Mansoor ġie ttorturat jew maltrattat fil-ħabs, u li qed jinżamm f'iżolament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet u jagħtuh aċċess immedjat u regolari għal avukat, għal familtu u għal kwalunkwe kura medika li jista' jkollu bżonn; ifakkar lill-awtoritajiet tal-EGħM li, skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżolament indefinit u fit-tul jista' jikkostitwixxi forma ta' tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor, u li n-nuqqas ta' mandat ta' arrest jew kwalunkwe superviżjoni ġudizzjarja fl-arrest u l-kustodja tiegħu jirrappreżenta ksur tal-prinċipji fundamentali tal-proċess ġust skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-EGħM jaraw li l-priġunieri li jkunu tqiesu li kisru l-liġi jgħaddu minn proċess ġust u jiġu pproċessati liberament u ġustament skont l-istandards internazzjonali;

5.  Jistieden lill-EGħM jirrevedu l-liġi federali dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità sabiex jagħmluha konformi mal-istandards internazzjonali b'rabta mad-dritt ta' kull persuna li tfittex, tirċievi, ixxerred u taqsam informazzjoni u ideat ma' ħaddieħor, id-dritt għal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-informazzjoni, l-aċċess għall-internet u d-dritt għall-privatezza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-EGħM jemendaw il-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-liġi tal-2012 dwar iċ-ċiberkriminalità u l-Liġi Federali Nru 2/2008, li kemm-il darba ntużaw biex jittieħdu passi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-EGħM jwaqqfu kull forma ta' intimidazzjoni kontra l-individwi u jneħħu immedjatament id-divjet fuq l-ivvjaġġar fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jinsisti li jiggarantixxu li, f'kull ċirkustanza, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-EGħM jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kemm barra u kemm ġewwa l-pajjiżi, mingħajr biża' ta' tpattija;

7.  Jappella għal divjet mal-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' apparat tas-sigurtà li jintuża jew jista' jintuża għar-repressjoni interna fl-EGħM, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza tal-internet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem akbar ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront tal-attivisti u l-ġurnalisti; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi kontinwi tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi aġġornat ir-regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' prodotti b'użu doppju;

8.  Jesprimi tħassib dwar l-għadd dejjem akbar ta' individwi li qed jiġu kkastigati talli jikkollaboraw man-NU u mal-korpi differenti tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-EGħM ma jibqgħux ifixklu u jintimidaw lill-individwi involuti fid-diversi mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; iħeġġeġ lill-awtoritajiet, barra minn hekk, iħallu lill-esperti tan-NU, lill-NGOs internazzjonali jew lill-uffiċjali tal-UE jżuru lil Ahmed Mansoor;

9.  Jappella għal aktar libertajiet fl-EGħM; jissottolinja li huwa importanti li l-EgħM jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-dritt tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jaraw li l-libertà tal-kelma, tal-ħsieb u tal-espressjoni taċ-ċittadini kollha tal-EGħM tkun imħarsa kemm online u kemm offline, u li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 6(a) u 12(2); jenfasizza li dawn il-libertajiet huma ggarantiti mhux biss mill-istrumenti universali tad-drittijiet tal-bniedem, iżda anke mill-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-EGħM huma parti fiha;

10.  Jistieden lill-EGħM jikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li "jirrispettaw l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem" billi jirratifikaw l-ICCPR u l-protokolli fakultattivi tiegħu u billi joħorġu stedina permanenti li tippermetti żjarat min-naħa tad-detenturi tal-mandat tal-proċeduri speċjali tan-NU;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ, kif ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, jieħdu pożizzjoni pubblika b'saħħitha dwar dan il-ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem, anke billi jitolbu l-ħelsien ta' Ahmed Mansoor f'kull kuntatt li jkollhom mal-awtoritajiet tal-EGħM; iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE f'Abu Dhabi tipprovdi kull appoġġ xieraq lil Ahmed Mansoor, inklużi żjarat fil-ħabs, monitoraġġ tal-proċess u għoti ta' assistenza legali jew kwalunkwe forma oħra ta' għajnuna li jista' jkollu bżonn; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet meħuda s'issa mid-Delegazzjoni tal-UE b'appoġġ għal Ahmed Mansoor;

12.  Jistieden lis-SEAE jipproponi, u lill-Istati Membri jadottaw, miżuri mmirati min-naħa tal-UE b'rabta ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt f'kull ċirkustanza u jitlob moratorju bil-ħsieb li titneħħa darba għal dejjem;

14.  Iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-EGħM; iqis li l-laqgħat interparlamentari regolari bejn il-Parlament u sħabu fir-reġjun tal-Golf huma forum importanti biex jiġi żviluppat djalogu kostruttiv u sinċier dwar kwistjonijiet ta' interess komuni; jenfasizza li d-diskussjonijiet interparlamentari m'għandhomx jiffukaw biss fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u kummerċ, iżda għandhom jinkludu wkoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala suġġett kruċjali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Emirati Għarab Magħquda, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bl-Għarbi.

(1) ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 40.


Detenzjoni arbitrarja tal-massa ta' Ujguri u Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang
PDF 134kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta’ Xinjiang (2018/2863(RSP))
P8_TA(2018)0377RC-B8-0460/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: id-drittijiet tal-minoranza u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(1), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(2), tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che(3), tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(4), u tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet f'minoranza",

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, li tnediet fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tat-22 ta' Ġunju 2016 tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titolu "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina" (JOIN(2016)0030),

–  wara li kkunsidra s-36 sessjoni tad-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li saret f'Beijing fid-9 u l-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rimarki fl-indirizz magħmul minn Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, għad-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-10 ta' Settembru 2018, li fih esprimiet tħassib serju dwar il-"kampijiet ta' edukazzjoni mill-ġdid" u talbet lill-gvern Ċiniż biex jaċċetta investigaturi indipendenti,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' allegazzjoni ġenerali li ntbagħtet f'Mejju 2018 mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID) lill-Gvern Ċiniż, fejn intwera t-tħassib dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni u tal-għadd dejjem jikber ta' Ujguri li qed jinżammu arrestati b'mod arbitrarju,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-interess li wriet iċ-Ċina li tosservahom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi minn meta l-President Xi Jinping tela' fil-poter, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tmur għall-agħar, bil-gvern iħarrax l-ostilità tiegħu fil-konfront tal-kontestazzjoni paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon, u l-istat tad-dritt;

C.  billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu madwar 11-il miljun Ujgur u Każak etniku, iddeterjorat b'mod rapidu f'dawn l-aħħar snin, hekk kif il-kontroll assolut tax-Xinjiang akkwista prijorità għolja, filwaqt li qed jinħolqu sfidi ulterjuri mill-attakki terroristiċi perjodiċi fix-Xinjiang jew allegatament konnessi max-Xinjiang min-naħa tal-Ujguri;

D.  billi l-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali kkwota estimi li "minn għexieren ta' eluf għal miljun Ujgur" x'aktarx jinstabu miżmuma fir-reġjun awtonomu Ujgur tax-Xinjiang (XUAR), mingħajr ma qed jiġu mixlija jew ipproċessati, bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż; billi dan jirrappreżenta t-tfigħ-il ħabs tal-akbar massa ta' popolazzjoni ta' minoranza etnika fid-dinja illum;

E.  billi l-Kummissjoni Eżekuttiva tal-Kungress tal-Istati Uniti dwar iċ-Ċina ddikjarat li hemm informazzjoni valida li l-Ujguri, il-Każaki u minoritajiet etniċi primarjament Musulmani oħrajn fix-XUAR kienu soġġetti għal arrest arbitrarju, tortura, restrizzjonijiet flagranti fuq il-prattika u l-kultura reliġjuża, u sistema ta' sorveljanza diġitizzata tant mifruxa li kull aspett tal-ħajja ta' kuljum hu sorveljat permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ, skens tat-telefon ċellulari, ġbir tad-DNA, u preżenza wiesgħa u invażiva tal-pulizija;

F.  billi ġie rappurtat li d-detenuti qed jinżammu f'kundizzjonijiet ħżiena, soġġetti għal indottrinazzjoni politika, inklużi korsijiet obbligatorji fil-patrijottiżmu, u huma mġegħlin jiddenunzjaw l-identità etnika jew reliġjuża tagħhom; billi hemm rapporti reċenti ta' mwiet f'kustodja, inkluż ta' suwiċidji;

G.  billi kien hemm rapporti li eluf ta' tfal ġew mifruda mill-ġenituri tagħhom, li qed jinżammu b'mod arbitrarju fil-kampijiet ta' internament, u li dawn qed jinżammu f'orfanatrofji ffullati, anki jekk ġenitur wieħed biss qed jinżamm f'kamp ta' detenzjoni;

H.  billi fis-smigħ tan-NU f'Ġinevra fit-13 ta' Awwissu 2018, id-delegazzjoni Ċiniża ċaħdet l-akkużi li saru minn esperti tan-NU dwar Musulmani etniċi Ujguri miżmuma f'kampijiet ta' "riedukazzjoni" fir-reġjun tal-punent tax-Xinjiang; billi teżisti evidenza komprensiva tal-kostruzzjoni u t-tkabbir ta' dawn il-faċilitajiet;

I.  billi xi ġurnalisti barranin saritilhom pressjoni biex joqogħdu lura milli jirrapportaw dwar kwistjonijiet sensittivi bħad-drittijiet tal-bniedem tal-Ujguri u l-użu ta' kampijiet ta' internament, li f'xi każijiet kien jinkludi r-rifjut li jiġġeddu l-kredenzjali tal-istampa;

J.  billi ma jeżisti mkien fid-dinja fejn il-popolazzjoni hija sorveljata b'mod strett bħal dik fix-XUAR; billi l-gvern provinċjali rrekluta għexieren ta' eluf ta' persunal addizzjonali tas-sigurtà;

K.  billi hemm data miġbura minn "pjattaformi integrati ta' operazzjonijiet konġunti" li taħżen ukoll data ulterjuri dwar il-popolazzjoni, inklużi d-drawwiet tal-konsumaturi, l-attività bankarja, l-istat tas-saħħa u l-profil tad-DNA ta' kull abitant fir-reġjun tax-XUAR; billi l-Musulmani fir-reġjun huma obbligati jkollhom applikazzjoni spyware fuq il-mowbajls tagħhom u n-nuqqas ta' installazzjoni tal-applikazzjoni huwa meqjus bħala reat;

L.  billi xhieda diretta u riċerka akkademika kredibbli indikaw li hemm fil-mira, b'mod intenzjonat, Ujguri li għandhom rabtiet ma' nies barra minn pajjiżhom u dawk bi twemmin reliġjuż;

M.  billi l-Ujguri li jgħixu barra l-pajjiż ġew taħt pressjoni biex jerġgħu lura lejn iċ-Ċina, spiss bl-appoġġ tal-Istati ospitanti; billi l-ambaxxati Ċiniżi barra l-pajjiż irrifjutaw li jġeddu ħafna passaporti ta' ċittadini Ujguri, u dan iwassal għal insikurezza f'termini ta' xogħol u ta' studju,

N.  billi l-Gvern Ċiniż ċaħad kategorikament it-talbiet tal-WGEID u tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll ta' mandati oħra tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, biex jintbagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang;

O.  billi l-professur tal-ekonomija Ujgur Ilham Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 fuq akkuża ta' allegat separatiżmu wara li ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi sebgħa mill-istudenti preċedenti tiegħu wkoll ġew arrestati u ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn tliet snin u tmien snin talli allegatament ikkollaboraw mas-Sur Tohti; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Ujgura;

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar ir-reġim dejjem aktar oppressiv impost fuq minoranzi differenti, partikolarment Ujguri u Każaki, b'restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni kulturali u tat-twemmin reliġjuż, tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll tal-assemblea u ta' assoċjazzjoni paċifika; jesiġi li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm immedjatament il-prattika tal-arresti arbitrarji tal-membri tal-minoranzi Ujguri u Każaki, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha u jeħles il-persuni arrestati immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet; jinsab ferm imħasseb dwar l-allegazzjonijiet numerużi ta' kundizzjonijiet ħżiena, tortura u mwiet fil-kampijiet; ifakkar lill-awtoritajiet Ċiniżi li l-faċilitajiet ta' riedukazzjoni ma għandhom l-ebda bażi legali;

3.  Jinsab allarmat bir-rapport tal-mewt ta' Muhammad Salih Hajm, Abdulnehed Mehsum, Ayhan Memet u oħrajn, ilkoll anzjani Ujguri, akkademiċi u mexxejja tal-komunità, fil-kampijiet ta' internament;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri li jiżguraw "is-superviżjoni komprensiva" tar-reġjun min-naħa tal-Istat permezz tal-installazzjoni tas-sistema ta' sorveljanza elettronika Ċiniża "Skynet" fiż-żoni urbani ewlenin, l-installazzjoni ta' trackers tal-GPS fil-vetturi kollha, l-użu ta' scanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-punti ta' kontroll u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, u l-isforz ta' ġbir tad-demm mill-pulizija tax-Xinjiang biex tkompli tiġi estiża l-bażi ta' data tad-DNA taċ-Ċina;

5.  Jenfasizza li l-kontroll tal-gvern u l-ġbir massiċċ obbligatorju tad-data taċ-ċittadini jaffettwaw u għandhom fil-mira primarja tagħhomlill-Ujguri, lill-Każaki u lilminoranzi etniċi oħrajn, bi ksur tal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont id-dritt internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ ukoll lill-gvern Ċiniż jagħti d-dettalji kollha ta' dawk li sparixxew b'mod furzat fix-Xinjiang lill-familji kkonċernati, inklużi l-ismijiet, il-post fejn jinsabu u l-qagħda attwali tagħhom;

7.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-Liġi Kontra t-Terroriżmu (2015) u r-Regolament dwar id-Deestremifikazzjoni adottati miċ-Ċina, li għandhom definizzjoni ferm wiesgħa ta' x'jikkostitwixxi att terroristiku; jistieden liċ-Ċina, għalhekk, tagħmel differenza ċara bejn il-kontestazzjoni paċifika u l-estremiżmu vjolenti;

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex minnufih u mingħajr l-ebda kundizzjoni jeħles lill-istudjuż Ujgur Ilham Tohti u lill-persuni l-oħra arrestati sempliċement minħabba l-eżerċizzju paċifiku tal-libertà tal-espressjoni tagħhom u, sakemm jinħelsu, jappella liċ-Ċina tiżgura li jkollhom aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familji tagħhom u għall-avukati li jagħżlu huma; barra minn hekk, jitlob il-ħelsien ta' Eli Mamut, Haiaite Niyazi, Memetjan Abdulla, Abduhelil Zunun u Abdukerim Abduweli, kif mitlub mill-UE matul is-36 sessjoni tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret f'Beijing bejn id-9 u l-10 ta' Lulju 2018;

9.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib it-tibdil fl-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inkluża l-oppressjoni dejjem akbar tal-gvern fuq l-Ujguri, il-Każaki u minoranzi etniċi oħra, u jibagħtu messaġġ b'saħħtu lill-ogħla livell tal-Gvern Ċiniż biex jintemm il-ksur grottesk tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu aċċess liberu u bla xkiel għall-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali fil-provinċja ta' Xinjiang;

11.  Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqajmu l-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang mal-awtoritajiet Ċiniżi, inkluż fil-livell ta' tmexxija, f'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen b'saħħtu, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inkluż id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem annwali u s-Summit Ewro-Asjatiku li jmiss;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward ir-rapporti ta' fastidju fil-konfront tal-Ujguri barra l-pajjiż mill-awtoritajiet Ċiniżi bil-għan li jġegħluhom jaġixxu bħala informaturi kontra Ujguri oħra, jirritornaw lejn ix-Xinjiang jew jibqgħu siekta dwar is-sitwazzjoni hemmhekk, xi drabi bl-arrest tal-membri tal-familja tagħhom;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Ġermanja u tal-Iżvezja li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki etniċi jew ta' Musulmani oħra ta' oriġini Torka lejn iċ-Ċina b'kunsiderazzjoni tar-riskji tal-arrest arbitrarju, tat-tortura jew ta' maltrattament ieħor li jiffaċċjaw fil-pajjiż, u jsejjaħ lill-Istati Membri l-oħra kollha jagħmlu l-istess u jħaffu t-talbiet għall-asil minn Musulmani ta' oriġini Torka li jinsabu f'riskju li jiġu rritornati bil-forza lejn iċ-Ċina; jitlob ukoll lill-Istati Membri tal-UE jinvokaw il-liġi domestika, kif xieraq, biex jinvestigaw l-intimidazzjoni tal-gvern Ċiniż ta' komunitajiet ta' dijaspora Musulmani ta' oriġini Torka fl-Ewropa;

14.  Ifakkar liċ-Ċina fl-obbligi tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem wara li ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jfakkar, għalhekk, li ċ-Ċina hija mistennija żżomm mal-impenji msemmija;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
(3) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 137.
(4) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0343.


Il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku
PDF 167kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku (2017/2278(INI))
P8_TA(2018)0378A8-0229/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar "Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha" (COM(2017)0572),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar "Għajnuna għall-investiment permezz ta' valutazzjoni volontarja ex-ante tal-aspetti tal-akkwist f'każijiet ta' proġetti infrastrutturali kbar" (COM(2017)0573),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1805 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku – Il-bini ta' struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (C(2017)6654)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)(COM(2017)0242),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, skont id-Direttiva 2014/55/UE (COM(2017)0590),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0229/2018),

A.  billi għad irid jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għall-bini ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva, u billi aktar minn 250 000 awtorità pubblika fl-Unjoni jonfqu madwar 14 % tal-PDG, jew kważi EUR 2 000 biljun, kull sena fuq ix-xiri ta' servizzi, xogħlijiet u provvisti;

B.  billi l-akkwist pubbliku jinvolvi l-infiq ta' ammont konsiderevoli ta' flus il-kontribwenti, li jfisser li l-infiq għandu jsir b'mod etiku, bi trasparenza u integrità u bl-aktar mod effiċjenti, kemm f'termini tal-ispejjeż kif ukoll tal-kwalità mogħtija, sabiex jiġu pprovduti prodotti u servizzi ta' kwalità liċ-ċittadini;

C.  billi regoli dwar l-akkwist pubbliku implimentati korrettament huma għodda kruċjali għas-servizz ta' suq uniku aktar b'saħħtu u sabiex jiżdiedu l-kumpaniji tal-UE u l-impjiegi fl-Unjoni, u billi l-użu intelliġenti tal-akkwist pubbliku jista' jkun għodda strateġika biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u b'hekk tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn katini tal-provvista u mudelli ta' negozju aktar sostenibbli;

D.  billi, fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tad-dritt tal-UE huma essenzjali sabiex ikun eħfef u irħas għall-intrapriżi żgħar u medji biex jagħmlu offerti għall-kuntratti pubbliċi, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tal-UE tat-trasparenza u l-kompetizzjoni;

E.  billi l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mmirata fuq l-abbozz ta' Gwida dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Innovazzjoni fit-3 ta' Ottubru 2017 u konsultazzjoni mmirata dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-istruttura ta' gwida tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli fis-7 ta' Diċembru 2017;

F.  billi skont stħarriġ tal-2016, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, erba' Stati Membri biss iddependew fuq teknoloġiji diġitali għall-passi ewlenin kollha fl-akkwist pubbliku, bħal notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-akkwist, sottomissjoni elettronika, evalwazzjoni elettronika, għoti elettroniku, ordni elettroniku, fatturazzjoni elettronika u pagament elettorniku;

G.  billi skont l-iskeda informattiva tematika tas-Semestru Ewropew dwar l-akkwist pubbliku ta' Novembru 2017, l-għadd ta' proċeduri ta' akkwist b'offerta waħda biss żdied minn 14 % għal 29 % għall-perjodu 2006-2016, u billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, "L-SMEs jirbħu 45 % biss mill-valur tal-kuntratti pubbliċi 'l fuq mil-limiti tal-UE, li huwa ferm inqas minn kemm jiswew fl-ekonomija";

H.  billi r-regoli l-ġodda introdotti mid-direttivi tal-2014, peress li jiffaċilitaw l-akkwist pubbliku u jimponu aktar kontrolli, għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija sostenibbli, aktar soċjali, innovattiva u inklużiva;

I.  billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, 55 % tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku għadhom jużaw l-orħos prezz bħala l-uniku kriterju ta' għażla, minflok, pereżempju, kriterji ambjentali u soċjali strateġiċi oħra;

J.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata favur l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti;

K.  billi huwa ta' importanza kruċjali li l-fornituri jkollhom fiduċja li s-sistemi tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni joffru proċeduri diġitali sempliċi u aċċessibbli, trasparenza sħiħa u integrità u sigurtà tad-data;

Qafas leġiżlattiv u implimentazzjoni

1.  Jilqa', kważi erba' snin wara li ġiet konkluża r-reviżjoni estensiva tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, is-sett ta' miżuri mhux leġiżlattivi proposti mill-Kummissjoni u jistenna li dan joħloq impetu għal implimentazzjoni aħjar;

2.  Jinsab ferm diżappuntat bil-pass li bih ħafna Stati Membri ttrasponew id-direttivi tal-2014 fil-qasam tal-akkwist pubbliku u bil-ħafna dewmien, filwaqt li jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tibda proċeduri ta' ksur kontra ċerti Stati Membri; jitlob l-ikkompletar rapidu tat-traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha mingħajr ebda dewmien ulterjuri;

3.  Jinsab imħasseb dwar is-sett ta' skadenzi li jmiss ipprovduti mid-direttivi fir-rigward tal-akkwist elettroniku u t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn akkwist elettroniku sħiħ, inkluża l-fatturazzjoni elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenda diġitali tal-Istati Membri tinkludi l-promozzjoni ta' akkwist-e sħiħ;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr il-Gwida dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Innovazzjoni u l-Gwida dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli, sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rispettivi fl-Istati Membri;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni torganizza aħjar u b'mod aktar ċar il-gwidi u għodod oħrajn żviluppati sabiex jgħinu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-akkwist pubbliku, b'mod aktar aċċessibbli u faċli għall-utent li joffri ħarsa ġenerali tajba lill-prattikanti kollha, filwaqt li tagħti attenzjoni wkoll lil-lingwi disponibbli;

6.  Jilqa' l-gwida l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku għall-prattikanti ta' Frar 2018, imfassla sabiex tgħin lill-uffiċjali pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali jiżguraw proċeduri ta' akkwist pubbliku effiċjenti u trasparenti għal proġetti ffinanzjati mill-UE;

Akkwist strateġiku u kkoordinat

7.  Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni, aktar minn qatt qabel, tippermetti li l-akkwist pubbliku jintuża bħala strument strateġiku biex jippromwovi l-għanijiet ta' politika tal-UE u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu dak kollu li jistgħu minnu; ifakkar li l-akkwist pubbliku huwa wkoll għodda importanti fil-livell reġjonali u f'dak lokali biex jikkomplementa l-istrateġiji lokali u reġjonali u jinkoraġġixxi seduti pubbliċi u konsultazzjonijiet mal-utenti finali tal-prodotti u s-servizzi;

8.   Jitlob l-użu estensiv ta' akkwist innovattiv biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklużiv u biex tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza tal-ekonomija ċirkolari u f'dan ir-rigward, il-possibbiltajiet ġodda offruti mid-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku fir-rigward tal-oġġetti u s-servizzi użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, rinnovati u prodotti u soluzzjonijiet oħra sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-akkwist pubbliku b'mod strateġiku sabiex jippromwovu ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, anke għall-SMEs u l-intrapriżi soċjali; jenfasizza li dan jirrikjedi li l-Istati Membri jindikaw sistematikament politiki bħal dawn fl-ogħla livell u jappoġġjaw, għal dan il-għan, lill-akkwirenti u l-prattikanti fl-amministrazzjoni pubblika;

10.  Jirrimarka l-importanza li l-kundizzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti ma jkunux ta' piż żejjed, sabiex l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi jibqa' possibbli għall-kumpaniji kollha, inklużi l-SMEs;

11.  Jilqa' l-eżempju tal-adozzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali tal-Akkwist Pubbliku u jħeġġeġ lil aktar Stati Membri jsegwu dan l-eżempju bħala mezz kif jimmodernizzaw u jissimplifikaw is-sistemi tal-akkwist pubbliku tagħhom u b'hekk isaħħu l-effiċjenza tagħhom; Jenfasizza li l-akkwist pubbliku huwa qasam trażversali għal diversi setturi tal-amministrazzjoni pubblika, u għalhekk huwa essenzjali li , minbarra l-koordinazzjoni, ikun hemm struttura ta' governanza li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati ewlenin sabiex id-deċiżjonijiet fundamentali jkunu jistgħu jittieħdu b'mod aktar kollaborattiv u jiġu aċċettati minn dawk kollha involuti;

12.  Jilqa' l-fatt li ħafna Stati Membri għamlu dispożizzjonijiet għall-użu tal-kriterji tal-kwalità (inkluż l-aqwa rapport bejn il-prezz u l-kwalità) u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni sistematika tagħhom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti japplikaw kriterji oħrajn minbarra dawk tal-orħos prezz jew il-kosteffettività biss, b'kunsiderazzjoni tal-aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali;

13.  Filwaqt li jirrikonoxxi li f'xi każijiet il-prezz baxx jirrifletti soluzzjonijiet innovattivi u ġestjoni effiċjenti, jinsab imħasseb dwar l-użu eċċessiv tal-orħos prezz bħala l-kriterju primarju ta' għotja f'numru ta' Stati Membri mingħajr kunsiderazzjoni tal-kwalità, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni soċjali, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw u jirrappurtaw dwar ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u jipproponu soluzzjonijiet xierqa fejn ikun neċessarju;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li prattiki tal-akkwist pubbliku jkunu konformi mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu konsultazzjoni mal-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom f'dan ir-rigward;

15.  Jitlob l-adozzjoni ta' kodiċi ta' etika Ewropew għall-akkwist pubbliku għad-diversi atturi fil-proċess tal-akkwist;

16.  Jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti jikkunsidraw iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, fid-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom, fejn ikun xieraq u jistieden lill-Kummissjoni tgħin fl-iżvilupp ta' metodoloġiji bil-għan li timplimenta l-kunċett ta' "spejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja";

17.  Jinnota li kunsiderazzjonijiet innovattivi, soċjali u ambjentali huma kriterji tal-għoti leġittimi u essenzjali fl-akkwist pubbliku, u li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jsegwu wkoll għanijiet ekoloġiċi, innovattivi jew soċjali permezz ta' speċifikazzjonijiet maħsuba sewwa u billi jippermettu offerti varjanti b'mod mhux diskriminatorju, dment li dawn il-karatteristiċi jkunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u jkunu proporzjonati mal-valur u l-objettivi tiegħu;

18.  Ifakkar li l-qafas leġiżlattiv għall-akkwist pubbliku tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-kuntratturi u s-subkuntratturi jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol li japplikaw fil-post fejn jitwettqu x-xogħlijiet, jiġu pprovduti s-servizzi jew jiġu prodotti jew fornuti l-prodotti, kif stipulat fil-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, fid-dritt tal-Unjoni u dik nazzjonali kif ukoll fil-ftehimiet kollettivi konklużi skont id-dritt u l-prattiki nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li dan l-obbligu jiġi ssodisfat mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi tal-2014, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

19.  Jirrikonoxxi li valutazzjoni kwalitattiva tal-offerti tirrikjedi akkwirenti kwalifikati u jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri fit-tixrid tal-metodoloġiji u l-prattiki tal-evalwazzjoni, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma u korsijiet ta' taħriġ; jenfasizza li tali assistenza għandha tkun disponibbli fil-livelli amministrattivi kollha meta jsir l-akkwist;

20.  Jirrimarka li akkwist pubbliku soċjalment responsabbli jrid jikkunsidra l-ktajjen tal-provvista u r-riskji assoċjati mal-iskjavitù tad-dinja moderna, id-dumping soċjali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. jinnota li jridu jsiru sforzi biex jiġi żgurat li l-prodotti u s-servizzi akkwistati permezz tal-akkwist pubbliku ma jkunux prodotti b'mod li jikser id-drittijiet tal-bniedem. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-etika fil-ktajjen tal-provvista fil-gwida l-ġdida tagħha dwar il-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku;

21.  Jilqa' l-isforzi ta' bosta Stati Membri biex jistabbilixxu awtoritajiet li jkunu responsabbli mill-koordinazzjoni tal-akkwist u jirrikonoxxi li dan jikkontribwixxi għat-twettiq ta' akkwist strateġiku u effiċjenti;

22.  Jitlob li aktar Stati Membri jużaw il-vantaġġi tax-xiri ċentrali u l-aggregazzjoni tal-akkwist pubbliku u jinnota li l-Korpi Ċentrali għall-Akkwisti jistgħu u għandhom iħaffu t-tixrid tal-għarfien espert, tal-aħjar prattiki u tal-innovazzjoni;

23.  Jenfasizza li, speċjalment bil-għan li titrawwem l-innovazzjoni, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti jinteraġixxu mas-suq u jagħmlu użu biżżejjed mill-fażi ta' qabel l-akkwist bħala tħejjija għall-passi li jmiss; jemmen li l-fażi ta' qabel l-akkwist hija wkoll fażi essenzjali biex jiġi appoġġjat ukoll l-involviment tal-SMEs;

24.  Iqis li l-proċedura ta' sħubija l-ġdida se tikkontribwixxi għat-trawwim tal-innovazzjoni u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti jikkooperaw mas-suq bil-għan li jiżviluppaw prodotti, xogħlijiet jew servizzi innovattivi li sa issa għadhom ma jeżistux; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li sal-lum inbdew 17-il proċedura ta' sħubija għall-innovazzjoni;

25.  Jilqa' l-valutazzjoni volontarja ex-ante tal-aspetti tal-akkwist għal proġetti infrastrutturali kbar, kif propost mill-Kummissjoni, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta rapidament il-helpdesk, il-mekkaniżmu ta' notifika l-mekkaniżmu tal-iskambju ta' informazzjoni, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kunfidenzjalità;

Id-diġitalizzazzjoni u l-ġestjoni tajba tal-proċeduri ta' akkwist

26.  Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji diġitali fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni u jistieden lill-Istati Membri jistinkaw għal trasformazzjoni diġitali rapida tal-proċeduri u għall-introduzzjoni ta' proċessi elettroniċi għall-istadji ewlenin kollha, jiġifieri min-notifika, l-aċċess għall-offerti u s-sottomissjoni għall-evalwazzjoni, sal-għoti ta' kuntratt, l-ordni, il-fatturazzjoni u l-ħlas;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-Formoli elettroniċi sa mhux aktar tard minn tmiem l-2018;

28.  Ifakkar li l-akkwist elettroniku joffri firxa ta' benefiċċji importanti bħalma huma iffrankar sinifikanti għall-partijiet kollha, proċessi simplifikati u mqassra, tnaqqis fil-burokrazija u fil-piżijiet amministrattivi, aktar trasparenza, aktar innovazzjoni kif ukoll aċċess aħjar tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku;

29.  Jaqbel mal-Kummissjoni li r-reġistri tal-kuntratti jistgħu jkunu għodda kosteffiċjenti għall-ġestjoni tal-kuntratti, għat-titjib tat-trasparenza, tal-integrità u tad-data u għal governanza aħjar tal-akkwist pubbliku;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li ssir interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-kuntratti ma' Tenders Electronic Daily (TED) biex jitneħħa l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet kontraenti li jippubblikaw l-istess informazzjoni f'żewġ sistemi;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jistgħu jinħolqu għall-offerenti, u speċjalment l-SMEs, fir-rigward tar-rekwiżiti għaċ-ċertifikati u l-firem u jinkoraġġixxi reġim ta' rekwiżiti ħfief f'dan ir-rigward, flimkien mal-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' darba biss sabiex jitnaqqas il-piż għall-offerenti;

32.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu d-data neċessarja kollha dwar l-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku, inkluża data dwar offerti, proċeduri u kuntratti u informazzjoni statistika, anki sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta s-suq uniku dwar l-akkwist;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-użu innovattiv tad-data b'format miftuħ, peress li tali data hija essenzjali għal kwalunkwe gvern biex jimmaniġġja l-amministrazzjoni pubblika tiegħu u, fl-istess ħin, tippermetti li l-kumpaniji jisfruttaw il-potenzjal ekonomiku tagħha, filwaqt li jħeġġeġ ukoll it-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi li jittrattaw l-akkwist pubbliku. Jirrimarka li tali data trid tkun ippubblikata bir-rispett dovut tal-prinċipju tal-proporzjonalità u f'konformità mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u s-segretezza tan-negozju;

Is-suq uniku u l-aċċess imtejjeb għall-akkwist

34.  Jirrimarka li proċeduri kompetittivi ta' offerti huma ta' importanza vitali fl-akkwist pubbliku u jinnota b'dispjaċir tnaqqis fl-intensità tal-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni fis-snin reċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirreġistraw perċentwal għoli ta' avviżi ma' offerent wieħed biss sabiex jindirizzaw il-problema;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-proċeduri konġunti ta' akkwist, inklużi dawk transfruntiera, kif iffaċilitati mir-regoli riveduti tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ profond f'dan il-qasam; iqis li tali proċeduri madankollu m'għandhomx jirriżultaw f'kuntratti ta' daqs tali li l-SMEs effettivament jiġu esklużi milli jiġu kkunsidrati fl-aktar stadju bikri tal-proċess;

36.  Jiddispjaċih li l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għadhom qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jaċċedu għall-akkwist pubbliku u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-miżuri pprovduti mid-direttivi tal-2014 u tressaq soluzzjonijiet ġodda, jekk ikun meħtieġ;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipju ta' "applika jew spjega" li jinsab fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/24/UE, li jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti jipprovdu indikazzjoni tar-raġunijiet ewlenin għad-deċiżjoni tagħhom li ma jissuddividux f'lottijiet, li jridu jiġu spjegati b'mod sistematiku fid-dokumenti tal-akkwist jew fir-rapport individwali;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-offerti, pereżempju, permezz tal-qsim obbligatorju f'lottijiet meta jkun possibbli jew billi jqiegħdu limitu fuq il-fatturat meħtieġ għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-offerti; jenfasizza li l-qsim ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku f'lottijiet irawwem il-kompetizzjoni fis-suq u jevita wkoll ir-riskju ta' dipendenza fuq fornitur wieħed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' konsulenza u taħriġ għall-SMEs biex jiġi żgurat li dawn jipparteċipaw aħjar fil-proċessi tal-offerti;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'mod partikolari l-ostakli għall-akkwist pubbliku transfruntier li jirriżulta minn ostakli lingwistiċi, legali jew oħrajn u tipproponi soluzzjonijiet jew tintervjeni sabiex tiggarantixxi akkwist transfruntier funzjonali;

40.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-prodotti u s-servizzi mixtrija u li jiġi evitat l-intrappolament tal-bejjiegħa, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri f'dan il-qasam;

41.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data ċara u kkonsolidata tal-akkwist pubbliku fl-UE u jinnota li hija meħtieġa data affidabbli dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku sabiex tiġi vverifikata r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi u li din hija mezz ta' kif jiġu miġġielda l-frodi u l-korruzzjoni;

42.  Jaċċetta l-eżitu tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rimedji u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipproponix reviżjoni leġiżlattiva, iżda jitlob li titkompla l-kooperazzjoni tal-korpi ta' analiżi nazzjonali u li tingħata aktar gwida mill-Kummissjoni dwar id-direttivi;

43.  Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża għadha ma tatx ir-riżultati mixtieqa, b'mod partikolari fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali transnazzjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jimplimentaw aħjar ir-regoli applikabbli bħalissa;

44.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u n-natura nondiskriminatorja tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku; ifakkar fl-importanza li jkun hemm proċeduri ta' appell adegwati fis-seħħ u fl-importanza li jingħata aċċess għal gwida dwar kif jitnieda appell;

L-akkwist pubbliku internazzjonali

45.  Jitlob li tittieħed azzjoni mill-Unjoni sabiex ittejjeb l-aċċess tal-fornituri tal-UE għal swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, billi s-suq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huwa wieħed mill-aktar miftuħin fid-dinja;

46.   Jesprimi tħassib dwar il-kompetizzjoni inġusta fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku b'riżultat ta' interferenza mill-Istat ma' kompetituri minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari, iżda mhux biss, għas-suq tal-vetturi elettriċi u tal-batteriji; iqis li hija meħtieġa rabta bejn l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ u l-prattiki tal-akkwist pubbliku;

47.  Jenfasizza li s-swieq tal-akkwist pubbliku huma ta' importanza ekonomika kbira, billi huwa stmat li n-nefqa tal-akkwisti tirrappreżenta 20 % tal-PDG globali, u jenfasizza li t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji Ewropej jistgħu għalhekk ikunu mexxejja prinċipali għat-tkabbir fil-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi filwaqt li jwasslu għal għażla akbar u valur aħjar għall-kontribwenti fl-UE u fil-pajjiżi terzi;

48.  Jirrimarka li s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi ta' spiss huma de jure u/jew de facto pprojbiti għall-offerenti tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiġbor u tipprovdi data aħjar dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku internazzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni tistma li attwalment aktar minn nofs is-suq globali tal-akkwisti jinsab magħluq għall-kompetizzjoni internazzjonali libera minħabba miżuri protezzjonisti, li qegħdin jiżdiedu globalment, filwaqt li valur ta' madwar EUR 352 biljun huwa miftuħ għall-offerenti minn pajjiżi membri tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tindirizza dan l-iżbilanċ mingħajr ma tirrikorri għal miżuri protezzjonisti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji Ewropej jingħataw aċċess għas-suq simili għal dak li jgawdu minnu l-kompetituri barranin tagħna fis-suq tal-UE u jinnota li l-istrument ta' akkwist internazzjonali (IPI) propost jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun mezz biex jinħoloq ingranaġġ għal aċċess akbar għas-suq;

49.  Jilqa' l-fatt li wieħed mis-sitt oqsma ta' prijorità għall-azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku huwa t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist; jisħaq li t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi, inkluż fil-livell subnazzjonali, jikkostitwixxi interess aggressiv essenzjali għall-UE fin-negozjati kummerċjali, billi bosta kumpaniji tal-UE huma kompetittivi ħafna f'diversi setturi; jisħaq li l-akkwist pubbliku għandu jiġi inkluż f'kull ftehim kummerċjali futur bil-ħsieb li tiġi mmassimizzata l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej f'sejħiet għal offerti barranin; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-swieq tal-akkwist pubbliku li jinsabu fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom; ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jintużaw sabiex itejbu l-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-swieq ta' akkwist pubbliku u li dan l-aċċess imtejjeb għas-swieq tal-akkwist ta' pajjiżi terzi, u r-regoli msaħħa għal proċeduri ta' akkwist moderni, effiċjenti u trasparenti, li huma kruċjali għall-iżgurar ta' valur aħjar għall-finanzi pubbliċi, għandhom ikunu elementi ewlenin f'kull ftehim kummerċjali konkluż mill-UE filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-objettivi leġittimi tal-politika pubblika minquxa fid-direttivi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku; jenfasizza li operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mal-kriterji soċjali u ambjentali Ewropej għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, kif stabbilit fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, u jinkoraġġixxi, b'konformità ma' dan, l-użu tal-kriterju MEAT (l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża) meta jingħataw dawn il-kuntratti; jinnota li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali u subreġjonali mhux dejjem jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-swieq ta' akkwist; jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja l-akbar aċċess possibbli għas-swieq ta' akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi;

50.  Jenfasizza li kwalunkwe strateġija sabiex jinfetħu s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi trid tindirizza b'mod konkret l-ostakli u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq billi huma partikolarment żvantaġġati fir-rigward tad-dħul fis-swieq ta' akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, filwaqt li l-effetti fuq l-SMEs tal-esponiment għal kompetituri ġodda minn pajjiżi terzi jridu jingħataw kunsiderazzjoni xierqa; jappella lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' proċeduri ta' akkwist favorevoli għall-SMEs (inklużi inizjattivi transfruntiera u t-tqassim tal-offerti fi gruppi) fil-ftehimiet kummerċjali; jenfasizza l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu, b'mod partikolari mill-SMEs, permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-akkwist-e fil-proċessi kollha ta' akkwist pubbliku ma' pajjiżi terzi;

51.  Jirrimarka li l-ekonomiji emerġenti prinċipali, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u r-Russja, għadhom ma jifformawx parti mill-GPA, filwaqt li ċ-Ċina u r-Russja jinsabu uffiċjalment fil-proċess li jaderixxu, u jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tippromwovi lill-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu fil-GPA, billi l-ftehimiet multilaterali u plurilaterali huma l-aħjar mod kif jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fit-tul; jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali, b'dispożizzjonijiet ambizzjużi ta' akkwist li jirrispettaw il-prinċipji sottostanti tal-GPA, jistgħu jkunu pass 'il quddiem għal kooperazzjoni multilaterali msaħħa;

52.  Jenfasizza l-importanza li l-GPA mhux biss jipprevedi aċċess de jure għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll itejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċeduri ta' akkwist; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards globali u konverġenti għal akkwist trasparenti bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; b'mod aktar speċifiku, jitlob lill-Kummissjoni tfittex li fil-ftehimiet kummerċjali jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar regoli konġunti għall-akkwist pubbliku li jippermettu r-rapportar tal-korruzzjoni, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tisħiħ tal-integrità u t-trasparenza għall-offerenti.

Professjonalizzazzjoni

53.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-professjonalizzazzjoni u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali bħala prijorità; jissuġġerixxi li kull pjan għandu jiddifferenzja bejn tipi ta' akkwist, b'mod partikolari peress li l-aċċess tal-SMEs għas-servizzi u l-infrastruttura diġitali jista' jiġi ffaċilitat b'mod differenti mill-aċċess tal-akkwist fil-każ ta' kuntratti infrastrutturali kbar;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-mezzi għal appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-Unjoni bil-għan li tappoġġja l-azzjonijiet rilevanti dwar il-professjonalizzazzjoni fl-Istati Membri;

55.  Jesprimi dispjaċir dwar il-livell baxx ta' professjonalizzazzjoni fost dawk responsabbli għall-akkwist pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ħiliet ta' kull min hu involut fl-istadji kollha tal-proċess ta' akkwist pubbliku;

56.  Jenfasizza li kemm l-akkwirenti kif ukoll il-fornituri għandhom ikunu mħarrġa b'mod adegwat sabiex jaħdmu b'mod effiċjenti fl-istadji kollha tal-akkwist, u li trid tingħata attenzjoni lil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u lill-kriterji ta' kwalità, inklużi kriterji soċjali u ambjentali, fir-rigward tal-professjonalizzazzjoni; jemmen li permezz tat-titjib tal-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw x'se jakkwistaw u kif se jakkwistawh, ikunu jistgħu jinkisbu riżultati aħjar; mingħajr preġudizzju għall-proċedura nnegozjata, jiddispjaċih li ħafna drabi l-akkwist pubbliku jista' jinkiseb minn impriżi b'aktar esperjenza, li jassistu fil-fażi ta' tfassil ta' kuntratt ta' akkwist u konsegwentement ikunu jinsabu f'pożizzjoni saħansitra aħjar biex finalment jirbħu l-kuntatt;

57.  Jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-universitajiet biex ikomplu jiżviluppaw l-korsijiet universitarji fil-liġi Ewropea tal-akkwist pubbliku u biex itejbu t-taħriġ u l-ġestjoni tal-karriera tal-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku, inklużi dawk li jaħdmu f'SMEs, anke fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu ta' għodod tal-IT; jappoġġja l-ħolqien ta' qafas komuni Ewropew tal-ħiliet tekniċi u tal-informatika rilevanti;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 259, 7.10.2017, p. 28.
(2) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(3) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(4) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(5) ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1.


L-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) ***I
PDF 131kWORD 57k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535 – C7-0240/2013 – 2013/0256(COD))
P8_TA(2018)0379A8-0320/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 85 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0240/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mis-Senat Ċek, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0320/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Ottubru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1727.)


Ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska ***I
PDF 129kWORD 58k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska (COM(2016)0819 – C8-0002/2017 – 2016/0412(COD))
P8_TA(2018)0380A8-0001/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0819),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0002/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mis-Senat Ċek, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv mhuwiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0001/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Ottubru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ordnijiet ta' konfiska

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1805.)


Moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea***I
PDF 130kWORD 51k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea (COM(2017)0495 – C8-0312/2017 – 2017/0228(COD))
P8_TA(2018)0381A8-0201/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0495),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0312/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mis-Senat Franċiż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Frar 2018(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0201/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Ottubru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1807.)

(1) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 78..


Il-kontribut tal-UE għal strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 164kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (2018/2763(RSP))
P8_TA(2018)0382B8-0443/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd",

–  wara li kkunsidra l-Gwidi Settorjali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-UNGPs(3),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – is-sitwazzjoni attwali (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Improving access to remedy in the area of business and human rights at the EU level"(4) (Intejbu l-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014 li permezz tagħha ddeċieda li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,

–  wara li kkunsidra l-kumment ġenerali Nru 24(2017) tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR) dwar l-obbligi tal-Istat skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali (E/C.12/GC/24),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida ta' Maastricht dwar l-Obbligi Extraterritorjali tal-Membri fil-Qasam tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti(6),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji rigward l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), riveduta fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għas-settur tal-ħwejjeġ u ż-żraben,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Prinċipji tan-Negozju, żviluppata mill-UNICEF,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem adottati fil-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istandard ta' Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti intrapriżi u gruppi kbar(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(9),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(15),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja tal-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(23),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem"(24),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-input tal-UE għal Strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħrajn b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (O-000074/2018 – B8‑0402/2018, O-000075/2018 – B8-0403/2018 and O-000078/2018 – B8‑0404/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-azzjonijiet tagħha fix-xena internazzjonali (inklużi l-politiki tagħha ta' żvilupp u kummerċ) iridu jkunu ggwidati b'dawn il-prinċipji u jridu jkunu konsistenti mal-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; billi skont l-Artikolu 208 tat-TFUE l-prinċipju tal-PCD irid jiġi rispettat fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

B.  billi l-Unjoni Ewropea hija kemm potenza normattiva kif ukoll setgħa ekonomika; billi, bħala tali, jeħtieġ li tpoġġi lilha nfisha bħala mexxejja fit-tixrid tal-aħjar prattika u tal-iżvilupp ta' standards globali;

C.  billi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 timplika li l-iżvilupp ekonomiku għandu jimxi id f'id mal-ġustizzja soċjali, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u d-dritt għad-dinjità tal-bniedem u l-libertà għal kulħadd, kif ukoll standards għolja ta' xogħol u ambjentali; billi l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jista' jkollhom impatt wieħed fuq l-ieħor u jistgħu jsaħħu lil xulxin;

D.  billi l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem huma responsabbiltà primarja tal-Istati; billi minkejja li l-Istati mhumiex fihom infushom responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn atturi privati, huma jistgħu jkunu qed jiksru l-obbligi tagħhom fl-ambitu tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fejn tali ksur jista' jiġi attribwit lilhom, jew meta jonqsu milli jwettqu diliġenza dovuta sabiex jipprevjenu, jinvestigaw, jissanzjonaw u joffru rimedju għall-abbuż tal-atturi privati; billi ġeneralment l-Istati għandhom id-diskrezzjoni meta jiddeċiedu x'miżuri jieħdu, billi jagħmlu użu mill-politiki, il-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u l-aġġudikazzjoni;

E.  billi d-diliġenza dovuta hija kunċett imsemmi fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(25);

F.  billi l-Istati għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju u/jew fil-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Istati għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-aspettattiva li l-obbligu li jipproteġu jimplika regoli li jiżguraw li l-intrapriżi kummerċjali kollha domiċiljati fit-territorju tagħhom u/jew fil-ġurisdizzjoni tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kollha tagħhom, inkluż permess tas-sussidjarji tagħhom, ta' kumpaniji u entitajiet ikkontrollati fil-katina tal-provvista tagħhom fid-dinja kollha;

G.  billi l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), approvati b'kunsens fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, jibqgħu l-qafas awtorevoli biex jipprevjenu u jindirizzaw ir-riskju ta' impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-attività kummerċjali, u billi l-istudju tal-2017 ikkummissjonat mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament u intitolat "L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem" juri b'mod ċar li l-Istati Membri tal-UE huma l-aktar avvanzati fl-implimentazzjoni tal-UNGPs fil-kuntest globali, peress li għandhom l-ogħla numru ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali adottati jew li jinsabu fil-fażi ta' tfassil;

H.  billi l-UNGPs japplikaw għall-Istati kollha, u għall-intrapriżi kummerċjali kollha, kemm transnazzjonali kif ukoll oħrajn, ikun x'ikun id-daqs, is-settur, il-post, is-sjieda u l-istruttura tagħhom, u huma msejsa fuq it-tliet pilastri tal-qafas tan-NU "protezzjoni-rispett-rimedju" tan-NU, jiġifieri: 1) id-dmir tal-Istat li jipproteġi kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn partijiet terzi, inkluż mill-intrapriżi; 2) ir-responsabbiltà korporattiva ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u 3) aċċess akbar għall-vittmi biex jingħata rimedju effettiv, kemm ġudizzjarju kif ukoll mhux ġudizzjarju; jenfasizza li minkejja li l-UNGPs mhumiex legalment vinkolanti, huma rikonoxxuti u appoġġati b'mod wiesa', u jservu bħala l-bażi għal approċċi ta' politika internazzjonali lejn id-drittijiet kummerċjali u tal-bniedem, kif ukoll bħala rikonoxximent tal-obbligi eżistenti tal-Istati li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tar-rwol tal-intrapriżi kummerċjali bħala organi speċjalizzati tas-soċjetà li jwettqu funzjonijiet speċjalizzati meħtieġa biex jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli kollha u li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, u tal-ħtieġa li d-drittijiet u l-obbligi jiġu mqabbla ma' rimedji xierqa u effettivi meta jinkisru; billi l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li fejn jiġu implimentati l-UNGPs titnaqqas l-inċidenza tal-ħsara għad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-attivitajiet tal-intrapriżi;

I.  billi l-Patt Globali tan-NU jitlob lill-korporazzjonijiet jaċċettaw, jappoġġaw u jippromulgaw, fi ħdan l-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jieħdu impenn favur tali valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;

J.  billi l-korporazzjonijiet huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali, u huma meħtieġa jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u t-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; billi dawn l-intrapriżi kummerċjali kif ukoll il-korporazzjonijiet nazzjonali jistgħu xi kultant jikkawżaw jew jikkontribwixxu għall-ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew jaffettwaw id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli, bħall-minoranzi, il-popolazzjonijiet indiġeni, in-nisa u t-tfal jew jikkontribwixxu għall-problemi ambjentali; billi dawn jista' jkollhom ukoll rwol importanti x'jaqdu billi joffru inċentivi pożittivi f'termini tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istandards ambjentali u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

K.  billi hemm nuqqas ta' simetrija bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-korporazzjonijiet transnazzjonali, partikolarment fit-trattati dwar il-protezzjoni tal-investiment, fejn l-investituri qed jingħataw drittijiet wesgħin, bħal "trattament ġust u ekwu", li mhux bilfors jiġu bbilanċjati b'obbligi vinkolanti u infurzabbli f'termini ta' konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi tax-xogħol u ambjentali tul il-katina tal-provvista kollha;

L.  billi l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-intrapriżi Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva mhux diskriminatorja huwa rikonoxxut;

M.  billi l-UE, fir-rigward tal-koerenza interna/esterna tal-politiki tagħha, kellha rwol ewlieni fin-negozjar u l-implimentazzjoni ta' għadd ta' inizjattivi għar-responsabbiltà globali li jimxu id f'id mal-promozzjoni u r-rispett tal-istandards internazzjonali fejn jidħlu l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom ukoll għal għadd ta' strumenti, b'mod partikolari l-UNGPs tal-2011 u r-rakkomandazzjoni tal-2016 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Membri tagħha bdew jadottaw leġiżlazzjoni biex isaħħu r-responsabbiltà korporattiva u jinkorporaw fil-leġiżlazzjoni elementi dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi dawn il-miżuri issa qed jgħinu biex jiġu stabbiliti standards globali iżda għadhom jistgħu jiġu żviluppati aktar, u eżempji ta' dan huma r-Regolament tal-UE dwar il-Minerali ta' Kunflitti u d-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFR), kif ukoll ir-Regolament dwar l-Injam (EUTR); billi l-Kummissjoni, madankollu, baqgħet lura milli tressaq aktar leġiżlazzjoni għal setturi oħra, bħal dak tal-ħwejjeġ, minkejja t-talbiet ripetuti mill-Parlament; billi l-għadd kbir ta' inizjattivi leġiżlattivi nazzjonali jista' jwassal għal kundizzjonijiet mhux effiċjenti u mhux ekwi fi ħdan l-UE; billi trattat tan-NU li jorbot jista' jkun pass sinifikanti 'l quddiem f'dan ir-rigward;

O.  billi l-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li fihom huma involuti l-intrapriżi tal-UE jistgħu jitolbu kumpens quddiem il-qrati domestiċi fl-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012; billi d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament jeħtieġu qafas internazzjonali aktar b'saħħtu sabiex itejbu l-effiċjenza tagħhom fir-rigward tal-partijiet affettwati, waqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn il-korporazzjonijiet domiċiljati fl-UE u dawk li mhumiex;

P.  billi għad m'hemmx approċċ olistiku globali tar-responsabbiltà korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-kumpaniji internazzjonali jħabbtu wiċċhom ma' bosta ostakoli biex ikollhom aċċess għal rimedji, inklużi rimedji ġudizzjarji u garanziji ta' nonrepetizzjoni; billi dawn l-ostakoli għall-aċċess għal rimedji jikkostitwixxu vjolazzjoni serja ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi approċċ olistiku jipprovdi ċertezza legali kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-individwi, fil-kuntest tal-proliferazzjoni tal-inizjattivi nazzjonali ta' diliġenza dovuta;

Q.  billi l-inugwaljanza bejn is-sessi timplika li n-nisa sikwit huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jiffaċċjaw piżijiet speċjali meta jfittxu aċċess għal rimedju;

R.  billi l-opinjoni tal-2017 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li jista' jsir aktar biex jiġi żgurat aċċess ġudizzjarju u mhux ġudizzjarju effettiv għal rimedju għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-intrapriżi fl-UE jew barra minnha, inkluż billi l-vittmi jingħataw aktar assistenza biex jaċċessaw il-qrati u l-possibbiltà li jressqu azzjonijiet kollettivi, jiġi ffaċilitat l-oneru tal-provi, u jiġu inċentivati l-obbligi ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji, inkluż għall-kumpaniji omm marbutin mal-prestazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-sussidjarji jew fil-ktajjen tal-provvista;

S.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE timponi fuq l-Istati obbligi kemm domestiċi kif ukoll extraterritorjali fir-rigward tad-dmirijiet tagħhom biex jipprovdu aċċess għal rimedji ġudizzjarji għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

T.  billi sistema ta' responsabbiltà korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bħalissa qed tiġi nnegozjata fin-NU, fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tal-UNHRC dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (OEIGWG), stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2014; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom rwol fl-OEIGWG, iżda l-Kummissjoni m'għandhiex mandat mill-Kunsill biex tmexxi negozjati f'isem l-UE dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-OEIGWG;

1.  Josserva li l-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini tal-provvista jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-korporazzjonijiet fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, billi diġà ħolqu sitwazzjoni li fiha l-istandards, ir-regoli u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kruċjali biex jiġu evitati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

2.  Huwa tal-fehma li l-korporazzjonijiet transnazzjonali għandhom iżommu lura milli jiffinanzjaw jew jinvolvu ruħhom f'attivitajiet, kummerċjali jew mhux kummerċjali, li jistgħu jħeġġu r-radikaliżmu jew l-estremiżmu, b'mod partikolari meta dan jinvolvi l-manipulazzjoni ta' twemmin reliġjuż, kif ukoll iżommu lura milli jagħtu kwalunkwe appoġġ dirett jew indirett lil kull grupp li jippromwovi, jappoġġa jew jiġġustifika l-vjolenza;

3.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat huwa sieħeb importanti fil-ksib tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi ulterjuri għall-iżvilupp; jisħaq fuq il-fatt li, meta jitqies ir-rwol dejjem akbar fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-atturi tas-settur privat għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà korporattiva matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-proġetti;

4.  Ifakkar li d-diliġenza dovuta hija komponent ewlieni tat-tieni pilastru tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar ir-responsabbiltà korporattiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li prattiki effettivi ta' diliġenza dovuta jistgħu jgħinu wkoll biex jissaħħaħ l-aċċess għal rimedju; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jfittxu l-adozzjoni ta' qafas koerenti li jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji ta' diliġenza dovuta fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem għall-intrapriżi;

5.  Ifakkar li l-proċess tal-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, jekk ikun imfassal tajjeb u aġġustat għall-kuntest lokali, jista' jikkontribwixxi mhux biss biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-UNGPs, iżda wkoll għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Itenni l-appell tiegħu sabiex il-UNGPs u standards internazzjonali oħrajn ta' responsabbiltà korporattiva jiġu konsistentement invokati mir-rappreżentanti tal-UE fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;

7.  Jappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni sħiħa, fl-UE u barra minnha, tal-UNGPs, kif approvati unanimament mill-Kunsill f'Ġunju 2011, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jelaboraw u jadottaw pjanijiet ta' azzjoni ambizzjużi u operattivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, li jistabbilixxu aspettattivi ċari għall-gvernijiet u t-tipi kollha ta' intrapriżi kummerċjali għall-implimentazzjoni rapida, effettività u komprensiva tal-prinċipji msemmija; huwa tal-fehma li l-NAPs għandhom jinkludu indikaturi li jkejlu r-riżultati miksuba; jenfasizza wkoll li l-UE għandha tiżgura evalwazzjoni bejn il-pari indipendenti u regolari tan-NAPs tal-Istati Membri u l-progress imwettaq, b'mod partikolari biex tiffaċilita l-aċċess għal rimedju; ifakkar li l-UNGPs jistgħu jiġu kkumplimentati b'inizjattivi vinkolanti paralleli biex ikopru n-nuqqasijiet tagħhom;

8.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad m'hemmx approċċ globali għall-mod kif il-korporazzjonijiet transnazzjonali jikkonformaw mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw mekkaniżmi ta' rimedju oħrajn, li jista' jikkontribwixxi għall-impunità tat-TNCs għall-każijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u b'hekk ikun ta' detriment għad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni; jiddispjaċih li l-UNGPs mhumiex inkorporati fi strumenti infurzabbli; ifakkar li l-implimentazzjoni ħażina tal-UNGPs, bħal fil-każ ta' standards oħrajn rikonoxxuti internazzjonalment, ġiet fil-biċċa l-kbira attribwita għall-karattru mhux vinkolanti tagħhom;

9.  Jinnota bi tħassib li għad hemm jippersistu ħafna ostakli fir-rigward tal-aċċess għal rimedju ġudizzjarju, partikolarment fil-każ tal-korporazzjonijiet transnazzjonali, minħabba, pereżempju, diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-vittmi biex jidentifikaw il-qorti kompetenti, in-nuqqas ta' kodifikazzjoni ta' ċerti abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kodiċijiet penali, jew korruzzjoni, li jistgħu jxekklu l-proċedimenti legali fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; ifakkar li rimedji mhux ġudizzjarji adegwati huma wkoll ta' importanza kruċjali, iżda ħafna drabi huma neqsin; jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw, permezz ta' mezzi ġudizzjarji, amministrattivi, leġiżlattivi jew mezzi xierqa oħrajn, li meta jseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju u/jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, dawk affettwati jkollhom aċċess għal rimedju effettiv;

10.  Jafferma mill-ġdid il-bżonn urġenti ta' azzjoni effettiva u koerenti fil-livelli kollha, inklużi dawk nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn korporazzjonijiet transnazzjonali, biex jingħata aċċess għal rimedji, biex jiġu indirizzati problemi legali li jirriżultaw mill-karattru transnazzjonali tal-attivitajiet tal-intrapriżi kummerċjali u tat-TNCs u l-kumplessità dejjem tikber tal-katini tal-valur globali u d-dimensjoni extraterritorjali tal-kumpaniji transnazzjonali, kif ukoll l-inċertezza relatata dwar fejn taqa' r-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-ħtieġa li l-obbligi extraterritorjali tal-Istati jiġu implimentati b'mod sħiħ, kif stabbiliti fil-Prinċipji ta' Maastricht, u fuq il-bażi tal-istrumenti varji tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); b'mod aktar ġenerali, iħeġġeġ lill-UE tieħu inizjattivi biex ittejjeb l-aċċess għal rimedju f'każijiet extraterritorjali, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni tal-FRA tal-2017;

11.  Jafferma mill-ġdid is-supremazija tad-drittijiet tal-bniedem fil-liġi internazzjonali, skont l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-ħtieġa li din tiġi kkonsolidata permezz ta' sistema ċara li permezz tagħha l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem jieħdu preċedenza effettiva fuq tipi oħrajn ta' obbligi konfliġġenti, u jsir provvediment għal mekkaniżmi xierqa għall-infurzar tal-liġi tad-drittijiet tal-bniedem, għall-monitoraġġ u għar-rimedji, flimkien ma' penali u kumpens xieraq fil-każ ta' ksur; jinsisti li dan huwa essenzjali biex jingħelbu l-iżbilanċi tal-globalizzazzjoni u biex id-drittijiet tal-persuni u tal-pjaneta jitpoġġew fuq quddiem nett; jenfasizza li l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba se jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-inizjattivi meħuda mill-intrapriżi li ddeċidew li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;

12.  Jenfasizza li r-responsabbiltà soċjali korporattiva fuq bażi volontarja qed tirriskja li toħloq kompetizzjoni inġusta għal dawk li jagħżlu li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali; jenfasizza li mhuwiex biżżejjed li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-istandards u l-obbligi internazzjonali, f'rabta mal-implimentazzjoni tad-dmir għad-diliġenza;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-ħidma mibdija fin-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-OEIGWG biex toħloq strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jqis li dan huwa pass 'il quddiem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jenfasizza li t-trattat li jorbot għandu jibni fuq il-qafas tal-UNGPs u jinkludi: id-definizzjoni tal-obbligi ta' diliġenza dovuta obbligatorji għat-TNCs u intrapriżi kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom, ir-rikonoxximent tal-obbligi extraterritorjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati, ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà kriminali korporattiva, il-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-istati dwar l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar ta' każijiet transfruntiera, u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarja internazzjonali għas-superviżjoni u l-infurzar; huwa tal-fehma li l-istrument il-ġdid għandu jimponi fuq l-Istati l-obbligu li jadottaw miżuri regolatorji li jirrikjedu li l-kumpaniji japplikaw politiki u proċeduri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jipproponi li dan l-obbligu jkun infurzat billi l-kumpaniji jkunu responsabbli quddiem il-ġurisdizzjoni fejn ġiet ikkawżata l-ħsara, jew quddiem dik fejn l-kumpanija omm tkun inkorporata jew fejn ikollha preżenza sostanzjali;

15.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jipproteġu n-negozjati minn interessi kummerċjali u interessi akkwiżiti oħrajn, billi jsegwu l-eżempju tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (WHO FCTC), inklużi regoli etiċi b'saħħithom għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u ta' lobbying mhux etiku, u billi jirrikjedu t-trasparenza sħiħa rigward l-interazzjonijiet tal-industrija mal-partijiet involuti fin-negozjati;

16.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi adottat approċċ sensittiv għall-ġeneru matul il-proċess kollu u li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli bħall-popli indiġeni u t-tfal;

17.  Ifakkar li l-Parlament, fi tmien riżoluzzjonijiet differenti, esprima s-sostenn inekwivoku tiegħu favur dan il-proċess multilaterali tal-OEIGWG;

18.  Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu involuti b'mod attiv f'dan il-proċess intergovernattiv permezz tal-ħolqien ta' grupp ta' ħidma li jinkludi d-dipartimenti rilevanti kollha tal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) u l-kumitati rilevanti tal-Parlament, abbażi tal-prinċipju tal-PCD;

19.  Itenni għal darb'oħra l-appell tiegħu sabiex l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b'mod ġenwin u kostruttiv f'dawn in-negozjati u fil-proċess intergovernattiv bil-għan li jitwettaq il-mandat tal-OEIGWG; jenfasizza l-importanza fuq kollox li l-UE tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għall-kisba ta' Trattat vinkolanti li jindirizza b'mod effettiv l-kwistjoni tar-responsabbiltà korporattiva għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi relatati;

20.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jiżguraw li n-negozjati li jwasslu għat-trattat jitmexxew b'mod trasparenti, b'konsultazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' detenturi ta' drittijiet li potenzjalment jistgħu jintlaqtu minn dan it-trattat, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pjattaformi tal-vittmi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintegraw approċċ sinifikanti għall-kwistjonijiet marbuta mas-sessi fil-pożizzjoni ta' negozjar tagħhom;

21.  Jistieden lill-UE tiżgura li kwalunkwe reviżjoni jew dokument ta' strateġija futur li għandu x'jaqsam mal-Qafas Strateġiku tal-UE u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludu objettivi ċari u punti ta' riferiment li jistgħu jitkejlu għall-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tat-trattat tan-NU;

22.  Jiddeċiedi li jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess tan-negozjati tal-OEIGWG;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0230.
(3) https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/european-commission-sector-guides-implementing-un-guiding-principles-business-and-hum-0_en
(4) http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2017-opinion-01-2017-business-human-rights_en.pdf
(5) http://www.etoconsortium.org/nc/en/main-navigation/library/maastricht-principles/?tx_drblob_pi1%5BdownloadUid%5D=23
(6) https://www.unglobalcompact.org/
(7) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
(8) ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.
(9) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0066.
(11) Testi adottati, P8_TA(2017)0494.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0448.
(13) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.
(14) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 62.
(15) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
(16) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(17) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(18) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 57.
(19) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.
(20) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(21) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.
(22) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 209.
(23) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 151.
(24)http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/578031/EXPO_STU(2017)578031_EN.pdf
(25) http://www.oecd.org/corporate/mne/48004323.pdf


Is-sitwazzjoni fil-Jemen
PDF 142kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))
P8_TA(2018)0383RC-B8-0444/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016(1) u tal-15 ta' Ġunju 2017(2) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u dawk tad-9 ta' Lulju 2015(3) u tat-30 ta' Novembru 2017(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-28 ta' Awwissu 2018 rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Christos Stylianides tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen, u tal-4 ta' Awwissu 2018 dwar l-attakki mill-ajru f'Hodeidah,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Settembru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2018 tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji tal-Ikel tad-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt li għaddej fil-Jemen daħal fir-raba' sena tiegħu u billi aktar minn 22 miljun ruħ għandhom bżonn appoġġ umanitarju; billi aktar minn 17-il miljun ruħ m'għandhomx sigurtà tal-provvista tal-ikel, li minnhom aktar minn 8 miljun ruħ jinsabu fi stat gravi ta' nuqqas ta' sigurtà tal-provvista tal-ikel u f'riskju li jmutu bil-ġuħ; billi l-frammentazzjoni kurrenti tal-kunflitt hija sinjal ċar tat-tagħwir tal-unità tal-istat; billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġib magħha wkoll riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun;

B.  billi l-kunflitt beda fl-2015, meta ribelli Houthi, appoġġjati mill-Iran warrbu l-president internazzjonalment rikonoxxut tal-Jemen, li sussegwentement daħħal fil-pajjiż koalizzjoni multinazzjonali mmexxija mill-Arabja Sawdija biex tiġġieled kontra r-ribelli u t-truppi alleati magħhom;

C.  billi, minn Novembru 2017 'l hawn, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija stabbiliet imblokk fuq l-importazzjonijiet kollha lejn it-territorju kkontrollat mill-Houthi, ħlief għal materjali umanitarji u ta' għajnuna urġenti; billi, skont l-OCHA, il-Jemen irċieva biss 21 % tal-fjuwil li jeħtieġ u 68 % ta' ħtiġijietu rigward l-importazzjoni tal-ikel minn meta beda l-imblokk; billi, f'ċerti każijiet, ir-ribelli Houthi bblokkaw il-konsenja ta' provvisti mediċi essenzjali u għajnuna alimentari u umanitarja lil bliet ikkontrollati mill-gvern;

D.  billi, f'Ġunju 2018, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati Għarab Magħquda bdiet offensiva biex iġġib taħt idejha l-belt ta' Hodeidah; billi Save the Children irrapportat li din l-operazzjoni ħalliet mijiet ta' vittmi ċivili; billi Hodeidah hija l-port l-aktar importanti tal-Jemen, li minnu jgħaddi s-70 % tal-għajnuna alimentari u umanitarja essenzjali għall-pajjiż; billi, skont in-NU, kważi 470 000 ruħ ħarbu mil-Gvernaturat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju 2018; billi attakk ieħor fuq Hodeidah ikollu konsegwenzi devastanti għall-persuni ċivili; billi l-partijiet fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jippermettu u jiffaċilitaw il-passaġġ rapidu u mingħajr xkiel tal-għajnuna umanitarja, inkluż mediċini, ikel u oġġetti oħra meħtieġa għas-sopravivenza;

E.  billi n-negozjati għal waqfien mill-ġlied immexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, wasslu għal waqfa temporanja fl-offensiva; billi l-kollass tal-aħħar tentattiv ta' taħditiet għall-paċi f'Ġinevra wassal biex l-ostilitajiet issoktaw fis-7 ta' Settembru 2018; billi, mill-bidu tal-offensiva 'l hawn, l-imwiet tal-persuni ċivili żdiedu b'164 %; billi, minkejja l-pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika stabbli u inklussiva għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt u s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, fosthom l-Arabja Sawdija u l-Iran, naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew kwalunkwe tip ta' ftehim ieħor, u l-ġlied u l-bumbardamenti indiskriminati qed ikomplu bla waqfien;

F.  billi, fid-9 ta' Awwissu 2018, attakk mill-ajru mwettaq mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija laqat xarabank tal-iskola f'suq fil-provinċja ta' Saada fit-Tramuntana tal-pajjiż, u qatel għexieren ta' nies, fosthom tal-anqas 40 tifel u tifla, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu taħt l-età ta' 10 snin; billi, ġimagħtejn wara, fl-24 ta' Awwissu, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija wettqet attakk ieħor, li fih tilfu ħajjithom 27 persuna ċivili, il-biċċa l-kbira minnhom tfal, li kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenza fil-belt assedjata ta' Hodeidah fin-Nofsinhar tal-pajjiż;

G.  billi l-kampanja mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-bumbardamenti intensivi mill-ajru, inklużi attakki indiskriminati fuq żoni b'popolazzjoni densa, ikomplu jħarrxu l-impatt umanitarju tal-gwerra; billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu l-attakki intenzjonati u indiskriminati fuq persuni ċivili u u fuq binjiet ċivili bħal skejjel u sptarijiet; billi, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali Indipendenti (GEE), tali attakki jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, u min iwettaqhom tista' ssirlu prosekuzzjoni għal dawn id-delitti; billi l-investigazzjonijiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija dwar allegati delitti tal-gwerra fil-Jemen ma kinux kredibbli u naqsu milli jipprovdu rimedju għall-vittmi ċivili;

H.  billi, minn Marzu 2015 'il hawn, aktar minn 2 500 tifel u tifla sfaw maqtula, filwaqt li aktar minn 3 500 tifel u tifla sfaw immankati jew midruba u għadd dejjem jikber ta' tfal ġew irreklutati minn forzi armati fil-post; billi n-nisa u t-tfal jintlaqtu b'mod partikolari mill-ostilitajiet li għaddejjin; billi, skont il-UNICEF, kważi żewġ miljun tifel u tifla mhumiex imorru l-iskola, fatt li jikkomprometti l-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal fil-Jemen minħabba aċċess limitat għall-edukazzjoni, jew l-ebda aċċess għaliha, hekk li jsiru vulnerabbli għar-reklutaġġ militari u għall-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru;

I.  billi, f'Awwissu 2018, rapport imfassal mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkluda li hemm "motivi raġonevoli għall-fehma" li jista' jkun li l-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Jemen wettqu delitti tal-gwerra; billi l-forzi fuq iż-żewġ naħat tal-gwerra ġew akkużati li sparaw armi tqal lejn inħawi mibnija u popolati sew, inkluż f'attakki fuq sptarijiet u fuq strutturi mhux militari oħra;

J.  billi l-gwerra wasslet għall-qerda tal-infrastruttura u għall-kollass tal-ekonomija tal-Jemen, u kkawżat tħarbit fil-wisa' tal-prodotti bażiċi, tal-provvista tal-utilitajiet, tas-sanità, u tal-ilma tax-xorb nadif; billi l-ħlas regolari tas-salarji ta' 1,4 miljun ħaddiem tal-gvern Jemenit effettivament waqaf fi tmiem l-2016;

K.  billi l-fatt li l-midja internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma jitħallewx jużaw titjiriet tan-NU jfixkel il-kopertura indipendenti tas-sitwazzjoni fil-Jemen u jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' attenzjoni dinjija għall-kunflitt ;

L.  billi l-vjolenza sesswali bbażata fuq il-ġeneru żdiedet b'rata esponenzjali mill-bidu tal-kunflitt 'il hawn; billi l-kapaċità, li diġà kienet limitata, tas-sistema tal-ġustizzja kriminali għall-indirizzar tal-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru sfaxxat, u billi ma saret l-ebda investigazzjoni fir-rigward ta' prattiki bħall-ħtif u l-istupru tan-nisa, jew it-theddid b'dawn l-atti, bħala mezz għall-estorsjoni tal-flus mill-familji u mill-komunitajiet tagħhom;

M.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħabbtu wiċċhom ma' fastidju, theddid u kampanji ta' tħammiġ ma jaqtgħu xejn mill-partijiet kollha tal-kunflitt; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti nisa ffaċċjaw repressjoni speċifika abbażi tal-ġeneru tagħhom;

N.  billi l-awtoritajiet de facto Houthi għamlu kampanja sistematika ta' fastidju, detenzjonijiet arbitrarji u abużivi, kif ukoll għajbien furzat u tortura kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u minoranzi reliġjużi; billi 24 Jemenita mill-minoranza Baha'i, fosthom tifel, sarulhom akkużi li jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, għal xejn aktar mit-twemmin u l-azzjonijiet paċifiċi tagħhom;

O.  billi r-ribelli Houthi ġew akkużati li kkawżaw diżgrazzji ċivili tal-massa fl-assedju tagħhom ta' Taiz, it-tielet l-ikbar belt fil-Jemen; billi wettqu gwerra ta' attrizzjoni kontra popolazzjonijiet ċivili f'żoni kkontrollati mill-gvern; billi wkoll użaw mini antipersuna projbiti u rreklutaw tfal;

P.  billi Kamel Jendoubi, President tal-GEE, li ħareġ rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen fit-28 ta' Awwissu 2018, safa vittma ta' kampanja ta' tħammiġ maħsuba biex tintimida lill-GEE u tixħet dubji fuq il-konstatazzjonijiet tiegħu;

Q.  billi l-Jemen iffirma l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iżda għad iridu jirratifikah; billi diversi dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk relatati ma' delitti tal-gwerra, jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarju;

R.  billi, fi Frar 2018, ir-Russja ħaddmet il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tirrileva l-involviment tal-Iran fil-kunflitt;

S.  billi hemm embargo internazzjonali fuq l-armi kontra l-forzi Houthi appoġġjati mill-Iran u billi, skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, l-Istati Membri tal-UE baqgħu jawtorizzaw trasferimenti ta' armi lejn l-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari;(5) billi, is-sena li għaddiet, xi pajjiżi Ewropej issospendew parzjalment jew totalment it-trasferimenti tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u lejn l-Emirati Għarab Magħquda; billi l-Parlament talab ripetutament lill-VP/RGħ tvara inizjattiva li timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

T.  billi l-biċċa l-kbira tal-attakki mwettqa mill-forzi tal-Istati Uniti fil-Jemen huma attakki letali bid-drones; billi d-deċiżjoni li ċerti persuni jiżdiedu fil-lista tal-bersalli tal-operazzjonijiet bid-drones spiss tittieħed mingħajr mandati jew inġunzjonijiet tal-qorti; billi t-tqegħid fil-mira ta' ċerti individwi u l-qtil sussegwenti tagħhom isiru mingħajr proċess ġust u għalhekk, f'ċerti ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu bħala qtil extraġudizzjarju;

U.  billi l-gwerra fil-Jemen ħolqot possibbiltajiet għall-gruppi estremisti, fosthom Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), biex iwessgħu l-azzjoni tagħhom, u dan qed jhedded ir-reġjun kollu kemm hu; billi Jemen stabbli u sigur, bi gvern li jiffunzjona sewwa, huwa kruċjali għall-isforzi internazzjonali kontra l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

V.  billi l-istabbiltà fir-reġjun hija ta' importanza kritika għall-UE; billi l-UE hija impenjata favur approċċ komprensiv u strateġiku li jinvolvi lill-atturi reġjonali rilevanti kollha; billi s-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt taħt il-patroċinju tal-inizjattiva għall-paċi tan-NU fil-Jemen għandu jkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

W.  billi l-UE għadha impenjata li tkompli tipprovdi għajnuna li ssalva l-ħajjiet lill-persuni kollha fil-bżonn fil-Jemen; billi, fl-istess ħin, l-UE tikkondividi t-tħassib tan-NU u tad-donaturi l-oħra dwar it-tiċkin kontinwu tal-ispazju umanitarju; billi, mill-2005 sal-lum, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 233 miljun f'finanzjament umanitarju lill-Jemen;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitt, li qed ikompli jiddeġenera f'waħda mill-aktar kriżijiet umanitarji, politiċi u ekonomiċi gravi ta' żminijietna; ifakkar lill-partijiet kollha involuti, inklużi s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u ta' infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, is-sistemi tal-ilma, il-portijiet, l-ajruporti u s-swieq, jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali;

2.  Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajjiet ikkawżat mill-kunflitt u għat-tbatija ta' dawk li nqabdu fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;

3.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-ostilitajiet minnufih; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-atturi l-oħra involuti biex ikomplu jneħħu l-imblokk fuq il-Jemen; jitlob li l-istati kollha involuti direttament jew indirettament u l-atturi rilevanti jagħmlu l-akbar pressjoni fuq il-partijiet kollha biex dawn jaħdmu favur tnaqqis tal-intensità tal-ġlied u jtemmu minnufih l-appoġġ politiku, militari u finanzjarju li, direttament jew permezz ta' intermedjarji, jagħtu lill-atturi militari fil-post;

4.  Jenfasizza li biss soluzzjoni politika, inklussiva u nnegozjata għall-kunflitt tista' ġġib lura l-paċi u tħares l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; jitlob li l-atturi internazzjonali u reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet preżenti fil-Jemen, sabiex tkun tista' titnaqqas l-intensità tal-kunflitt u tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata;

5.  Jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, biex jerġa' jingħata bidu għall-proċess politiku; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Settembru 2018 li tgħid li "minkejja l-assenza ta' waħda mill-partijiet għall-konsultazzjonijiet f'Ġinevra l-ġimgħa li għaddiet, u anke jekk dawn ċertament ma marrux kif kien ippjanat li jmorru, xorta rnexxielna nerġgħu nagħtu bidu għall-proċess politiku b'appoġġ solidu ċar mill-poplu Jemenit u mill-komunità internazzjonali"; jilqa' ż-żjara tas-Sur Griffiths f'San'a fis-16 ta' Settembru 2018; jitlob li l-Mibgħut Speċjali jingħata aċċess sħiħ u bla xkiel għal kull parti tat-territorju tal-Jemen; jitlob li l-VP/RGħ u l-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu appoġġ politiku lis-Sur Griffiths bil-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata u inklussiva;

6.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakki terroristiċi kollha; huwa mħasseb fil-fond dwar it-tqawwija tal-preżenza ta' gruppi kriminali u terroristiċi fil-Jemen, fosthom AQAP u ISIS/Da'esh; jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni determinata kontra dawn il-gruppi; jikkundanna l-preżenza ta' ġellieda barranin u jappella biex dawn il-ġellieda kollha jitwarrbu mill-Jemen;

7.  Jitlob li l-partijiet kollha involuti jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt, hekk li l-popolazzjoni fil-bżonn tkun tista' tingħata l-assistenza; jitlob li l-Kunsill u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw il-konsenji tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet imfassla apposta għalihom;

8.  Jenfasizza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU issottolinja l-appoġġ tiegħu għall-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM), u li l-UE tappoġġja bis-sħiħ il-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu;

9.  Jitlob li l-partijiet kollha jwaqqfu minnufih l-attakki kollha fuq il-libertà tal-espressjoni, u jeħilsu l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha li sfaw miżmuma għal xejn aktar ħlief li eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jitlob li l-partijiet kollha ma jibqgħux jostakolaw il-ħidma mwettqa mill-midja internazzjonali u mill-persunal umanitarju bi rbit mal-kunflitt;

10.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effikaċi, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur u ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jinsab ferm imħasseb dwar rapporti ta' atti ta' ċaħda tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, li jinkludu d-diskriminazzjoni, id-detenzjoni illegali, l-użu ta' vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-vjolenza sesswali u ta' tipi oħra kontra n-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, bi ksur tal-istandards internazzjonali;

11.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu r-reklutaġġ jew l-użu ta' tfal bħala suldati, u li jtemmu vjolazzjonijiet serji oħra mwettqa kontra t-tfal bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali applikabbli; jitlob li l-partijiet kollha jeħilsu t-tfal kollha li diġà ġew reklutati, u jikkooperaw man-NU bil-għan li dawn it-tfal jiġu riabilitati u jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunitajiet tagħhom; jappoġġja l-ħidma kruċjali tal-UNICEF fil-Jemen;

12.  Jitlob li l-Qorti Kriminali Speċjalizzata fit-territorju kkontrollat mill-Houthi f'Sana'a tassolva u tillibera lil Asmaa al-Omeissy, Saeed al-Ruwaished u Ahmed Bawazeer, li għebu bil-forza, sfaw ittorturati u kkundannati għall-mewt wara proċess inġust għall-aħħar talli allegatament għenu pajjiż għadu;

13.  Jitlob li l-Qorti Kriminali Speċjalizzata f'Sana'a, barra minn hekk, tillibera minnufih il-25 segwaċi tar-reliġjon Baha'i li qed jinżammu detenuti minħabba li pprattikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod paċifiku, u li qed jiffaċċjaw akkużi punibbli bil-mewt;

14.  Ifakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li, skont id-dritt internazzjonali, huma responsabbli għal kwalunkwe delitt li jitwettaq; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex dawk li allegatament wettqu delitt jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari permezz tal-prosekuzzjoni nazzjonali jew internazzjonali ta' individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li jkunu ssuspettati li wettqu tali vjolazzjonijiet, jew bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali, u permezz tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta' dawk li allegatament wettqu delitti atroċi fil-Jemen;

15.  Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-GEE tan-NU dwar il-Jemen u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-President tiegħu, Kamel Jendoubi; jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Settembru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, li fih il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li jestendi l-mandat tal-GEE għal perjodu ieħor ta' sena, li jista' jiġġedded b'awtorizzazzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex ikompli jiġbor evidenza ta' delitti tal-gwerra u ta' delitti kontra l-umanità mwettqa fil-Jemen, bil-għan li jipprosegwixxi u jikkastiga lil dawk ħatja ta' tali vjolazzjonijiet; jitlob li s-sitwazzjoni fil-Jemen tiġi referuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iħeġġeġ lill-Jemen jissieħeb fil-QKI, hekk li tkun tista' ssir il-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għad-delitti mwettqa matul il-kunflitt, fin-nuqqas ta' referiment lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

16.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha jipprovdu appoġġ koeżiv, f'waqtu u effikaċi lill-GEE fil-korpi kollha rilevanti tan-NU, u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem b'mod partikolari;

17.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jopponu l-qtil extraġudizzjarju, inkluż l-użu tad-drones, jaffermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u jiżguraw li l-Istati Membri ma jwettqux, ma jiffaċilitawx jew ma jiħdux sehem b'mod ieħor f'operazzjonijiet letali illegali; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta Pożizzjoni Komuni dwar l-użu ta' drones armati;

18.  Jitlob li l-UE tieħu l-inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija fih ta' stati li għandhom storja dubjuża ħafna rigward id-drittijiet tal-bniedem

19.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu djalogu mal-pajjiżi tar-reġjun dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistqarr li huwa lest jagħmel djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-reġjun dwar it-twettiq tal-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jsir skambju ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet ġudizzjarji u ġuridiċi bil-għan li l-protezzjoni tad-drittijiet individwali fil-pajjiżi tar-reġjun tissaħħaħ;

20.  Jitlob li l-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tat-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u kwalunkwe tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, lill-Emirati Għarab Magħquda u lil kwalunkwe membru tal-koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-Gvern Jemenit u lil partijiet oħra fil-kunflitt;

21.  Jiddenunzja l-qerda tal-wirt kulturali tal-Jemen bl-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluż fuq il-Belt Antika ta' Sana'a u l-belt storika ta' Zabid; jiddispjaċih għar-responsabbiltà tal-koalizzjoni għal din il-qerda u jfakkar f'dik ir-responsabbiltà, u jisħaq li l-koalizzjoni se tinżamm responsabbli wkoll għal dawn l-atti; jitlob li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jirreferi lill-Kunsill tas-Sigurtà l-kwistjoni tal-protezzjoni tas-siti kulturali kollha li huma mhedda mill-kunflitt fil-Jemen, bil-ħsieb li tiġi adottata riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni;

22.  Jilqa' l-Pjan tan-NU għal Risposta Umanitarja fil-Jemen għall-2018 u l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi tal-2018 għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li matulu donaturi internazzjonali impenjaw ruħhom li jagħtu aktar minn USD 2 biljun; jiddeplora, madankollu, il-fatt li għad hemm nuqqas ta' fondi għall-Jemen; jilqa' l-fatt li l-UE impenjat ruħha li tgħin lil dawk milquta mill-kunflitt fil-Jemen u impenjat EUR 107,5 miljun; jitlob li d-donaturi kollha jissodisfaw bil-ħeffa l-impenji li ħadu; jilqa' l-fatt li l-UE se tkompli tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp lill-Jemen, filwaqt li tagħti prijorità lil interventi maħsuba biex jistabilizzaw il-pajjiż, u li se taħdem f'żoni stabbli mal-awtoritajiet lokali biex tippromwovi r-reżiljenza, iżommu għaddejja l-provvista ta' servizzi bażiċi u jrawmu għajxien sostenibbli għall-komunitajiet;

23.  Jirriserva d-dritt li jerġa' jikkunsidra l-kwistjoni sakemm tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jirrakkomanda li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jissorvelja l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u jipproduċi rapport dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili li twettqu fil-Jemen;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

(1) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(2) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.
(3) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0473.
(5) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


Il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE
PDF 126kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE (2018/2747(RSP))
P8_TA(2018)0384B8-0400/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-sbatax-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi dwar is-sena 2016,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(2), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 tal-1 ta' Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 tas-7 ta' Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(5), kif ukoll l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni relatati,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Marzu 2016 intitolat "L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-proċedura doganali 42, li tipprevedi eżenzjoni mill-VAT għall-merkanzija importata fi Stat Membru wieħed meta sussegwentement tintbagħat fi Stat Membru ieħor,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-5 ta' Diċembru 2017 intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-riżorsi proprji tradizzjonali, li jinkludu primarjament id-dazji fuq l-importazzjonijiet minn barra mill-UE u l-imposti fuq iz-zokkor, jammontaw għal madwar 12,8 % tar-riżorsi proprji tal-UE;

B.  billi fil-bidu tal-2017 l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) ikkonkluda investigazzjoni dwar każ ta' frodi doganali fir-Renju Unit, li l-konklużjonijiet ewlenin tagħha jidhru fir-rapport ta' attività tal-OLAF għall-2017;

C.  billi l-OLAF ikkalkula telf għar-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE li jammonta għal EUR 1,987 biljun f'termini ta' dazji doganali mitlufa li kienu dovuti fuq tessuti u żraben li ġew importati miċ-Ċina u li għaddew mir-Renju Unit matul il-perjodu 2013-2016;

D.  billi, apparagun, fl-2016 l-OLAF irrakkomanda l-irkupru finanzjarju ta' ammont totali ta' EUR 631,1 miljun bħala riżultat ta' 272 investigazzjoni li wettaq;

E.  billi l-frodi inkwistjoni tinvolvi sottovalutazzjoni, b'tali mod li l-importaturi jkunu jistgħu jiġġeneraw qligħ mill-evażjoni tad-dazji doganali u t-taxxi relatati u jħallsu ferm anqas milli jkun dovut legalment;

F.  billi l-investigazzjoni żvelat ukoll l-eżistenza ta' evażjoni sostanzjali tal-VAT marbuta mal-importazzjonijiet li jgħaddu mir-Renju Unit, billi sar abbuż mis-sospensjoni tal-pagament tal-VAT, l-hekk imsejħa proċedura doganali 42; billi huwa stmat li dan it-telf akkumulat jilħaq bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' EUR 3,2 biljun għall-perjodu 2013-2016 u dan jirrappreżenta wkoll telf għall-baġit tal-UE;

G.  billi l-OLAF ħareġ rakkomandazzjoni finanzjarja lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Baġit, rakkomandazzjoni amministrattiva lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali u rakkomandazzjoni ġudizzjarja lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna tar-Renju Unit biex jinbdew proċedimenti ġudizzjarji kontra dawk involuti fl-evażjoni frodulenti tad-dazji doganali u kontra dawk involuti intenzjonalment fil-ħasil tar-rikavat minn dan ir-reat;

H.  billi l-OLAF bħalissa qed jinvestiga każ ġdid ta' sottovalutazzjoni doganali li jinvolvi l-port ta' Piraeus fil-Greċja, liema każ jirrappreżenta telf serju għar-riżorsi tal-UE u huwa stmat li sewa lill-Italja għexieren ta' miljuni ta' euro f'VAT mhux imħallsa, għalkemm jista' jkun li l-ammont totali huwa ferm ogħla peress li l-investigazzjoni għadha għaddejja;

I.  billi l-każijiet tar-Renju Unit u tal-Greċja mhumiex affattu każijiet iżolati u għandhom jaġixxu bħala xprun biex tittieħed azzjoni;

J.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrimarkat li ma teżisti l-ebda applikazzjoni armonizzata u standardizzata tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri u li dan jista' jinċentiva lill-frodaturi biex jagħżlu l-idgħjef ħolqa fil-katina ħalli jwettqu l-importazzjonijiet frodulenti tagħhom;

1.  Jilqa' l-proċedura ta' ksur mibdija mill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2018 bħala segwitu għall-każ ta' frodi doganali tar-Renju Unit;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra r-riżorsi proprji mhux miġbura tal-UE u b'hekk tipprovdi dħul għall-baġit tal-UE;

3.  Jistieden lid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jieħu azzjoni sabiex fil-ġejjieni jiġi evitat l-abbuż tal-proċedura doganali 42;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u tirrapporta lura konsegwentement, u jiddispjaċih għall-fatt li l-irkupru tal-fondi jista' jieħu sa 10 snin;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2016, u tiċċara kwalunkwe dispożizzjoni li tista' twassal għal konfużjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli komuni mill-awtoritajiet doganali tkun organizzata b'tali mod li l-frodi, inkluża l-frodi karusell, tkun effettivament ipprojbita u li l-kontrolli jkunu msaħħa fil-portijiet, fl-ajruporti u fil-fruntieri fuq l-art kif ukoll fuq l-internet;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għat-tlestija u għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta' informazzjoni doganali tal-UE;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija xierqa u tipproduċi stimi perjodiċi tan-nuqqas ta' dħul doganali mill-2019 'il quddiem u tirrapporta lura lill-Parlament kull sitt xhur f'dan ir-rigward;

8.  Jistieden lill-Kunsill jilħaq malajr ftehim mal-Parlament dwar qafas legali tal-Unjoni għal ksur u sanzjonijiet doganali, sabiex ikunu possibbli sanzjonijiet amministrattivi armonizzati u l-applikazzjoni tal-istess kriterji meta jkun qed jiġi eżaminat il-ksur; ifakkar li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Ottubru 2016; jistieden lill-Kummissjoni taġevola dan il-ftehim;

9.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Istati Membri tal-UE ma qablux kollha li jkunu parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonkludu malajr kemm jista' jkun id-diskussjonijiet tagħhom dwar l-isforzi favur l-implimentazzjoni ta' sistema definittiva tal-VAT, li għandha l-għan li tarmonizza l-mod kif il-VAT tinġabar u titħallas madwar l-UE sabiex, fost affarijiet oħrajn, tiġi evitata l-frodi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-regolamenti dwar il-VAT fl-Istati Membri kollha bil-għan li jiġi żgurat dan is-sors ta' riżorsi proprji tal-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tittrasferixxi r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' trattament armonizzat fil-punti ta' dħul kollha fl-UE, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-amministrazzjonijiet doganali, kif ukoll il-ġbir u l-ipproċessar tad-data doganali;

13.  Japprova l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013(7) (ir-Regolament "Dwana 2020") li jikkonsistu mill-għoti ta' appoġġ lill-awtoritajiet doganali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluża l-ġlieda kontra l-frodi; jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bis-saħħa tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(2) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(3) ĠU L 196, 2.8.2018, p. 1.
(4) ĠU L 201, 8.8.2018, p. 2.
(5) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(6) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209.

Avviż legali