Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0393/2018

Testi mressqa :

A8-0393/2018

Dibattiti :

PV 14/01/2019 - 19
CRE 14/01/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2019 - 8.11

Testi adottati :

P8_TA(2019)0011

Testi adottati
PDF 129kWORD 50k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
P8_TA(2019)0011A8-0393/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (2018/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha l-vantaġġi (COM(2018)0445),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tat-13 ta' Novembru 2017 dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-proġett ITER riformat (COM(2017)0319),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0393/2018),

A.  billi l-fużjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xenarju tal-enerġija Ewropew u globali futur bħala sors potenzjali ta' enerġija ineżawribbli, sikur, favur il-klima, ambjentalment responsabbli u ekonomikament kompetittiv;

B.  billi l-fużjoni diġà qed tagħti opportunitajiet konkreti lill-industrija u qed ikollha effett pożittiv fuq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni, b'impatt pożittiv lil hinn mill-oqsma tal-fużjoni u l-enerġija;

C.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni tikkoordina l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp xjentifiċi u teknoloġiċi fil-qasam tal-fużjoni;

D.  billi sa mill-bidu l-Ewropa kellha rwol ewlieni fil-proġett ITER, żviluppat f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-firmatarji mhux Ewropej għall-Ftehim ITER (l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Indja), u billi l-kontribuzzjoni Ewropea, indirizzata permezz tal-Impriża Konġunta, tirrappreżenta 45 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-proġett;

E.  billi l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom għandha l-għan li tiżgura l-finanzjament għal parteċipazzjoni kontinwa Ewropea fil-proġett ITER għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss sabiex tiggarantixxi kontinwità għall-proġett immirat lejn skoperti xjentifiċi rivoluzzjonarji fl-iżvilupp tal-fużjoni għall-użu ċivili, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiffaċilita l-produzzjoni ta' enerġija sikura u vijabbli li tissodisfa l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom billi tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi, li se jipprovdi l-bażi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 skont it-Trattat Euratom;

2.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill ma kkonsultax mal-Parlament dwar l-approvazzjoni ta' dik il-proposta u jilqa' l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni bħala parti mill-Istat tal-Unjoni 2018 li tikkunsidra "għażliet għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata msaħħa u għal riforma possibbli tat-Trattat Euratom"; jistenna li riforma bħal din neċessarjament se twassal għal setgħat koleġiżlattivi għall-Parlament;

3.  Ifakkar fid-dewmien fil-kostruzzjoni tar-reattur sperimentali, minħabba li oriġinarjament kien ippjanat li l-ITER għandu jinbena sal-2020, iżda fl-2016 il-Kunsill tal-ITER approva skeda ġdida ta' żmien biex l-istadju tal-Ewwel Plażma jintlaħaq f'Diċembru 2025, l-aktar data bikrija teknikament possibbli għall-kostruzzjoni tal-ITER;

4.  Jenfasizza li l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 m'għandhiex tinqabeż;

5.  Jenfasizza li sabiex jiġu evitati reviżjonijiet suċċessivi 'l fuq tal-ispiża prevista tal-proġett, jiġi evitat dewmien fid-dati mistennija tal-istadji operazzjonali importanti u jiġi żgurat l-ogħla grad possibbli ta' affidabbiltà tal-iskeda, l-Organizzazzjoni ITER għandha tinkludi dispożizzjonijiet ta' kontinġenza raġonevoli fi kwalunkwe skeda riveduta; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ta' kontinġenza sa 24 xahar f'termini ta' skeda u ta' 10-20 % f'termini ta' baġit propost mill-Kummissjoni;

6.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid għall-ġestjoni tar-riskju meħud mill-Organizzazzjoni ITER u jinkoraġġixxi lill-Kunsill tal-ITER biex ikompli jnaqqas l-għadd ta' sottokumitati, jissimplifika l-funzjoni tagħhom u jelimina t-trikkib;

7.  Jistieden lill-Kunsill japprova l-proposta tal-Kummissjoni filwaqt li jintroduċi l-modifiki li ġejjin:

   jindika l-kontribuzzjoni tal-Euratom fl-Impriża Konġunta kemm fi prezzijiet kostanti kif ukoll f'dawk attwali,
   juża, għal finijiet ta' ċarezza, il-kelma "Euratom" minflok "Komunità" tul it-test kollu,
   jinkludi dispożizzjonijiet ċari rigward il-kumitati li jassistu lill-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta, b'mod partikolari l-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni, il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti, u l-Bord Konsultattiv Tekniku, fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom, l-istatus permanenti jew temporanju, in-numru ta' laqgħat u l-metodu ta' remunerazzjoni tal-membri tagħhom,
   jevalwa u jelimina responsabbiltajiet li jikkoinċidu bejn il-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni u l-Bord Konsultattiv Tekniku fir-rigward ta' pjanijiet ta' proġetti u programmi ta' ħidma,
   jintroduċi dispożizzjonijiet rigward il-kontribuzzjonijiet tal-Istat ospitanti tal-ITER,
   jinkludu fl-Anness III ("Regolament Finanzjarju: Prinċipji Ġenerali") rekwiżit li jistipula, fir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, regoli u proċeduri għall-evalwazzjoni ta' kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji,
   jinkludi dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5 u fl-Anness II li jippermettu lill-Impriża Konġunta tirċievi finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji b'rabta mal-operazzjonijiet ta' taħlit implimentati f'konformità mal-Programm InvestEU futur,
   jikkjarifika r-rwol u l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit fid-dawl tal-istatus tagħha fil-Euratom, b'mod partikolari fir-rigward ta' parteċipazzjoni potenzjali fl-ITER,
   jinkludu dispożizzjonijiet dwar sinerġiji u kooperazzjoni bejn l-ITER u l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom għall-perjodu 2021-2025,
   jikkunsidra kooperazzjoni ma' atturi xekkiela privati żgħar u ta' daqs medju, bħal negozji ġodda li jesperimentaw b'approċċi u teknoloġiji ġodda, fil-programm ta' riċerka u n-netwerk tal-organizzazzjonijiet innominati fil-qasam tar-riċerka tal-fużjoni xjentifika u teknoloġika,
   jiċċara d-dispożizzjonijiet dwar ir-rapporti u l-valutazzjonijiet annwali mfassla mill-Impriża Konġunta,
   jinkludi fil-proposta rakkomandazzjoni biex jiġi investigat l-użu ulterjuri possibbli tal-materjali li attwalment qegħdin jintużaw fil-proġett ITER;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza