Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0229(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0482/2018

Testi mressqa :

A8-0482/2018

Dibattiti :

PV 15/01/2019 - 16
CRE 15/01/2019 - 16
PV 17/04/2019 - 26
CRE 17/04/2019 - 26

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.3
CRE 16/01/2019 - 21.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 18/04/2019 - 10.13
CRE 18/04/2019 - 10.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0026
P8_TA(2019)0433

Testi adottati
PDF 437kWORD 123k
L-Erbgħa, 16 ta' Jannar 2019 - Strasburgu
L-istabbiliment tal-Programm InvestEU***I
P8_TA(2019)0026A8-0482/2018
Test
 Test konsolidat

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM(2018)0439 – C8-0257/2018 – 2018/0229(COD))(1)
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitati responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A8-0482/2018).
(2)* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(-1)  Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi wera li huwa għodda siewja għall-mobilizzazzjoni ta' investimenti privati permezz tal-użu tal-garanzija tal-UE u r-riżorsi proprji tal-Grupp tal-BEI;

(1)  B'1,8 % tal-PDG tal-UE, jiġifieri perċentwal inqas mit-2,2 % tal-2009, l-attivitajiet ta' investiment fl-infrastruttura fl-Unjoni fl-2016 kienu madwar 20 % inqas mir-rati tal-investiment ta' qabel il-kriżi finanzjarja globali. Għalhekk, filwaqt li jista' jiġi osservat irkupru fil-proporzjonijiet ta' bejn l-investiment u l-PDG fl-Unjoni, dan għadu taħt dak li jista' jkun mistenni f'perjodu ta' rkupru qawwi u mhuwiex biżżejjed biex jikkumpensa għal snin ta' nuqqas ta' investiment. Aktar importanti minn hekk, il-livelli u t-tbassir attwali tal-investiment pubbliku u privat ma jkoprux il-ħtiġijiet ta' investiment strutturali għas-sostenn tat-tkabbir fit-tul tal-Unjoni quddiem il-bidla teknoloġika u l-kompetittività globali, inklużi l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-infrastruttura, l-intrapriżi żgħar u medji (l-"SMEs") u l-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi soċjetali ewlenin bħas-sostenibbiltà jew it-tixjiħ demografiku. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jitkompla l-appoġġ biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment f'setturi mmirati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni.

(2)  L-evalwazzjonijiet enfasizzaw li l-varjetà ta' strumenti finanzjarji mogħtija matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 wasslet għal xi duplikazzjonijiet. Din il-varjetà pproduċiet ukoll kumplessità għall-intermedjarji u r-riċevituri finali li ġew iffaċċjati b'regoli ta' eliġibbiltà u rappurtar differenti. L-assenza ta' regoli kompatibbli xekklet ukoll il-kombinazzjoni ta' bosta fondi tal-Unjoni, għalkemm kombinazzjoni bħal din kienet tkun ta' benefiċċju għall-appoġġ ta' proġetti li kienu jeħtieġu tipi differenti ta' finanzjament. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit fond uniku, jiġifieri l-Fond InvestEU, sabiex jinkiseb appoġġ li jiffunzjona b'mod aktar effiċjenti għar-riċevituri finali billi l-offerta finanzjarja tiġi integrata u ssimplifika taħt skema waħda ta' garanzija baġitarja, u b'hekk jittejjeb l-impatt tal-intervent tal-Unjoni filwaqt li titnaqqas l-ispiża għall-baġit tal-Unjoni.

(3)  Fl-aħħar snin, l-Unjoni adottat strateġiji ambizzjużi biex tlesti s-Suq Uniku u biex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli u inklużivi, bħall-istrateġija tal-Ewropa 2020, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Ewropea għall-Kultura, il-Pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija tal-Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi, l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa u l-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jisfrutta u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn dawn l-istrateġiji li jsaħħu lil xulxin permezz tal-għoti ta' appoġġ għall-investiment u l-aċċess għall-finanzjament.

(4)  Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet nazzjonali ta' riforma u li jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiżviluppaw l-istrateġiji tal-investimenti multiannwali nazzjonali tagħhom stess ħalli jappoġġaw dawn il-prijoritajiet ta' riforma. L-istrateġiji jenħtieġ li jiġu ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma annwali bħala mod kif jiġu deskritti u kkoordinati proġetti prijoritarji ta' investiment li għandhom jiġu appoġġati minn fondi nazzjonali u/jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li jservu wkoll biex il-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod koerenti u biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata, b'mod speċjali mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Funzjoni Ewropea ta' Stabbilizzazzjoni tal-Investiment u l-Fond InvestEU, fejn ikun rilevanti.

(5)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex tittejjeb il-kompetittività u l-konverġenza soċjoekonomika tal-Unjoni, inkluża fil-qasam tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-kuntest ta' ekonomija ċirkolari, is-sostenibbiltà u l-inklużività tat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni u r-reżiljenza u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, inklużi soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tagħhom u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament għall-intrapriżi tal-Unjoni. Dan jagħmel l-ekonomija tal-Unjoni u s-sistema finanzjarja aktar reżiljenti u jżid il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għal riċessjonijiet ċikliċi. Għal dan il-għan, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti teknikament, ekonomikament u soċjalment vijabbli billi jipprovdi qafas għall-użu ta' strumenti ta' dejn, ta' kondiviżjoni tar-riskju u ta' ekwità msejsa fuq garanzija mill-baġit tal-Unjoni u minn kontribuzzjonijiet finanzjarji minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni kif rilevanti. Dan jenħtieġ li jkun immexxi mid-domanda filwaqt li l-appoġġ permezz tal-Fond InvestEU fl-istess waqt jenħtieġ li jiffoka fuq l-għoti ta' benefiċċji strateġiċi fit-tul fl-oqsma ewlenin tal-politika tal-Unjoni li nkella ma jiġux iffinanzjati jew ma jkunux iffinanzjati biżżejjed u b'hekk jikkontribwixxi favur l-ilħiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni.

(5a)  Il-Kummissjoni u s-sħab inkarigati mill-implimentazjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-Programm InvestEU jisfrutta l-komplementarjetajiet u s-sinerġiji kollha mal-finanzjament tal-għotjiet u azzjonijiet oħra taħt l-oqsma ta' politika li jappoġġa, f'konformità mal-għanijiet tal-programmi l-oħra tal-UE, bħall-Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku, il-Programm Spazjali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew+, l-Ewropa Kreattiva u l-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE).

(5b)  Is-setturi kulturali u kreattivi huma fost l-aktar setturi ekonomiċi reżiljenti u li jikbru malajr fl-UE, filwaqt li jiġġeneraw valur ekonomiku u kulturali mill-proprjetà intellettwali u l-kreattività individwali. Madankollu, in-natura intanġibbli tal-assi tagħhom tillimita l-aċċess tagħhom għall-finanzjament privat, li huwa essenzjali sabiex jinvestu, jespandu u jikkompetu fil-livell internazzjonali. Il-faċilità ta' garanzija ddedikata maħluqa taħt Ewropa Kreattiva rnexxielha ssaħħaħ il-kapaċità finanzjarja u l-kompetittività ta' kumpaniji kulturali u kreattivi. Għalhekk, il-Programm InvestEU jenħtieġ li jkompli jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mis-setturi kulturali u kreattivi.

(6)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa investimenti f'assi tanġibbli u intanġibbli, inkluż il-wirt kulturali, biex irawwem it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, l-investiment u l-impjiegi, u b'hekk jikkontribwixxi għal titjib fil-benesseri u għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-introjtu u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-Unjoni. Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jissodisfaw l-istandards soċjali u ambjentali tal-Unjoni, bħar-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-użu tal-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart li ma jagħmlux ħsara lill-klima. L-intervent permezz tal-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkumplimenta l-appoġġ tal-Unjoni li jitwassal permezz ta' għotjiet.

(7)  L-Unjoni approvat l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti 2030 u fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha u l-Ftehim ta' Pariġi fl-2015 kif ukoll il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030. Biex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma, inklużi dawk inkorporati fil-politiki ambjentali tal-Unjoni, l-azzjoni favur l-iżvilupp sostenibbli għandha tiżdied b'mod sinifikanti. Għalhekk, il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u s-sikurezza jenħtieġ li jkunu l-bażi fit-tfassil tal-Fond InvestEU, u l-investimenti relatati mal-fjuwils fossili jenħtieġ li ma jkunux appoġġati dment li jkunu debitament iġġustifikati abbażi tal-fatt li l-investiment jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

(8)  Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-bini ta' sistema ta' finanzjament sostenibbli fl-Unjoni li tappoġġa r-riorjentazzjoni tal-kapital privat lejn investimenti soċjali u sostenibbli skont l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli(3).

(8a)   Fl-ispirtu li jitrawmu finanzjament fit-tul u tkabbir sostenibbli, l-istrateġiji għall-investimenti fit-tul tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jenħtieġ li jiġu mħeġġa permezz ta' reviżjoni tar-rekwiżiti tas-solvenza dwar il-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta' proġetti ta' investiment sostnuti mill-Garanzija tal-UE fil-qafas tal-Programm InvestEU. Sabiex l-inċentivi tal-assiguraturi jiġu allinjati mal-għan tal-Unjoni ta' tkabbir sostenibbli fit-tul u jiġu eliminati l-ostakoli għall-investimenti taħt il-Programm InvestEU, jenħtieġ li għalhekk il-Kummissjoni tqis din ir-reviżjoni bħala parti mir-rieżami msemmi fl-Artikolu 77f(3) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4).

(9)  Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b'konformità mal-impenji tal-Unjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm InvestEU se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta' azzjonijiet klimatiċi ewlenin u għall-kisba ta' mira ġenerali fejn 25 % tal-infiq tal-baġit tal-UE jappoġġa għanijiet relatati mal-klima matul il-perjodu 2021-2027 tal-QFP u mira annwali ta' 30 % malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2027. Azzjonijiet fil-qafas tal-Programm InvestEU huma mistennija jikkontribwixxu mill-inqas 40 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm InvestEU għall-għanijiet tal-klima. L-azzjonijiet rilevanti se jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta' rieżami rilevanti.

(10)  Il-kontribut tal-Fond InvestEU għall-kisba tal-mira tal-klima u l-miri settorjali inklużi fil-Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 se jiġi traċċat permezz ta' sistema tal-UE tal-intraċċar tal-klima żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, u bl-użu xieraq tal-kriterji stabbiliti bir-[Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli (5)] biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni ta' dimensjonijiet oħra tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

(11)  Skont ir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-2018 maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji, nofs l-aktar għaxar riskji kritiċi li jheddu l-ekonomija globali huma relatati mal-ambjent. Dawn ir-riskji jinkludu t-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija, ▌tal-ilma intern u t-tniġġis tal-oċeani, l-avvenimenti klimatiċi estremi, it-telf tal-bijodiversità u l-fallimenti fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-prinċipji ambjentali huma integrati bis-sħiħ fit-Trattati u f'ħafna mill-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali jenħtieġ li tiġi promossa f'operazzjonijiet relatati mal-Fond InvestEU. Il-protezzjoni ambjentali u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji relatati jenħtieġ li jkunu integrati fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-investimenti. L-UE jenħtieġ ukoll li tintraċċa n-nefqa tagħha relatata mal-bijodiversità u t-tniġġis tal-arja relatati mal-kontroll tan-nefqa sabiex tissodisfa l-obbligi tar-rappurtar skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6). Investiment allokat għal għanijiet tas-sostenibbiltà ambjentali jenħtieġ għalhekk jiġi segwit permezz ta' metodoloġiji komuni koerenti ma' dik żviluppata fil-qafas ta' programmi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-klima, il-bijodiversità u t-tniġġis tl-arja sabiex tkun possibbli l-valutazzjoni tal-impatt individwali u kkombinat tal-investimenti fuq komponenti ewlenin tal-kapital naturali, inklużi l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità.

(12)  Proġetti ta' investiment li jirċievu appoġġ sostanzjali mill-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-infrastruttura, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-verifika tas-sostenibbiltà skont il-linji gwida ta' investiment li jenħtieġ li jiġu żviluppati mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni fil-qafas tal-Programm InvestEU wara li jitwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u, bl-użu b'mod xieraq tal-kriterji stabbiliti mir-[Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli] sabiex jiġi determinat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli u koerenti mal-linji gwida ta' investiment żviluppati għal programmi oħra tal-Unjoni. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tali gwida jenħtieġ li tinkludi dispożizzjonijiet adegwati biex jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ u proġetti taħt ċertu daqs definit fil-gwida jenħtieġ li jiġu esklużi mill-verifika tas-sostenibbiltà.

(13)  Ir-rati baxxi ta' investiment fl-infrastruttura fl-Unjoni matul il-kriżi finanzjarja dgħajfu l-kapaċità tal-Unjoni li tagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-kompetittività u lill-konverġenza. L-investimenti kbar fl-infrastruttura Ewropea, partikolarment fir-rigward tal-interkonnessjoni u l-effiċjenza enerġetika u biex tinħoloq Żona Unika Ewropea tat-Trasport, huma fundamentali biex jintlaħqu l-miri tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, inklużi l-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-SDGs, u l-miri għall-enerġija u għall-klima tal-2030. Għaldaqstant, l-appoġġ mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jkollu fil-mira tiegħu investimenti fit-trasport, fl-enerġija, inkluża l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, l-azzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika u l-infrastruttura marittima u diġitali, b'appoġġ, pereżempju, għall-iżvilupp u l-użu tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS). Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jipprijoritizza oqsma b'nuqqas ta' investiment, u li fihom jeħtieġ investiment addizzjonali, inklużi mobbiltà sostenibbli, effiċjenza enerġetika, u azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-miri tal-klima u tal-enerġija fit-tul u tal-2030. Biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi promoss proċess tal-investiment simplifikat li jippermetti l-viżibbiltà tar-riżerva tal-proġetti u li jimmassimizza s-sinerġiji fost il-programmi rilevanti tal-Unjoni f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija u d-diġitalizzazzjoni. B'kont meħud tat-theddid għas-sigurtà, proġetti ta' investiment li jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jqisu l-prinċipji għall-ħarsien taċ-ċittadini fi spazji pubbliċi. Dan jenħtieġ li jkun kumplimentari għall-isforzi magħmula minn fondi oħra tal-Unjoni bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li jipprovdi appoġġ għal komponenti ta' sigurtà ta' investimenti fl-ispazji pubbliċi, it-trasport, l-enerġija u infrastrutturi kritiċi oħra.

(13a)   Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-komunitajiet li jridu jinvestu f'soċjetà aktar sostenibbli u dekarbonizzata, inkluża t-tranżizzjoni tal-enerġija. Billi [id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli] u [id-Direttiva riveduta dwar l-Elettriku] issa jirrikonoxxu u jipprovdu appoġġ lill-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u taċ-ċittadini, u l-awtokonsumaturi tal-enerġija rinnovabbli bħala atturi essenzjali fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Unjoni, InvestEU jenħtieġ li jgħin jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' dawk l-atturi fis-suq. [Em. 3]

(13b)  Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi, fejn xieraq, għall-objettivi tad-[Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli] u tar-[Regolament dwar il-Governanza], kif ukoll jippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija f'deċiżjonijiet ta' investiment. Jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija fit-tul tar-rinnovazzjoni tal-bini fit-tul li l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu skont id-[Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija]. Il-Programm jenħtieġ li jsaħħaħ is-suq uniku diġitali, u jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk diġitali filwaqt li jżid il-kopertura u l-konnettività madwar l-Unjoni.

(13c)   L-iżgurar tas-sikurezza tal-utenti tat-toroq hija sfida enormi fl-iżvilupp tas-settur tat-trasport, u l-azzjoni li qed tittieħed u l-investimenti li qed isiru qed jgħinu biss biex jinkiseb tnaqqis limitat fin-numru ta' nies li jmutu jew li jġarrbu korrimenti serji fit-toroq. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jgħin biex tingħata spinta lill-isforzi favur it-tfassil u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji li jgħinu biex titjieb is-sikurezza tal-vetturi u tal-infrastruttura tat-toroq.

(13d)   Il-multimodalità ġenwina hija opportunità biex jinħoloq netwerk tat-trasport effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li juża l-potenzjal massimu tal-mezzi kollha tat-trasport u li jiġġenera sinerġija bejniethom. Il-Programm InvestEU jista' jsir għodda importanti ta' appoġġ għal investiment f'ċentri tat-trasport multimodali, li - minkejja l-argument favur il-vijabbiltà u l-potenzjal ekonomiku sinifikanti tagħhom - iġorru riskju sinifikanti għall-investituri privati.

(14)  Billi l-livell ta' investiment ġenerali fl-Unjoni qed jiżdied, l-investiment f'attivitajiet ta' riskju ogħla bħar-riċerka u l-innovazzjoni għadu mhuwiex adegwat. Minħabba li l-finanzjament pubbliku għall-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni jixpruna t-tkabbir tal-produttività u huwa kruċjali biex jagħti spinta lill-attivitajiet privati ta' riċerka u innovazzjoni, in-nuqqas ta' investiment li rriżulta fir-riċerka u fl-innovazzjoni qiegħed iġib ħsara fuq il-kompetittività industrijali u ekonomika tal-Unjoni u fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jipprovdi l-prodotti finanzjarji xierqa biex ikopru l-istadji differenti fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni u l-firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari biex jippermetti t-tkabbir u l-iskjerament ta' soluzzjonijiet fuq skala kummerċjali fl-Unjoni sabiex dawn is-soluzzjonijiet ikunu kompetittivi fis-swieq dinjija, u biex jippromwovi l-eċċellenza tal-UE f'teknoloġiji sostenibbli f'livell globali. Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġi appoġġat investiment f'attivitajiet ta' riskju ogħla bħar-riċerka u l-innovazzjoni, huwa essenzjali li Orizzont Ewropa, b'mod partikolari l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), jaħdem f'sinerġija mal-prodotti finanzjarji li għandhom jiġu skjerati taħt InvestEU. Barra minn hekk, SMEs u negozji ġodda innovattivi jiffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzi, speċjalment dawk li jiffokaw fuq assi intanġibbli, għalhekk huwa meħtieġ li l-EIC jaħdem f'komplementarjetà mill-qrib mal-prodotti finanzjarji ddedikati taħt InvestEU sabiex tiġi żgurata kontinwità ta' appoġġ għal tali SMEs. F'dan ir-rigward, l-esperjenza li nkisbet mill-istrumenti finanzjarji skjerati taħt Orizzont 2020 bħal InnovFin u l-garanzija ta' self għall-SMEs taħt COSME jenħtieġ li jservu bħala bażi b'saħħitha biex jingħata dan l-appoġġ immirat.

(14a)  It-turiżmu huwa settur importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-kompetittività fit-tul tas-settur billi jappoġġa azzjonijiet immirati lejn bidla favur turiżmu sostenibbli, innovattiv u diġitali.

(15)  Jeħtieġ sforz sinifikanti biex isir investiment u tingħata spinta lit-trasformazzjoni diġitali u biex jitqassmu l-benefiċċji tagħha maċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-Unjoni, f'żoni urbani u rurali. Il-qafas b'saħħtu ta' politika tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali llum jenħtieġ li jkun ibbilanċjat b'investiment ta' ambizzjoni komparabbli, inkluż fl-intelliġenza artifiċjali f'konformità mal-Programm Ewropa Diġitali, b'mod partikolari fir-rigward tal-etika, it-tagħlim awtomatiku, l-internet tal-oġġetti, il-bijoteknoloġija u l-Fintech, li jistgħu jżidu l-effiċjenzi fil-mobilizzazzjoni tal-kapital għal inizjattivi intraprenditorjali.

(16)  L-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 99 % tan-negozji fl-Unjoni u l-valur ekonomiku tagħhom huwa sinifikanti u kruċjali ▌. Madankollu, huma jiffaċċjaw sfidi biex ikollhom aċċess għall-finanzi minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom u minħabba li ma jkollhomx biżżejjed kapital ta' garanzija. Sfidi addizzjonali jirriżultaw mill-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività tal-SMEs u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali permezz tad-diġitalizzazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni, it-trasformazzjoni f'loġika tal-ekonomija ċirkulari u l-attivitajiet ta' innovazzjoni u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom. Minbarra dan, apparagun ma' intrapriżi akbar, dawn għandhom aċċess għal sett aktar limitat ta' sorsi ta' finanzjament: tipikament ma joħorġux bonds u jkollhom biss aċċess limitat għall-boroż jew għall-investituri istituzzjonali kbar. In-nuqqas ta' aċċess għall-kapital għall-SMEs huwa intensifikat ukoll mid-dgħufija komparattiva tal-ekwità privata u tal-industrija tal-kapital ta' riskju fl-Ewropa. L-isfida għall-aċċess għall-finanzjament hija saħansitra akbar għal dawk l-SMEs li l-attivitajiet tagħhom jiffokaw fuq assi intanġibbli. L-SMEs fl-Unjoni jiddependu ħafna mill-banek u mill-finanzjament b'dejn fil-forma ta' self kurrenti (overdrafts) bankarji, self bankarju jew kiri. Li l-SMEs li jiffaċċjaw l-isfidi msemmija hawn fuq billi jiġi ssimplifikat l-aċċess tagħhom għall-finanzi u jiġu appoġġati u pprovduti b'sorsi ta' finanzjament aktar diversifikati huwa meħtieġ biex tiżdied il-kapaċità tal-SMEs biex jiffinanzjaw il-ħolqien, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, tiġi żgurata l-kompetittività tagħhom u biex jifilħu għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u biex l-ekonomija u s-sistema finanzjarja jsiru aktar reżiljenti matul perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu jew ta' skossijiet fl-ekonomija u kapaċi joħolqu impjiegi u benesseri soċjali. Dan hu kumplimentari wkoll għall-inizjattivi li diġà ttieħdu fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Programmi bħal COSME kienu importanti għall-SMEs fis-sens li dawn iffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SMEs, u dan ġie kkomplementat mill-FEIS li għalih kien hemm adozzjoni rapida mill-SMEs. Il-Fond InvestEU għalhekk jenħtieġ li jibni fuq dawk is-suċċessi u jipprovdi l-kapital operatorju u l-investiment tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' kumpanija, il-finanzjament għal tranżazzjonijiet ta' kiri u opportunità biex tinxteħet attenzjoni fuq prodotti finanzjarji speċifiċi u aktar immirat

(16a)   L-intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali jiżvolġu rwol essenzjali u strateġiku f'setturi ewlenin b'industriji kbar tan-netwerks (enerġija, ilma, skart, ambjent, servizzi postali, trasport u telekomunikazzjoni), fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fis-servizzi soċjali. L-Unjoni Ewropea, billi tappoġġa lil dawn l-intrapriżi, tissalvagwardja l-benesseri taċ-ċittadini tagħha u l-għażliet demokratiċi, inter alia, rigward il-kwalità tas-servizzi;

(17)  Kif stabbilit fid-dokument ta' riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa(7) u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(8) u l-qafas tal-Unjoni għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, il-bini ta' Unjoni iktar inklużiva u aktar ġusta huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni biex tindirizza l-inugwaljanza u trawwem politiki ta' inklużjoni soċjali fl-Ewropa. L-inugwaljanza tal-opportunitajiet taffettwa b'mod partikolari l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-impjieg, is-saħħa u s-servizzi soċjali. L-investiment fl-ekonomija soċjali, tal-ħiliet u tal-kapital uman relatat kif ukoll fl-integrazzjoni ta' popolazzjonijiet vulnerabbli fis-soċjetà jista' jtejjeb l-opportunitajiet ekonomiċi, speċjalment jekk ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jintuża biex jappoġġa l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, fost l-oħrajn f'reġjuni li jiddependu fuq ekonomija b'użu intensiv tal-karbonju u affettwati mit-tranżizzjoni strutturali lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, jgħin fiż-żieda fl-impjieg, b'mod partikolari fost dawk bla sengħa u bla xogħol fit-tul, u fit-titjib tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, is-solidarjetà interġenerazzjonali, is-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali, in-nies mingħajr dar, l-inklużività diġitali, l-iżvilupp komunitarju, ir-rwol u l-post taż-żgħażagħ fis-soċjetà kif ukoll dak ta' persuni vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-kultura u l-kreattività Ewropea. Biex jiġu kkumpensati t-trasformazzjonijiet profondi tas-soċjetajiet fl-Unjoni u s-suq tax-xogħol matul id-deċennju li ġej, huwa meħtieġ li jsir investiment fil-kapital uman, l-infrastruttura soċjali, il-finanzjament sostenibbli u soċjali, il-mikrofinanzjament, il-finanzjament tal-intrapriżi soċjali u mudelli tan-negozju ġodda tal-ekonomija soċjali, inkluż l-investiment tal-impatt soċjali u l-ikkuntrattar tal-eżiti soċjali. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jsaħħaħ l-ekosistema tal-ekonomija soċjali tas-suq naxxenti, u jżid il-provvista tal-finanzi u l-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi u intrapriżi soċjali u l-istituzzjonijiet ta' solidarjetà soċjali, biex tiġi ssodisfata d-domanda ta' dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa(9) identifika diskrepanza totali fl-investiment ta' mill-inqas EUR 1,5 triljun għall-perjodu bejn l-2018 u l-2030 fl-infrastruttura soċjali u fis-servizzi, inkluż f'dawk relatati mal-edukazzjoni, mat-taħriġ, mas-saħħa u mal-akkomodazzjoni, li jeħtieġu appoġġ, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-isfruttar tal-poter kollettiv tal-kapital pubbliku, kummerċjali u filantropiku, kif ukoll l-appoġġ minn tipi alternattivi ta' fornituri finanzjarji bħal atturi etiċi, soċjali u sostenibbli, u mill-fondazzjonijiet jenħtieġ li jiġi utilizzat biex jappoġġa l-iżvilupp tal-katina tal-valur tas-suq soċjali u Unjoni aktar reżiljenti.

(18)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jopera taħt erba' sezzjonijiet ta' politika, li jirriflettu l-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni, jiġifieri l-infrastruttura sostenibbli: ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; l-SMEs; u l-investiment soċjali u l-ħiliet.

(19)  Kull sezzjoni ta' politika jenħtieġ li tkun magħmula minn żewġ kompartimenti, jiġifieri kompartiment tal-UE u kompartiment tal-Istati Membri. Il-kompartiment tal-UE jenħtieġ li jindirizza fallimenti tas-suq fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali inklużi dawk relatati mal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni. Il-kompartiment tal-Istati Membri jenħtieġ li jindirizza fallimenti tas-suq speċifiċi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fi Stat Membru wieħed jew aktar. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-kompartiment tal-Istati Membri fil-forma ta' garanziji jew flus kontanti. Il-kompartimenti tal-UE u tal-Istati Membri jenħtieġ li jintużaw, fejn xieraq, b'mod komplementari biex isostnu operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment, inkluż billi jgħaqqdu l-appoġġ miż-żewġ kompartimenti. L-awtoritajiet reġjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jittrasferixxu fil-Fond InvestEU permezz tal-Istati Membri sehem tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża li huma jiġġestixxu, li jkun delimitat għall-proġetti InvestEU fl-istess reġjun. Azzjonijiet appoġġati mill-Fond InvestEU permezz tal-kompartiment tal-UE jew dak tal-Istat Membru jenħtieġ li ma jiddupplikawx u ma jeskludux il-finanzjament privat u ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(20)  Il-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li jkun imfassal speċifikament sabiex jippermetti l-użu ta' fondi b'ġestjoni kondiviża għall-proviżjonament ta' garanzija maħruġa mill-Unjoni. Din il-possibbiltà żżid il-valur miżjud tal-garanzija baġitarja sostnuta mill-Unjoni billi tipprovdiha għal firxa usa' ta' benefiċjarji u proġetti finali u tiddiversifika l-mezzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-fondi b'ġestjoni kondiviża, filwaqt li tiżgura ġestjoni konsistenti tar-riskju tar-responsabbiltajiet kontinġenti billi timplimenta l-garanzija mogħtija mill-Kummissjoni b’ġestjoni indiretta. L-Unjoni jenħtieġ li tiggarantixxi l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment previsti mill-ftehim(iet) ta' garanzija konklużi bejn il-Kummissjoni u l-partijiet inkarigati mill-implimentazzjoni fil-kompartiment tal-Istat Membru, il-Fondi b'ġestjoni kondiviża jenħtieġ li jipprovdu l-proviżjonament tal-garanzija, abbażi ta' rata ta' proviżjonament determinata mill-Kummissjoni bi ftehim mal-Istat Membru fid-dawl tan-natura tal-operazzjonijiet u tat-telf mistenni riżultanti, u l-Istat Membru u/jew l-isħab inkarigati mill-implimentazzjoni jew investituri privati jġarrbu it-telf li jkun ogħla mit-telf mistenni billi joħroġ garanzija dahar ma' dahar favur l-Unjoni. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu konklużi fi ftehim ta' kontribuzzjoni waħdieni ma' kull Stat Membru li jagħżel din l-għażla b'mod volontarju. Il-ftehim ta' kontribuzzjoni jenħtieġ li jinkludi ftehim ta' garanzija speċifiku wieħed (jew aktar) li jkun se jiġi implimentat fl-Istat Membru kkonċernat. L-iffissar tar-rata ta' proviżjonament fuq bażi ta' każ b'każ jeħtieġ deroga mill-[Artikolu 211(1)] tar-Regolament (UE, Euratom) Nru XXXX(10) (ir-"Regolament Finanzjarju"). Dan id-disinn jipprovdi wkoll sett uniku ta' regoli għal garanziji baġitarji appoġġati minn fondi ġestiti b'mod ċentrali jew minn fondi b'ġestjoni kondiviża, u dan għandu jiffaċilita l-kombinazzjoni tagħhom

(21)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkun miftuħ għal kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li huma membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għal pajjiżi aderenti, għal kandidati u kandidati potenzjali, għal pajjiżi koperti mill-politika tal-Viċinat u għal pajjiżi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bejn Unjoni u dawk il-pajjiżi. Dan mistenni li jippermetti li titkompla l-kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti, fejn ikun xieraq, b'mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-SMEs.

(22)  Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-miżuri tal-Programm Invest UE li ma jaqgħux taħt il-proviżjonament tal-garanzija tal-UE, li għandha tikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarju, fis-sens tal-[ir-referenza għandha tiġi aġġornata kif xieraq f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali l-ġdid: il-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(11)], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali].

(23)  Il-garanzija tal-UE ta' EUR 40 817 500 000 (fi prezzijiet kurrenti) fil-livell tal-Unjoni hija mistennija li timmobilizza aktar minn EUR 698 194 079 000 f'investiment addizzjonali madwar l-Unjoni u jenħtieġ li tiġi allokata b'mod indikattiv bejn is-sezzjonijiet ta' politika.

(23a)  L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-kompartiment ta' Stat Membru fil-forma ta' garanziji jew flus kontanti. Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet minn Stati Membri fil-forma ta' garanziji jew flus kontanti fil-kompartiment tal-Istati Membri, jew kontribuzzjonijiet minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru fi pjattaformi ta' investiment, jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba biss skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97(12) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97(13).

(24)  Il-garanzija tal-UE li ssejjes il-Fond InvestEU jenħtieġ li tiġi implimentata indirettament mill-Kummissjoni fejn din tistrieħ fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkollhom aċċess għall-intermedjarji finanzjarji, fejn applikabbli, u għar-riċevituri finali. L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jenħtieġ li tkun trasparenti u ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess. Ftehim ta' garanzija li jalloka l-kapaċità ta' garanzija mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jiġi konkluż mill-Kummissjoni ma' kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, biex jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu li jilħqu l-għanijiet tal-Fond InvestEU u l-kriterji tal-eliġibbiltà. Il-ġestjoni tar-riskju tal-garanzija ma għandhiex tfixkel l-aċċess dirett għall-garanzija mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Ladarba tingħata l-garanzija taħt il-kompartament tal-UE lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, dawn jenħtieġ li jkunu kompletament responsabbli għall-proċess ta' investiment kollu u d-diliġenza dovuta tal-operazzjonijiet ta' finanzjament jew investiment. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti li tipikament ikollhom profil ta' riskju ogħla mill-proġetti appoġġati minn operazzjonijiet normali tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u li ma setgħux jitwettqu matul il-perjodu li fih tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew mhux fl-istess miżura, mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU.

(24a)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkollu struttura xierqa ta' governanza li l-funzjoni tagħha jenħtieġ li tkun konformi mal-iskop uniku tagħha li tiżgura l-użu xieraq tal-garanzija tal-UE, filwaqt li tiżgura indipendenza politika tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment u, fejn applikabbli, tkun konformi man-natura xprunata mis-suq tal-Fond InvestEU. Dik l-istruttura ta' governanza jenħtieġ li tkun magħmula minn Bord ta' Tmexxija, Bord Konsultattiv u Kumitat tal-Investiment kompletament indipendenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-kompatibbiltà mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni tal-operazzjonijiet ta' investiment u ta' finanzjament preżentati mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment jenħtieġ li, fl-aħħar mill-aħħar, jittieħdu minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. Il-bilanċ bejn il-ġeneri jenħtieġ li jiġi żgurat fil-kompożizzjoni ġenerali tal-istruttura ta' governanza.

(25)  Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Konsultattiv li jikkonsisti f'rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u f'rappreżentanti tal-Istati Membri u f'espert wieħed għal kull waħda mill-erba' sezzjonijiet tal-politika maħtura mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u espert maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiskambja informazzjoni u għal skambji dwar l-adozzjoni tal-prodotti finanzjarji skjerati taħt il-Fond InvestEU u biex jiddiskuti dwar il-ħtiġijiet li qed jevolvu u prodotti ġodda, inklużi lakuni fis-suq speċifiċi territorjali.

(26)  Il-Bord ta' Tmexxija jenħtieġ li jistabbilixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-Fond InvestEU u r-regoli meħtieġa għall-funzjonament tiegħu, u jenħtieġ li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet b'pjattaformi ta' investiment. Il-Bord ta' Tmexxija jenħtieġ li jkun magħmul minn sitt membri, kif ġej: Tliet membri maħtura mill-Kummissjoni, membru wieħed maħtur mill-Bank Ewropew tal-Investiment, membru wieħed maħtur mill-Korp Konsultattiv fost ir-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, li jenħtieġ li ma jkunx rappreżentant tal-Grupp tal-BEI u espert wieħed maħtur mill-Parlament Ewropew, li jenħtieġ li ma jitlobx jew jaċċetta istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor u jenħtieġ li jaġixxi b'indipendenza sħiħa. L-espert jenħtieġ li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod imparzjali u fl-interess tal-Fond InvestEU; Il-minuti ddettaljati tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija jenħtieġ li jiġu ppubblikati malli jiġu approvati mill-Bord ta' Tmexxija u l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiġi nnotifikat b'mod immedjat dwar il-pubblikazzjoni tagħhom.

(27)  Qabel ma proġett jiġi sottomess lill-Kumitat tal-Investiment, segretarjat ospitat mill-Kummissjoni u li jagħti rendikont lill-President tal-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jivverifika l-kompletezza tad-dokumentazzjoni pprovduta mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-operazzjonijiet ta' investiment u ta' finanzjament mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni. Is-Segretarjat jenħtieġ li jappoġġa wkoll lill-Bord ta' Tmexxija.

(28)  Kumitat tal-Investiment magħmul minn esperti indipendenti jenħtieġ li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-appoġġ mill-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà, u b'hekk jipprovdi kompetenza esterna f'valutazzjonijiet ta' investiment konnessi ma' proġetti. Il-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jkollu konfigurazzjonijiet differenti biex ikopri bl-aħjar mod oqsma u setturi ta' politika differenti.

(29)  Fl-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għall-iskjerament tal-Fond InvestEU, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-kapaċità tal-kontroparti li tissodisfa l-għanijiet tal-Fond InvestEU u li tikkontribwixxi għalih, sabiex tiżgura kopertura u diversifikazzjoni ġeografika, tħeġġeġ investituri privati u tipprovdi diversifikazzjoni suffiċjenti tar-riskji kif ukoll soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, u tiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Minħabba r-rwol tiegħu skont it-Trattati, il-kapaċità tiegħu li jopera fl-Istati Membri kollha u l-esperjenza eżistenti taħt l-istrumenti finanzjarji attwali u l-FEIS, il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jibqa' sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni privileġġjat taħt il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU. Minbarra l-Grupp tal-BEI, il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu joffru firxa ta' prodotti finanzjarji kumplimentari, billi l-esperjenza u l-kapaċitajiet tagħhom fil-livell reġjonali jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-massimizzazzjoni tal-impatt tal-fondi pubbliċi fit-territorju kollu tal-Unjoni u sabiex jiġi żgurat bilanċ ġeografiku ġust tal-proġetti, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali. Ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, fil-Programm InvestEU jenħtieġ li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-kumplessità, id-daqs u r-riskju tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni kkonċernati sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal banek jew istituzzjonijiet promozzjonali iżgħar jew li jkunu twaqqfu aktar reċentement. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jkun hemm istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, b'mod partikolari meta jippreżentaw vantaġġ komparattiv f'termini ta' kompetenza u ta' esperjenza speċifika f'ċerti Stati Membri. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għal entitajiet oħra li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju sabiex jaġixxu bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

(29a)  Il-pjattaformi ta' investiment għandhom, fejn xieraq, jiġbru flimkien il-koinvestituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-esperti, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-sħab soċjali rilevanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u atturi rilevanti oħra fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

(30)  Sabiex jiġi żgurat li l-interventi taħt il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU jiffokaw fuq fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fil-livell tal-Unjoni iżda fl-istess waqt jissodisfaw l-għanijiet tal-aqwa firxa ġeografika possibbli, il-garanzija tal-UE jenħtieġ li tiġi allokata lil sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, li waħedhom jew flimkien ma' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħra jistgħu jkopru Stat Membru wieħed jew aktar. Fil-każ tal-aħħar, ir-responsabbiltà kuntrattwali tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tibqa' limitata mill-mandati nazzjonali rispettivi tagħhom. Bil-għan li tiġi promossa diversifikazzjoni ġeografika mtejba, jistgħu jiġu stabbiliti pjattaformi ddedikati għall-investiment reġjonali ffukati fuq il-gruppi interessati tal-Istati Membri, li jikkombinaw l-isforzi u l-għarfien espert tal-istituzzjonijiet finanzjarji vvalutati mill-pilastru ma' banek promozzjonali nazzjonali b'esperjenza limitata fl-użu tal-istrumenti finanzjarji. Tali strutturi jenħtieġ li jiġu mħeġġa, inkluż bl-appoġġ disponibbli miċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU. Mill-inqas 75 % tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE jenħtieġ li tiġi allokata lill-Grupp tal-BEI. Ammonti li jaqbżu l-75 % tal-garanzija tal-UE jistgħu jsiru disponibbli għall-Grupp tal-BEI fil-każ li l-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali ma jkunux jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sehem li jifdal tal-garanzija. Bl-istess mod, ammonti li jaqbżu 25 % tal-garanzija tal-UE jistgħu jsiru disponibbli għal sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħra fil-każ li l-Grupp tal-BEI ma jkunx jista' juża bis-sħiħ is-sehem tiegħu tal-garanzija. Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-garanzija tal-UE anki f'każ li jiddeċiedu li jkollhom aċċess għaliha permezz tal-BEI jew il-Fond Ewropew tal-Investiment.

(31)  Il-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li tiġi allokata lil kwalunkwe sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni eliġibbli skont [l-Artikolu 62(1)(c)] tar-[Regolament Finanzjarju], inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew reġjonali, il-BEI, il-Fond Ewropew tal-Investiment u banek ta' żvilupp multilaterali oħrajn. Meta tagħżel sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-proposti magħmula minn kull Stat Membru. Skont [l-Artikolu 154] tar-[Regolament Finanzjarju], il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni sabiex tiżgura li dan ikun qed jipprovdi livell ta' protezzjoni għall-interess finanzjarju tal-Unjoni li jkun ekwivalenti għal dak provdut mill-Kummissjoni.

(32)  L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jiġu deċiżi minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, u għandhom ikunu implimentati skont ir-regoli u l-proċeduri interni tiegħu u kontabilizzati fir-rapporti finanzjarji tiegħu stess. Għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi esklużivament għal kwalunkwe obbligazzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-garanzija tal-UE u tiżvela l-ammont massimu ta' garanzija, inkluża l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-garanzija provduta.

(33)  Il-Fond InvestEU jenħtieġ li, fejn xieraq, jippermetti taħlita bla xkiel u effiċjenti ta' għotjiet u/jew strumenti finanzjarji, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn fondi oħra, bħall-Fond ta' Innovazzjoni tas-Sistema tan-Negozjar tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) b’dik il-garanzija f'sitwazzjonijiet fejn dan ikun neċessarju biex jiġu sostnuti l-aħjar l-investimenti li jistgħu jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali.

(34)  Proġetti ppreżentati minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal appoġġ fil-qafas tal-Programm InvestEU li jinkludu taħlit ma' appoġġ minn programmi oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li b'mod ġenerali jkunu wkoll konsistenti mal-għanijiet u l-kriterji ta' eliġibbiltà li jinsabu fir-regoli tal-programmi rilevanti tal-Unjoni. L-użu tal-garanzija tal-UE jenħtieġ li jkun deċiż skont ir-regoli tal-Programm InvestEU.

(35)  Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp ta' riżerva b'saħħitha ta' proġetti ta' investiment f'kull sezzjoni ta' politika, filwaqt li jipprevedi implimentazzjoni effettiva ta' diversifikazzjoni ġeografika bil-għan li jikkontribwixxi għall-għan tal-Unjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li jiġu aggregati proġetti żgħar u li dawn jiġu raggruppati f'portafolji akbar. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffirma ftehimiet mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħra sabiex tinnominahom bħala sħab taċ-Ċentru ta' Konsulenza. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni l-oħra jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ madwar l-Unjoni, filwaqt li jqisu l-għarfien espert u l-kapaċità lokali tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni kif ukoll l-istrutturi eżistenti, bħaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst komponent transsettorjali fil-qafas tal-Programm InvestEU biex jiżgura punt tad-dħul wieħed u għajnuna transpolitika għall-iżvilupp ta' proġetti għall-programmi tal-Unjoni ġestiti b'mod ċentrali. [Em. 5]

(36)  Sabiex tiġi żgurata firxa ġeografika wiesgħa tas-servizzi ta' konsulenza madwar l-Unjoni u biex jiġi sfruttat b'suċċess l-għarfien lokali dwar il-Fond InvestEU, jenħtieġ li tiġi żgurata preżenza lokali tal-Konsulenza tal-InvestEU, fejn tkun meħtieġa, billi tikkomplementa l-iskemi ta' appoġġ eżistenti u l-preżenza tas-sħab lokali, bl-għan li tiġi pprovduta assistenza tanġibbli, proattiva u mfassla apposta fil-post. Sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' appoġġ konsultattiv fil-livell lokali u biex jiġu żgurati effiċjenza, sinerġiji u kopertura ta' appoġġ ġeografiku effettiv, iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jikkoopera ma' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u l-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, kif ukoll jibbenefika u jagħmel użu mill-għarfien espert tagħhom. Fl-Istati Membri fejn il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali ma jeżistux, iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jipprovdi, fejn xieraq, u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, appoġġ konsultattiv proattiv dwar l-istabbiliment ta' tali bank jew istituzzjoni.

(36a)  Iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jipprovdi appoġġ konsultattiv lil proġetti żgħar u proġetti għal negozji ġodda, speċjalment meta n-negozji l-ġodda jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta' innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titli ta' proprjetà intellettwali (PI), bħal privattivi.

(37)  Fil-kuntest tal-Fond InvestEU, hemm il-ħtieġa li jiġi pprovdut l-iżvilupp tal-proġetti u jinbena appoġġ għall-bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzazzjonali u l-attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-suq meħtieġa biex jiġu oriġinati proġetti ta' kwalità. Minbarra dan, l-għan huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-espansjoni tal-għadd potenzjali ta' riċevituri eliġibbli f'segmenti kummerċjali emerġenti u lokali, b'mod partikolari meta d-daqs żgħir ta' proġetti individwali jgħolli b'mod konsiderevoli l-ispiża tat-tranżazzjoni fil-livell tal-proġett, bħall-każ tal-ekosistema tal-finanzi soċjali. L-appoġġ għall-bini tal-kapaċità għalhekk jenħtieġ li jkun kumplimentari u addizzjonali għall-azzjonijiet imwettqa skont programmi oħra tal-Unjoni li jkopru qasam ta' politika speċifiku. Jenħtieġ li jsir sforz ukoll biex jappoġġa l-bini tal-kapaċità ta' promoturi ta' proġetti potenzjali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet u awtoritajiet ta' fornituri tas-servizzi lokali.

(38)  Il-portal InvestEU jenħtieġ li jkun stabbilit sabiex jipprovdi għal bażi ta' data tal-proġetti aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent biex jippromwovi l-viżibbiltà ta' proġetti ta' investiment li jkunu qed ifittxu finanzjament b'enfasi akbar fuq il-forniment ta' riżerva possibbli ta' proġetti ta' investiment, kompatibbli mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

(39)  Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(14), hemm ħtieġa għal evalwazzjoni tal-Programm InvestEU abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm InvestEU fil-prattika.

(40)  Jenħtieġ li jiġi implimentat qafas sod ta' monitoraġġ li jkun ibbażat fuq il-produzzjoni, l-eżiti u l-indikaturi tal-impatt biex jissorvelja l-progress lejn l-għanijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni u l-Bord ta' Tmexxija jenħtieġ li jirrapportaw kull sena għand il-Parlament Ewropew u il-Kunsill dwar il-progress, l-impatt u l-operazzjonijiet tal-Programm InvestEU.

(41)  Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u b'mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-iffissar u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, filwaqt li jipprevedu t-twettiq ta' verifiki rigward ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE.

(42)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru [ir-RF l-ġdid] japplika għall-Programm InvestEU. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar il-garanziji baġitarji.

(43)  Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill(15) (Euratom, KE) Nru 2988/95(16) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96(17) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(18), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u ta' frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. b'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista' jinvestiga u jressaq każijiet ta' frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(44)  Pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-ftehim ŻEE, li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta' deċiżjoni skont dak il-ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta' strumenti legali oħra. F'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika biex jiġu esklużi kumpaniji offshore u kumpaniji bbażati f'pajjiżi "li ma jikkooperawx" u biex jingħataw id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa, lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv u jiggarantixxu d-drittijiet tal-Unjoni biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tagħha.

(45)  Skont [ir-referenza se tiġi aġġornata kif adatt skont deċiżjoni ġdida dwar l-OCTs: l-Artikolu 88 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE], persuni u entitatijiet stabbiliti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-għanijiet tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut.

(46)  Sabiex l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament jiġu ssupplimentati b'linji gwida dwar l-investiment, li jenħtieġ li jiġu żviluppati mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni wara li jitwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, u li magħhom l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jenħtieġ li jikkonformaw, sabiex jiġi ffaċilitat adattament fil-pront u flessibbli tal-indikaturi tal-prestazzjoni u sabiex tiġi aġġustata r-rata ta' proviżjonament, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tfassil tal-linji gwida dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt sezzjonijiet ta' politika differenti, l-emenda tal-Anness III ta' dan ir-Regolament biex jiġu reveduti jew ikkumplimentati l-indikaturi u l-aġġustament tar-rata ta' proviżjonament. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tali linji gwida dwar l-investiment jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. b'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(47)  Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jindirizza l-fallimenti tas-suq speċifiċi u s-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali madwar l-Unjoni u/jew tal-Istati Membri u jipprovdi għal ittestjar għas-suq fl-Unjoni ta' prodotti finanzjarji innovattivi u sistemi għat-tixrid tagħhom, għal fallimenti tas-suq ġodda jew kumplessi. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija ġustifikata,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond InvestEU li jipprovdi garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment imwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni b'appoġġ għall-politiki interni tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta' appoġġ konsultattiv biex jappoġġa l-iżvilupp ta' proġetti investibbli u sostenibbli u l-aċċess għall-finanzjament u biex jipprovdi bini ta' kapaċità relatat ("iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU"). Huwa jistabbilixxi wkoll bażi ta' data li tagħti viżibbiltà lill-proġetti li l-promoturi tal-proġetti jkunu qed ifittxu finanzjament għalihom u li tipprovdi lill-investituri b’informazzjoni dwar opportunitajiet ta' investiment ("il-Portal tal-InvestEU").

Dan jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm InvestEU, il-baġit għall-perjodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' dan it-tip ta' finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(-1)  "addizzjonalità" tfisser addizzjonalità kif definita fl-Artikolu 7a ta' dan ir-Regolament u kif imsemmi fl-Artikolu 209(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju;

(-1a)  "Sieħeb taċ-Ċentru ta' Konsulenza" tfisser il-kontroparti eliġibbli li magħha l-Kummissjoni tiffirma ftehim biex timplimenta servizz ipprovdut miċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU;

(1)  "operazzjoni ta' taħlit" tfisser operazzjonijiet appoġġati mill-baġit tal-UE li jikkumbinaw forom ta' appoġġ li mhuwiex rimborsabbli u/jew appoġġ rimborsabbli mill-baġit tal-Unjoni ma' forom ta' appoġġ rimborsabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u tal-investituri; għall-finijiet ta' din id-definizzjoni, programmi tal-Unjoni ffinanzjati minn sorsi oħra minbarra l-baġit tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fond tal-Innovazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading System, ETS), jista' jiġi assimilat ma' programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;

(1a)  "ftehim ta' kontribuzzjoni" tfisser l-istrument legali li bih il-Kummissjoni u l-Istati Membri jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, speċifikat fl-Artikolu 9;

(1b)  "Grupp tal-BEI" tfisser il-Bank Ewropew tal-Investiment u s-sussidjarji tiegħu;

(2)  "garanzija tal-UE" tfisser garanzija ġenerali pprovduta mill-baġit tal-Unjoni li taħtu l-garanziji baġitarji skont [l-Artikolu 219(1) tar-[Regolament Finanzjarju] jidħlu fis-seħħ permezz tal-iffirmar ta' ftehimiet individwali ta' garanzija ma’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni;

(2a)  "kontribuzzjoni finanzjarja" tfisser kontribuzzjoni minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-forma ta' kapaċità ta' teħid ta' riskji u/jew appoġġ finanzjarju tagħhom stess għal operazzjoni koperta minn dan ir-Regolament;

(3)  "prodott finanzjarju" tfisser mekkaniżmu jew arranġament finanzjarju miftiehem bejn il-Kummissjoni u s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li skont it-termini tiegħu s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jipprovdi finanzjament dirett jew intermedjat lil riċevituri finali f’xi waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 13;

(4)  "finanzjament u/jew operazzjonijiet ta' investiment" tfisser operazzjonijiet li jipprovdu finanzi b'mod dirett jew indirett lil riċevituri finali fil-forma ta' prodotti finanzjarji, imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, ipprovdut minnu skont ir-regoli interni tiegħu u li jiġu kontabilizzati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu stess;

(5)  "Fondi b'ġestjoni kondiviża" tfisser il-fondi li jipprevedu l-possibbiltà li jiġi allokat ammont minnhom għall-provvediment ta' garanzija baġitarja fil-kompartiment tal-Istat Membru tal-Fond InvestEU, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR);

(6)  "ftehim ta' garanzija" tfisser l-istrument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jipproponu operazzjonijiet ta' finanzjament jew ta' investiment li għandhom jingħataw il-benefiċċju tal-garanzija tal-UE, biex jipprovdu l-garanzija baġitarja għal dawk l-operazzjonijiet u biex jimplimentawhom skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(7)  "sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni" tfisser kontroparti eliġibbli bħal istituzzjoni finanzjarja jew intermedjarju ieħor li magħhom il-Kummissjoni tiffirma ftehim ta' garanzija▌;

(8)  "Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU" tfisser l-assistenza teknika definita fl-Artikolu 20;

(9)  "Portal tal-InvestEU" tfisser il-bażi ta' data definita fl-Artikolu 21;

(10)  "il-Programm InvestEU" tfisser il-Fond InvestEU, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, u l-operazzjonijiet ta' taħlit, b'mod kollettiv;

(10a)  "Linji gwida ta' investiment" tfisser sett ta' kriterji, ibbażati fuq il-prinċipji stabbiliti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta' għanijiet ġenerali, kriterji ta' eliġibbiltà u strumenti eliġibbli, użati mill-Kumitat tal-Investiment biex jiddeċiedu b'mod trasparenti u indipendenti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE;

(10b)  "pjattaformi ta' investiment" tfisser vetturi b'għan speċjali, kontijiet ġestiti, kofinanzjament ibbażat fuq kuntratti jew arranġamenti ta' kondiviżjoni tar-riskji jew arranġamenti stabbiliti b'mezzi oħra li permezz tagħhom entitajiet jgħaddu kontribuzzjoni finanzjarja sabiex jiffinanzjaw numru ta' proġetti ta' investiment, u li jistgħu jinkludu:

(a)  pjattaformi nazzjonali jew subnazzjonali li jiġbru flimkien diversi proġetti ta' investiment fit-territorju ta' Stat Membru partikolari;

(b)  pjattaformi multinazzjonali jew reġjonali li jiġbru flimkien sħab minn diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f'żona ġeografika partikolari;

(c)  pjattaformi tematiċi li jiġbru flimkien proġetti ta' investiment f'settur partikolari;

(11)  "mikrofinanzjament" tfisser il-mikrofinanzjament kif definit fir-Regolament [[FSE+] number];

(12)  "kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja" tfisser entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat u li mhumiex SMEs jew kumpaniji b'kapitalizzazzjoni żgħira/medja;

(13)  "banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali" ("NPBI") tfisser l-entitajiet legali impenjati f'attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li għalihom Stat Membru, jew entità ta' Stat Membru f'livell ċentrali, reġjonali jew lokali, jingħataw mandat biex itwettqu attivitajiet ta' żvilupp jew ta' promozzjoni;

(14)  "intrapriżi żgħar u medji" jew "SMEs" tfisser intrapriżi mikro, żgħar u medji kif definiti fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE(20);

(15)  "kumpaniji b'kapitalizzazzjoni żgħira/medja" tfisser entitajiet li għandhom sa 499 impjegat u li mhumiex SMEs;

(16)  "intrapriża soċjali" tfisser intrapriża soċjali kif definita fir-Regolament [[FSE+] number];

(16a)  "finanzi sostenibbli" tfisser il-proċess li permezz tiegħu jitqiesu b'mod xieraq il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investiment, li jwassal għal aktar investimenti f'attivitajiet aktar fit-tul u sostenibbli;

(17)  "pajjiż terz" tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni.

Artikolu 3

L-għanijiet tal-Programm InvestEU

1.  L-għan ġenerali tal-Programm InvestEU huwa li jappoġġa l-għanijiet ta' politika tal-Unjoni permezz ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jikkontribwixxu:

(a)  għall-kompetittività tal-Unjoni, inklużi r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

(aa)  żieda fir-rata tal-impjieg tal-Unjoni u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja fl-Unjoni;

(b)  għat-tkabbir tal-ekonomija tal-Unjoni u għas-sostenibbiltà tagħha biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' tikseb l-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

(c)  għall-innovazzjoni, għar-reżiljenza soċjali u għall-inklużività tal-Unjoni;

(ca)  għall-promozzjoni tal-avvanz xjentifiku u teknoloġiku, tal-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(cb)  għall-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali;

(d)  għall-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u għat-tisħiħ tas-Suq Uniku, inklużi soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, għad-diversifikazzjoni ta' sorsi ta' finanzjament għal intrapriżi tal-Unjoni u għall-promozzjoni ta' finanzi sostenibbli.

2.  Il-Programm InvestEU għandu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)  jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-infrastruttura sostenibbli fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1);

(b)  jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fid-diġitalizzazzjoni f'kull sezzjoni tal-politika, inkluż appoġġ għat-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi u għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji fis-suq;

(c)  iżid u jissimplifika l-aċċess u d-disponibbiltà tal-finanzi u jsaħħaħ il-kompetittività globali tan-negozji żgħar innovattivi, l-SMEs inklużi l-mikrointrapriżi u, f'każijiet debitament iġġustifikati, għal kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja;

(d)  iżid l-aċċess għall-mikrofinanzjament u għall-finanzjament għal SMEs, intrapriżi soċjali, setturi kulturali u kreattivi u edukattivi, u d-disponibbiltà tagħhom u jappoġġa operazzjonijiet ta' finanzjamenti u ta' investiment relatati mal-investimenti soċjali, mal-kompetenzi u mal-ħiliet u jiżviluppa u jikkonsolida swieq ta' investiment soċjali, fl-oqsma msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1).

Artikolu 4

Il-baġit u l-ammont tal-garanzija tal-UE

1.  Il-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-UE msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) għandha tkun EUR 40 817 500 000 (prezzijiet attwali). Din għandha tkun provduta bir-rata ta' 40 %.

Ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE jista' jiġi pprovdut għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 8(1), suġġett għall-allokazzjoni mill-Istati Membri, skont [l-Artikolu 10(1)] tar-Regolament [[CPR] number](21) u l-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[CAP plan] number](22) tal-ammonti korrispondenti.

Minbarra l-kontribuzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-kompartiment tal-Istati Membri fil-forma ta' garanziji jew flus kontanti.

Il-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5 għandhom iżidu wkoll il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu, billi jipprovdu proviżjonament fi flus kontanti b'mod sħiħ skont [l-Artikolu 218(2)] tar-[Regolament Finanzjarju].

2.  Id-distribuzzjoni ▌tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hija mniżżla fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi timmodifika l-ammonti msemmija fl-Anness I, fejn xieraq, sa 15 % għal kull sezzjoni.

3.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitoli V u VI għandu jkun EUR 525 000 000 (prezzijiet attwali).

4.  L-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 jista' jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni inklużi sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

Artikolu 5

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Fond InvestEU

Il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u kull waħda mit-twieqi politiċi msemmija fl-Artikolu 7(1) jistgħu jirċievu kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi terzi li ġejjin sabiex jipparteċipaw f’ċerti prodotti finanzjarji skont [l-Artikolu 218(2)] tar-[Regolament Finanzjarju]:

(a)  Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(b)  pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u b'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejnhom u bejn l-Unjoni;

(c)  pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)  pajjiżi terzi, skont il-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni ta' pajjiż terz għal kull programm tal-Unjoni, sakemm il-ftehim:

(i)  jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)  jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul b'konformità mal-Artikolu [21(5)] tar-[Regolament Finanzjarju];

(iii)  ma jagħtix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-programm;

(iv)  jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-Unjoni

1.  Il-garanzija tal-UE għandha tiġi implimentata fil-ġestjoni indiretta mal-korpi msemmija fl-[Artikolu 62(1)(c)(ii) sa (vii)] tar-[Regolament Finanzjarju]. Forom oħra ta' fondi tal-UE skont dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati f'ġestjoni diretta jew indiretta skont ir-[Regolament Finanzjarju], inklużi għotjiet implimentati skont it-[Titolu VIII] tiegħu.

2.  L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE li jiffurmaw parti mill-operazzjoni ta' taħlit li jikkombinaw appoġġ skont dan ir-Regolament ma' appoġġ ipprovdut skont xi programm jew programmi oħra tal-Unjoni jew mill-Fond ta' Innovazzjoni tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) għandhom:

(a)  ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-politika u jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regola dwar il-programm tal-Unjoni skont liema l-appoġġ ikun ingħata;

(b)  jimxu skont dan ir-Regolament.

2a.  Operazzjonijiet ta' taħlit li jikkombinaw l-appoġġ skont dan ir-Regolament għandhom ikunu kemm jista' jkun bla xkiel.

3.  L-operazzjonijiet ta' taħlit inkluż strument finanzjarju ffinanzjat kompletament minn programmi oħrajn tal-Unjoni jew mill-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS mingħajr l-użu tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mal-għanijiet ta' politika u l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni skont liema tingħata l-għajnuna.

4.  Skont l-Artikolu 6(2), forom mhux ripagabbli ta' appoġġ u/jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni li jifformaw parti mill-operazzjoni ta' taħlit imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu deċiżi skont ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni u għandhom jiġu implimentati f’operazzjoni ta' taħlit skont dan ir-Regolament u skont [it-Titolu X] tar-[Regolament Finanzjarju].

Ir-rappurtar għandu jinkludi wkoll l-elementi dwar il-konsistenza mal-għanijiet ta' politika u l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni li bihom l-appoġġ jingħata kif ukoll dwar il-konformità ma' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

Il-Fond InvestEU

Artikolu 7

Sezzjonijiet ta' politika

1.  Il-Fond InvestEU għandu jopera permezz tal-erba' sezzjonijiet ta' politika li ġejjin li għandhom jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u/jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fil-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tagħhom:

(a)  is-sezzjoni ta' politika tal-infrastruttura sostenibbli: tinkludi investiment fl-oqsma tat-trasport, inklużi tat-trasport multimodali, tas-sikurezza tat-toroq, tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq, tat-turiżmu, tal-enerġija, b'mod partikolari ż-żieda fl-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika f'konformità mal-oqfsa tal-enerġija għall-2030 u l-2050, proġetti ta' rinnovazzjoni tal-binjiet b'enfasi fuq l-iffrankar tal-enerġija u l-integrazzjoni tal-binjiet f'sistema konnessa f'dak li għandu x'jaqsam mal-enerġija, il-ħżin, id-diġitalizzazzjoni u t-trasport, it-titjib tal-livell tal-interkonnessjoni, tal-konnettività diġitali u tal-aċċess inkluż fiż-żoni rurali, tal-provvista u tal-ipproċessar tal-materja prima, tal-ispazju, tal-oċeani, tal-ilma intern, tal-evitar tal-iskart u tal-ekonomija ċirkolari, tan-natura u ta' infrastruttura ambjentali oħra, tat-tagħmir, tal-assi mobbli u tal-iskjerar ta' teknoloġiji innovattivi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sostenibbiltà ambjentali u/jew soċjali tal-Unjoni u li jissodisfaw l-istandards ta' sostenibbiltà ambjentali jew soċjali tal-Unjoni;

(b)  is-sezzjoni ta' politika tar-riċerka, l-innovazzjoni u d-djalogu: tinkludi attivitajiet ta' riċerka, żvilupp tal-prodott u innovazzjoni, it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka u tat-teknoloġiji għas-suq, l-appoġġ għall-faċilitaturi tas-suq u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, tad-dimostrazzjoni u tal-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u ta' appoġġ għat-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi inklużi n-negozji ż-żgħar u l-SMEs kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, abbażi tal-esperjenzi miksuba, b'mod partikolari permezz tal-InnovFin;

(c)  is-sezzjoni ta' politika tal-SMEs: tinkludi l-aċċess u d-disponibbiltà ssimplifikati tal-finanzi għan-negozji ż-żgħar, l-SMEs, inklużi dawk innovattivi, u, f'każi debitament iġġustifikati, għal kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja, b'mod partikolari biex jittejbu l-kompetittività, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà globali;

(d)  is-sezzjoni ta' politika tal-investiment soċjali u tal-ħiliet: tinkludi l-finanzjament etiku u sostenibbli, il-mikrofinanzjament, l-akkwiżizzjonijiet tal-ħaddiema, il-finanzjament tal-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali u l-miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa u ta' gruppi vulnerabbli; il-ħiliet, l-edukazzjoni, it-taħriġ u servizzi relatati; l-infrastruttura soċjali (inklużi l-akkomodazzjoni soċjali u tal-istudenti); l-innovazzjoni soċjali; il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul; l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà; l-attivitajiet kulturali b'għan soċjali; is-setturi kulturali u kreattivi, inklużi dawk bi djalogu interkulturali u b'għanijiet ta' koeżjoni soċjali; l-integrazzjoni tal-persuni vulnerabbli, inklużi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

2.  Fejn operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment proposta lill-Kumitat ta' Investiment imsemmi fl-Artikolu 19 taqa' taħt aktar minn sezzjoni politika waħda, din għandha tiġi attribwita lis-sezzjoni li taħtha jaqa' l-għan prinċipali jew l-għan prinċipali tal-biċċa l-kbira tas-sottoproġetti tagħha, sakemm il-linji gwida dwar l-investiment ma jiddefinixxux mod ieħor.

3.  L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fil-qafas tas-sezzjonijiet kollha tal-politika msemmija ▌ fil-paragrafu (1) għandhom, fejn applikabbli, ikunu soġġetti għall-ittestjar tas-sostenibilità klimatika, ambjentali u soċjali bil-ħsieb li jiġu mminimizzati l-impatti negattivi u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji fuq il-klima, l-ambjent u d-dimensjoni soċjali. Għal dak il-għan, il-promoturi li jitolbu finanzjament għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata bbażata fuq gwida li għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni, fil-forma ta' att delegat u jqisu l-kriterji stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru .../... dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiffaċilita l-investiment sostenibbli (COM(2018)0353) biex jiddeterminaw jekk attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli. Meta jkun xieraq, proġetti taħt ċertu daqs definit fil-linji gwida jistgħu jiġu eżentati mill-ittestjar.

Il-gwida tal-Kummissjoni għandha tippermetti li:

a)  rigward l-adattament, tiġi żgurata r-reżiljenza għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima permezz ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u r-riskju tal-klima, inklużi miżuri ta' adattament rilevanti u, rigward il-mitigazzjoni, jiġu integrati l-kost tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u l-effetti pożittivi ta' miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u tiġi żgurata konformità mal-għanijiet u l-istandards ambjentali tal-Unjoni;

b)  tirrapporta dwar impatti konsolidati tal-proġetti f'termini tal-komponenti ewlenin tal-kapital naturali relatati mal-arja, mal-ilma, mal-art u mal-bijodiversità;

ba)  jiġi stmat l-impatt fuq l-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

c)  tistima l-impatt fuq l-inklużjoni soċjali ta' ċerti żoni jew popolazzjonijiet.

4.  Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu t-traċċar ta' investiment li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent, abbażi ta' gwida li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni u jivvalutaw fejn meħtieġ il-konformità tal-operazzjonijiet mar-Regolament (UE) .../... [dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli].

4a.  Is-sezzjoni ta' politika tal-SMEs għandha toffri appoġġ ukoll lill-benefiċjarji li kienu ġew appoġġati minn faċilitajiet ta' garanzija differenti tal-UE amalgamati fil-qafas ta' InvestEU, b'mod partikolari l-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi tal-Programm Ewropa Kreattiva.

5.  Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jimmiraw li:

(a)   mill-inqas 65 % tal-investiment taħt is-sezzjoni ta' politika tal-infrastruttura sostenibbli jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

(b)  fil-qasam tat-trasport, mill-inqas 10 % tal-investiment taħt is-sezzjoni ta' politika tal-infrastruttura sostenibbli jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan tal-UE li jiġu eliminati l-inċidenti tat-traffiku fatali u l-korrimenti serji sal-2050 u biex jiġu rinnovati l-pontijiet u l-mini ferrovjarji u tat-toroq għall-finijiet ta' sikurezza tagħhom;

(c)  mill-inqas 35 % tal-investiment fil-qafas tas-sezzjoni ta' politika "Riċerka, Innovazzjoni u Diġitalizzazzjoni" jikkontribwixxi għall-Għanijiet ta' Orizzont Ewropa;

(d)  sehem sinifikanti tal-garanzija offruta lill-SMEs u lill-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja fil-qafas tas-sezzjoni ta' politika tal-SMEs tappoġġa lill-SMEs innovattivi.

Il-Kummissjoni flimkien mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jirsistu li jiżguraw li l-parti tal-garanzija baġitarja użata għas-sezzjoni ta' politika tas-sostenibbiltà tiġi distribwita bil-għan ta' bilanċ bejn l-azzjonijiet fl-oqsma differenti.

6.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tiddefinixxi l-linji gwida dwar l-investiment għal kull sezzjoni ta' politika.

6a.  Meta tipproduċi informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-linji gwida ta' investiment, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, għall-Kumitat tal-Investiment u għaċ-Ċentru ta' Konsulenza għall-InvestEU.

Artikolu 7a

Addizzjonalità

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "addizzjonalità" tfisser appoġġ mill-Fond InvestEU għal operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali madwar l-Unjoni kollha u/jew speċifiċi għall-Istati Membri u li ma setgħux jitwettqu matul il-perjodu li fih tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew le bl-istess mod, mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU.

Artikolu 8

Kompartimenti

1.  Kull waħda mis-sezzjonijiet ta' politika msemmija fl-Artikolu 7(1) għandha tikkonsisti f'żewġ kompartimenti li jindirizzaw fallimenti tas-suq ▌jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali kif ġej:

(a)  il-kompartiment tal-UE għandu jindirizza kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)  fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali relatati mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni ▌;

(ii)  fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment mal-Unjoni kollha u/jew speċifiċi għall-Istati Membri; jew

(iii)  fallimenti tas-suq ġodda jew kumplessi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet finanzjarji u strutturi tas-suq ġodda;

(b)  il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jindirizza fallimenti tas-suq speċifiċi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fi Stat Membru wieħed jew aktar sabiex iwettaq l-għanijiet tal-Fondi kontribwenti b'ġestjoni kondiviża.

2.  Il-kompartimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw, fejn xieraq, b'mod komplementari biex isostnu operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment, inkluż billi jgħaqqdu l-appoġġ miż-żewġ kompartimenti.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kompartiment tal-Istat Membru

1.  Għandhom jintużaw ammonti allokati minn Stat Membru skont l-Artikolu [10(1)] tar-Regolament [[CPR] number] jew l-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[CAP plan] number] għall-proviżjonament tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li tkopri operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-Istat Membru kkonċernat.

1a.  L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-kompartiment ta' Stat Membru fil-forma ta' garanziji jew flus kontanti. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jintalbu biss għal ħlasijiet ta' sejħiet ta' garanzija wara l-finanzjament skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

2.  L-istabbiliment ta' dik il-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jkun soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kontribuzzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkonkludu ftehim ta' kontribuzzjoni konġunta mal-Kummissjoni.

B'deroga mill-[Artikolu 211(1)] tar-[Regolament Finanzjarju], ir-rata ta' proviżjonament tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru għandha tiġi ffissata għal 40 % u forsi aġġustata 'l isfel jew 'il fuq f'kull ftehim ta' kontribuzzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-prodotti finanzjarji maħsuba biex jintużaw.

3.  Il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu tal-anqas jinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

a)  l-ammont totali tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li jappartjeni lill-Istat Membru, ir-rata ta' proviżjonament tiegħu, l-ammont tal-kontribuzzjoni minn Fondi b'ġestjoni kondiviża, il-fażi ta' kostituzzjoni tal-proviżjonament skont pjan finanzjarju annwali u l-ammont tal-obbligazzjoni kontinġenti riżultanti li għandu jkun kopert minn garanzija back-to-back provduta mill-Istat Membru kkonċernat u/jew mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni;

b)  l-istrateġija li tikkonsisti fil-prodotti finanzjarji u fl-ingranaġġ minimu tagħhom, il-kopertura ġeografika, il-perjodu ta' investiment u, fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri finali u tal-intermedjarji eliġibbli;

c)  ▌is-sieħeb jew sħab inkarigati mill-implimentazzjoni magħżula fi ftehim mal-Istat Membru;

d)  il-kontribuzzjoni possibbli mill-Fondi b'ġestjoni kondiviża għall-pjattaformi ta' investiment u għaċ-Ċentru tal-Konsulenza għall-InvestEU;

e)  l-obbligi ta' rappurtar annwali lejn l-Istat Membru, inkluż ir-rappurtar skont l-indikaturi msemmija fil-ftehim ta' kontribuzzjoni;

f)  dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni tal-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;

g)  kombinazzjoni possibbli ma' riżorsi fil-kompartiment tal-UE, inkluż fi struttura msaffa biex tinkiseb kopertura tar-riskju aħjar skont l-Artikolu 8(2).

Il-kontribuzzjonijiet minn Fondi taħt ġestjoni kondiviża jistgħu jintużaw, fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri bi ftehim mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, biex jiggarantixxu kwalunkwe parti tal-istrumenti finanzjarji strutturati.

4.  Il-ftehimiet ta' kontribuzzjoni għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni permezz ta' ftehimiet ta' garanzija ffirmati ma' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 14.

Meta, fi żmien disa' xhur mill-iffirmar tal-ftehim ta' kontribuzzjoni, l-ebda ftehim ta' garanzija ma jkun ġie konkluż jew l-ammont tal-ftehim ta' kontribuzzjoni ma jkunx kompletament impenjat permezz ta' ftehim jew ftehimiet ta' garanzija, il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jintemm fl-ewwel każ jew jiġi emendat kif meħtieġ fit-tieni każ u l-ammont mhux użat tal-proviżjonament jiġi użat mill-ġdid skont [l-Artikolu 10(5)] tar-Regolament [[CPR] number] u l-Artikolu [75(5)] tar-Regolament [[CAP plan] number].

Fejn il-ftehim ta' garanzija ma ġiex implimentat kif xieraq fi żmien perjodu speċifikat fl-Artikolu [10(6)] tar-Regolament [[CPR] number] jew l-Artikolu [75(6)] tar-Regolament [[CAP plan] number], il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jiġi emendat u l-ammont mhux użat ta' proviżjonament użat mill-ġdid skont [l-Artikolu 10(6)] tas-[CPR] number] u l-Artikolu [75(6)] tar-Regolament [[CAP plan]] number].

5.  Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru stabbilit bi ftehim ta' kontribuzzjoni:

(a)  wara l-fażi ta' kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, kull bilanċ annwali ta' dispożizzjonijiet, ikkalkulat billi jitqabbel l-ammont ta' dispożizzjonijiet meħtieġa mir-rata ta' proviżjonament u d-dispożizzjonijiet attwali, għandu jerġa' jintuża skont l-[Artikolu 10(6)] tas-[CPR] u l-Artikolu [75(6)] tal-[[CAP plan] number];

(b)  b'deroga mill-[Artikolu 213(4)] [tar-Regolament Finanzjarju], wara l-fażi tal-kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-proviżjonament ma għandux joħloq rifornimenti annwali matul id-disponibbiltà ta' dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;

(c)  il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Istat Membru fejn, b'riżultat ta' sejħiet għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru, il-livell ta' proviżjonamenti għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE jaqa' taħt 20 % tal-proviżjonament inizjali;

(d)  ▌

KAPITOLU III

Il-garanzija tal-UE

Artikolu 10

Il-garanzija tal-UE

1.  Il-garanzija tal-UE taħt il-Fond InvestEU għandha tingħata lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont l-[Artikolu 219(1)] tar-[Regolament Finanzjarju] u tiġi ġestita skont it-[Titolu X] tar-[Regolament Finanzjarju]. Il-garanzija tal-UE għandha tkun irrevokabbli, inkondizzjonata u pprovduta mal-ewwel talba lil kontropartijiet eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament u l-ipprezzar tagħha għandu jkun esklussivament marbut mal-karatteristiċi u l-profil tar-riskju tal-operazzjonijiet sottostanti, filwaqt li titqies b'mod xieraq in-natura tal-operazzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-objettivi ta' politika fil-mira, inkluża, jekk debitament ġustifikat, l-applikazzjoni possibbli ta' termini u inċentivi konċessjonali speċifiċi kif meħtieġ, b'mod partikolari:

(a)  f'sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju enfasizzati jipprevjenu t-twettiq ta' proġett vijabbli;

(b)  fejn meħtieġ biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment jew il-finanzjament ta' proġetti f'setturi jew oqsma li jesperjenzaw falliment sinifikanti tas-suq u/jew sitwazzjoni ta' investiment subottimali;

Barra minn hekk, il-garanzija tal-UE għandha tipprevedi:

(a)  mekkaniżmu robust għall-utilizzazzjoni fil-pront tiegħu;

(b)  tul konsistenti mal-maturità finali tal-aħħar riċevibbli mill-benefiċjarju finali;

(c)  monitoraġġ xieraq tal-portafoll tar-riskju u tal-garanzija;

(d)  mekkaniżmu affidabbli għall-istima tal-flussi ta' flus kontanti mistennija fil-każ li dawn jiġu użati;

(e)  dokumentazzjoni adegwata dwar deċiżjonijiet ta' ġestjoni tar-riskji;

(f)  flessibbiltà adegwata dwar il-mod kif tintuża l-garanzija, li tippermetti lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jibbenefikaw direttament mill-garanzija meta/jekk ikun hemm bżonn, b'mod partikolari fin-nuqqas ta' skema addizzjonali ta' garanzija;

(g)  it-twettiq tar-rekwiżiti addizzjonali kollha mitluba mis-superviżur regolatorju rilevanti, jekk ikun hemm, talli ġie meqjus bħala mitigazzjoni effettiva tar-riskju sħiħ.

1a.  Il-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE għandha tiġi allokata lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Mill-anqas 75 % tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE għandha tiġi allokata lill-Grupp tal-BEI. Ammonti li jaqbżu l-75 % tal-garanzija tal-UE jistgħu jsiru disponibbli għall-Grupp tal-BEI fil-każ li l-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali ma jkunux jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sehem li jifdal tal-garanzija. Bl-istess mod, ammonti li jaqbżu 25 % tal-garanzija tal-UE jistgħu jsiru disponibbli għal sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħra fil-każ li l-Grupp tal-BEI ma jkunx jista' juża bis-sħiħ is-sehem tiegħu tal-garanzija. Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-garanzija tal-UE anki f'każ li jiddeċiedu li jkollhom aċċess għaliha permezz tal-Grupp tal-BEI jew il-Fond Ewropew tal-Investiment.

2.  L-appoġġ tal-garanzija tal-UE jista' jingħata għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għal perjodu ta' investiment li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2027. Kuntratti bejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) għandhom jiġu ffirmati sal-31 ta' Diċembru 2028.

Artikolu 11

Operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment eliġibbli

1.  Il-Fond InvestEU għandu jappoġġa biss operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment pubbliċi u privati li:

(a)  jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-[punti (a) sa (e) tal-Artikolu 209(2)] tar-[Regolament Finanzjarju], u bir-rekwiżit tal-addizzjonalità stabbilit ▌fl-Artikolu 7a ta' dan ir-Regolament, u, fejn xieraq, jimmassimizzaw l-investiment privat f'konformità mal-[punt (d) tal-Artikolu 209(2)] tar-[Regolament Finanzjarju];

(b)  jikkontribwixxu, jikkomplementaw u huma konsistenti mal-għanijiet ta' politika tal-Unjoni u jinsabu fil-kamp ta' applikazzjoni taż-żoni eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt is-sezzjoni xierqa skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)  ikunu konsistenti mal-linji gwida dwar l-investiment.

2.  Minbarra l-proġetti li jkunu jinsabu fl-Unjoni, il-Fond InvestEU jista' jappoġġa l-proġetti u l-operazzjonijiet li ġejjin permezz ta' finanzjament u investiment:

(a)  proġetti ▌bejn entitajiet ibbażati jew stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar u li jestendu għal pajjiż terz wieħed jew aktar, inklużi pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika tal-Viċinat, miż-Żona Ekonomika Ewropea jew mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew għal pajjiż jew territorju extra-Ewropew kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE, jew għal pajjiż terz assoċjat, kemm jekk ikun hemm sieħeb u kemm jekk le f'dawk il-pajjiżi jew territorji extra-Ewropej;

(b)  operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment f'pajjiżi msemmija fl-Artikolu 5 li jkunu kkontribwew għal prodott finanzjarju speċifiku.

3.  Il-Fond InvestEU jista' jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jipprovdu finanzi lil riċevituri li huma entitajiet legali stabbiliti f'xi wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

(a)  Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(b)  pajjiż terz jew territorju assoċjat mal-Programm InvestEU skont l-Artikolu 5;

(c)  pajjiż terz imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, fejn applikabbli;

(d)  pajjiżi oħra fejn meħtieġ għall-finanzjament ta' proġett f'pajjiż jew territorju msemmi fil-punti (a) sa (c).

Artikolu 12

L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħżel f'konformità mal-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jew grupp minnhom, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, minn fost il-kontropartijiet eliġibbli.

Għall-kompartiment tal-UE, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu esprimew l-interess tagħhom u għandhom ikunu kapaċi jkopru operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fi Stat Membru jew reġjun wieħed jew aktar. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jistgħu wkoll ikopru flimkien l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment fi Stat Membru jew reġjun wieħed jew aktar billi jiffurmaw grupp. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, li r-responsabbiltà kuntrattwali tagħhom hija limitata bil-mandati nazzjonali rispettivi tagħhom, jistgħu jindirizzaw ukoll il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali bl-istrumenti rispettivi, adattati lokalment u komparabbli.

Fuq il-bażi tal-grad ta' maturità tal-proġett, il-grupp ta' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jista' jiġi ffurmat fi kwalunkwe mument u b'konfigurazzjonijiet differenti, sabiex jissodisfa b'mod effiċjenti r-rekwiżiti tas-suq.

Għall-kompartiment tal-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipproponi kontroparti jew kontropartijiet eliġibbli bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni minn fost dawk li jkunu wrew l-interess tagħhom skont l-Artikolu 9(3)(c).

Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipproponix sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skont it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu fost dawk is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkunu kapaċi jkopru operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.

2.  Meta tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portafoll ta' prodotti finanzjarji taħt il-Fond InvestEU:

(a)  jimmassimizza l-kopertura tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(b)  jimmassimizza l-impatt tal-garanzija tal-UE permezz tar-riżorsi proprji impenjati mis-sieħeb ta' implimentazzjoni;

(c)  jimmassimizza, fejn xieraq, l-investiment privat;

(d)  jikseb diversifikazzjoni ġeografika, u jippermetti finanzjament ta' proġetti iżgħar;

(e)  jipprovdi diversifikazzjoni tar-riskji b'mod suffiċjenti;

(f)  jippromwovi soluzzjonijiet finanzjarji u tar-riskji innovattivi biex jindirizza fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali;

(fa)  jikseb addizzjonalità.

3.  Meta tkun qed tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll:

(a)  l-ispiża u r-rimunerazzjoni possibbli għall-baġit tal-Unjoni;

(b)  il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jimplimenta bir-reqqa r-rekwiżiti tal-[Artikoli 155(2) u 155(3)] tar-[Regolament Finanzjarju] relatati mal-evitar tat-taxxa, mal-frodi tat-taxxa, mal-evażjoni tat-taxxa, mal-ħasil tal-flus, mal-finanzjament tat-terroriżmu u mal-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx.

(ba)  il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jevalwa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment skont standards internazzjonali rikonoxxuti ta' klassifikazzjoni soċjali, b'attenzjoni partikolari għall-impatt soċjali u ambjentali;

(bb)  il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jagħti evidenza pubblika u jiżgura trasparenza u aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar kull operazzjoni ta' finanzjament u ta' investiment;

(bc)  fejn ikun rilevanti, il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jimmaniġġja strumenti finanzjarji, filwaqt li titqies l-esperjenza tal-passat ma' strumenti finanzjarji u awtoritajiet ta' ġestjoni msemmija fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23).

4.  Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jintgħażlu bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu u fit-tieni subparagrafu u tal-Artikolu 14(1).

Artikolu 13

Tipi eliġibbli ta' finanzjament

1.  Il-garanzija tal-UE tista' tintuża għall-kopertura tar-riskji għat-tipi ta' finanzjament li ġejjin ipprovduti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni:

(a)  self, garanziji, kontrogaranziji, strumenti tas-suq tal-kapital, kwalunkwe forma oħra ta' finanzjament jew tisħiħ fil-kreditu, inkluż dejn subordinat, jew parteċipazzjonijiet f'ekwità jew kważi ekwità, pprovduti direttament jew indirettament permezz ta' intermedjarji finanzjarji, fondi, pjattaformi tal-investiment jew mezzi oħra li jkunu se jiġu mgħoddija lil riċevituri finali;

(b)  finanzjament jew garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja oħra li tippermetti lil dan tal-aħħar li jwettaq attivitajiet ta' finanzjament imsemmija fil-punt (a).

Sabiex jiġi kopert mill-garanzija tal-UE, il-finanzjament imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jingħata, jinkiseb jew jinħareġ għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet ta' finanzjament jew ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), fejn il-finanzjament mis-sieħeb ta' implimentazzjoni jkun ingħata f'konformità ma' ftehim jew tranżazzjoni ta' finanzjament iffirmati jew sottoskritti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni wara li jiġi ffirmat il-ftehim ta' garanzija bejn il-Kummissjoni u s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u li ma jkunx skada jew ġie kkanċellat.

2.  L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment permezz ta' fondi jew strutturi intermedjarji simili oħra għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tal-investiment anki jekk tali struttura tinvesti minoranza tal-ammonti investiti tagħha barra l-Unjoni u fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 11(2) jew f'assi għajr dawk eliġibbli skont dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Ftehim ta' garanzija

1.  Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' garanzija ma' kull sieħeb ta' implimentazzjoni dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE, b'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament sa ammont li jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni.

F'każ li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jiffurmaw grupp imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), għandu jiġi konkluż ftehim ta' garanzija uniku bejn il-Kummissjoni u kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-grupp jew ma' sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni wieħed f'isem il-grupp.

2.  Il-ftehimiet ta' garanzija għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet rigward:

(a)  l-ammont u t-termini tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi pprovduta mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(b)  it-termini tal-finanzjament jew tal-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil entità legali oħra li tipparteċipa fl-implimentazzjoni, kull meta dan ikun il-każ;

(c)  f'konformità mal-Artikolu 16, regoli dettaljati dwar il-provvediment tal-garanzija tal-UE, inkluża l-kopertura ta' portafolli ta' tipi speċifiċi ta' strumenti u l-avvenimenti rispettivi li joħolqu sejħiet possibbli għall-garanzija tal-UE;

(d)  ir-rimunerazzjoni għat-teħid tar-riskji li għandha tiġi allokata fi proporzjon mas-sehem rispettiv fit-teħid tar-riskji tal-Unjoni u s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(e)  il-kundizzjonijiet tal-ħlas;

(f)  l-impenn tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jaċċetta d-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tal-Investiment fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE għall-benefiċċju ta' operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment li tiġi proposta, mingħajr preġudizzju għat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni dwar l-operazzjoni mingħajr il-garanzija tal-UE;

(g)  dispożizzjonijiet u proċeduri relatati mal-irkupru ta' pretensjonijiet li għandhom jiġu fdati lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(h)  ir-rappurtar finanzjarju u operattiv u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet taħt il-garanzija tal-UE;

(i)  indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE, it-twettiq tal-għanijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3, 7 u 11 kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat;

(j)  fejn applikabbli, dispożizzjonijiet u proċeduri relatati ma' operazzjonijiet ta' taħlit;

(k)  dispożizzjonijiet rilevanti oħra f'konformità mar-rekwiżiti tat-[Titolu X] tar-[Regolament Finanzjarju].

3.  Ftehim ta' garanzija għandu wkoll jipprovdi li r-remunerazzjoni attribwibbli lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta wara t-tnaqqis ta' pagamenti dovuti fir-rigward ta' sejħiet fuq il-garanzija tal-UE.

4.  Barra minn hekk, ftehim ta' garanzija għandu jipprovdi li kull ammont dovut lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat mal-garanzija tal-UE għandu jitnaqqas mill-ammont globali tar-rimunerazzjoni, tad-dħul u tal-ħlasijiet lura dovuti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan Regolament. Meta dan l-ammont ma jkunx suffiċjenti biex ikopri l-ammont dovut lil sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 15(3), l-ammont pendenti għandu jittieħed mill-proviżjonament tal-garanzija tal-UE.

5.  Fejn il-ftehim ta' garanzija jiġi konkluż taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, dan jista' jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti mill-Istat Membru jew mir-reġjuni kkonċernati fil-monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' garanzija.

Artikolu 15

Rekwiżiti għall-użu tal-garanzija tal-UE

1.  L-għoti tal-garanzija tal-UE għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' garanzija mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni rilevanti.

2.  L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE biss fejn jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-linji gwida tal-investiment rilevanti u fejn l-Kumitat tal-Investiment ikun ikkonkluda li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ma' dan ir-Regolament u mal-linji gwida ta' investiment rilevanti.

3.  Ebda nefqa amministrattiva jew tariffa relatata mal-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt il-garanzija tal-UE ma għandha tkun dovuta lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni mill-Kummissjoni, sakemm in-natura tal-għanijiet ta' politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkollu jiġi implimentat tkun tippermetti lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni juri l-ħtieġa li ssir eċċezzjoni. Il-kopertura ta' dawn l-ispejjeż għandha tiġi stabbilita fil-ftehim ta' garanzija u għandha tkun konformi mal-[Artikolu 209(2)(g)] tar-[Regolament Finanzjarju].

4.  Barra minn hekk, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista' juża l-garanzija tal-UE biex jissodisfa s-sehem rilevanti minn kwalunkwe spiża ta' rkupru, sakemm dan ma jitnaqqasx mid-dħul mill-irkupru, skont l-Artikolu 14(4).

Artikolu 16

Il-kopertura u t-termini tal-garanzija tal-UE

1.  Ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji għandha tiġi allokata bejn l-Unjoni u s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fi proporzjon mas-sehem rispettiv tagħhom fit-teħid tar-riskji ta' portafoll ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jew, fejn ikun rilevanti, ta' operazzjonijiet individwali u għandha tkun esklussivament relatata mal-karatteristiċi u l-profil tar-riskju tal-operazzjonijiet sottostanti. Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jkollu skopertura xierqa għar-riskji tiegħu stess għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati mill-garanzija tal-UE, sakemm eċċezzjonalment l-għanijiet tal-politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkollu jiġi implimentat ikunu ta' tali natura li s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkunx jista' jikkontribwixxi b'mod raġonevoli l-kapaċità ta' rfigħ tar-riskji fiha.

2.  Il-garanzija tal-UE għandha tkopri:

(a)  prodotti tad-dejn imsemmija fl-Artikolu 13(1)(a):

(i)  il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni iżda mhux riċevuti f'konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta' finanzjament sal-avveniment ta' inadempjenza; id-dejn subordinat, id-differiment, ir-ribass jew iċ-ċessjoni mitluba għandhom jitqiesu bħala każ ta' inadempjenza;

(ii)  it-telf fuq ir-ristrutturar;

(iii)  it-telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta' muniti barra mill-euro fi swieq fejn il-possibilitajiet għall-iħħeġġjar fit-tul ikunu limitati;

(b)  investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità msemmija fl-Artikolu 13(1)(a), l-ammonti investiti u l-ispejjeż tal-finanzjament assoċjati tagħhom u telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta' muniti barra mill-euro;

(c)  finanzjament jew garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil entità legali oħra msemmija fl-Artikolu 13(1)(b), l-ammonti użati u l-ispejjeż tal-finanzjament assoċjati magħhom.

3.  Fejn l-Unjoni tagħmel pagament lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fuq sejħa fuq il-garanzija tal-UE, dan għandu jiġi surrogat fid-drittijiet rilevanti, safejn jibqgħu jeżistu, tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat ma' kwalunkwe operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment koperta mill-garanzija tal-UE.

Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu, f'isem l-Unjoni, isegwi l-irkupru ta' pretensjonijiet għall-ammonti surrogati u jirrimborża lill-Unjoni mis-somom irkuprati.

KAPITOLU IV

GOVERNANZA

Artikolu 16a

Bord ta' Tmexxija

1.  Il-Fond InvestEU għandu jkun irregolat minn Bord ta' Tmexxija li, għall-fini tal-użu tal-garanzija tal-UE, għandu jiddetermina, f'konformità mal-għanijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3:

(a)  l-orjentazzjoni strateġika tal-Fond InvestEU;

(b)  il-politiki u l-proċeduri operattivi meħtieġa għall-funzjonament tal-Fond InvestEU;

(c)  ir-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet bi pjattaformi ta' investiment.

2.  Il-Bord ta' Tmexxija għandu:

(a)  jinkludi sitt membri kif ġej:

(i)  tliet membri maħtura mill-Kummissjoni;

(ii)  membru maħtur mill-Grupp tal-BEI;

(iii)  membru wieħed maħtur mill-Bord Konsultattiv minn fost ir-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni; dak il-membru ma għandux ikun rappreżentant tal-Grupp tal-BEI;

(iv)  espert wieħed maħtur mill-Parlament Ewropew. Dak l-espert ma għandux ifittex jew isegwi struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor u għandu jaġixxi b'indipendenza sħiħa. L-espert għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod imparzjali u fl-interess tal-Fond InvestEU;

(b)  jeleġġi President fost it-tliet Membri maħtura mill-Kummissjoni għal terminu fiss ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba;

(c)  jiddiskuti u jqis kemm jista' jkun il-pożizzjonijiet tal-membri kollha. Jekk il-membri ma jistgħux jikkonverġu fil-pożizzjonijiet tagħhom, il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija għandhom iqisu b'mod sostantiv il-pożizzjonijiet tal-membri kollha.

3.  Il-Bord ta' Tmexxija għandu jipproponi lill-Kummissjoni modifiki għad-distribuzzjoni tal-ammonti msemmija fl-Anness I.

4.  Il-Bord ta' Tmexxija għandu jorganizza b'mod regolari konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b'mod partikolari l-koinvestituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-esperti, l-istituzzjonijiet edukattivi, ta' taħriġ u riċerka, l-organizzazzjonijiet filantropiċi, is-sħab soċjali rilevanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, dwar l-orjentazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ta' investiment mwettqa skont dan ir-Regolament.

5.  Il-minuti ddettaljati tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara li jiġu approvati mill-Bord ta' Tmexxija.

Artikolu 17

Il-Bord Konsultattiv

1.  Il-Kummissjoni u l-Bord ta' Tmexxija għandhom ikunu megħjuna minn bord konsultattiv ▌.

1a.  Il-bord konsultattiv għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura bilanċ bejn il-ġeneri u għandu jinkludi:

(a)  rappreżentant wieħed minn kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;

(b)  rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru;

(c)  rappreżentant wieħed mill-Grupp tal-BEI;

(d)  rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni;

(e)  espert wieħed għal kull sezzjoni ta' politika, maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

(f)  espert wieħed maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni.

2.  ▌

3.  ▌

4.  Il-laqgħa tal-bord konsultattiv ▌għandha tkun ippreseduta minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Grupp tal-BEI għandu jkun il-Viċi President.

Il-bord konsultattiv għandu jiltaqa' regolarment u mill-inqas darbtejn fis-sena fuq talba tal-President. ▌

Il-minuti ddettaljati tal-laqgħat tal-Bord Konsultattiv għandhom jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara li jiġu approvati mill-Bord Konsultattiv.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri operattivi u tamministra s-segretarjat tal-bord konsultattiv.

5.  Il-bord konsultattiv għandu:

(a)   jipprovdi pariri dwar it-tfassil ta' prodotti finanzjarji li għandhom jiġu implimentati skont dan ir-Regolament;

(b)   jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-fallimenti tas-suq u dwar is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u l-kundizzjonijiet tas-suq;

(c)   jinforma lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU taħt kull sezzjoni ta' politika;

(d)   jiskambja opinjonijiet mal-Istati Membri rigward żviluppi tas-suq u jaqsam l-aħjar prattiċi.

Artikolu 17a

Metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju. Din il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju għandha tiġi żviluppata f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni u għandha tinkludi:

(a)  klassifikazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju, biex jiġi żgurat trattament konsistenti u standard tal-operazzjonijiet kollha indipendenti mill-istituzzjoni intermedjarja;

(b)  metodoloġija biex jiġi vvalutat il-valur f'riskju u l-probabbiltà ta' inadempjenza bbażata fuq metodi statistiċi ċari, inklużi kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG);

(c)  metodu biex tiġi vvalutata l-iskopertura fl-inadempjenza u t-telf fil-każ ta' inadempjenza, billi jitqiesu l-valur tal-finanzjament, ir-riskju tal-proġett, it-termini tal-ħlas lura, il-kollateral, u indikaturi rilevanti oħra.

Artikolu 17b

Tabella ta' valutazzjoni

1.  Tabella ta' valutazzjoni fir-rigward tal-indikaturi ("it-Tabella ta' valutazzjoni") għandha tintuża minn kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni biex jevalwa l-kwalità u s-solidità tal-investimenti potenzjalment appoġġati mill-garanzija tal-UE. It-tabella ta' valutazzjoni għandha tiżgura valutazzjoni indipendenti, trasparenti u armonizzata tal-użu potenzjali u attwali tal-garanzija tal-UE.

2.  Kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jimla t-tabella ta' valutazzjoni dwar l-operazzjonijiet proposti ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu. Jekk l-operazzjoni ta' investiment tkun proposta minn bosta sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, it-tabella ta' valutazzjoni għandha timtela b'mod konġunt mid-diversi sħab inkarigati mill-implimentazzjoni involuti.

3.  It-tabella ta' valutazzjoni għandha, b'mod partikolari, tinkludi valutazzjoni ta':

(a)  il-profil tar-riskju tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment proposti kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 17a;

(b)  il-benefiċċju għar-riċevituri finali;

(c)  il-konformità mal-impenji tal-Unjoni dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

(d)  ir-rispett tal-kriterji ta' eliġibbiltà;

(e)  il-kwalità u l-kontribut tal-operazzjoni ta' investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg;

(f)  il-kontribut tal-operazzjoni ta' investiment għat-twettiq tal-għanijiet tal-Programm InvestEU;

(g)  il-kontribuzzjoni teknika u finanzjarja għall-proġett;

(h)  jekk l-operazzjoni proposta tindirizzax il-fallimenti tas-suq jew l-operazzjonijiet ta' investiment subottimali identifikati.

4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli dettaljati għat-tabella ta' valutazzjoni biex jintużaw mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

5.  Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tipprovdi assistenza lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni fl-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju u fil-kumpilazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni. Huma għandhom jiżguraw li l-metodoloġija tal-punteġġi tiġi applikata kif suppost u li t-tabelli ta' valutazzjoni ppreżentati lill-Kumitat tal-Investiment ikunu ta' kwalità għolja.

Artikolu 18

Artikolu 19

Il-Kumitat tal-Investiment

1.  Għandu jiġi stabbilit Kumitat tal-Investiment għalkollox indipendenti. Huwa għandu:

(a)  jeżamina l-proposti għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment ippreżentati minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal kopertura taħt il-garanzija tal-UE, li għaddew minn kontroll tal-konformità mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni mwettaq mill-Kummissjoni;

(b)  jivverifika l-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u mal-linji gwida ta' investiment rilevanti, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari għar-rekwiżit ta' addizzjonalità msemmi fl-Artikolu 7a ta' dan ir-Regolament u l-ħtieġa, fejn xieraq, li jiġi attratt l-investiment privat imsemmi fl-[Artikolu 209(2)(d)] tar-[Regolament Finanzjarju]; kif ukoll

(c)  jivverifika jekk l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jitressqu biex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE jikkonformawx mar-rekwiżiti rilevanti kollha.

2.  Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiltaqa' f'erba' konfigurazzjonijiet differenti, li jikkorrispondu mas-sezzjonijiet ta' politika msemmija fl-Artikolu 7(1).

Kull konfigurazzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tkun magħmula minn sitt esperti esterni rimunerati. L-esperti għandhom jintgħażlu f'konformità mal-[Artikolu 237] tar-[Regolament Finanzjarju] u jinħatru mill-Kummissjoni għal terminu fiss li ma jaqbiżx l-erba' snin. It-terminu tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded iżda b'kollox ma għandux jaqbeż is-seba' snin. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jġedded il-mandat ta' membru stabbilit tal-Kumitat tal-Investiment mingħajr ma juża l-proċedura stabbilita f'dan il-paragrafu.

L-esperti għandu jkollhom livell għoli ta' esperjenza rilevanti fis-suq fl-istrutturar u fil-finanzjament tal-proġetti jew fil-finanzjament ta' SMEs jew ta' korporazzjonijiet.

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tiżgura li jkollu għarfien wiesa' tas-setturi koperti mis-sezzjonijiet ta' politika msemmija fl-Artikolu 7(1) u tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni u li kumplessivament ikollu bilanċ bejn il-ġeneri.

Erba' membri għandhom ikunu membri permanenti tal-erba' konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment. Barra minn hekk, l-erba' konfigurazzjonijiet għandu jkollhom żewġ esperti kull wieħed b'esperjenza fl-investiment fis-setturi koperti minn dik is-sezzjoni ta' politika. Mill-inqas wieħed mill-membri permanenti għandu jkollu kompetenza fl-investiment sostenibbli. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jassenja l-membri tal-Kumitat tal-Investiment għall-konfigurazzjoni jew konfigurazzjonijiet xierqa tiegħu. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jaħtar president minn fost il-membri permanenti tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ta' proċedura u tospita s-segretarjat għall-Kumitat tal-Investiment. Is-Segretarjat għandu jappoġġa wkoll lill-Bord ta' Tmexxija.

3.  Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat tal-Investiment, il-membri tiegħu għandhom iwettqu d-doveri tagħhom imparzjalment u fl-interess uniku tal-Fond InvestEU. Huma ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-Istati Membri, jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

Is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu ppubblikati u aġġornati kostantement. Kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandu jikkomunika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jibqa' jiġi vverifikat fuq bażi kontinwa li ma jkun hemm ebda kunflitt ta' interessi.

Il-Bord ta' Tmexxija jista' jneħħi membru mill-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jekk hu jew hi ma jirrispettax ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-paragrafu jew minħabba raġunijiet oħra debitament ġustifikati.

4.  Meta jaġixxi skont dan l-Artikolu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun appoġġat minn segretarjat ospitat mill-Kummissjoni u responsabbli għall-president tal-Kumitat tal-Investiment. Is-segretarjat għandu jivverifika l-kompletezza tad-dokumentazzjoni pprovduta mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li tinvolvi formola ta' talba standardizzata, it-tabella ta' valutazzjoni u kull dokument ieħor li l-Kumitat tal-Investiment iqis rilevanti. Il-Kumitat tal-Investiment jista' jfittex kjarifiki mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni matul il-laqgħat tiegħu jew billi jitlob li tiġi ppreżentata informazzjoni addizzjonali għal laqgħa sussegwenti. Kwalunkwe valutazzjoni tal-proġett imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kumitat tal-Investiment għall-finijiet ta' operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment li tibbenefika mill-kopertura mill-garanzija tal-UE.

Il-Kumitat tal-Investiment għandu juża fil-valutazzjoni u l-verifika tiegħu tal-proposti tabella ta' valutazzjoni fir-rigward tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 17b.

5.  Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi mill-membri tiegħu, fejn tali maġġoranza sempliċi tinkludi mill-anqas wieħed mill-esperti. F'każ ta' parità, il-President tal-Kumitat tal-Investiment ikollu l-vot deċiżiv.

Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment li japprovaw l-appoġġ tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku u għandhom jinkludu r-raġuni għall-approvazzjoni. Għandhom jirreferu wkoll għall-valutazzjoni globali li toħroġ mit-tabella ta' valutazzjoni. Fejn applikabbli, il-Kumitat tal-Investiment għandu jinkludi fil-lista tal-konklużjonijiet li japprovaw l-appoġġ tal-informazzjoni tal-garanzija tal-UE dwar l-operazzjonijiet, b'mod partikolari d-deskrizzjoni tagħhom, l-identità tal-promoturi jew intermedjarji finanzjarji u l-għanijiet tal-proġett. Il-pubblikazzjoni ma għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Fil-każ ta' deċiżjonijiet kummerċjalment sensittivi, il-Kumitat tal-Investiment għandu jippubblika dawn id-deċiżjonijiet u informazzjoni dwar promoturi jew intermedjarji finanzjarji fid-data tal-għeluq tal-finanzjament rilevanti jew f'data aktar kmieni meta tintemm is-sensittività kummerċjali.

It-tabella ta' valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku qabel l-iffirmar ta' operazzjoni jew sottoproġett ta' finanzjament jew ta' investiment ▌. Il-pubblikazzjoni ma għandhiex ikun fiha informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew data personali li ma għandhiex tiġi żvelata skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Darbtejn fis-sena, ▌il-Kumitat tal-Investiment ▌għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista tal-konklużjonijiet kollha kif ukoll it-tabelli ta' valutazzjoni relatati ma' dawk id-deċiżjonijiet kollha. Dik is-sottomissjoni għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.

Konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment li jirrifjutaw l-użu tal-garanzija tal-UE għandhom ikunu disponibbli fil-ħin lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ikkonċernat.

6.  Fejn il-Kumitat tal-Investiment jintalab japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta' finanzjament jew investiment li tkun faċilità, programm jew struttura b'sottoproġetti sottostanti, dik l-approvazzjoni għandha tinkludi s-sottoproġetti sottostanti, sakemm il-Kumitat tal-Investiment, f'każijiet debitament ġustifikati, ma jiddeċidix li jżomm id-dritt li japprovahom separatament.

6a.  Il-Kumitat tal-Investiment jista', meta jqis li jkun meħtieġ, jissottometti lill-Kummissjoni proposti għal emendi tal-linji gwida dwar l-investiment.

KAPITOLU V

Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU

Artikolu 20

Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU

1.  Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jipprovdi appoġġ konsultattiv għall-identifikazzjoni, għat-tħejjija, għall-iżvilupp, għall-istrutturar, għall-akkwist u għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment, jew itejjeb il-kapaċità ta' promoturi u intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment. L-appoġġ tiegħu jista' jkopri kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett jew ta' finanzjament ta' entità appoġġata, kif xieraq.

Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehimiet mal-Grupp tal-BEI u ma' sħab ta' implimentazzjoni oħra sabiex tinnominahom bħala msieħba tal-Konsulenza u tiċċarġjahom bl-għoti ta' appoġġ konsultattiv, kif imsemmi fis-subparagrafu preċedenti, u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-punt ta' aċċess uniku għaċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU u talloka t-talbiet għal appoġġ konsultattiv għas-sieħeb xieraq taċ-Ċentru ta' Konsulenza. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u s-sħab implimentattivi l-oħra għandhom jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ madwar l-Unjoni, filwaqt li jqisu l-istrutturi u x-xogħol eżistenti.

Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkun disponibbli bħala komponent taħt kull sezzjoni ta' politika msemmija fl-Artikolu 7(1) u jkopri s-setturi kollha ta' dik is-sezzjoni. Barra minn hekk, servizzi konsultattivi transsettorjali u li jibnu l-kapaċità għandhom ikunu disponibbli.

2.  Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu b'mod partikolari jipprovdi s-servizzi li ġejjin:

(a)  jipprovdi punt ta' dħul uniku għall-għajnuna rigward l-iżvilupp tal-proġetti lill-awtoritajiet u lill-promoturi tal-proġetti għal programmi tal-Unjoni mmaniġġati ċentralment;

(aa)  tixrid lill-awtoritajiet u lill-promoturi tal-proġetti tal-informazzjoni addizzjonali disponibbli kollha li tirrigwarda l-linji gwida dwar l-investiment u l-interpretazzjoni ta' dawk il-linji gwida.

(b)  jgħin lill-promoturi tal-proġetti, fejn xieraq, fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom sabiex jissodisfaw l-għanijiet u l-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 3, 7 u 11 u jiffaċilita l-iżvilupp ta' aggregaturi għal proġetti fuq skala żgħira; madankollu, din l-għajnuna ma tippreġudikax il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment dwar il-kopertura tal-appoġġ tal-garanzija tal-UE għal tali proġetti;

(ba)  juża l-potenzjal li jattira u jiffinanzja proġetti fuq skala żgħira, inkluż permezz ta' pjattaformi ta' investiment;

(c)  jappoġġa l-azzjonijiet u jqawwi l-għarfien lokali biex jiffaċilita l-użu tal-appoġġ tal-Fond InvestEU madwar l-Unjoni u jikkontribwixxi b'mod attiv fejn possibbli għall-għan tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-Fond InvestEU billi jappoġġa s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex joriġinaw u jiżviluppaw operazzjonijiet potenzjali ta' finanzjament u ta' investiment;

(d)  jiffaċilita l-istabbiliment ta' pjattaformi kollaborattivi għal skambju bejn il-pari u għal skambju ta' data, ta' kompetenzi u tal-aħjar prattiki biex jappoġġa r-riżerva tal-proġetti u l-iżvilupp tas-settur, inkluż l-għoti ta' għajnuna biex tiġi promossa l-kollaborazzjoni bejn, min-naħa l-waħda, l-organizzazzjonijiet filantropiċi u, min-naħa l-oħra, investituri potenzjali oħra u promoturi ta' proġetti, b'mod partikolari fir-rigward tat-tieqa tal-politika dwar l-investiment soċjali u l-ħiliet;

(e)  jipprovdi appoġġ konsultattiv proattiv dwar l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment, b'mod partikolari pjattaformi ta' investiment transfruntiera u makroreġjonali kif ukoll pjattaformi li jaggruppaw flimkien proġetti ta' daqs żgħir u medju fi Stat Membru wieħed jew aktar skont it-tema jew skont ir-reġjun;

(ea)   jiffaċilita u jappoġġa l-użu ta' blending permezz ta' għotjiet jew strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn sorsi oħra sabiex jissaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni u jiġu mmassimizzati l-ingranaġġ u l-impatt tal-Programm InvestEU;

(f)  jappoġġa azzjonijiet għall-bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati kapaċitajiet, ħiliet u proċessi organizzattivi u biex tiġi aċċellerata l-prontezza għall-investiment tal-organizzazzjonijiet sabiex il-promoturi u l-awtoritajiet jibnu riżervi ta' proġetti ta' investiment, jiżviluppaw strumenti finanzjarji u pjattaformi ta' investiment, u jimmaniġġjaw proġetti u sabiex l-intermedjarji finanzjarji jimplimentaw operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment għall-benefiċċju ta' entitajiet li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzi, inkluż permezz ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' kapaċità ta' valutazzjoni tar-riskji jew ta' għarfien speċifiku għas-settur, b'enfasi partikolari fuq is-setturi kulturali u kreattivi.

(fa)  jipprovdi appoġġ konsultattiv proattiv għan-negozji ġodda, speċjalment meta jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta' innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titli ta' proprjetà intellettwali, bħal privattivi.

3.  Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkun disponibbli għal promoturi ta' proġetti pubbliċi u privati, inklużi banek promozzjonali nazzjonali, pjattaformi ta' investiment, SMEs u negozji ġodda, għal awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għal intermedjarji finanzjarji u intermedjarji oħrajn.

4.  Jistgħu jitħallsu tariffi għas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 biex ikopru parti mill-ispejjeż fuq il-provvista ta' dawk is-servizzi, ħlief għal servizzi pprovduti lil promoturi ta' proġetti pubbliċi u lil istituzzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li għandhom ikunu mingħajr ħlas. It-tariffi għas-servizzi lil SMEs imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu limitati għal terz tal-ispiża tal-provvista ta' dawk is-servizzi.

5.  Sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1 u biex tiġi ffaċilitata l-provvista ta' appoġġ konsultattiv, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jibni fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-BEI u tas-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni.

6.  Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkollu preżenza lokali, fejn meħtieġ. Din għandha tiġi stabbilita b'mod partikolari fi Stati Membri jew f'reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-iżvilupp ta' proġetti taħt il-Fond InvestEU. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jgħin fit-trasferiment ta' għarfien fil-livell reġjonali u lokali bil-għan li jissaħħu l-kapaċità u l-għarfien espert reġjonali u lokali għall-appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, u biex jiġu implimentati u akkomodati proġetti żgħar.

6a.  Sabiex jipprovdi l-appoġġ konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 1 u biex jiffaċilita l-għoti ta' dak l-appoġġ konsultattiv fil-livell lokali, iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU għandu jikkoopera u jibbenefika mill-għarfien espert tal-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn, min-naħa waħda, iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU u, min-naħa l-oħra, bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali, jistgħu jieħdu l-forma ta' sħubija kuntrattwali. Iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU għandu jipprova jikkonkludi mill-inqas ftehim ta' kooperazzjoni wieħed ma' bank jew istituzzjoni nazzjonali promozzjonali għal kull Stat Membru. Fi Stati Membri fejn il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali ma jeżistux, iċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU għandu jipprovdi, fejn xieraq, u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, appoġġ konsultattiv proattiv dwar l-istabbiliment ta' tali bank jew istituzzjoni.

7.  Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipproponu lill-promoturi tal-proġetti li japplikaw għal finanzjament, inklużi b'mod partikolari l-proġetti fuq skala iżgħar, biex jitolbu l-appoġġ taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU sabiex itejbu, fejn xieraq, it-tħejjija tal-proġetti tagħhom u biex tkun tista' ssir il-valutazzjoni tal-possibbiltà tar-raggruppament tal-proġetti.

Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom ukoll jinfurmaw lill-promoturi, fejn rilevanti, dwar il-possibbiltà li jelenkaw il-proġetti tagħhom fuq il-Portal tal-InvestEU msemmi fl-Artikolu 21.

KAPITOLU VI

Artikolu 21

Il-Portal tal-InvestEU

1.  Il-Portal tal-InvestEU għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. Dan għandu jkun bażi ta' data aċċessibbli faċilment u faċli biex tintuża, li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar kull proġett.

2.  Il-Portal tal-InvestEU għandu jipprovdi kanal għal promoturi ta' proġetti biex iressqu l-proġetti tagħhom li għalihom huma jkunu qegħdin ifittxu finanzjament viżibbli u b'hekk jipprovdi informazzjoni dwarhom lill-investituri. L-inklużjoni ta' proġetti fil-Portal tal-InvestEU għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali magħżula għas-sostenn skont dan ir-Regolament, skont kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni, jew għall-finanzjament pubbliku.

3.  Il-proġetti li jkunu kompatibbli mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni biss għandhom jiġu elenkati fil-Portal.

4.  Proġetti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom jiġu trażmessi mill-Kummissjoni lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni rilevanti, u liċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU, kif xieraq.

5.  Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jeżaminaw proġetti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku u tal-attività tagħhom.

KAPITOLU VII

L-OBBLIGU TA' RENDIKONT, il-monitoraġġ u r-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-kontrolli

Artikolu 21a

Obbligu ta' rendikont

1.  Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta' Tmexxija għandu jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Fond tal-InvestEU lill-istituzzjoni rikjedenti, inkluż billi jipparteċipa f'seduta quddiem il-Parlament Ewropew.

2.  Il-President tal-Bord ta' Tmexxija għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għal mistoqsijiet indirizzati lill-Fond tal-InvestEU mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, fi kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat mid-data tal-wasla ta' mistoqsija.

3.  Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Monitoraġġ u rappurtar

1.  L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU lejn l-ilħuq tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

2.  Biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm InvestEU biex jikseb l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex temenda l-Anness III ta' dan ir-Regolament biex tirrevedi jew tikkomplementa l-indikaturi fejn jitqies neċessarju u biex tissuplimenta dan ir-Regolament b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni.

3.  Is-sistema ta' rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv u f'waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonat fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u fuq parteċipanti oħra tal-fondi tal-Unjoni, kif ikun xieraq.

4.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU skont l-[Artikoli 241 u 250] tar-[Regolament Finanzjarju]. Għal dan il-għan, il-Grupp tal-BEI u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu kull sena l-informazzjoni meħtieġa, inkluża dik dwar il-funzjonament tal-garanzija, biex tippermetti li l-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligi ta' rappurtar tagħha.

5.  Barra minn hekk, kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jissottometti rapport kull sitt xhur lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, imqassam skont il-kompartiment tal-UE u l-kompartiment tal-Istat Membru, kif xieraq. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll data operazzjonali, statistika, finanzjarja u ta' kontabilità, sa fejn ikun l-aktar possibbli filwaqt li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privata u kummerċjalment sensittiva, dwar kull operazzjoni ta' finanzjament u ta' investiment u fil-livell tal-kompartiment, tas-sezzjoni ta' politika u tal-livell tal-Fond InvestEU. Wieħed minn dawn ir-rapporti għandu jkun fih l-informazzjoni li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu skont l-[Artikolu 155(1)(a)] tar-[Regolament Finanzjarju]. Il-Kummissjoni għandha tikkompila u tivvaluta r-rapporti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u tippreżenta sommarju fil-forma ta' rapporti annwali pubbliċi, li jipprovdu informazzjoni dwar il-livell ta' implimentazzjoni tal-programm skont l-għanijiet u l-indikaturi ta' prestazzjoni tagħha, li jindikaw ir-riskji u l-opportunitajiet għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment appoġġati mill-Programm InvestEU.

Artikolu 23

Evalwazzjoni

1.  L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f'waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.  Sat-30 ta' Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim dwar il-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE.

3.  Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE.

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati bl-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

5.  L-imsieħba għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex twettaq l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

6.  Skont l-[Artikolu 211(1)] tar-[Regolament Finanzjarju], il-Kummissjoni għandha tinkludi kull tliet snin fir-rapport annwali msemmi fl-[Artikolu 250] tar-[Regolament Finanzjarju] rieżami tal-adegwatezza tar-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament apparagun mal-profil tar-riskju attwali tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 sabiex taġġusta, abbażi ta' dak ir-rieżami, ir-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament b'mhux aktar minn 15 %.

Artikolu 24

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-finanzjament tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri flimkien ma' dawk imwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inklużi oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-[Artikolu 127] tar-[Regolament Finanzjarju].

Artikolu 25

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-Programm InvestEU permezz ta' deċiżjoni taħt ftehim internazzjonali jew permezz ta' kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, b'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Artikolu 26

Eżerċizzju ta' delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. L-atti delegati li jikkonċernaw attivitajiet li jitwettqu mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, jew li jinvolvuhom, għandhom jitfasslu fi djalogu mill-qrib ma' dawk is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

2.  Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 4(2), 7(3) u (6), 17a, 17b, 22(2) u 23(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mid-[dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 4(2), 7(3) u (6), 17a, 17b, 22(2) u 23(6) tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti deżinjati minn kull Stat Membru b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(2), 7(3) u (6), 17a, 17b, 22(2) u 23(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU VIII

Trasparenza u viżibilità

Artikolu 27

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata lil diversi udjenzi, inklużi lill-midja u lill-pubbliku, billi jiffokaw ukoll fuq l-impatti soċjali u ambjentali.

2.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm InvestEU, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm InvestEU għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻITORJI

Artikolu 28

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  Id-dħul, il-ħlas lura u l-irkupri minn strumenti finanzjarji stabbiliti mill-programmi msemmija fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament jistgħu jintużaw għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament.

2.  Id-dħul, il-ħlasijiet lura u l-irkupri mill-garanzija tal-UE stabbiliti bir-Regolament (UE) 2015/1017 jistgħu jintużaw għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, sakemm ma jintużawx għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 9 u 12 tar-Regolament (UE) 2015/1017.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Ammonti għal kull objettiv speċifiku

Id-distribuzzjoni▌msemmija fl-Artikolu 4(2) b'risq operazzjonijiet finanzjarji u ta' investiment għandha tkun kif ġej:

(a)  ▌EUR 11 500 000 000 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2);

(b)  ▌EUR 11 250 000 000 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2);

(c)  ▌EUR 12 500 000 000 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2);

(d)  ▌EUR 5 567 500 000 għall-għanijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2).

ANNESS II

Oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment jistgħu jaqgħu taħt qasam wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

1.  L-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f'konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-impenji li saru taħt l-Aġenda 2030 u tal-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari permezz ta':

(a)  l-espansjoni tal-ġenerazzjoni, l-aċċelerazzjoni tal-iskjerament, tal-provvista jew l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli nadifa u sostenibbli;

(b)  l-effiċjenza fl-enerġija, it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija (b'enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda permezz ta' ġestjoni tad-domanda u r-rinnovazzjoni tal-bini);

(c)  l-iżvilupp, l-istallazzjoni ta' sistemi intelliġenti, u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli (fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, it-teknoloġiji tal-ħżin u l-grilji intelliġenti); u ż-żieda fil-livell ta' interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Istati Membri;

(d)  il-produzzjoni u l-provvista ta' fjuwils sintetiċi sostenibbli minn sorsi rinnovabbli/mingħajr emissjonijiet ta' karbonju u fjuwils alternattivi, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-[Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE];

(e)  infrastruttura għall-ġbir tal-karbonju, u għall-ħżin tal-karbonju fi proċessi industrijali, impjanti tal-bijoenerġija u faċilitajiet tal-manifattura lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija.

2.  L-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' mobilità u infrastrutturi tat-trasport sostenibbli u sikuri, u ta' tagħmir u teknoloġiji innovattivi f'konformità mal-prijoritajiet tat-trasport tal-Unjoni u l-impenji li saru taħt il-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari permezz ta':

(a)  proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura TEN-T, inklużi n-nodi urbani u l-portijiet marittimi u interni tagħha, l-ajruporti tagħha, it-terminals multimodali tagħha u l-konnessjoni tagħhom man-netwerks prinċipali, u l-applikazzjonijiet telematiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

(aa)  proġetti infrastrutturali tat-TEN-T li jipprevedu l-użu ta' mill-inqas żewġ modi tat-trasport differenti, b'mod partikolari terminals tat-trasport tal-merkanzija multimodali u ċentri tat-trasport tal-passiġġieri;

(b)  proġetti ta' mobilità urbana intelliġenti u sostenibbli, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport bl-ajru (li jindirizzaw mezzi ta' trasport urban b'emissjonijiet baxxi, l-aċċessibbiltà mhux diskriminatorja, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju, il-konsum tal-enerġija u t-tisħiħ tas-sikurezza, inkluż għaċ-ċiklisti u l-persuni bil-mixi);

(c)  l-appoġġ għat-tiġdid u l-modifiki retrospettivi ta' assi mobbli tat-trasport bil-għan li jiġu skjerati soluzzjonijiet ta' mobilità b'emissjonijiet baxxi, inkluż l-użu ta' fjuwils alternattivi u fjuwils sintetiċi minn sorsi rinnovabbli/newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju fil-vetturi tal-mezzi kollha tat-trasport;

(d)  infrastruttura ferrovjarja, proġetti ferrovjarji oħra, infrastrutturi tal-ilmijiet interni u portijiet marittimi u awtostradi tal-baħar;

(e)  infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għall-mezzi kollha tat-trasport, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku;

(ea)  proġetti ta' mobilità intelliġenti u sostenibbli, li jkollhom fil-mira:

(i)  is-sikurezza fit-toroq (inkluż it-titjib tas-sikurezza tas-sewwieq u tal-passiġġieri u t-tnaqqis tal-għadd ta' inċidenti fatali u ta' persuni li jġarrbu korrimenti serji),

(ii)  l-aċċessibbiltà (inkluż f'żoni rurali),

(iii)  it-tnaqqis tal-emissjonijiet,

(iv)  l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji u servizzi ġodda tat-trasport, b'mod partikolari mill-SMEs u b'rabta ma' mezzi tat-trasport konnessi u awtonomi, kif ukoll ma' sistemi ta' bejgħ ta' biljetti integrati;

(eb)  proġetti għaż-żamma jew it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti, inklużi l-awtostradi fuq it-TEN-T fejn neċessarju għall-ammeljorament, iż-żamma jew it-titjib tas-sikurezza fit-toroq, għall-iżvilupp ta' servizzi tal-ITS jew għall-iżgurar tal-integrità u l-istandards tal-infrastruttura, b'mod partikolari faċilitajiet u żoni ta' parkeġġ sikuri, pompi tal-fjuwils alternattivi u sistemi ta' ċċarġjar bl-elettriku;

(ec)  infrastruttura tat-triq għal trasport fil-pajjiżi tal-koeżjoni, f'reġjuni inqas żviluppati jew fi proġetti ta' trasport transfruntiera.

3.  L-ambjent u r-riżorsi, b'mod partikolari permezz ta':

(a)  l-ilma, inkluża l-provvista u s-sanitazzjoni, u l-infrastruttura tal-kosta u infrastruttura ekoloġika oħra relatata mal-ilma;

(b)  l-infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart;

(c)  proġetti u intrapriżi fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi ambjentali u t-teknoloġija sostenibbli;

(d)  it-titjib u r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom;

(e)  l-iżvilupp u riġenerazzjoni urbani, rurali u kostali sostenibbli;

(f)  azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri naturali, l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

(g)  proġetti u intrapriżi li jimplimentaw l-ekonomija ċirkolari billi jintegraw aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-produzzjoni u fil-ħajja tal-prodott, inkluża l-provvista sostenibbli ta' materja prima u materja prima sekondarja;

(h)  id-dekarbonizzazzjoni u t-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta' industriji intensivi fl-enerġija, inkluż id-dimostrazzjoni fuq skala kbira u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi b'emissjonijiet baxxi.

(ha)  proġetti li jippromwovu l-wirt kulturali sostenibbli, b'mod partikolari strateġiji u strumenti biex jissalvagwardjaw il-wirt kulturali Ewropew, tanġibbli u intanġibbli.

4.  L-iżvilupp ta' infrastruttura ta' konnettività diġitali, b'mod partikolari permezz ta' proġetti li jappoġġaw l-istallazzjoni ta' netwerks diġitali b'kapaċità għolja ħafna, il-konnettività 5G u t-titjib tal-konnettività diġitali u l-aċċess, b'mod partikolari għaż-żoni rurali u r-reġjuni periferiċi.

5.  Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta':

(a)  l-appoġġ għall-infrastruttura tar-riċerka u għall-proġetti ta' innovazzjoni fl-oqsma tematiċi kollha u ddefiniti f'Orizzont Ewropa, u li jikkontribwixxu għall-objettivi tiegħu;

(b)  proġetti korporattivi, li jinkludu taħriġ u promozzjoni tal-ħolqien ta' raggruppamenti u netwerks tan-negozji;

(c)  proġetti u programmi ta' dimostrazzjoni kif ukoll it-tixrid ta' infrastrutturi, teknoloġiji u proċessi relatati;

(d)  proġetti ta' kollaborazzjoni ta' riċerka u innovazzjoni kollaborattiva bejn l-akkademja, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni u l-industrija; sħubijiet pubbliċi-privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(e)  trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;

(f)  prodotti tas-saħħa effettivi u aċċessibbli ġodda, inklużi l-mediċini, l-apparat mediku, id-dijanjostiċi u prodotti mediċinali ta' terapija avvanzata, antimikrobiċi ġodda u proċess ta' żvilupp innovattiv li jevita t-testijiet fuq l-annimali.

6.  L-iżvilupp,▌l-implimentazzjoni u ż-żieda fit-teknoloġiji u servizzi diġitali, b'mod partikolari permezz ta':

(a)  l-intelliġenza artifiċjali f'konformità mal-Programm Ewropa Diġitali, partikolarment fir-rigward tal-etika;

(aa)  it-teknoloġija tal-kwantum;

(b)  ċibersigurtà u infrastrutturi tal-protezzjoni tan-netwerk;

(c)  l-internet tal-oġġetti;

(d)  teknoloġiji tal-blokok ta' transazzjonijiet u teknoloġiji tar-reġistru distribwit oħrajn;

(e)  ħiliet diġitali avvanzati;

(f)  teknoloġiji u servizzi diġitali avvanzati oħrajn li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għall-integrazzjoni tal-ħiliet, is-servizzi u t-teknoloġiji diġitali fis-settur tat-trasport tal-Unjoni;

(fa)  ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni.

7.  Is-sostenn finanzjarju lil entitajiet li ma jimpjegawx iktar minn 3 000 impjegat. It-tieqa għall-SMEs għandha tiffoka biss fuq l-SMEs u fuq kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja żgħar u intrapriżi soċjali li huma SMEs, partikolarment permezz ta':

(a)  l-għoti ta' kapital u investiment operatorji, b'mod partikolari relatati ma' azzjonijiet li jixprunaw kultura u ambjent intraprenditorjali u jippromwovu l-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

(b)  l-għoti ta' finanzjament ta' riskju mill-istadju inizjali sal-espansjoni biex tiġi żgurata l-pożizzjoni ta' tmexxija fis-setturi innovattivi u sostenibbli, inkluż it-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom, u biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tagħhom.

8.  Is-setturi kulturali u kreattivi; il-midja, is-settur awdjoviżiv u l-ġurnaliżmu, b'mod partikolari permezz iżda mhux limitat għal:

(a)  teknoloġiji ġodda bħal teknoloġiji ta' assistenza applikati għal prodotti u servizzi kulturali u kreattivi;

(b)  użu ta' teknoloġiji diġitali għall-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali Ewropew, tanġibbli u intanġibbli;

(c)  industriji u setturi kulturali u kreattivi, pereżempju r-realtà awmentata/ir-realtà virtwali, l-ambjenti immersivi, l-interfaċċi tal-kompjuters umani, il-protokoll tal-internet u l-infrastrutturi cloud, in-netwerks 5G, midja ġdida;

(d)  il-ġestjoni teknoloġika tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

9.  Is-settur tat-turiżmu.

10.  L-agrikultura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura sostenibbli u elementi oħra tal-bijoekonomija sostenibbli inġenerali.

11.  L-investimenti soċjali, fosthom dawk li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari permezz ta':

(a)  il-finanzjament etiku u sostenibbli, il-mikrofinanzjament, il-finanzjament tal-intrapriża soċjali u l-ekonomija soċjali;

(b)  id-domanda u l-provvista tal-ħiliet;

(c)  l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u servizzi relatati;

(d)  l-infrastruttura soċjali, b'mod partikolari

(i)  l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, il-faċilitajiet edukattivi, l-akkomodazzjoni tal-istudenti u t-tagħmir diġitali;

(ii)  akkomodazzjoni soċjali;

(iii)  is-saħħa u l-kura fit-tul, inklużi l-kliniki, l-isptarijiet, il-kura tas-saħħa primarja, is-servizzi fid-djar u l-kura bbażata fil-komunità;

(e)  l-innovazzjoni soċjali, inklużi soluzzjonijiet u skemi soċjali innovattivi bil-mira li jippromwovu impatti u riżultati soċjali fl-oqsma msemmija f'dan il-punt;

(f)  attivitajiet kulturali b'għan soċjali;

(fa)  miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa;

(g)  l-integrazzjoni ta' nies vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi;

(h)  soluzzjonijiet tas-saħħa innovattivi, fosthom is-saħħa elettronika, is-servizzi tas-saħħa u mudelli ġodda tal-kura;

(i)  l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal nies b'diżabilità.

12.  L-iżvilupp tal-industrija tad-difiża, biex b’hekk tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għal:

(a)  il-katina ta’ provvista tad-difiża tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ finanzjarju għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja;

(b)  kumpaniji li jieħdu sehem fi proġetti ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarji fis-settur tad-difiżi u teknoloġiji b'użu doppju relatati mill-qrib;

(c)  il-katina tal-provvista tas-settur tad-difiża matul il-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp kollaborattivi, inklużi dawk appoġġati mill-Fond Ewropew għad-Difiża;

(d)  l-infrastruttura ta' riċerka u taħriġ għad-difiża.

13.  L-ispazju, partikolarment permezz tal-iżvilupp tas-settur spazjali f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Spazjali:

(a)  biex jiġu massimizzati l-benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni;

(b)  biex titrawwem il-kompetittività tas-sistemi u t-teknoloġiji spazjali, billi tiġi indirizzata b'mod partikolari l-indipendenza tal-ktajjen ta' provvista;

(c)  għall-irfid tal-intraprenditorija spazjali, inkluż l-iżvilupp downstream;

(d)  biex titrawwem l-awtonomija tal-Unjoni għall-aċċess sigur għall-ispazju, inklużi aspetti ta' użu doppju.

13a.  Ibħra u Oċeani, permezz tal-iżvilupp ta' Ekonomija Blu sostenibbli f'konformità mal-għanijiet tal-Politika Marittima Integrata partikolarment permezz ta':

(a)  l-intraprenditorija marittima;

(b)  l-industrija marittima innovattiva u kompetittiva;

(c)  il-litteriżmu tal-oċeani u l-karrieri blu;

(d)  l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, partikolarment l-SDG 14 (Il-Ħajja Taħt l-Ilma).

(e)  l-enerġija marittima rinnovabbli u l-ekonomija ċirkolari [Em. 2 u 16/rev]

ANNESS III

Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

1.  Il-volum ta' finanzjament ta' InvestEU (imqassam skont il-punti u s-subpunti tal-oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment kif stabbilit fl-Anness II)

1.1  Volum ta' operazzjonijiet iffirmati

1.2  Investiment immobilizzat

1.3  Ammont ta' finanzjament privat immobilizzat

1.4  L-ingranaġġ u l-effett multiplikatur miksuba

1.4a  Sinerġiji ma' programmi oħra tal-Unjoni

2.  Il-kopertura ġeografika ta' InvestEU (imqassma skont il-punti u s-subpunti tal-oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment kif stabbilit fl-Anness II)

2.1  Għadd ta' pajjiżi koperti mill-proġetti

2.1a  Għadd ta' reġjuni koperti minn proġetti

2.1b  Għadd u volum ta' operazzjonijiet għal kull Stat Membru u għal kull reġjun

3.  L-impatt tal-finanzjament ta' InvestEU

3.1  Għadd ta' impjiegi maħluqa jew appoġġati

3.2  Investiment li jappoġġa objettivi marbutin mal-klima u l-enerġija, u, fejn applikabbli, dettaljati skont is-sezzjoni ta' politika u l-kategorija, kif ukoll is-sehem tar-rilevanza klimatika.

3.3  Investiment li jappoġġa d-diġitalizzazzjoni

3.3a  Investiment li jappoġġa l-għanijiet soċjali

4.  Infrastruttura sostenibbli

4.1  Enerġija: Kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli addizzjonali installata (f'MW) skont is-sors

4.2  Enerġija: Għadd ta' unitajiet domestiċi, għadd ta' bini pubbliku u kummerċjali bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija, inkluż il-grad ta' titjib fil-klassifikazzjoni jew iċ-ċifra ekwivalenti, jew l-għadd ta' unitajiet domestiċi rinnovati skont l-istandards ta' bini b'użu ta' kważi żero enerġija (NZEB) u ta' djar passivi

4.3  Diġitali: Unitajiet domestiċi addizzjonali, kummerċjali u/jew bini pubbliku b'aċċess għall-broadband ta' mill-inqas 100 Mbps, li jista' jiġi aġġornat għal veloċità ta' Gigabits, jew b'għadd ta' hotspots tal-WiFi maħluqa

4.4  Trasport: Investiment immobilizzat f'TEN-T li minnu: ▌

–  netwerk ewlieni u netwerk komprensiv fil-partijiet komponenti identifikati fl-Anness tar-[Regolament Nru XXX, daħħal ir-referenza għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida];

–  infrastruttura multimodali;

–  soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għal taħlita bbilanċjata ta' mezzi ta' trasport, inkluż għal trasport fuq l-ilmijiet interni u bl-ajru;

–  għadd ta' punti użati għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

4.5  Ambjent: Investiment li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi meħtieġa mill-acquis tal-Unjoni relatati mal-kwalità tal-arja, l-ilma, l-iskart, u n-natura.

4.5a  Għadd ta' punti użati għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

4.6  Tnaqqis tal-emissjonijiet: ammont ta' emissjonijiet ta' CO2 imnaqqsa

5.  Riċerka, Innovazzjoni u Diġitalizzazzjoni

5.1  Kontribuzzjoni għall-objettiv ta' 3 % tal-PDG tal-Unjoni investiti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni matul il-programm

5.2  Għadd ta' intrapriżi appoġġati li jagħmlu proġetti ta' riċerka u innovazzjoni matul il-programm

5.2a  Għadd ta' proġetti li qabel kienu jiksbu appoġġ permezz tal-Orizzont Ewropa u/jew il-Programm Ewropa Diġitali

6.  SMEs

6.1  Għadd ta' intrapriżi appoġġati, skont id-daqs (mikro, żgħar, ta' daqs medju, u b'kapitalizzazzjoni medja żgħar)

6.2  Għadd ta' intrapriżi appoġġati skont l-istadju li qegħdin fih (bikri, tkabbir/espansjoni) b'mod partikolari SMEs innovattivi

6.3  Numru ta' intrapriżi appoġġati skont is-settur

7.  Investiment Soċjali u Ħiliet

7.1  Infrastruttura soċjali: Il-kapaċità u lħuq tal-infrastruttura soċjali appoġġata skont is-settur: abitazzjoni, edukazzjoni, saħħa, ieħor

7.2  Mikrofinanzjament u l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali:  L-għadd ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali appoġġati

7.2a  Mikrofinanzjament u l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali: Għadd ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali maħluqa

7.2b  Mikrofinanzjament u l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali: Għadd ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali appoġġati skont l-istadju (bikri, ta' tkabbir/espansjoni)

7.5  Ħiliet: Għadd ta' individwi li qed jiksbu ħiliet ġodda jew li qed ikollhom il-ħiliet ivvalidati: kwalifiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ formali, informali, u mhux formali

ANNESS IV

Il-Programm InvestEU - Strumenti predeċessuri

A.  Strumenti ta' ekwità:

—  Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF98): Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 98/347/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).

—  TTPDeċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta' finanzjament kumplimentari li tikkonċerna l-finanzjament ta' azzjonijiet tal-attività "Suq intern għall-oġġetti u l-politiki settorjali" tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija għall-2007 u li tadotta d-deċiżjoni qafas dwar il-finanzjament tal-azzjoni preparatorja "L-UE tassumi r-rwol tagħha f'dinja globalizzata" u ta' erba' proġetti pilota "Intraprendituri Żgħażagħ Erasmus", "Miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubijiet bejn il-mikrointrapriżi u l-SMEs", "Trasferiment Teknoloġiku" u "Destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza" tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija għall-2007 (C(2007)531).

—  Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF01): Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/819/KE tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).

—  GIF: Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

—  Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE): Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129) kif modifikat mir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

—  Il-Faċilità ta' Ekwità għat-Tkabbir ta' COSME: Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

—  Ekwità InnovFin:

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104);

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81);

–  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

—  Tieqa tal-EaSI għall-Investimenti ta' Bini ta' Kapaċità: Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

B.  Strumenti ta' Garanzija:

—  Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs '98 (SMEG98): Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 98/347/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).

—  Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs '01 (SMEG01): Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/819/KE tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).

—  Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs '07 (SMEG07): Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

—  Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Garanzija (EPMF-G): Id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).

—  RSI:

–  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1);

–  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/971/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku "Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013)" (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86);

–  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/974/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: Kapaċitajiet li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299).

—  Il-Garanzija EaSI: Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

—  Il-Faċilità ta' Garanzija għal Self COSME (COSME LGF): Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

—  Dejn InnovFin:

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81);

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104);

–  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

—  Il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF): Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).

—  Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti (SLGF): Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

—  Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE): Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

C.  Strumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju:

—  Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF): Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

—  InnovFin:

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81);

–  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

—  Strument ta' Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF DI): Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

—  Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF): Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

D.  Vejikoli ta' investiment dedikati:

—  Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Fonds commun de placements – fonds d'investissements spécialisés (EPMF FCP-FIS): Id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).

—  Marguerite:

–  Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1);

–  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 25.2.2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (il-Fond Marguerite) (C(2010)0941).

—  Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF): Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5).

(1) ĠU C […], […], p. […].
(2) ĠU C […], […], p. […].
(3) COM(2018)0097.
(4)1a Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru  2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(5) COM(2018)0353.
(6) Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).
(7) COM(2017)0206.
(8) COM(2017)0250.
(9) Ippubblikat bħala Dokument ta' Diskussjoni dwar l-Ekonomija Ewropea 074 f'Jannar 2018.
(10)
(11) Ir-referenza trid tiġi aġġornata: ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. Ir-rapport jinsab disponibbli hawn: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2013.373.01.0001.01.ENG&toc=OJ:C:2013:373:TOC
(12)1a Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).
(13)1b Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(14) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(17) Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292,15.11.1996, p.2).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l-UPPE’) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1)
(19) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(20) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(21)
(22)
(23)1a Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza