Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2086(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0378/2018

Testi mressqa :

A8-0378/2018

Dibattiti :

PV 14/01/2019 - 20
CRE 14/01/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2019 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0012

Testi adottati
PDF 131kWORD 53k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Valutazzjoni ta' kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku
P8_TA(2019)0012A8-0378/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-valutazzjoni ta' kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku (2018/2086(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju intitolat "Public Sector Reform: How the EU budget is used to encourage it" (Riforma tas-Settur Pubbliku: kif jintuża l-baġit tal-UE biex jinkoraġġiha) ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni fl-2016(1),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-perjodu ta' finanzjament attwali tal-UE (2014-2020) u l-proposta tal-Kummissjoni għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid (2021-2028),

–  wara li kkunsidra l-ftehim li laħqu l-koleġiżlaturi f'Lulju 2018 biex jiżdied il-baġit tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0378/2018),

A.  billi fl-Istati Membri l-amministrazzjoni pubblika hija fundamentali għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u meta taħdem b'mod effikaċi tista' tgħin ħalli jinħolqu sistemi moderni kapaċi jtejbu l-prosperità u l-benesseri fl-UE;

B.  billi l-proposta dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid ma tinkludix, fil-verżjoni attwali tagħha, objettiv speċifiku għall-amministrazzjoni pubblika;

1.  Josserva li l-amministrazzjoni pubblika u l-kompetenzi huma mqassma fuq id-diversi servizzi tal-Kummissjoni, u dan jikkomplika l-koordinament effikaċi tas-servizzi kompetenti, kif ukoll l-inizjattivi u l-programmi ffinanzjati mill-UE; jitlob li jkun hemm koordinament akbar tal-programmi kollha ta' assistenza teknika bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' miżuri kif ukoll in-nuqqas ta' effikaċja tagħhom, li jxejnu l-isforzi kollha tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' koordinament tal-fondi fid-dawl tal-isfruttament tas-sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistemi tagħha għall-iskambju tal-prattiki t-tajba biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw l-aħjar prattiki, iżda mingħajr ma timponi politiki orjentati lejn l-iżvalutazzjoni tal-pagi u riformi soċjalment insostenibbli;

2.  Jistieden lill-President tal-Kummissjoni li jmiss jassenja lil Kummissarju r-responsabilità tal-kwistjonijiet marbuta mat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika u l-governanza;

3.  Huwa tal-fehma li riforma effikaċi tas-settur pubbliku hija essenzjali biex tgħin lill-Istati Membri jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi, iżidu r-reżiljenza biex ikunu evitati kriżijiet futuri, jespandu l-amministrazzjoni pubblika online (eGovernment) u jtejbu l-forniment ta' servizzi fl-UE kollha, speċjalment fir-rigward tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-sistemi informatiċi l-ġodda, u li din tkun tassisti notevolment fit-tnaqqis tal-ħela, tal-espożizzjoni għall-ħela u tat-telf jew tal-użu frawdolenti tal-fondi tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li anki fil-perjodi ta' programmazzjoni futuri jkun previst il-finanzjament ta' interventi biex ixerrdu l-amministrazzjoni elettronika online b'mod konsistenti mal-prinċipji u mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-eGovernment;

4.  Jinnota li bħal ma jiġri ta' spiss, b'mod partikolari fir-reġjuni anqas żviluppati, hemm diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzjamenti jew ta' użu tagħhom, minħabba l-burokrazija żejda, il-kwistjonijiet ta' kapaċità amministrattiva jew irregolaritajiet; jittama għaldaqstant li jiġu promossi fi ħdan l-Istati Membri riformi li jagħmlu aktar konkreta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u jħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji;

5.  Josserva li l-baġit tal-UE jipprevedi madwar EUR 9 biljun f'appoġġ lill-Istati Membri tal-UE għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tgħaqqad dan l-appoġġ finanzjarju mal-kondiviżjoni mmirata tal-għarfien, tal-esperjenzi u tal-prattiki t-tajba fost l-Istati Membri;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li ssostni lir-reġjuni anqas żviluppati, iżżid il-kapaċità u l-governanza amministrattiva;

7.  Jitlob li jittieħed miżuri maħsuba biex iħeġġu l-implimentazzjoni tal-programmi li jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tar-riżorsi umani, pereżempju permezz ta' skambji tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri, anki bl-involviment ta' diriġenti u ta' persuni f'karigi għoljin oħrajn;

8.  Jindika li spiss instabu sovrapożizzjonijiet, fir-rigward ta' bosta aspetti, bejn programmi operattivi speċifiċi u riżorsi finanzjarji oħrajn tal-UE u jitlob li jitressqu proposti f'dan ir-rigward; jittama għaldaqstant li jkun hemm titjib tal-assistenza, b'mod li jinkisbu koordinament, komplementarjetà u semplifikazzjoni;

9.  Jissottolinja l-importanza li jkun żgurat li l-programmi operattivi jiġu implimentati bil-mod l-aktar effikaċi u faċli possibbli; iqis essenzjali li l-Istati Membri jastjenu milli jżidu regoli li jikkomplikaw l-użu tal-fondi għall-benefiċjarju;

10.  Josserva li l-Kummissjoni la għandha l-qafas ta' valutazzjoni tagħha għall-amministrazzjoni pubblika u lanqas metodu ta' ġbir sistematiku tad-data; josserva bi tħassib li, minħabba n-nuqqas ta' dawn l-istrumenti, il-Kummissjoni tipproduċi analiżijiet inkompluti tal-kwistjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri kollha; jipproponi r-reintroduzzjoni ta' kapitolu ddedikat għall-amministrazzjoni pubblika u l-governanza fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta minn qabel il-kapaċità ammministrattiva tal-istrutturi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' żvilupp, u, għall-proġetti ta' importanza strateġika partikolari, tinkoraġġixxi l-użu ta' korpi u aġenziji nazzjonali li għandhom il-kapaċità li jsaħħu l-programmi u l-azzjonijiet individwali ħalli titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom;

12.  Jemmen li l-QFP għandu jintuża biex jinċentiva programmi li jtejbu l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza, partikolarment biex jgħinu lill-Istati Membri fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, u biex jirrikonoxxi li, f'ċirkostanzi bħal dawn, ir-riformi fil-qasam tas-sistemi tal-amministrazzjoni pubblika jistgħu jgħinu lill-Istati Membri milquta;

13.  Jilqa' pożittivament il-fatt li tressqu proposti fil-kuntest tal-QFP li jmiss bl-iskop li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet ta' programmi u jinkoraġġixxu semplifikazzjoni akbar;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, qafas ta' valutazzjoni speċifiku li jkopri l-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' amministrazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u toħloq il-kapaċità analitika proprja tiegħu; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu ddeterminati l-punti dgħajfa ta' kull Stat Membru u, bis-saħħa tar-riżorsi disponibbli, jiġu promossi miżuri li jegħlbu l-problemi billi jsir aktar strett il-kriterju tal-kundizzjonalità ex ante u jiġu ffissati objettivi;

15.  Jipproponi li l-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu politiku mal-Istati Membri billi tiżgura l-ħolqien ta' forum speċifiku;

16.  Jipproponi li fil-kalendarju parlamentari jiġi ffissat djalogu strutturat mal-parlamenti nazzjonali dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika fl-UE kollha; jistieden lill-UE ttejjeb il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) fl-ambitu tal-objettiv tematiku 11, bl-inklużjoni ta' indikaturi speċifiċi li għandhom l-għan li jivvalutaw il-progress li jkun sar biex jinkisbu l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;

17.  Jilqa' pożittivament l-iżvilupp ta' parametru ta' riferiment li jippermetti li ssir valutazzjoni tal-kapaċità tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE biex jerfgħu r-responsabilitajiet tal-adeżjoni mal-UE; jittama li jiġu promossi fi ħdan l-Istati Membri riformi li jagħmlu aktar konkreta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba;

18.  Josserva li l-Premju Ewropew għas-Settur Pubbliku (European Public Sector Award, EPSA) huwa kofinanzjat mill-Kummissjoni u minn xi Stati Membri, li jgħaqqad lill-pajjiżi li ġabru l-aħjar riżultati, dawk l-aktar innovattivi u l-aktar effiċjenti fis-settur pubbliku Ewropew; huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Kummissjoni tiggarantixxi skambju aħjar ta' informazzjoni u ta' tagħlim u timmira lejn dimensjoni usa' fl-Ewropa kollha;

19.  Iqis li għandhom ikunu promossi, fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, proċessi innovattivi li jiffavorixxu konnettività aħjar u diġitalizzazzjoni u servizzi diġitali ta' kwalità għaċ-ċittadini, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jinżamm kontinwament il-pass mal-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda fl-oqsma kkonċernati; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proposta l-ġdida għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) tforni lill-benefiċjarji futuri l-informazzjoni neċessarja biex tippermettilhom jużaw is-sistemi kemm jista' jkun malajr;

20.  Jirrikonoxxi li l-impenn tal-amministrazzjoni lokali huwa prerekwiżit biex jinkisbu objettivi fil-livell tal-UE f'dan is-settur; jiġbed l-attenzjoni fuq il-proposta tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn biex "jissaħħu l-istrutturi komuni ta' governanza mal-awtoritajiet lokali u reġjonali" fil-livell nazzjonali(2);

21.  Jilqa' favorevolment in-netwerks eżistenti(3) li jlaqqgħu lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, partikolarment dawk li jirċievu finanzjamenti tal-UE, bil-għan li titjieb l-amministrazzjoni pubblika permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku;

22.  Huwa tal-fehma li n-netwerks eżistenti jafu jtejbu konsiderevolment il-prestazzjoni tagħhom billi jiffissaw objettivi aktar ambizzjużi u jiżviluppaw approċċi aktar proattivi, bħat-tagħlim komparattiv, li jgħaqqad l-awtovalutazzjoni tal-Istati Membri ma' sistema avvanzata ta' valutazzjoni bejn il-pari;

23.  Jemmen li amministrazzjoni pubblika ta' kwalità għolja hija prekundizzjoni essenzjali biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE fl-ambitu tal-QFP u f'oqsma oħra; jisħaq fuq l-importanza ta' komunikazzjoni tajba u sensibilizzazzjoni politika biex tinħoloq klima ta' fiduċja u jkunu stimolati azzjonijiet u programmi ta' riforma pożittiva;

24.  Jemmen li hemm bżonn ta' valutazzjoni kontinwa biex jiġi aċċertat jekk il-politiki ta' koeżjoni jirrispettawx il-prinċipju ta' addizzjonalità u ta' komplementarjetà fir-rigward tal-interventi ffinanzjati bir-riżorsi ordinarji, anki biex ikun evitat li l-politiki ta' koeżjoni jsiru sostituti tal-politiki ordinarji nazzjonali;

25.  Josserva li, minkejja r-riżorsi tal-Fond SIE għall-pjan ta' implimentazzjoni reġjonali (PIR) żdiedu mil-lat kwantitattiv fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni, il-monitoraġġ jista' jitjieb għal finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt ta' dan il-finanzjament fuq il-PIR;

26.  Jitlob it-tkomplija tal-attivitajiet tal-Gruppi ta' Ħidma tal-Kummissjoni responsabbli biex jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jimplimentaw aħjar il-fondi tal-politika ta' koeżjoni f'dawk l-Istati Membri li għadhom lura f'termini ta' assorbiment tar-riżorsi tal-Fond SIE;

27.  Jisħaq fuq l-importanza tal-programm ta' appoġġ għar-riforma u jittama li dan jissaħħaħ fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, billi jiġi definit sew ir-rwol tiegħu ta' faċilitatur aktar milli ta' għajn ta' assistenza teknika, u jittejjeb f'termini ta' effikaċja u effiċjenza, mingħajr ma jitnaqqas il-baġit tal-koeżjoni bl-ammonti proposti attwalment mill-Kummissjoni fil-QFP 2021-2027.

28.  Josserva li l-UE, minkejja li ma għandhiex kompetenzi ġuridiċi diretti fis-settur amministrattiv, tħalli impatt pożittiv fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u b'mod partikolari tiżvolġi rwol indirett permezz tad-definizzjoni ta' standards amministrattivi fl-acquis communautaire, l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni kollha, kif ukoll bis-saħħa ta' strumenti tal-baġit li jsostnu u jinċentivaw ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika billi jsaħħu l-kapaċità amministtrativa, l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet u jrawmu l-innovazzjoni tas-settur pubbliku;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Studju – "Public Sector Reform: How the EU budget is used to encourage it", Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku D – Affarijiet Baġitarji, 2016.
(2) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/ministerial-declaration-egovernment-tallinn-declaration
(3) In-Netwerk tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EUPAN); in-Netwerk Tematiku għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza (PAG), kif ukoll pjattaformi u netwerks oħrajn, b'attenzjoni partikolari fuq il-ġustizzja, il-korruzzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-akkwist pubbliku, eċċ.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali