Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0416/2018

Testi mressqa :

A8-0416/2018

Dibattiti :

PV 14/01/2019 - 22
CRE 14/01/2019 - 22

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2019 - 8.14
CRE 15/01/2019 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0014

Testi adottati
PDF 572kWORD 65k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE
P8_TA-PROV(2019)0014A8-0416/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE (2018/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 11, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (00337/2016),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020 anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 (07166/2011),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u r-rapport tan-NU tal-15 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Final study on illicit financial flows, human rights and the 2030 Agenda for Sustainable Development" (L-istudju finali dwar flussi finanzjarji illeċiti, id-drittijiet tal-bniedem u l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) mill-Espert Indipendenti dwar l-effetti ta' dejn barrani u obbligi finanzjarji internazzjonali relatati oħra tal-istati fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha, b'mod partikolari d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, kif ukoll id-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati waqt is-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u l-Artikolu 3 tagħha, li jiddefinixxi t-terminu "ġeneru" bħala "r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel", u l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni, l-Ippenalizzar u l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa (il-Konvenzjoni ta' Belem do Pará) tal-1994,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-Konvenzjoni dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs (Nru 100), il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol) (Nru 111), il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja (Nru 156) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Nru 183),

–  wara li kkunsidra s-sottomissjoni konġunta lis-CEDAW ippreżentata miċ-Ċentru għad-Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali (CESR), Alliance Sud, il-Global Justice Clinic fil-University School of Law ta' New York, Public Eye u n-Netwerk għall-Ġustizzja Fiskali (Tax Justice Network) bit-titolu "Swiss Responsibility for the Extraterritorial Impacts of Tax Abuse on Women's Rights" (Ir-responsabbiltà Żvizzera għall-Impatti Extraterritorjali tal-Abbuż Fiskali fuq id-Drittijiet tan-Nisa), li tenfasizza l-piż sproporzjonat tat-taxxa fuq in-nisa, b'mod partikolari n-nisa b'introjtu baxx u n-nisa fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, li jirriżulta mit-telf ta' dħul pubbliku minħabba abbuż fiskali transfruntier,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv,

–  wara li kkunsidra r-rapporti għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew 2018 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Taxation Trends in the European Union - Data for the EU Member States, Iceland and Norway, 2018 Edition" (Xejriet ta' Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Data għall-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja, Edizzjoni 2018),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2018 dwar l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' indukrar għal tfal żgħar, bl-intenzjoni li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ġenituri li jaħdmu u biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa ("l-objettivi ta' Barċellona") (COM(2018)0273),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2018 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2018)0020),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU tal-2015 dwar in-Nisa bit-titolu "Progress of the world's women 2015-2016. Transforming economies, realising rights" (Il-progress tan-nisa fid-dinja 2015-2016. Ekonomiji ta' trasformazzjoni, it-twettiq tad-drittijiet),

–  wara li kkunsidra r-Rapport finali tal-2005 tal-Grupp ta' Speċjalisti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ibbaġitjar Skont il-Ġeneru, li jiddefinixxi l-ibbaġitjar skont il-ġeneru bħala "valutazzjoni tal-baġits, abbażi tal-ġeneru, li tinkorpora l-perspettiva tal-ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju u tirristruttura d-dħul u l-infiq bil-għan li tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Bringing transparency, coordination and convergence to corporate tax policies in the European Union - I - Assessment of the magnitude of aggressive corporate tax planning" (Inġibu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni Ewropea - I - Valutazzjoni tal-kobor ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat CEDAW dwar l-obbligi extraterritorjali rigward l-impatt, fuq il-ġeneri, tal-flussi finanzjarji illeċiti u l-evitar tat-taxxa korporattiva tal-Iżvizzera fl-2016 u tal-Lussemburgu fl-2018(1),

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-politika tal-2016 tal-Institute of Development Studies (Istitut tal-Istudji dwar l-Iżvilupp) bit-titolu "Redistributing Unpaid Care Work – Why Tax Matters for Women's Rights" (It-Tqassim mill-Ġdid ta' Xogħol ta' Indukrar bla Ħlas – Għaliex it-Taxxa hija Kwistjoni Importanti għad-Drittijiet tan-Nisa),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' April 2017 mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament għall-Politiki: tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali bit-titolu "Gender equality and taxation in the European Union" (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar in-Nisa ta' April 2018 bit-titolu "Gender, taxation and equality in developing countries" (Ġeneru, tassazzjoni u ugwaljanza fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD dwar l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Ġeneru (Ġunju 2017) u l-Mudelli għat-Taxxi u l-Benefiċċji tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0416/2018),

A.  billi l-Artikoli 2 u 3 tat-TUE jirrikonoxxu n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala tnejn mill-valuri u l-għanijiet essenzjali li fuqhom hija msejsa l-UE; billi l-Artikoli 8 u 10 tat-TFUE jobbligaw lill-Unjoni Ewropea biex timmira li telimina l-inugwaljanzi, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġġieled id-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha; billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fiha drittijiet u prinċipji li jirreferu għall-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta (Artikolu 21(1)) u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (Artikolu 23); billi d-drittijiet stipulati fil-Karta huma direttament rilevanti għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (Artikolu 51);

B.  billi madwar l-Unjoni Ewropea, in-nisa jibqgħu mhux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol bir-rata ġenerali tal-impjiegi tan-nisa għadha aktar baxxa minn dik tal-irġiel kważi bi 12 %; billi fl-UE, 31,5 % tan-nisa li jaħdmu part-time meta mqabbla mat-8,2 % tal-irġiel li jaħdmu;

C.  billi huwa ta' importanza kbira ħafna li tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-impjiegi bejn is-sessi u li titnaqqas id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, li bħala medja, tilħaq kważi l-40 % fl-UE u tirriżulta minn inugwaljanzi akkumulati tul il-ħajja kollha tan-nisa u l-perjodi tal-assenza tagħhom mis-suq tax-xogħol;

D.  billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE tilħaq is-16 %; li jfisser li madwar l-ekonomija kollha, bħala medja n-nisa fl-UE jaqilgħu 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel;

E.  billi l-effett kumulattiv tad-differenzi multipli li jaffettwaw lin-nisa (id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskrepanzi relatati mal-impjiegi, pawżi waqt il-karriera u għall-indukrar tat-tfal, u xogħol full time meta mqabbel ma' xogħol part time) jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi u jirriżulta f'riskju ogħla, għan-nisa, ta' esponiment għall-faqar u l-esklużjoni soċjali, bl-impatti negattivi jinfirxu wkoll fuq it-tfal u l-familji tagħhom;

F.  billi l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing tenfasizza l-ħtieġa li jiġu analizzati politiki u programmi differenti mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi dawk relatati mat-tassazzjoni, u li jiġu aġġustati fejn meħtieġ biex jippromwovu distribuzzjoni aktar ekwa tal-assi produttivi, il-ġid, l-opportunitajiet, l-introjtu u s-servizzi;

G.  billi s-CEDAW tirrikjedi li l-familji jkunu bbażati fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza, il-ġustizzja u s-sodisfazzjon individwali ta' kull membru, b'tali mod li n-nisa u l-irġiel jiġu ttrattati b'mod ugwali anke fil-liġijiet dwar it-taxxa, aktar bħala individwi u ċittadini awtonomi milli bħala dipendenti fuq l-irġiel;

H.  billi l-Istati Membri, bħala firmatarji tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, impenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-obbligu li jimmobilizzaw ir-riżorsi massimi disponibbli bil-għan li jkollhom fondi disponibbli għat-twettiq progressiv tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

I.  billi r-regolamenti dwar it-taxxa fuq l-introjtu personali, li b'mod impliċitu jpoġġu fi żvantaġġ lin-nisa fejn jidħlu l-aċċess għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet relatati magħhom jew il-pensjonijiet ipprovduti minn min iħaddem, jista' jkun li jiksru l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE(8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(9);

J.  billi d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Strategic Engagement for Gender Equality (2016-2019)" (Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2016-2019)) jidentifika oqsma ewlenin għall-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-politiki tat-tassazzjoni, iżda huwa nieqes minn dispożizzjonijiet vinkolanti jew talba biex isir impenn għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-Istati Membri;

K.  billi l-politiki tat-tassazzjoni jista' jkun li jkollhom preġudizzji espliċiti jew impliċiti relatati mal-ġeneru; billi preġudizzju espliċitu jfisser li provvediment tat-taxxa jkollu fil-mira diretta tiegħu l-irġiel jew in-nisa b'mod distint, filwaqt li preġudizzju impliċitu jfisser li l-provvediment nominalment japplika bl-istess mod għal kulħadd, iżda fir-realtà hemm diskriminazzjoni peress li l-politika tinteraġixxi max-xejriet ta' mġiba/introjtu li għandhom impatt fuq is-sessi b'mod differenti; billi ħafna mill-Istati Membri neħħew ir-regolamenti dwar it-taxxa li b'mod espliċitu jagħmlu distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa iżda l-preġudizzji impliċiti fil-qasam tat-taxxa għadhom prevalenti madwar l-UE peress li r-regolamenti dwar it-taxxa jinteraġixxu mar-realtajiet soċjoekonomiċi;

L.  billi l-għażliet ta' politika biex jiżdied u jiġi mqassam mill-ġdid id-dħul jistgħu jaffettwaw l-introjtu s-sigurtà ekonomika tan-nisa b'mod sproporzjonat u jnaqqsu l-aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità, u dan ixekkel il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom u l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi;

M.  billi n-nuqqas ta' perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tat-tassazzjoni tal-UE u nazzjonali jsaħħaħ id-disparitajiet attwali bejn is-sessi (impjiegi, introjtu, xogħol mingħajr ħlas, pensjoni, faqar, ġid, eċċ), joħloq diżinċentivi għan-nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u jirriproduċi r-rwoli u l-isterjotipi tradizzjonali tas-sessi;

N.  billi t-tfassil tal-politiki tat-taxxa huwa karatteristika essenzjali għall-istrateġija Ewropa 2020; billi l-fokus prinċipali tas-Semestru Ewropew jibqa' li tiġi żgurata konformità mall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u billi l-aspetti relatati mas-sessi għandhom it-tendenza li jiġu injorati fil-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari dawk relatati mat-tassazzjoni;

O.  billi bidliet rigressivi fit-tassazzjoni tal-ħaddiema, il-korporazzjonijiet, il-konsum u l-ġid, li jistgħu jiġu osservati f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin fl-Istati Membri kollha, wasslu għal dgħajfien tas-saħħa ridistributtiva tas-sistemi fiskali u kkontribwew għat-tendenza ta' żieda fl-inugwaljanza rigward l-introjtu; billi din il-bidla strutturali fit-tassazzjoni għaddiet il-piż tat-taxxi lejn gruppi b'introjtu baxx, u għalhekk b'mod partikolari n-nisa, minħabba t-tqassim mhux ugwali tal-introjtu bejn in-nisa u l-irġiel, is-sehem żgħir ta' nisa fost dawk li jaqilgħu l-aktar, il-proporzjonijiet ta' konsum li jaqbżu l-medja għan-nisa fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi bażiċi u s-sehem komparattivament għoli ta' introjtu tal-ħaddiema u s-sehem żgħir ta' introjtu kapitali fl-introjtu totali tan-nisa(10);

P.  billi n-nisa b'mod partikolari jistgħu jsofru minn inugwaljanzi ekonomiċi minħabba t-tqassim mhux ugwali tal-introjtu bejn in-nisa u l-irġiel, is-sehem żgħir tan-nisa fost dawk li jaqilgħu l-aktar, u s-sehem komparattivament għoli ta' introjtu tal-ħaddiema u s-sehem żgħir ta' introjtu kapitali fl-introjtu totali tan-nisa(11);

Q.  billi bħala medja r-rati ta' taxxa korporattiva naqsu b'mod drammatiku mis-snin tmenin, minn aktar minn 40 % għal 21,9 % fl-2018, filwaqt li f'kuntrast, ir-rata ta' taxxi fuq il-konsum (li l-VAT hija komponent kbir minnhom) żdiedet mill-2009, u laħqet l-20,6 % fl-2016(12);

R.  billi l-politiki makroekonomiċi għandhom jirriflettu aħjar l-importanza ta' xogħol ta' indukrar u domestiku bla ħlas u billi l-evidenza turi li 80 % tal-kura fl-UE tingħata minn persuni li jagħmlu dan bla ħlas u b'mod informali, li 75 % minnhom huma nisa; billi ċerti politiki tat-tassazzjoni, servizzi pubbliċi mhux iffinanzjati biżżejjed u aċċess għas-servizzi soċjali jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-gruppi b'introjtu baxx, u speċjalment lin-nisa, peress li ħafna drabi jimlew il-vojt fl-għoti tal-kura, l-edukazzjoni u tipi oħra ta' appoġġ għall-familja, ġeneralment mingħajr rimunerazzjoni, u dan jipperpetwa r-responsabbiltà sproporzjonata tan-nisa għall-kura; billi huma n-nisa l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli fl-UE li jiffaċċjaw il-piż doppju ta' xogħol ta' indukrar informali u ta' xogħol prekarju mħallas(13);

S.  billi kważi l-Istati Membri kollha żviluppaw ċertu duwaliżmu fi ħdan is-sistemi fiskali tagħhom fuq l-introjtu billi qed japplikaw rata tat-taxxa marġinali ogħla għall-introjtu tal-persuna li taqla' t-tieni paga u bl-introduzzjoni ta' rati tat-taxxa uniformi għall-parti l-kbira tat-tipi ta' introjtu kapitali; billi l-piż tat-taxxa sproporzjonalment għoli għal dawk li jaqilgħu t-tieni paga fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, bħala riżultat tal-iskedi fiskali direttament progressivi li qed jiġu applikati fuq l-introjtu mix-xogħol, huwa wieħed mid-diżinċentivi ewlenin għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol(14), flimkien ma' dispożizzjonijiet oħra dwar taxxa konġunta u benefiċċji kif ukoll l-ispejjeż u n-nuqqas ta' servizzi universali għall-indukrar tat-tfal;

T.  billi l-livelli tan-nassa tal-inattività (bħalissa 40 %) u ta' dik tal-pagi baxxi, li b'mod sproporzjonat jaffettwaw lin-nisa u jiskoraġġuhom mill-parteċipazzjoni sħiħa fl-impjiegi, huma ddeterminati, sa grad sinifikanti, mid-dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni diretta, minbarra t-telf ta' benefiċċji;

U.  billi f'xi Stati Membri l-familji għadhom jistgħu jgawdu minn tnaqqis tat-taxxa meta jkun hemm konjuġi dipendenti, benefiċċji għall-koppji miżżewġa u/jew krediti ta' taxxa għall-koppji li minnhom persuna waħda biss taqla' l-flus, li jipperpetwaw l-asimmetriji fil-konfront tal-familji b'ġenitur wieħed, il-ġenituri waħedhom li fil-maġġoranza jkunu nisa, u jonqsu li jirrikonoxxu d-diversità tas-sitwazzjonijiet tal-familja li jeżistu fl-UE; billi tali vantaġġi fiskali s-soltu jservu ta' diżinċentiv għall-aċċess tan-nisa miżżewġa għas-suq tax-xogħol u b'mod dirett jew indirett jipprovokaw ir-riallokazzjoni tal-ħin tax-xogħol tan-nisa mix-xogħol imħallas għax-xogħol mhux imħallas;

V.  billi l-impatt tat-tassazzjoni fuq id-disparitajiet bejn is-sessi rigward il-ġid korporattiv, il-ġid personali u l-proprjetà jikkostitwixxi qasam tar-riċerka li għadu mhux żviluppat biżżejjed, u hemm ħtieġa urġenti li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' data diżaggregata skont is-sessi f'dawn l-oqsma;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tat-tassazzjoni u biex toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri, sabiex jiġu eliminati preġudizzji relatati mal-ġeneru fejn tidħol it-taxxa u biex jiġi żgurat li ma tiġi stabbilita l-ebda taxxa, liġi dwar l-infiq, programm jew prattika ġdida li jżidu d-disparitajiet bejn is-sessi fl-introjtu tas-suq jew wara t-taxxa;

2.  Jenfasizza li, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 5(3) tat-TUE, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-regoli għall-politiki tat-taxxa tagħhom, dment li jikkonformaw mar-regoli tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet tal-UE dwar il-kwistjonijiet tat-taxxa jirrikjedu ftehim unanimu mill-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni CEDAW, bħalma għamlet għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u kif qed tagħmel għall-Konvenzjoni ta' Istanbul;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istatus tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi billi tadottah bħala komunikazzjoni(15) u tinkludi objettivi ċari u azzjonijiet ewlenin biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' analiżi settorjali, tal-azzjonijiet kollha tal-UE, inklużi l-aspetti fiskali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra diskriminazzjoni indiretta u diretta b'rabta mal-ġeneri tkun implimentata kif xieraq u jsir monitoraġġ sistematiku tal-progress tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jkunu atturi ugwali;

Tassazzjoni diretta

Tassazzjoni fuq l-introjtu personali

5.  Jinnota li l-politiki tat-taxxa għandhom impatti li jvarjaw fuq tipi differenti ta' unitajiet domestiċi (unitajiet domestiċi b'żewġ persuni jaqilgħu l-għajxien, unitajiet domestiċi b'mara jew raġel jaqilgħu l-għajxien waħedhom, eċċ.); jissottolinja l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta' inċentivi favur l-impjiegi għan-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom u jiġbed l-attenzjoni għad-diskrepanza kbira fil-pensjonijiet bejn is-sessi li jirriżultaw mit-tassazzjoni konġunta; jenfasizza li s-sistemi fiskali ma għandhomx jibqgħu bbażati aktar fuq is-suppożizzjoni li l-unitajiet domestiċi jiġbru u jikkondividu l-fondi tagħhom bl-istess mod u li t-tassazzjoni individwali hija strumentali biex tinkiseb ġustizzja fit-taxxa għan-nisa; iqis li huwa essenzjali li l-irġiel u n-nisa jaqilgħu l-flus u jagħtu l-kura f'livell indaqs; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jintroduċu gradwalment it-tassazzjoni individwali filwaqt li jiżguraw preservazzjoni sħiħa tal-benefiċċji finanzjarji kollha u l-benefiċċji l-oħra marbuta mar-rwol ta' ġenituri fis-sistemi ta' tassazzjoni konġunta attwali; jirrikonoxxi li perjodi ta' tranżizzjoni lejn tali sistemi ta' tassazzjoni individwali jistgħu jkunu meħtieġa f'xi Stati Membri; jitlob, matul dawn il-perjodi ta' tranżizzjoni, li jiġu eliminati n-nefqiet tat-taxxa kollha bbażati fuq introjtu konġunt u jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-benefiċċji tat-taxxa, il-benefiċċji fi flus u s-servizzi tal-gvern in natura kollha jingħataw lill-individwi sabiex tiġi żgurata l-awtonomija finanzjarja u soċjetali tagħhom;

6.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni 2017-2019 tal-UE – L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa" (COM(2017)0678), li tirrikonoxxi tmien oqsma għall-azzjoni u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom għall-indirizzar effettiv tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa sabiex titjieb is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa u tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza ekonomika tagħhom;

7.  Jinnota li r-rati medji tat-taxxa personali netti għal dawk li jaqilgħu t-tieni paga b'żewġt itfal kienu ta' 31 % bħala medja għall-membri tal-OECD tal-UE u ta' 28 % għall-pajjiżi kollha tal-OECD fl-2014; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja u ssaħħaħ b'mod kontinwu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali u ta' xogħol ta' valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li l-inugwaljanzi jiġu eliminati kemm fis-settur tas-suq tax-xogħol kif ukoll f'dak tat-tassazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw s-segregazzjoni orizzontali u vertikali fis-suq tax-xogħol billi jeliminaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni fl-impjiegi b'rabta mal-ġeneru u, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, jinkoraġġixxu lill-bniet u lin-nisa biex iwettqu studji, xogħlijiet u karrieri f'setturi relatati mat-tkabbir innovattiv, fosthom l-ICT u s-suġġetti STEM;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-inċentivi fiskali relatati mal-impjiegi u mal-impjiegi indipendenti ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tal-ġeneru u jqisu l-inċentivi fiskali u benefiċċji jew servizzi fiskali oħra għal dawk li jaqilgħu t-tieni paga u l-ġenituri waħedhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħarsu lejn modi differenti biex isolvu l-kwistjoni tal-preżenza insuffiċjenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw id-diżinċentivi ekonomiċi potenzjali għal dawk li jaqilgħu t-tieni paga li jkunu deħlin fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-preġudizzji relatati mal-ġeneru jistgħu jsiru wkoll fi tnaqqis tat-taxxa jew eżenzjonijiet mit-taxxa relatati max-xogħol, bħal trattament fiskali favorevoli ta' sigħat tax-xogħol żejda, li huma ta' benefiċċju l-aktar għall-professjonijiet li attwalment huma okkupati mill-irġiel;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex ma jnaqqsux in-natura progressiva tas-sistemi tat-taxxa fuq l-introjtu personali tagħhom, pereżempju billi jippruvaw jissimplifikaw it-tassazzjoni fuq l-introjtu personali;

10.  Jitlob biex it-taxxa fuq l-introjtu personali (strutturi ta' rati, eżenzjonijiet, tnaqqis, allowances, krediti, eċċ) titfassal biex tippromwovi b'mod attiv qsim ugwali ta' xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas, drittijiet għall-introjtu u għall-pensjoni bejn in-nisa u l-irġiel, u biex jiġu eliminati l-inċentivi li jipperpetwaw rwoli tas-sessi mhux ugwali;

11.  Iqis li, minħabba inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol, in-nisa jistgħu jkunu affettwati b'mod sproporzjonat minn ċerti politiki tat-tassazzjoni; jemmen li l-mod adegwat biex tiġi indirizzata din il-problema huwa permezz ta' riforma tal-istrumenti tas-suq tax-xogħol b'mod li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-indipendenza ekonomika tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromwovu studji dwar l-effetti tad-disparità bejn is-sessi dwar il-pensjonijiet u l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, fid-dawl ta' kwistjonijiet bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-differenzi bejn is-sessi fil-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-istennija tal-għomor, il-fatt li l-istrutturi tal-familja nbidlu u l-għadd ta' djar okkupati minn persuna waħda żdied, u d-differenzi fis-sitwazzjonijiet personali tan-nisa;

Tassazzjoni korporattiva

12.  Jitlob lill-Istati Membri identifikati fis-Semestru Ewropew għad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom u jagħlqu dawn id-dispożizzjonijiet malajr kemm jista' jkun(16); huwa mħasseb dwar ir-riskju li, filwaqt li jaħdmu fuq il-koordinazzjoni tal-bażijiet għat-taxxa korporattiva tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jsibu dispożizzjonijiet ġodda biex jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa mill-korporazzjonijiet, fejn iħalluha f'idejn l-Istati Membri biex isibu sorsi oħra ta' tassazzjoni (inklużi t-taxxi fuq il-konsum), li għandhom effett sproporzjonat fuq in-nisa;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrazzjonalizzaw l-inċentivi fiskali jew il-ħelsien mit-taxxa li jagħtu lil dawn il-korporazzjonijiet, biex jiżguraw li dawn l-inċentivi u dan il-ħelsien mit-taxxa jkun l-aktar ta' benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u jiffavorixxu innovazzjoni reali, u biex jivvalutaw ex ante u a posteriori l-impatt potenzjali ta' dawn l-inċentivi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Tassazzjoni fuq il-kapital u l-ġid

14.  Jinnota li t-taxxi korporattivi u fuq il-ġid għandhom rwol kruċjali biex inaqqsu d-disparità permezz tar-ridistribuzzjoni fi ħdan is-sistema fiskali u biex jipprovdu dħul biex jiffinanzjaw il-provvedimenti soċjali u t-trasferimenti soċjali;

15.  Jinnota li l-indisponibbiltà, l-ispejjeż projbittivi u n-nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri servizzi għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità jibqgħu ostaklu sinifikanti, primarjament, għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-aspetti kollha tas-soċjetà, inkluż l-impjieg; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki tat-taxxa biex itejbu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal affordabbli u ta' kwalità għolja, permezz ta' inċentivi tat-taxxa sabiex inaqqsu l-ostakli għan-nisa biex jaħdmu f'impjieg imħallas u jikkontribwixxu għal distribuzzjoni aktar ugwali ta' xogħol imħallas u mhux imħallas fl-unitajiet domestiċi, u b'hekk jitnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskrepanza fil-pensjonijiet; jenfasizza li dawn il-politiki għandhom jippermettu l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u b'mod partikolari jiffokaw fuq familji b'introjtu baxx, familji b'ġenitur wieħed u gruppi żvantaġġati oħra;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li, fost affarijiet oħra, tindirizza u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-provvista ta' prodotti u servizzi finanzjarji fl-assigurazzjoni u f'oqsma relatati; jitlob li tinġabar data sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża dwar lakuni possibbli fil-proċess ta' implimentazzjoni; jenfasizza li s-sjieda tal-proprjetà hija soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u li m'hemm ebda liġi dwar il-proprjetà fl-UE li tiddiskrimina kontra n-nisa jew l-irġiel, peress li d-dritt għall-proprjetà huwa tas-sid;

17.  Jiddeplora l-fatt li, ġeneralment, il-kontribuzzjoni tat-taxxi bbażati fuq il-ġid lejn it-total tad-dħul mit-taxxi baqa' pjuttost limitat, billi laħaq il-5,8 % tad-dħul totali mit-taxxi fl-UE-15 u l-4,3 % fl-UE-28(17);

18.  Jiddeplora l-fatt li s-sehem tat-taxxi fuq il-kapital ilu juri xejra għal tnaqqis mill-2002 b'konsegwenza, inter alia, tat-tendenza ġenerali li għad-dħul minn kapital ma tibqax tiġi applikata l-iskeda regolari li tgħodd għat-taxxa fuq l-introjtu personali, iżda dak id-dħul x'aktarx qed jiġi intaxxat b'rati fissi relattivament moderati li wieħed jista' josservahom f'ħafna Stati Membri(18);

Tassazzjoni indiretta

19.  Jinnota li s-sehem tat-taxxi fuq il-konsum żdied fl-Unjoni bejn l-2009 u l-2016; jinnota li l-VAT ġeneralment tammonta għal bejn żewġ terzi u tliet kwarti tat-taxxi fuq il-konsum fl-Istati Membri u li, bħala medja fl-UE, il-VAT laħqet sehem ta' madwar 20 % tad-dħul totali mit-taxxa(19);

20.  Jinnota li hemm preżenti preġudizzju relatat mal-ġeneru fejn il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa tiltaqa' mar-relazzjonijiet bejn is-sessi, in-normi u l-imġiba ekonomika; jinnota li l-VAT teżerċita preġudizzju relatat mal-ġeneru minħabba x-xejriet ta' konsum tan-nisa, li huma differenti minn dawk tal-irġiel peress li jixtru aktar prodotti u servizzi bil-għan li jippromwovu s-saħħa, l-edukazzjoni u n-nutrizzjoni(20); huwa mħasseb li dan, flimkien mal-introjtu aktar baxx tan-nisa, jista' jwassal biex jintrefa' piż akbar tal-VAT; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu eżenzjonijiet mill-VAT, rati mnaqqsa u rati tat-taxxa żero għall-prodotti u s-servizzi b'effetti soċjali, tas-saħħa u/jew ambjentali pożittivi, f'konformità mar-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva tal-VAT tal-UE;

21.  Iqis il-faqar relatat mal-pirjid bħala kwistjoni li għaddejja fl-UE, bil-Plan International UK jistma li 1 minn kull 10 ibniet ma tistax taffordja l-prodotti sanitarji; jiddispjaċih li l-prodotti tal-iġjene tan-nisa, u l-prodotti u s-servizzi ta' kura għat-tfal, għall-anzjani jew għall-persuni b'diżabilità, għadhom mhumiex meqjusa bħala prodotti bażiċi fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jeliminaw l-hekk imsejħa "taxxa fuq il-kura u t-tampons" billi jużaw il-flessibbiltà introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew rati ta' VAT ta' 0 % għal dawn il-prodotti bażiċi essenzjali; jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-prezz bis-saħħa tal-eżenzjoni ta' dawn il-prodotti mill-VAT kien ikun ta' benefiċċju imprezzabbli għan-nisa żgħażagħ; jappoġġja l-movimenti li jsiru għall-promozzjoni tad-disponibbiltà mifruxa ta' provvisti tal-prodotti sanitarji u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu provvisti bla ħlas ta' prodotti tal-iġjene tan-nisa f'ċerti spazji (pubbliċi) bħall-iskejjel, l-universitajiet u x-xelters għan-nies bla saqaf, u għan-nisa li ġejjin minn sfond b'introjtu baxx, bil-għan li l-faqar relatat mal-pirjid jinqered għalkollox fit-tojlits pubbliċi tal-UE;

Impatt tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi

22.  Jinnota li l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huma kontributuri ewlenin għad-disparità bejn is-sessi fl-Unjoni u fuq livell globali jillimitaw ir-riżorsi disponibbli għall-gvernijiet biex iżidu l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali u internazzjonali(21);

23.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(22), u dawk minn kumitati speċjali preċedenti (TAX u TAX2) infassla bil-ħsieb li jiġġieldu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw rapportar għal kull pajjiż, BKKTK tal-UE u direttiva riveduta dwar l-imgħax u d-drittijiet dovuti malajr kemm jista' jkun;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu riformi tat-taxxa ugwali għall-ġeneru fil-fora internazzjonali kollha, inklużi l-OECD u n-NU, u jappoġġjaw il-ħolqien ta' korp tat-taxxa intergovernattiv tan-NU bi sħubija universali, drittijiet tal-vot ugwali u parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li dan il-korp għandu jkun mgħammar sew biex jiżviluppa għarfien espert speċifiku dwar it-tassazzjoni skont il-ġeneru;

25.  Jinnota li trattati doppji tat-taxxa bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, ġeneralment ma jippromwovux taxxa minn ras il-għajn, u għalhekk huma ta' benefiċċju għall-korporazzjonijiet multinazzjonali għad-detriment tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jinnota li n-nuqqas ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi jipprevjeni servizzi pubbliċi kompletament iffinanzjati bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni f'dawn il-pajjiżi, li jaffettwa b'mod sproporzjonat in-nisa u l-bniet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tirrevedi t-trattati eżistenti kontra t-taxxa doppja biex b'hekk jeżaminaw u jindirizzaw dawn il-problemi, u biex jiżguraw li t-trattati futuri kontra t-taxxa doppja jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi flimkien ma' dispożizzjonijiet ġenerali kontra l-abbuż;

26.  Jistieden lill-kumitat speċjali TAX3 jinkludi perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

Integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tat-taxxa

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt regolari fir-rigward tas-sessi tal-politiki fiskali minn perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'fokus fuq l-effett multiplikatur u preġudizzju impliċitu biex jiżguraw li ma jkunx hemm preżenti diskriminazzjoni diretta jew indiretta fl-ebda politika fiskali fl-UE;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki rigward id-disinn tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' tassazzjoni tagħhom, bil-għan li jgħinu fit-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskrepanza fil-pensjonijiet, ħaġa li għalhekk jista' jkun li tippromwovi trattament aktar ġust u ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' taxxa;

29.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, minn mindu t-Trattat ta' Lisbona inkorpora fil-liġi primarja l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija marbuta bil-liġi biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-azzjonijiet tagħha;

30.  Jirrikonoxxi li ħafna gruppi ta' attivisti u tas-soċjetà ċivili jħossu li qed jitwarrbu mid-diskussjonijiet dwar il-politika tat-tassazzjoni minħabba n-nuqqas ta' għarfien espert u li b'hekk gruppi mill-oqsma tal-industrija u l-finanzi għandhom rappreżentanza żejda fil-proċessi konsultattivi relatati mal-ibbaġitjar f'ħafna Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw din il-kwistjoni billi jipprovdu edukazzjoni dwar il-proċessi baġitarji flimkien ma' opportunitajiet għal konsultazzjoni ġenwina mas-soċjetà ċivili;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taqdi l-obbligu legali tagħha ta' promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi inkluż fil-valutazzjonijiet tagħha tat-tfassil tal-politika tat-taxxa fundamentali ; jissottolinja li r-reviżjonijiet tas-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri fi ħdan is-Semestru Ewropew, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, jirrikjedu analiżijiet bir-reqqa f'dan ir-rigward;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 biex jingħelbu n-nuqqasijiet strutturali li hawn fl-ekonomija tal-Ewropa, jiġu indirizzati d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskrepanza fil-pensjonijiet, jitjiebu l-kompetittività u l-produttività tal-UE u tintrifed ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli li tkun ta' benefiċċju għan-nisa u l-irġiel kollha;

33.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-proposta għal direttiva dwar ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż(23), li tipproponi miżuri ambizzjużi biex jitjiebu t-trasparenza fiskali u l-iskrutinju pubbliku tal-intrapriżi multinazzjonali, peress li dan jippermetti li l-pubbliku usa' jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-profitti li jsiru, is-sussidji meħuda u t-taxxi mħallsa fil-ġurisdizzjonijiet fejn joperaw; jirrakkomanda li l-analiżi komprensiva tal-aspetti relatati mal-ġeneru titqiegħed fil-qofol ta' kull livell eżistenti u futur ta' riċerka u ta' politiki dwar il-ġustizzja fiskali, bil-ħsieb li tintlaħaq aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont rigward it-taxxa; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim komuni dwar il-proposta biex jidħol f'negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jiġi adottat rekwiżit ta' rapportar pubbliku għal kull pajjiż, waħda mill-miżuri ewlenin biex tinstab aktar trasparenza dwar l-informazzjoni dwar it-taxxa ta' kumpaniji għaċ-ċittadini kollha; ifakkar fil-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu analiżi kollaterali regolari tal-impatt materjali ta' dawn il-miżuri, inklużi l-analiżijiet tal-preġudizzji relatati mal-ġeneru tal-politiki tat-taxxa, tal-abbiltà tagħhom li jiġbru d-dħul domestiku għall-iffinanzjar tad-drittijiet tan-nisa, fuq Stati Membri oħra u pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, filwaqt li jirrikonoxxu li xi xogħol seħħ f'dan ir-rigward fil-qafas tal-Pjattaforma dwar Governanza Tajba fil-qasam tat-Taxxa;

34.  Jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhux biss hija dritt fundamentali tal-bniedem, iżda l-kisba tagħha tikkontribwixxi għal tkabbir aktar inklużiv u sostenibbli; jenfasizza li analiżi tal-baġit rigward l-aspett tal-ġeneru tippermetti informazzjoni mtejba dwar l-impatt distribuzzjonali tal-investimenti pubbliċi fuq l-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimplimentaw l-ibbaġitjar skont il-ġeneru b'tali mod li jżomm rendikont espliċitu ta' x'proporzjon tal-fondi pubbliċi huma mmirati lejn in-nisa u jiżgura li l-politiki kollha għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-allokazzjoni tan-nefqa jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi prattiki tajba fuq il-politiki tat-tassazzjoni li jqisu l-impatt fuq il-ġeneru u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari fejn jidħlu t-tassazzjoni tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi u l-VAT; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi analiżi tal-aspetti relatati mal-ġeneru fir-rapport annwali tagħha dwar ix-Xejriet ta' Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

36.  Ifakkar li, minkejja d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mehmuża mar-Regolament dwar il-QFP 2014-2020, ma sarx progress sinifikanti f'dan l-ambitu u li l-Kummissjoni ma qisitx l-implimentazzjoni tagħha waqt ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP; jitlob li l-proċeduri baġitarji annwali jevalwaw u jintegraw l-impatt tal-politiki tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet tal-ġeneru); jistenna impenn imġedded mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-QFP li jmiss, u l-monitoraġġ effettiv tiegħu, inkluż matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, billi jitqies il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel minqux fl-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jħarsu l-obbligu legali tagħhom fil-qafas tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u meta jimplimentaw il-politiki nazzjonali li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni;

38.  Jissottolinja li huma meħtieġa aktar riċerka u ġbir aħjar ta' data diżaggregata skont is-sessi fir-rigward tal-effetti distributtivi u allokattivi differenzjati skont il-ġeneru tas-sistema tat-tassazzjoni; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri biex jiġbru d-data fiskali fuq bażi individwali u mhux biss abbażi tal-unitajiet domestiċi, u biex jeliminaw il-lakuni fid-data li jirrigwardaw il-ġeneru b'rabta mal-mudelli ta' konsum u l-użu minn rati mnaqqsa, mad-distribuzzjoni tal-introjtu intraprenditorjali u l-ħlasijiet tat-taxxa relatati, u mad-distribuzzjoni tal-ġid nett, l-introjtu kapitali u l-ħlasijiet tat-taxxa relatati;

39.  Jiddispjaċih li l-maġġoranza tal-Istati Membri jonqsu milli jiġbru jew jevalwaw data individwalizzata dwar it-taxxa fuq l-introjtu u ħafna Stati Membri għadhom qed jiġbru d-data biss fil-livell tal-unitajiet domestiċi, minħabba dispożizzjonijiet dwar taxxa konġunta;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu struttura xierqa ta' inċentivi bbażati fuq benefiċċji fiskali li tħaddan il-miżuri politiċi kollha u li tħeġġeġ lin-nisa migranti biex (jerġgħu) jimpenjaw ruħhom fit-taħriġ jew jidħlu għal impjieg;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) CEDAW/C/CHE/CO/4-5, punti 40-43 (L-Iżvizzera 2016); CEDAW/C/LUX/CO/6-7, punti 10, 15, 16 (Il-Lussemburgu 2018).
(2) ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 38.
(3) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(4) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 30.
(5) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(6) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.
(7) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(8) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(9) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(10) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(11) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(12) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, Taxation Trends in the European Union - Data for the EU Member States, Iceland and Norway - 2018 Edition (Xejriet ta' Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea - Data għall-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja - Edizzjoni 2018).
(13) Institute of Development Studies, Redistributing Unpaid Care Work – Why Tax Matters for Women's Rights (Istitut tal-Istudji dwar l-Iżvilupp, It-Tqassim mill-Ġdid ta' Xogħol ta' Indukrar bla Ħlas - Għaliex it-Taxxa hija Kwistjoni Importanti għad-Drittijiet tan-Nisa). Briefing tal-Politika. Ħarġa 109. Jannar 2016.
(14) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(15) Kif imsejjaħ fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-16 ta' Ġunju 2016.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, Semestru Ewropew: Rapporti għall-Pajjiżi, 7 ta' Marzu 2018.
(17) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(18) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(19) Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew, Gender equality and taxation in the European Union (L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea), 2017.
(20) La Fiscalidad en España desde una Perspectiva de Género (2016) - Institut per a l’estudi i la transformació d ela vida quotidiana / Ekona Consultoría.
(21) "Final study on illicit financial flows, human rights and the 2030 Agenda for Sustainable Development" (L-istudju finali dwar flussi finanzjarji illeċiti, drittijiet tal-bniedem u l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Espert Indipendenti dwar l-effetti ta' dejn barrani u obbligi finanzjarji internazzjonali relatati oħra tal-istati fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha, b'mod partikolari d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, 2016.
(22) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(23) Testi adottati, P8_TA(2017)0284.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Jannar 2019Avviż legali