Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2155(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0449/2018

Testi mressqa :

A8-0449/2018

Dibattiti :

PV 14/01/2019 - 21
CRE 14/01/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2019 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0013

Testi adottati
PDF 174kWORD 59k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-linji gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE
P8_TA(2019)0013A8-0449/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE (2018/2155(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-protezzjoni legali internazzjonali tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, ta' reliġjon jew ta' twemmin iggarantita mill-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni tal-1981 abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 10, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Nru 22 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-30 ta' Lulju 1993 dwar l-Artikolu 18 tal-UDHR tal-1948 u r-Riżoluzzjoni 16/18 tiegħu tat-12 ta' April 2011 dwar il-ġlieda kontra l-intolleranza, l-isterjotipar negattiv u l-istigmatizzazzjoni ta' persuni bbażati fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u d-diskriminazzjoni, l-inċitament għall-vjolenza u l-vjolenza kontrihom,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2011 dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat fil-25 ta' Ġunju 2012 mill-Kunsill, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE 2015-2019 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà ta' reliġjon(2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa "ISIS/Da'esh"(3) u tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-approċċ il-ġdid tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija – evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) mindu ġie stabbilit(5), u b'mod partikolari l-paragrafi 27 u 28 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016(6) u tat-23 ta' Novembru 2017(7), rispettivament dwar ir-Rapporti Annwali għall-2015 u l-2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, b'mod partikolari l-paragrafu 14 tar-riżoluzzjoni tal-2016 fir-rigward tal-2016, u b'mod partikolari l-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni tal-2017 fir-rigward tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan ta' Azzjoni tar-Rabat" ippubblikat fil-5 ta' Ottubru 2012 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar il-projbizzjoni ta' promozzjoni ta' mibgħeda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza,

–  wara li kkunsidra l-mandat tal-Mibgħut Speċjali dwar il-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon barra l-UE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014 bit-titolu "Tool-box – A rights-based approach encompassing all human rights for EU development cooperation" (Sett ta' għodod - Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew lill-blogger u attivista Sawdi Raif Badawi fl-2015 għall-isforzi notevoli tiegħu biex irawwem diskussjoni miftuħa dwar ir-reliġjon u l-politika f'pajjiżu; wara li kkunsidra d-detenzjoni kontinwa tiegħu wara l-kundanna ta' 10 snin ħabs, elf frostata u multa kbira li ngħatatlu talli allegatament "insulta l-Islam",

–  wara li kkunsidra l-każ tal-Pakistana Nisranija Asia Bibi, li ntbagħtet il-ħabs u ngħatat il-piena tal-mewt minħabba blasfemija, u l-ħelsien riċenti tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0449/2018),

A.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin, kif imsejħa normalment fil-qafas tal-UE u f'din ir-riżoluzzjoni, id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin (FoRB) hija dritt tal-bniedem inerenti għall-bnedmin kollha u dritt fundamentali tal-individwi bħal kwalunkwe persuna oħra, li jenħtieġ li ma jkun soġġett għall-ebda diskriminazzjoni, kif stabbilit fit-testi kostituttivi internazzjonali u Ewropej, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tad-drittijiet kollha tal-bniedem imnaqqxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, mingħajr diskriminazzjoni minħabba razza, etniċità, abilità, sess, orjentazzjoni sesswali, twemmin reliġjuż jew nuqqas ta' twemmin reliġjuż; billi, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjonijiet tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha; billi, skont l-Artikolu 2 tat-Trattat, l-Unjoni hija bbażata fuq soċjetajiet li fihom jipprevalu l-pluraliżmu u t-tolleranza;

B.  billi l-prinċipju tas-separazzjoni tal-Knisja mill-Istat huwa prinċipju kostituzzjonali ewlieni madwar id-dinja u fl-Ewropa;

C.  billi l-Parlament Ewropew iddefinixxa s-sekulariżmu bħala separazzjoni stretta bejn awtorità reliġjuża u politika, li jimplika r-rifjut ta' kwalunkwe interferenza reliġjuża fil-funzjonament ta' istituzzjonijiet pubbliċi u ta' kwalunkwe interferenza pubblika fl-affarijiet reliġjużi, ħlief biex jiġu rrispettati r-regoli li jirregolaw il-preservazzjoni tas-sigurtà pubblika u l-ordni (inkluż ir-rispett tal-libertà tal-oħrajn) u biex tiġi żgurata l-istess libertà tal-kuxjenza għal kulħadd, kemm jekk wieħed jemmen, jekk huwa anjostiku jew ateu;

D.  billi l-FoRB timplika d-dritt tal-individwu li jagħżel dak li jrid jemmen jew ma jemminx, id-dritt li wieħed jibdel jew jabbanduna r-reliġjon u l-konvinzjonijiet tiegħu mingħajr l-ebda restrizzjoni, u d-dritt li wieħed jipprattika u jimmanifesta l-ħsieb, il-kuxjenza, ir-reliġjon u t-twemmin tal-għażla tiegħu, sew jekk individwalment jew f'komunità u sew jekk fil-privat jew fil-pubbliku; billi l-manifestazzjoni tal-ħsieb, tal-kuxjenza tar-reliġjon jew tat-twemmin tista' tiġi espressa permezz ta' qima, osservanza, prattika u tagħlim; billi l-FoRB tinvolvi d-dritt tal-komunitajiet tal-persuni li jemmnu u li ma jemmnux li jippreservaw jew jabbandunaw l-etos tagħhom u li jaġixxu f'konformità miegħu, u l-intitolament għall-organizzazzjonijiet reliġjużi, sekulari u mhux konfessjonali tagħhom li jkollhom personalità legali rikonoxxuta; billi l-protezzjoni ta' individwi li jaderixxu ma' xi reliġjon jew mal-ebda reliġjon u li l-indirizzar effettiv tal-ksur tal-FoRB, bħad-diskriminazzjoni jew ir-restrizzjonijiet legali bbażati fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, huma kundizzjonijiet primordjali sabiex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jgawdu mill-FoRB fuq bażi ugwali;

E.  billli twemminiet teistiċi, non-teistiċi u atei, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jkollu l-ebda reliġjon jew twemmin huma protetti wkoll taħt l-Artikolu 18 tal-ICCPR; billi li wieħed iħaddan jew ma jħaddanx reliġjon jew twemmin huwa dritt assolut u ma jistax jiġi limitat taħt l-ebda ċirkostanza;

F.  billi d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-FoRB tinkludi u tiddependi fuq elementi ta' bosta drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u flimkien għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra kull forma ta' intolleranza u diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin;

G.  billi l-libertà tar-reliġjon trid tieqaf fil-punt fejn il-prattika tagħha tkun tikser id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn, u billi l-prattika ta' reliġjon jew insegwiment ta' konvinzjoni qatt ma jistgħu, bl-ebda mod, jiġġustifikaw estremiżmu vjolenti jew mutilazzjoni, u lanqas ma jistgħu jagħtu lil xi ħadd il-libertà li jaġixxi b'mod li huma ta' detriment għad-dinjità inerenti tal-individwu;

H.  billi r-rispett lejn il-FoRB jikkontribwixxi direttament għad-demokrazija, l-iżvilupp, l-istat tad-dritt, il-paċi u l-istabbiltà; billi l-ksur tal-FoRB qed jinfirex, jaffettwa lin-nies fil-partijiet kollha tad-dinja, jaffettwa d-dinjità tal-ħajja tal-bniedem, u jista' jikkawża jew iżid l-intolleranza, u spiss huwa indikatur bikri ta' vjolenza u kunflitti potenzjali; billi l-istati jeħtiġilhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta sabiex jipprevjenu, jinvestigaw u jikkastigaw atti ta' vjolenza, jew it-theddida tagħhom, kontra persuni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, kif ukoll jiżguraw l-obbligu ta' rendikont jekk iseħħ tali ksur;

I.  billi, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE tippromwovi u tiddefendi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tirrispetta d-dinjità tal-bniedem bħala parti mill-prinċipji ta' gwida tal-politika estera tagħha;

J.  billi r-restrizzjonijiet reliġjużi u l-antagoniżmi, iġġenerati mill-gvernijiet jew mis-soċjetajiet, għadhom jippersistu f'ħafna pajjiżi; billi ċerti minoranzi reliġjużi ffaċċjaw żieda fit-theddid u l-persekuzzjoni minn atturi statali u mhux statali; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja li jiġġieldu għall-FoRB qed ikunu dejjem aktar mhedda u attakkati;

K.  billi, fid-dawl tal-objettiv li tiġi promossa l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon permezz tal-politika estera tal-UE, f'Ġunju 2013, il-Kunsill adotta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u f'Mejju 2016 il-Kummissjoni ħatret l-ewwel Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon barra l-UE, għal mandat ta' sena li minn dakinhar iġġedded darbtejn fuq bażi annwali;

L.  billi l-UE ppromwoviet il-FoRB, fil-livell internazzjonali u permezz ta' fora multilaterali, b'mod partikolari billi kienet minn ta' quddiem fir-riżoluzzjonijiet tematiċi dwar il-FoRB fl-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) u billi appoġġjat il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-FoRB u billi involviet ruħha fih, iżda wkoll permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li jaħsbuha l-istess;

M.  billi l-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluż permezz tal-appoġġ tas-soċjetà ċivili għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jemmnu u li ma jemmnux u dawk tal-individwi li jappartjenu b'mod partikolari għall-minoranzi reliġjużi u ta' twemmin, l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż, tirrappreżenta prijorità ta' finanzjament skont l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) 2014-2020; billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-istrumenti finanzjarji tal-UE bħall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) appoġġjaw ukoll proġetti li jwasslu għal titjib fl-ambjent tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon;

1.  Jenfasizza li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin, kif imsejħa normalment fil-qafas tal-UE u f'din ir-riżoluzzjoni, il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin (FoRB), hija dritt universali tal-bniedem, valur tal-UE u pilastru importanti u innegabbli tad-dinjità, li għandu impatt kbir fuq l-individwi, l-identità personali u l-iżvilupp tagħhom u fuq is-soċjetajiet; jenfasizza li l-individwi jeħtiġilhom jingħataw il-libertà li jorganizzaw il-ħajja personali tagħhom skont il-konvinzjonijiet tagħhom; jenfasizza li d-dritt għall-FoRB jinkludi d-drittijiet li wieħed ma jemminx, li wieħed iħaddan opinjonijiet teistiċi, anjostiċi jew atei u d-dritt għall-apostasija; jafferma li l-FoRB trid tiġi protetta, promossa u ssalvagwardjata mill-atturi kollha kif xieraq kif ukoll imtejba permezz tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali, f'konformità mal-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-valuri tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-TUE u fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali; jenfasizza d-dmir tal-Istati li jiggarantixxu l-FoRB u li jittrattaw lill-individwi kollha b'mod ugwali, mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, sabiex jippreservaw soċjetajiet paċifiċi, demokratiċi u pluralisti li jirrispettaw id-diversità u t-twemmin;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li s-snin reċenti raw żieda drammatika fil-ksur tal-FoRB madwar id-dinja, u persekuzzjoni ta' dawk li jemmnu u ta' dawk li ma jemmnux; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni ta' kwistjonijiet reliġjużi għal finijiet politiċi, u l-vjolenza, il-fastidju jew il-pressjonijiet soċjali kontra kwalunkwe individwu jew grupp ta' persuni abbażi tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin; jikkundanna l-persekuzzjoni ta' gruppi etniċi u reliġjużi, dawk li ma jemmnux, l-atei u kwalunkwe minoranza oħra u l-attakki kontrihom, u l-persekuzzjoni tan-nisa u tal-bniet, u tal-individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jikkundanna l-konverżjonijiet furzati u l-prattiki ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, kif ukoll iż-żwieġ furzat u ċerti prattiki oħrajn assoċjati ma' reliġjon jew twemmin jew perċepiti bħala manifestazzjonijiet tagħhom, u jitlob li tittieħed responsabbiltà immedjata għal tali ksur; jenfasizza li l-ksur tal-FoRB spiss ikun ir-raġuni bażi għall-gwerer jew forom oħra ta' kunflitt armat jew ikompli jaggravhom dejjem aktar, li jirriżulta fil-ksur tad-dritt umanitarju, inkluż il-qtil bil-massa jew il-ġenoċidju; jenfasizza li ksur tal-FoRB jimmina d-demokrazija, jimpedixxi l-iżvilupp, u jaffettwa b'mod negattiv it-tgawdija ta' libertajiet u drittijiet fundamentali oħra; jenfasizza li dan jobbliga lill-komunità internazzjonali, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom u jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom fil-promozzjoni tal-FoRB għal kulħadd;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE u l-Istati Membri tagħha wiegħdu li jsaħħu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, bħala prinċipju li jiggwida l-politika estera tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Linji Gwida tal-UE għall-2013 jintegraw il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-FoRB fil-politika estera u l-azzjonijiet esterni tal-UE, u f'dan ir-rigward jitlob li jsiru aktar attivitajiet ta' tisħiħ immirati lejn it-tqajjim tal-kuxjenza u l-implimentazzjoni tal-Linji gwida;

4.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 17 tat-TFUE, l-UE hija impenjata li żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u mal-organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali; jissottolinja l-effetti ta' dawn id-djalogi fir-rigward tar-rispett lejn drittijiet oħrajn tal-bniedem; jenfasizza li tali djalogi interreliġjużi u interkulturali spiss jintlaqgħu b'mod aktar miftuħ minn xi sħab internazzjonali tal-UE u joħolqu punt ta' tluq għall-progress f'oqsma oħra;

5.  Jenfasizza l-importanza li jintlaħqu dawk li ma jemmnux f'pajjiżi fejn ma jistgħux jorganizzaw u ma jistgħux jibbenefikaw mil-libertà tal-għaqda;

Strateġija tal-UE biex tippromwovi u tipproteġi l-FoRB permezz ta' relazzjonijiet u kooperazzjoni internazzjonali

6.  Jilqa' t-tisħiħ tal-promozzjoni tal-FoRB fil-politika estera u l-azzjonijiet esterni tal-UE fis-snin reċenti, b'mod partikolari permezz tal-Istrateġija Globali tal-UE għall-politika estera u ta' sigurtà u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE 2015-2019 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jilqa' l-fatt li dan it-tisħiħ qed jintlaqa' b'impenn akbar min-naħa ta' ħafna pajjiżi sħab biex jikkonformaw mal-Artikoli 18 tal-UDHR u tal-ICCPR rispettivi;

7.  Jinnota l-ħolqien tal-kariga ta' Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-FoRB barra l-UE fl-2016 mill-President tal-Kummissjoni, b'risposta għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Frar 2016; iqis il-ħatra tal-Mibgħut Speċjali bħala pass importanti 'l quddiem u rikonoxximent ċar tal-FoRB fl-aġenda tad-drittijiet tal-bniedem tal-politika estera u l-azzjonijiet esterni tal-UE, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, u fi ħdan il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Mibgħut Speċjali sabiex jissokta l-impenn u l-kooperazzjoni kontinwi tiegħu u għall-komplementarjetà tal-azzjonijiet mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar din il-kwistjoni, inkluża l-promozzjoni tal-Linji Gwida tal-UE; jinnota b'mod pożittiv l-appoġġ attiv tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali u d-DĠ DEVCO għall-Mibgħut Speċjali;

8.  Jenfasizza l-importanza li jingħaqdu l-isforzi biex tiġi promossa l-FoRB u d-djalogi interreliġjużi u interkonfessjonali, interkonvinzjonali, interkulturali u interfilosofiċi mal-prevenzjoni tal-estremiżmu reliġjuż fuq bażi ta' rinfurzar komplementari u reċiproku, bħala mod biex tiġi rrispettata l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fid-dinja, b'mod partikolari fi ħdan il-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi oħra li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet speċjali; jissottolinja li l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, umanisti u sekulari wkoll għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-estremiżmu reliġjuż;

9.  Jitlob aktar kooperazzjoni biex tiġi evitata l-persekuzzjoni tal-minoranzi fuq il-bażi ta' ħsieb, kuxjenza, reliġjon jew twemmin, biex jinħolqu kundizzjonijiet għal koeżistenza paċifika f'soċjetajiet immarkati mid-diversità, u biex jiġi żgurat djalogu kontinwu bejn mexxejja u atturi reliġjużi, studjużi, knejjes u organizzazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-fidi, gruppi ta' dawk li ma jemmnux, istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja; jistieden lis-SEAE u lid-Delegazzjonijiet tal-UE jidentifikaw mad-diversi interlokuturi tagħhom sett ta' objettivi komuni biex jippromwovu l-FoRB permezz tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jikkunsidra li l-illitteriżmu reliġjuż, kif ukoll in-nuqqas ta' għarfien u rikonoxximent tar-rwol li r-reliġjonijiet għandhom għal parti kbira tal-umanità, iħeġġu l-preġudizzju u l-isterjotipi li jikkontribwixxu biex jiżdiedu t-tensjonijiet, in-nuqqas ta' fehim u t-trattament nieqes mir-rispett u inġust relatat mal-attitudnijiet u l-imġiba ta' parti kbira mill-popolazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-preservazzjoni u l-bini tal-FoRB fid-dinja kollha u għall-ġlieda kontra l-intolleranza; jistieden lil dawk f'pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fil-midja tal-komunikazzjoni u soċjali sabiex jikkontribwixxu b'mod pożittiv u b'rispett għad-dibattiti pubbliċi, filwaqt li jevitaw preġudizzji negattivi u sterjotipi lejn reliġjonijiet u dawk li jemmnu, u sabiex jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni b'mod responsabbli kif meħtieġ mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jiddeplora l-fatt li xi pajjiżi għandhom liġijiet penali, jinfurzawhom jew ifittxu li jintroduċuhom sabiex jikkastigaw każijiet ta' blasfemija, konverżjoni jew apostasija, inkluża l-piena tal-mewt; jiddeplora l-fatt li dawn il-liġijiet ġeneralment għandhom l-għan li jillimitaw il-FoRB u l-libertà ta' espressjoni u spiss jintużaw bħala forma ta' oppressjoni ta' minoranzi, kif ukoll ta' oppressjoni politika; jiġbed l-attenzjoni wkoll għas-sitwazzjoni ta' xi pajjiżi oħra li jiffaċċjaw jew li jinsabu f'riskju ta' kunflitti li fihom il-kwistjonijiet reliġjużi huma motiv jew huma strumentalizzati; jitlob lill-UE żżid l-impenn politiku tagħha biex tipprijoritizza fil-politika barranija tagħha l-isforzi lejn il-pajjiżi kollha kkonċernati bl-għan li jiġu rrevokati tali liġijiet diskriminatorji u jintemmu r-ripressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-tnaqqis fl-ispazju għas-soċjetà ċivili għal raġunijiet reliġjużi; iħeġġeġ lill-UE biex tinkludi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkopri r-rispett għall-FoRB fin-negozjati kollha mwettqa biex jiġi konkluż kwalunkwe ftehim ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE;

12.  Jikkundanna d-detenzjoni kontinwa ta' Raif Badawi, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov, wara proċess illegali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdi sabiex jipproċedu għall-ħelsien immedjat u r-rilaxx bla kundizzjoni tiegħu;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiżguraw is-sigurtà ta' Asia Bibi u tal-familja tagħha;

Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE

14.  Jilqa' l-fatt li l-Mibgħut Speċjali żviluppa netwerks ta' ħidma effettivi fi ħdan il-Kummissjoni kif ukoll mal-Kunsill, il-Parlament Ewropew u ma' partijiet ikkonċernati oħra; jistieden lill-Mibgħut Speċjali jirrapporta kull sena dwar il-pajjiżi li jkun żar fil-prijoritajiet tematiċi tiegħu;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu valutazzjoni trasparenti u komprensiva tal-effikaċja u tal-valur miżjud tal-pożizzjoni tal-Mibgħut Speċjali fil-proċess tat-tiġdid tal-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, jappoġġaw b'mod adegwat il-mandat, il-kapaċità u d-dmirijiet istituzzjonali tal-Mibgħut Speċjali, billi jesploraw il-possibbiltà ta' terminu ta' diversi snin soġġett għal reviżjoni annwali u billi jiżviluppaw netwerks ta' ħidma fl-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE;

16.  Jenfasizza li d-dmirijiet tal-Mibgħut Speċjali jenħtieġ li jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin, u d-drittijiet ta' nuqqas ta' twemmin, tal-apostasija u t-tħaddin ta' opinjonijiet atei, b'attenzjoni wkoll għas-sitwazzjoni ta' dawk li ma jemmnux u huma f'riskju; jirrakkomanda li r-rwol tal-Mibgħut Speċjali jkun jinkludi kompetenzi bħal: tisħiħ tal-viżibbiltà, l-effettività, il-koerenza u l-obbligu ta' rendikont tal-politika tal-FoRB tal-UE barra l-UE; provvista ta' rapport ta' progress annwali u rapport komprensiv dwar il-mandat tal-Mibgħut Speċjali fi tmiemu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà u lill-Kummissjoni; u ħidma f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM);

17.  Ifaħħar il-ħidma li għamel ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż fuq il-FoRB; jenfasizza li meta jiġu żviluppati l-mandati istituzzjonali huwa importanti li tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-dmirijiet u l-kompetenzi bejn il-Mibgħut Speċjali u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

18.  Jinnota li għadd ta' Stati Membri reċentement ħolqu postijiet ġodda ta' responsabbiltà għall-FoRB, li r-rwol tagħhom huwa simili għal dak tal-Mandat Speċjali; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ konsistenti li jinkludi d-drittijiet tal-komunitajiet reliġjużi kollha kif ukoll ta' dawk li ma jemmnux; iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-Mibgħut Speċjali u l-uffiċjali nazzjonali inkarigati mill-FoRB barra minn pajjiżhom, kif ukoll mal-COHOM u mal-Parlament Ewropew; jitlob li titjieb il-kooperazzjoni u l-isforz konġunt u reċiproku bejn id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata vuċi konsistenti u magħquda fil-promozzjoni tal-FoRB barra mill-UE u jingħata appoġġ lill-komunitajiet u lill-individwi li jiffaċċjaw ksur tal-FoRB;

19.  Jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jitwaqqaf grupp ta' ħidma ta' konsulenza informali li jikkonsisti f'rappreżentanti tal-FoRB tal-Istati Membri u istituzzjonijiet rilevanti oħrajn kif ukoll rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u esperti, studjużi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi knejjes u organizzazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-fidi kif ukoll organizzazzjonijiet mhux konfessjonali;

20.  Jirrakkomanda li l-Mibgħut Speċjali jkompli jiżviluppa kooperazzjoni mal-kontropartijiet barra l-UE, b'mod partikolari billi jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib u jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-diversi Rapporteurs Speċjali tan-NU u b'mod partikolari r-rapporteur dwar l-FoRB, kif ukoll billi jesplora l-possibbiltà ta' inizjattivi konġunti UE-NU dwar id-diskriminazzjoni kontra l-gruppi u l-minoranzi reliġjużi u dawk li ma jemmnux u persuni li jibdlu r-reliġjon jew jikkritikaw jew iħallu reliġjon, filwaqt li jifformulaw proposti komuni dwar kif għandha tintemm tali diskriminazzjoni; jinnota l-proposta li jiġi stabbilit jum internazzjonali uffiċjali annwali mmexxi min-NU li jikkommemora lill-vittmi u lis-sopravissuti tal-persekuzzjoni reliġjuża;

Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin

21.  Iqis li l-Linji gwida tal-UE jippreżentaw sett ċar ta' linji politiċi, prinċipji, standards u temi għal azzjonijiet ta' prijorità, kif ukoll sett ta' għodod għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni, ir-rapportar u d-démarches minn rappreżentanti tal-UE f'pajjiżi terzi, li jikkostitwixxu approċċ strateġiku solidu għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikunu jistgħu jeżerċitaw rwol effettiv fil-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon barra l-UE;

22.  Jitlob b'urġenza l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji gwida tal-UE dwar il-FoRB sabiex l-UE issir aktar influwenti fil-promozzjoni tal-FoRB madwar id-dinja; jenfasizza li l-fehim ta' kif is-soċjetajiet jistgħu jiġu ffurmati u influwenzati minn ideat, mir-reliġjonijiet u minn forom oħrajn ta' kultura u twemmin, inkluż in-nuqqas ta' twemmin, huwa strumentali biex wieħed jifhem aħjar il-promozzjoni tal-FoRB fil-politika estera tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali; jitlob li tingħata l-istess attenzjoni lis-sitwazzjoni ta' dawk li ma jemmnux, tal-atei u tal-apostati li jiffaċċjaw il-persekuzzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza;

23.  Jitlob it-tisħiħ tal-għarfien dwar il-FoRB u jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi li saru s'issa mis-SEAE u mill-Kummissjoni biex tipprovdi taħriġ fil-qasam tal-litteriżmu u tal-istorja tar-reliġjon u tat-twemmin kif ukoll dwar is-sitwazzjoni ta' minoranzi reliġjużi u dawk li ma jemmnux lill-uffiċjali tal-UE u lid-diplomatiċi nazzjonali, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-pluraliżmu u n-newtralità; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' programmi ta' taħriġ aktar wesgħin u aktar sistematiċi li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar u jżidu l-użu tal-Linji gwida tal-UE fost l-uffiċjali u d-diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri u li jsaħħu l-kooperazzjoni mal-Mibgħut Speċjali; jirrakkomanda li l-akkademiċi, il-knejjes u l-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet reliġjużi fid-diversità sħiħa tagħhom, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili, ikunu involuti f'dan il-proċess ta' taħriġ; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu riżorsi adegwati għal tali programmi ta' taħriġ;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex jiżguraw kapitolu ddedikat għall-FoRB fir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, kif ukoll rapporti ta' progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji gwida tal-UE, li għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament u lill-Kunsill; jinnota li l-Linji gwida tal-UE jipprevedu evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom minn COHOM wara perjodu ta' tliet snin, li l-ebda tali evalwazzjoni ma ġiet ikkomunikata jew saret disponibbli għall-pubbliku; jitlob li l-evalwazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien; iqis li l-evalwazzjoni jenħtieġ li tenfasizza l-aħjar prattiki, tindentifika oqsma għal titjib, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti dwar l-implimentazzjoni skont perjodu speċifikat u stadji importanti u soġġetti għal evalwazzjoni annwali regolari; jitlob li l-evalwazzjoni tiġi inkluża fir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja;

25.  Jissottolinja r-responsabbiltajiet issodisfati mill-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi b'rabta mal-FoRB, fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Missjonijiet tal-PSDK kollha; jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati lil dawk id-delegazzjonijiet u missjonijiet sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar ta' sitwazzjonijiet ta' tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk relatati mar-rispett għall-FoRB;

26.  Ifakkar l-importanza tal-Istrateġiji tal-Pajjiżi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (HRDCSs), li jadattaw l-azzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull pajjiż; jitlob li tingħata attenzjoni adegwata lil kwistjonijiet relatati mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, filwaqt li jitfasslu linji għall-azzjoni tal-UE sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu indirizzati skont l-HRDCSs kull meta r-rispett lejn il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jitpoġġa f'riskju; itenni t-talba tiegħu lill-Membri tal-Parlament Ewropew biex jingħataw aċċess għall-kontenut tal-HRDCSs;

Azzjonijiet tal-UE dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon f'fora multilaterali

27.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tippromwovi l-FoRB f'fora multilaterali, b'mod partikolari fi ħdan in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE u mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC); jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni tal-UE mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda li titkompla l-prattika tal-UE li tkun minn ta' quddiem nett fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-FoRB u li tfittex li tibni alleanzi u tiddefendi pożizzjonijiet komuni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden lis-SEAE u lill-OIC iqisu li jħejju riżoluzzjoni konġunta dwar il-FoRB fi ħdan il-qafas tan-NU;

Strumenti finanzjarji tal-UE

28.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-FoRB hija identifikata bħala prijorità tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jinnota ż-żieda tal-finanzjament tal-EIDHR allokat għall-proġetti relatati mal-FoRB sa mill-adozzjoni tal-Linji gwida tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li l-ħidma diplomatika tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tal-FoRB u l-proġetti ffinanzjati mill-EIDHR ikollha funzjoni ta' rinfurzar reċiproku, u li tirrispetta l-prinċipji tal-pluraliżmu, tan-newtralità u tal-ġustizzja fl-allokazzjoni tal-fondi; jenfasizza li l-FoRB tista' tkun appoġġjata wkoll minn strumenti oħra għajr il-fondi orjentati lejn id-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn dawk iddedikati għad-dimensjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitt jew għall-edukazzjoni u l-kultura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu finanzjament suffiċjenti għal proġetti relatati mal-FoRB skont l-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE, fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027; jitlob li l-EIDHR jingħata l-mezzi sabiex jiffinanzja l-protezzjoni jew l-esfiltrazzjoni tan-nonkonformisti u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li huma mhedda jew ippersegwitati fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

29.  Jitlob li jsir sforz sabiex tiġi żgurata trasparenza fl-allokazzjoni tal-finanzjament u sabiex jiġi mmonitorjat l-użu tiegħu minn reliġjonijiet u mill-attivitajiet tagħhom;

30.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fl-oqsma tal-paċi, ta' sigurtà u tal-prevenzjoni tal-kunflitt u l-iżvilupp u l-kooperazzjoni jiffaċċjaw sfidi, li għalihom jistgħu jinstabu soluzzjonijiet bil-parteċipazzjoni, fost l-oħrajn, tal-knejjes, tal-mexxejja reliġjużi, tal-akkademiċi, tal-komunitajiet u tal-assoċjazzjonijiet reliġjużi u ta' twemmin u kemm tal-organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi u dawk mhux konfessjonali, li huma parti importanti tas-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi l-importanza li wieħed ikun konxju tad-diversità tal-knejjes, tal-komunitajiet u tal-assoċjazzjonijiet reliġjużi u tat-twemmin u tal-organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi u mhux konfessjonali li jwettqu ħidma ta' żvilupp u umanitarja effettiva għall-komunitajiet u mal-komunitajiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, fejn rilevanti, jinkorporaw objettivi u attivitajiet relatati mal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-FoRB fil-programmazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament marbuta ma' dawk il-politiki, jiġifieri l-FEŻ, id-DCI, l-ENI, l-IcSP u l-IPA, kif ukoll kwalunkwe strument ieħor li jista' jiġi stabbilit fl-oqsma rilevanti wara l-2020;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 174.
(2) ĠU C 136E, 11.5.2012, p. 53.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 77.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0500.
(5) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 130..
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0494.
(8) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali