Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0466/2018

Testi mressqa :

A8-0466/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 19
CRE 16/01/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0032

Testi adottati
PDF 185kWORD 69k
L-Erbgħa, 16 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017
P8_TA(2019)0032A8-0466/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017 (2018/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fl-2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra t-tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2017 bit-titolu "Rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom" (COM(2017)0458),

–  wara li kkunsidra r-referenzi magħmula fir-rapporti preċedenti dwar l-istat tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej u internazzjonali l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2017 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FRA bit-titolu "Antisemitism - Overview of data available in the European Union 2006-2016" (L-Anti-Semitiżmu - Ħarsa ġenerali lejn id-data disponibbli fl-Unjoni Ewropea 2006-2016),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom bit-titolu "L-Anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "L-aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-semitiżmu(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(11),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0466/2018),

A.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha billi jadottaw u jimplimentaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu kontinwament ikkonsolidati; billi kull tentattiv biex dawn il-prinċipji jiddgħajfu huwa għad-detriment mhux biss tal-Istat Membru kkonċernat iżda anki tal-Unjoni kollha kemm hi; billi l-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali u tagħmel ħsara lill-Istati Membri kollha u lill-UE kollha kemm hi; billi l-implimentazzjoni tal-qafas legali kontra l-korruzzjoni għadha mhijiex indaqs fost l-Istati Membri;

B.  billi l-Parlament talab għal diversi drabi permezz tar-riżoluzzjonijiet u tar-rapporti tiegħu sabiex l-Istati Membri jistabbilixxu politiki xierqa biex jiġi żgurat li d-drittijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi, fir-rigward tal-persuni b'diżabilità, il-persuni anzjani u l-persuni l-aktar vulnerabbli jiġu rrispettati; billi teżisti rabta b'saħħitha bejn id-drittijiet tal-minoranzi u l-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-Artikolu 2 tat-TUE espressament isemmi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi u billi dawk id-drittijiet jistħoqqilhom l-istess trattament bħal drittijiet oħra minquxa fit-Trattati;

C.  billi fl-2017 komplew jaslu fl-Ewropa migranti u persuni li jfittxu asil iżda l-fruntieri u l-portijiet huma dejjem aktar magħluqa; billi din ir-realtà tirrikjedi solidarjetà reali tal-UE biex jiddaħħlu fis-seħħ strutturi ta' akkoljenza adegwati għal dawk l-aktar fil-bżonn u dawk li huma l-aktar vulnerabbli; billi ħafna migranti u persuni li jfittxu asil, li jfittxu li jaslu fl-UE, iqiegħdu ħajjithom f'idejn il-kuntrabandisti u l-kriminali u huma vulnerabbli għal ksur tad-drittijiet tagħhom, inklużi l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; billi n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu ttraffikati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti u għalhekk hemm il-ħtieġa li jinbnew u jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal biex il-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament tat-tfal jiġu pprevenuti u tingħata reazzjoni għalihom, f'konformità mal-impenji mogħtija fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti(12);

D.  billi r-rapport mir-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu jqis li l-Istati għandhom l-obbligu li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn atti ta' terroriżmu, iżda l-miżuri tas-sigurtà, inklużi l-miżuri kontra t-terroriżmu, iridu jiġu segwiti permezz tal-istat tad-dritt u jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali;

E.  billi r-Rapport tal-FRA bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ fl-UE kollha), ippubblikat f'Marzu 2014, juri li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali mill-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % esperjenzaw fastidju online, waħda minn kull għoxrin ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra sofrew vjolenza sesswali li kienet tinvolvi l-użu tal-forza, u jenfasizza li l-vjolenza kontra n-nisa jeħtieġ li tiġi indirizzata fl-Istati Membri kollha tal-UE, inklużi dawk li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-visa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), minħabba l-firxa tal-problema, il-konsegwenzi severi tal-vjolenza, u l-impatt li għandha fuq il-ħajja tan-nisa kif ukoll fuq is-soċjetà kollha; billi n-nisa b'diżabilità għandhom probabbiltà akbar li jbatu minn vjolenza domestika u attakk sesswali min-nisa mingħajr diżabilità;

F.  billi n-nisa u l-bniet fl-UE jesperjenzaw disparità strutturali bejn il-ġeneri f'varjetà ta' forom u f'firxa ta' ambjenti – inklużi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-fastidju sesswali, il-vjolenza sessista u diskors ta' mibegħda misoġinistika – li tillimita b'mod sever l-abilità tagħhom li jgawdu d-drittijiet tagħhom u li jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-soċjetà; billi fl-2017, il-moviment #MeToo qajjem sensibilizzazzjoni dwar il-livell u l-intensità tal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali u sessista li jiffaċċjaw in-nisa; billi l-moviment #MeToo rriżulta f'xi momentum pożittiv għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda l-każijiet ta' fastidju sesswali u ta' vjolenza sesswali u sessista għadhom mifruxa; billi fis-snin reċenti, rapporti indikaw riperkussjonijiet dejjem akbar fuq id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE; billi n-nisa fl-Unjoni mhumiex indaqs quddiem id-dritt għall-abort minħabba politiki u leġiżlazzjoni differenti fost l-Istati Membri;

G.  billi fis-soċjetajiet demokratiċi, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda huma fost l-istrumenti li permezz tagħhom in-nies jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku u jiksbu l-bidla soċjali; billi l-libertà tal-midja, il-pluraliżmu u l-indipendenza huma komponenti kruċjali tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u huma vitali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-ġurnalisti u atturi oħra fil-midja fl-UE huma f'riskju ta' diversi forom ta' attakki, theddid u pressjoni u saħansitra assassinji minn atturi statali u mhux statali; billi l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kienet tispeċjalizza fl-investigazzjoni ta' skandli ta' evażjoni tat-taxxa, frodi tat-taxxa, korruzzjoni u ħasil tal-flus, ġiet assassinata f'Malta wara li kienet irrappurtat diversi theddidiet, u huma meħtieġa investigazzjonijiet indipendenti sabiex tkun tista' ssir l-identifikazzjoni sħiħa tal-awturi sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-istampa kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol fundamentali fi ħdan demokrazija;

H.  billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, il-lingwa, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għandha tkun ipprojbita; billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija ggarantita bl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; billi attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi persistenti qed jibdew jitqiesu bħala normali fl-Istati Membri u huma mħaddna minn dawk li jinfluwenzaw l-opinjoni u politikanti fl-UE kollha, u dan irawwem klima soċjali li tipprovdi art fertili għal razziżmu, diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej li magħhom ikkonformaw l-Istati Membri kollha;

I.  billi l-migranti, id-dixxendenti tal-migranti u l-membri ta' gruppi soċjokulturali minoritarji jkomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni mifruxa, fl-Unjoni Ewropea kollha u fl-oqsma kollha tal-ħajja; billi l-istudji tal-FRA juru li l-vittmi f'sitwazzjoni ta' residenza irregolari mhumiex lesti li jirrappurtaw l-abbużi lil kwalunkwe awtorità pubblika u li status ta' immigrant iżid ir-riskju li wieħed jiġi vittimizzat kriminalment; billi, minkejja għadd kbir ta' appelli magħmula lill-Kummissjoni, ittieħdu biss passi limitati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi;

J.  billi l-FRA saret ċentru ta' eċċellenza fil-provvista ta' evidenza ta' drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE;

L-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali

1.  Jafferma li s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-istat tad-dritt fi kwalunkwe soċjetà; ifakkar li dan il-kunċett huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari fil-prinċipji ta' ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi; ifakkar li dawn il-valuri fundamentali kienu l-ispirazzjoni għall-artikoli introduttorji tat-Trattati Ewropej, li l-Istati Membri kollha approvaw volontarjament u impenjaw ruħhom li jirrispettaw; isostni li la s-sovranità nazzjonali u lanqas is-sussidjarjetà ma jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut sistematiku ta' Stat Membru milli jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tat-Trattati;

2.  Ifakkar li l-istat tad-dritt huwa parti minn u prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-atturi rilevanti kollha fuq livell tal-UE u nazzjonali, inklużi l-gvernijiet, il-parlamenti u l-ġudikatura, biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jirrispettaw u jsaħħu l-istat tad-dritt; ifakkar li dawn l-atturi għandhom ir-responsabilità li jindirizzaw it-tħassib dwar l-istat tad-dritt u li għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe tnaqqis fl-istat tad-dritt, li mhuwiex applikazzjoni inkundizzjonata tal-liġi, iżda l-aċċettazzjoni demokratika li nkunu soġġetti għal-liġi f'konformità stretta mal-konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll, b'mod partikolari, mad-drittijiet tal-oppożizzjoni demokratika u tal-minoranzi;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-isforzi ta' xi gvernijiet ta' Stati Membri biex idgħajfu s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi tħassib li, minkejja l-fatt li ħafna Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità ġudizzjarja, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, għad fadal problemi fil-mod kif dawn l-istandards jiġu applikati, li jħalli lill-ġudikaturi nazzjonali miftuħa għal influwenza politika u jalimentaw il-perċezzjonijiet tal-pubbliku ta' interferenza fil-proċess ġudizzjarju u preġudizzju fost l-imħallfin individwali; ifakkar li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE u bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-leġittimità u l-awtorità li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet f'konformità mat-Trattati, inkluż li tiżgura li l-Istati Membri kollha qed jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra inkorporati fl-Artikolu 2 tat-TUE;

4.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, iżda anke l-impatt limitat sa issa tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE; iqis li l-UE jenħtieġ li tkun tista' tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li ma jkunux għadhom jirrispettaw il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u li jenħtieġ li jiġi attivat l-Artikolu 7 jekk ir-rimedji l-oħra kollha jkunu fallew; iqis li l-ineffettività tal-UE biex ittemm il-ksur serju u persistenti tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE f'xi Stati Membri qed iddgħajjef kemm il-fiduċja fost l-Istati Membri kif ukoll il-kredibbiltà tal-UE; jenfasizza barra minn hekk li l-impunità kontinwa fir-rigward ta' dawn l-abbużi ħeġġet lil Stati Membri oħra biex jaqbdu l-istess triq; jistieden lill-Kunsill jeżamina u jsegwi kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni u l-Parlament relatata mal-proċeduri ta' ksur u s-sanzjonijiet possibbli;

5.  Ifakkar fil-ħtieġa għal evalwazzjoni imparzjali u regolari tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li din l-evalwazzjoni trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi; f'dan ir-rigward ifakkar li l-Kunsill għandu wkoll rwol ewlieni x'jaqdi biex jiġu salvagwardjati l-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, u jilqa' l-isforzi magħmula minn ċerti Stati Membri biex jiżguraw li fi ħdan il-Kunsill issir valutazzjoni regolari tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt f'kull Stat Membru; jistieden lill-Kunsill biex jagħmel progress rapidu f'din id-direzzjoni; ifakkar ukoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(13); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE; jikkunsidra li dan ikun mekkaniżmu ġust, ibbilanċjat, regolari u ta' prevenzjoni biex jiġi ttrattat il-ksur possibbli tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jista' jaħdem b'mod simili għas-Semestru Ewropew għall-politika ekonomika; ifakkar fir-rabta intrinsika li teżisti bejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li l-Ewropej kollha jsiru aktar konxji tal-valuri komuni tal-UE u tal-Karta; jissottolinja l-importanza li l-Parlament jibgħat delegazzjonijiet ad hoc fl-Istati Membri meta jkun hemm evidenza ċara ta' ksur serju tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

6.  Huwa tal-fehma li kwalunkwe valutazzjoni tal-istat tad-dritt jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data u analiżi sodi, oġġettivi u komparabbli; ifakkar li d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu inklużi bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi kollha; jilqa' f'dan ir-rigward is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS) il-ġdida tal-FRA, li tiġbor flimkien l-informazzjoni eżistenti kollha rilevanti għad-drittijiet fundamentali mogħtija taħt il-mekkaniżmi differenti fuq livell tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE;

7.  Jindika li t-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati, jibqa' prijorità ewlenija tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti li tiġi introdotta perspettiva sensittiva għall-ġeneru fis-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri, inklużi l-iżvilupp u l-istituzzjonalizzazzjoni tal-komponent tal-ġeneru permezz ta' programmi ta' taħriġ għall-persunal ġudizzjarju kollu;

8.  Jenfasizza li l-korruzzjoni mhux biss tikkostitwixxi ostakolu sistemiku sinifikanti għar-realizzazzjoni tad-demokrazija u r-rispett tal-istat tad-dritt, iżda tista' twassal ukoll għal bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, u b'hekk tikkostitwixxi theddida serja għall-prinċipju tat-trattament ġust għaċ-ċittadini kollha; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward inizjattivi leġiżlattivi li qegħdin jitressqu f'ċerti Stati Membri li jistgħu jreġġgħu lura riformi li jkunu saru qabel biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġġieldu b'mod riżolut il-korruzzjoni sistemika u joħolqu strumenti effettivi biex jipprevjenu, jiġġieldu kontra u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu l-frodi, kif ukoll biex jimmonitorjaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; jistieden, għal dan il-għan, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ħabbrux l-intenzjoni tagħhom li jissieħbu fl-UPPE biex jagħmlu dan; jiddispjaċih fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax it-tieni rapport bi annwali dwar l-istat tal-korruzzjoni fl-UE, u jħeġġiġha tkompli tippubblika r-rapporti tagħha kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li ż-żamma ta' skedi informattivi kontra l-korruzzjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew mhijiex miżura suffiċjentement effettiva biex tiżgura li l-korruzzjoni titpoġġa b'mod inekwivoku fuq l-aġenda; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" li se tfittex l-approvazzjoni sabiex tipparteċipa fi GRECO, in-netwerk kontra l-korruzzjoni li ġie stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-libertà ta' moviment u ta' residenza bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali prinċipali garantiti mill-UE; jenfasizza li l-Brexit jaffettwa direttament il-ħajjiet ta' miljuni ta' ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE27, u jissottolinja li s-salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali tal-persuni jenħtieġ li jingħata l-istess importanza bħal aspetti oħra; jitlob li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u tal-familji tagħhom li ċċaqilqu fl-Unjoni skont il-libertà ta' moviment jiġu protetti wara l-Brexit;

10.  Jenfasizza li kwalunkwe pass li jittieħed sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata jrid jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE; jinnota bi tħassib li l-awtoritajiet pubbliċi qed jirrikorru dejjem aktar għal miżuri amministrattivi li huma inkompatibbli mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u li l-politiki f'dan il-qasam qed jiġu estiżi għal għadd dejjem akbar ta' reati, b'mod partikolari fil-kuntest ta' miżuri meħuda fi stat ta' emerġenza; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe leġiżlazzjoni ta' emerġenza tkun konformi mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità, u li l-miżuri meħuda f'dan il-kuntest ikunu b'mod ċar limitati biż-żmien u kkontrollati b'mod demokratiku u regolari; jirrifjuta kwalunkwe konfużjoni bejn l-immigrazzjoni u t-terroriżmu, u kwalunkwe użu ta' miżuri kontra t-terroriżmu sabiex jiġu kkontrollati ċerti movimenti migratorji;

Migrazzjoni

11.  Jikkundanna l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imġarrba minn ċerti migranti u rifuġjati, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għat-territorju, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, il-proċeduri tal-asil, id-detenzjoni marbuta mal-immigrazzjoni u l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, u jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jikkonformaw ma' u jittrasponu b'mod sħiħ il-pakkett komuni dwar l-asil adottat mill-Unjoni; ifakkar li t-tfal jirrappreżentaw kważi terz tal-persuni li jfittxu l-asil u huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipprevjenu l-għajbien ta' minorenni mhux akkumpanjati; ifakkar li d-dritt għall-asil huwa ssalvagwardjat b'mod espliċitu mill-Artikolu 18 tal-Karta; jinnota bi tħassib li l-proċeduri rapidi u l-listi ta' pajjiżi siguri, kif ukoll il-proċedura ta' teħid lura skont ir-regoli ta' Dublin, poġġew lill-persuni LGBTI li jfittxu asil f'riskju akbar li jiġu ritornati qabel ikunu jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom għall-asil ma' pajjiżi terzi jew Stati Membri oħra, f'każijiet fejn huma jibżgħu li jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jitolbu lill-awtoritajiet tagħhom jeżaminaw jekk l-objettivi leġittimi tagħhom jistgħux jintlaħqu permezz ta' miżuri inqas koerċittivi mid-detenzjoni u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet sħaħ ibbażati fuq fatti u argumenti legali meta tintgħażel id-detenzjoni fil-każ ta' persuni li jfittxu asil, rifuġjati u migranti; ifakkar li l-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u għalhekk huma obbligati jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tagħhom jiġu rispettati, irrispettivament miċ-ċirkostanzi; jenfasizza d-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa migranti, kemm bħala migranti kif ukoll bħala nisa, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ migratorju tagħhom, inkluż fiċ-ċentri ta' detenzjoni jew ta' akkoljenza, b'mod partikolari l-fastidju u l-attakki fuq is-sigurtà, l-integrità fiżika u l-privatezza tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa tagħhom ta' aċċess għall-provvisti tal-iġjene femminili u għall-kura riproduttiva; jitlob li jiġu stabbiliti u msaħħa s-sistemi tal-protezzjoni tan-nisa sabiex jiġu evitati u miġġielda l-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament li jisfgħu vittmi tagħhom, skont l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta;

13.  Ifakkar li l-UNICEF kellha l-opportunità li tfakkar f'bosta okkażjonijiet li d-detenzjoni f'ebda każ ma tista' tkun fl-aħjar interessi tat-tfal u li hemm lok biex jiġu żviluppati alternattivi għad-detenzjoni, irrispettivament minn jekk dawn it-tfal ikunux akkumpanjati mill-familja tagħhom jew le; jitlob l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proċeduri speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal kollha f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jenfasizza li s-separazzjoni tal-membri tal-familja, anke f'każ ta' detenzjoni, tesponi lin-nisa u lit-tfal għal riskji akbar; jenfasizza, barra minn hekk, il-preminenza tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-aspetti kollha li jikkonċernaw it-tfal u tal-implimentazzjoni prattika tad-dritt li jinstemgħu; ifakkar li l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, inklużi t-tfal migranti u rifuġjati, ikun xi jkun l-istatus tagħhom, kemm dawk mhux akkumpanjati kif ukoll dawk akkumpanjati u l-evitar tal-edukazzjoni separata u s-segregazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal migranti u refuġjati jingħataw aċċess għall-edukazzjoni formali u informali ftit wara li jaslu; jenfasizza li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tfal migranti u rifuġjati jiġu appoġġjati b'mod effettiv permezz ta' appoġġ lingwistiku, soċjali u psikoloġiku bbażat fuq il-valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet tagħhom; huwa mħasseb dwar il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tal-persuni li jfittxu asil minn gruppi marġinalizzati, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tas-sigurtà, il-kura tas-saħħa u r-rikonoxximent legali jiġu ssodisfati;

14.  Jirrimarka li s-solidarjetà trid tkun il-prinċipju gwida tal-azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-migrazzjoni, u jikkundanna lil dawk l-Istati Membri li jaġixxu bi ksur ċar ta' dak il-prinċipju; jistieden lill-Kunsill biex ikompli għaddej bir-riforma tar-Regolament ta' Dublin, li bħalissa qiegħed jimblokka, u għalhekk qiegħed jipprevjeni lis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil milli taħdem kif suppost; jenfasizza li l-Istati Membri jenħtieġ li jipproċedu biex idaħħlu fis-seħħ kombinazzjoni ta' skemi relatati mal-protezzjoni, bħar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja, li jistgħu jagħtu lill-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali l-għażla li jidħlu fl-UE biex ifittxu asil hemmhekk; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-għoti ta' viżi umanitarji u skemi ta' mobilità regolari biex jiġu promossi mezzi legali u siguri għall-UE, speċjalment għall-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni, u jiġi garantit l-aċċess tagħhom għas-servizzi u d-drittijiet fundamentali tagħhom, irrispettivament mill-istatus tagħhom; jissottolinja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jerfgħu r-responsabbiltà talli esternalizzaw il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li fihom il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) irrapporta ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-UE jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fl-isforzi tar-risistemazzjoni fuq il-livell dinji; ifakkar li kwalunkwe azzjoni meħuda minn Stat Membru meta jkun qed jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-UE, trid tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw b'mod effettiv id-dritt individwali għall-asil u li jaċċettaw ir-rilokazzjoni ta' rifuġjati mill-Istati Membri l-aktar milquta minn għadd kbir ta' wasliet; jistieden ukoll lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' nonrefoulement u jintroduċu salvagwardji proċedurali adegwati fil-proċeduri tal-asil u fil-fruntieri tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li xi Stati Membri ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-asil u r-ritorn u jiksru d-drittijiet tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil, pereżempju billi jonqsu milli jipprovdu aċċess effettiv għall-proċeduri ta' asil, jonqsu milli jagħtu informazzjoni ċara dwar ir-rimedji legali wara deċiżjoni ta' ritorn, jiċħdu lill-migranti u lill-persuni li jfittxu asil minn ikel, jew jipprattikaw detenzjoni awtomatika u sistematika;

15.  Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn NGOs differenti li joperaw fil-Mediterran u l-isforzi tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet u jipprovdu għajnuna umanitarja lil dawk fil-bżonn; ifakkar li s-salvataġġ fuq il-baħar huwa obbligu legali skont id-dritt internazzjonali, inkluż l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti (irratifikata mill-UE u mill-Istati Membri kollha tagħha), li teħtieġ li tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna fil-periklu fuq il-baħar; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-linji gwida għall-Istati Membri biex jipprevjenu l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja(14); jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-NGOs minflok ma jfixklu l-ħidma tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jiggarantixxu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jallokaw fondi suffiċjenti għal operazzjonijiet ta' tfittxija u ta' salvataġġ fil-kuntest ta' operazzjoni umanitarja fuq skala Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu l-eżenzjoni għall-għajnuna umanitarja prevista fid-Direttiva ta' Faċilitazzjoni bl-objettiv li jitnaqqsu l-konsegwenzi mhux intenzjonati li l-Pakkett tal-Faċilitaturi għandu għaċ-ċittadini u għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti u għall-koeżjoni soċjali fis-soċjetà riċeventi;

16.  Jenfasizza li l-fatt li jiġu indirizzati l-vulnerabilitajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-migranti jenħtieġ li jagħmel parti integrali mill-proċess tal-integrazzjoni; ifakkar li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-migranti jenħtieġ li titwettaq b'mod regolari u sakemm tkun meħtieġa, billi s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-migranti jistgħu jevolvu u jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-pajjiż tal-oriġini tagħhom; jissottolinja l-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja hija għodda b'saħħitha għall-emanċipazzjoni tal-migranti u biex dawn iħossuhom li jistgħu jibdew jissistemaw ruħhom u jintegraw fis-soċjetà ospitanti l-ġdida tagħhom; jirrimarka li politika ta' akkoljenza waħedha mhijiex biżżejjed u l-isfida li trid tiffaċċja l-UE hija li tistabbilixxi politika ta' integrazzjoni effettiva; jitlob f'dan ir-rigward li jissaħħaħ l-iskambju ta' prattiki tajba fil-qasam tal-integrazzjoni, bejn l-Istati Membri;

17.  Jinnota l-istabbiliment ta' diversi sistemi ġodda ta' informazzjoni fuq skala kbira kif ukoll l-objettiv tat-titjib tal-interoperabilità tagħhom filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu salvagwardji speċifiċi biex jiggarantixxu li l-interoperabilità tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira tirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tat-tfal u l-persuni vulnerabbli, bħall-applikanti għal u l-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għat-tfassil ta' profili; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-interoperabilità tissodisfa wkoll l-objettivi tal-protezzjoni tat-tfal, bħall-identifikazzjoni ta' tfal neqsin u l-għajnuna għar-riunifikazzjoni tal-familja;

Id-drittijiet tan-nisa

18.  Jinnota bi tħassib li l-karta tal-FRA tal-2017 bit-titolu "Challenges to women's human rights in the EU" (Sfidi għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fl-UE) tikkonferma li n-nisa u l-bniet jesperjenzaw diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, diskors ta' mibegħda sessist, u vjolenza sessista fl-UE, u li dan jillimita b'mod sever l-abilità tagħhom li jgawdu d-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-soċjetà;

19.  Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità bit-titolu "Ending forced sterilisation of women and girls with disabilities" (It-tmiem tal-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa u l-bniet b'diżabilità) jistabbilixxi li n-nisa b'diżabilità għadhom qed isofru minn deċiżjonijiet arbitrarji li jwasslu għall-isterilizzazzjoni mingħajr l-għarfien, il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni tagħhom;

20.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jikkunsidraw sitt oqsma ewlenin ta' intervent bil-għan li jsaħħu l-impenn tagħhom biex jiġu ssalvagwardjati d-dinjità u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, kif issuġġerit fir-rapport tal-FRA, jiġifieri: l-emanċipazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza biex jindirizzaw il-firxa kollha ta' kwistjonijiet li għandhom impatt fuq id-drittijiet tan-nisa, mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-vjolenza kontra n-nisa; it-titjib tas-sikurezza online; il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja b'mod aktar effettiv; l-introduzzjoni tal-kwoti tal-ġeneru bħala pass kuraġġjuż lejn azzjoni pożittiva; l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fl-UE kollha permezz tas-Semestru Ewropew; u t-titjib tal-ġbir tad-data u t-tixrid tal-għarfien dwar il-forom kollha tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

21.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa (VAW), u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta att legali biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u ta' vjolenza sessista; jitlob li l-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tas-sess) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE; jilqa' l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul fit-13 ta' Ġunju 2017, billi din hija l-ewwel strument komprensiv legalment vinkolanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, fuq livell internazzjonali, minkejja l-limitazzjoni għal żewġ mandati biss; jiddispjaċih li sal-lum, 20 Stat Membru biss irratifikaw il-Konvenzjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li f'xi Stati Membri, id-diskussjonijiet dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul kienu akkumpanjati b'interpretazzjonijiet qarrieqa rigward id-definizzjoni tal-vjolenza sessista u tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Istati Membri li fadal u lill-Kunsill biex jikkonkludu l-proċess ta' adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni mingħajr dewmien u jaqblu dwar il-Kodiċi ta' Kondotta assoċjat sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-vittmi ta' vjolenza sessista bil-modi kollha possibbli, anke b'appoġġ finanzjarju regolari;

22.  Jenfasizza li s-sessiżmu u l-istereotipi tas-sessi, li wasslu għad-dominazzjoni fuq in-nisa u d-diskriminazzjoni kontrihom, għandhom impatt serju fuq id-drittijiet fundamentali tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja; ifakkar li n-nisa spiss huma vittmi ta' diskriminazzjoni multipla li tirriżulta, fost l-oħrajn, mill-appartenenza tagħhom għal minoranza etnika, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, id-diżabilità tagħhom jew l-istatus tagħhom ta' migrant; jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rwoli tas-sessi mhux stereotipiċi u r-rispett għall-integrità personali hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-forom kollha tad-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod xieraq din il-kwistjoni fil-kurrikuli tal-iskola; jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom ibatu minn inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, bħal rati ta' parteċipazzjoni aktar baxxi fl-impjiegi, id-differenza fil-pagi, l-inċidenza akbar ta' impjiegi part-time, drittijiet tal-pensjoni aktar batuti, segregazzjoni fil-karrieri u livelli aktar baxxi ta' progressjoni; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli strutturali ewlenin għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u r-rappreżentanza baxxa tan-nisa fix-xogħol, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politika, li huma r-riżultat ta' forom multipli u intersezzjonali ta' inugwaljanzi, sterjotipi u diskriminazzjoni fl-isferi privati u pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jressqu miżuri sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-fastidju u l-vjolenza sesswali fl-ispazji pubbliċi, fil-post tax-xogħol u offline u online, u sabiex jipprovdu lill-vittmi ta' vjolenza sessista b'għadd adegwat ta' kennijiet u servizzi ta' appoġġ immirati u integrati, inklużi appoġġ u konsulenza għat-trawmi; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jipprovdu taħriġ regolari għall-pulizija u għall-persunal fil-qasam ġudizzjarju dwar il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;

23.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dimostrazzjonijiet li saru f'diversi Stati Membri fl-2017, wara li sar rigress relatat mad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u l-kopertura estensiva fil-midja ta' każijiet relatati ma' fastidju sesswali; jafferma b'mod qawwi li ċ-ċaħda ta' servizzi relatati mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, hija forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; itenni li n-nisa u l-bniet jeħtiġilhom ikollhom kontroll fuq ġisimhom u s-sesswalità tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu passi effettivi biex jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fir-rigward ta' firxa ta' drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi d-drittijiet għall-integrità fiżika, għas-saħħa, għall-ħelsien mit-tortura u t-trattament ħażin, għall-privatezza, għall-ugwaljanza u għan-nondiskriminazzjoni; f'dan ir-rigward jisħaq li l-persuni b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom fuq bażi ugwali mal-bqija tas-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u aċċess faċli għan-nisa għall-ippjanar tal-familja u l-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u sesswali, inklużi metodi moderni ta' kontraċezzjoni, u għal abort sikur u legali; jinnota li dan jenħtieġ li jinkludi l-eliminazzjoni tal-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li jiksru dawn id-drittijiet kif ukoll il-prevenzjoni tat-tnaqqis tal-protezzjonijiet eżistenti; jinsisti li l-Unjoni jeħtiġilha jkollha rwol fil-ħolqien ta' sensibilizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u fil-promozzjoni tal-aqwa prattika;

Il-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda

24.  Ifakkar li l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jnaqqax id-dritt ta' kull individwu li jkollu opinjonijiet mingħajr interferenza, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta' kwalunkwe mezz, irrispettivament mill-fruntieri;

25.  Jenfasizza li d-deliberazzjoni u d-dibattitu pubbliċi huma vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi, u f'dan il-kuntest jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu aktar passi biex jissalvagwardjaw u jipproteġu l-libertà tad-diskors u tal-għaqda, bħala drittijiet fundamentali u bħala prinċipji bażiċi tal-proċessi demokratiċi; ifakkar li, skont ir-rapport tal-2017 mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istat tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-opportunitajiet għal protesta paċifika huma limitati fejn l-għaqda pubblika hija soġġetta għal restrizzjonijiet żejda; jikkundanna b'mod qawwi f'dan ir-rigward ir-restrizzjonijiet dejjem jiżdiedu fuq il-libertà tal-għaqda, li l-awtoritajiet infurzaw f'xi każijiet b'użu sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti paċifiċi; ifakkar li fit-twettiq tad-dmir tagħhom, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jirrispettaw u jipproteġu d-dinjità tal-bniedem u jirrispettaw u josservaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha; jenfasizza li l-kompitu l-aktar importanti tal-forzi tal-pulizija huwa li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini, u li kwalunkwe użu eċċessiv u mhux iġġustifikat tal-forza mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jrid ikun soġġett għal investigazzjonijiet imparzjali u eżawrjenti mill-awtoritajiet rilevanti ta' kull Stat Membru;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati li jissalvagwardjaw u jippromwovu l-eżistenza ta' midja pluralista, indipendenti u ħielsa; jikkundanna bil-qawwa x-xejriet f'ċerti Stati Membri biex l-istabbilimenti tal-midja jiġu kkonċentrati f'idejn atturi kummerċjali li jiffavorixxu l-gvern u biex il-midja tas-servizz pubbliku tintuża ħażin biex jiġu disseminati biss il-messaġġi tal-gvern; jinnota li r-rwol tal-midja huwa li tħeġġeġ deliberazzjoni b'saħħitha u li l-midja għalhekk hija pilastru tad-demokrazija;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li ftit oqfsa legali jew ta' politika speċifiċi li jipproteġu lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-midja mill-vjolenza, it-theddid u l-intimidazzjoni jistgħu jiġu identifikati fuq livell nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE; ifakkar li, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u r-reati mwettqa kontra l-ġurnalisti jista' jkollhom l-effett li jinkoraġġixxu livell potenzjalment għoli ta' awtoċensura, li fiha nnifisha għandha effett gravi fuq il-libertà tal-espressjoni u ddgħajjef id-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-assassinji li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu tali vjolenza, iżidu l-kooperazzjoni mal-Europol, u jaċċelleraw l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalisti fl-UE; huwa mħasseb ukoll dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji ta' bosta ġurnalisti u ħaddiema tal-midja u l-livelli ta' vjolenza fiżika u psikoloġika li huma soġġetti għalihom, li jistgħu jxekklu l-abilità tagħhom li jwettqu xogħolhom, u b'hekk idgħajfu l-ġurnaliżmu ta' kwalità u l-espressjoni tad-diversità ġurnalistika; jenfasizza l-importanza ta' proġetti mifruxa madwar l-UE, bħall-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja u l-Immappjar tal-Libertà tal-Midja, li jivvalutaw ir-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa kollha, jimmappjaw il-limitazzjonijiet, it-theddid u l-ksur li jaffettwaw il-libertà tal-midja, iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, u jipprovdu appoġġ lill-ġurnalisti li jkunu mhedda u għal ġurnaliżmu investigattiv transkonfinali; jissottolinja li l-finanzjament relatat ma' dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet simili jenħtieġ li jiġi żgurat taħt il-QFP il-ġdid;

28.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-informaturi biex jiġi salvagwardjat l-interess pubbliku u biex tiġi promossa kultura ta' obbligu ta' rendikont u integrità pubblika kemm fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jissottolinja l-fatt li l-infurmar huwa element essenzjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-libertà tal-midja; jiddenunzja t-theddid, ir-ritaljazzjonijiet u l-kundanni li l-informaturi għadhom qed jiffaċċjaw fl-UE; f'dan il-kuntest, ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(15); jirrimarka li, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE(16), għaxar Stati Membri biss introduċew leġiżlazzjoni komprensiva biex jipproteġu lill-informaturi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2018 għal direttiva orizzontali dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni(17), u jissottolinja l-importanza ta' segwitu bla dewmien mill-koleġiżlaturi, sabiex il-proposta tkun tista' tiġi adottata qabel it-tmiem tal-leġiżlatura preżenti;

29.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: approċċ Ewropew u l-azzjonijiet li jinkludi"(18), li għandu l-għan li joħloq ekosistema online aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli, itejjeb is-sigurtà u r-reżiljenza tal-proċessi elettorali, irawwem l-edukazzjoni u l-litteriżmu fil-midja, iżid l-appoġġ għal ġurnaliżmu ta' kwalità, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet strateġiċi tal-komunikazzjoni tal-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li l-kunċett ta' aħbarijiet foloz jista' joħloq għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-midja, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi li t-tixrid ta' aħbarijiet foloz jista' jkollu fuq il-kwalità tad-dibattitu politiku u fuq il-parteċipazzjoni infurmata tajjeb taċ-ċittadini fis-soċjetà demokratika; iqis li primarjament huwa bl-iżvilupp tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-ħsieb kritiku li wieħed jista' jifforma l-opinjoni tiegħu stess; jenfasizza li t-tfassil ta' profil politiku, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni jistgħu jintużaw minn partiti politiċi u entitajiet privati jew pubbliċi fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, u jistgħu jirrappreżentaw theddida għall-valuri demokratiċi tal-UE, bħal fil-każ tal-iskandlu ta' Facebook-Cambridge Analytica; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-azzjonijiet tagħha mmirati sabiex jiġu prevenuti dawn il-prattiki u jiġu garantiti l-protezzjoni tad-data, it-trasparenza u ċ-ċibersigurtà;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakoli li jeżistu għax-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija, inklużi r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-kelma għall-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini kkonċernati, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' dawn l-organizzazzjonijiet biex id-drittijiet u l-valuri fundamentali jsiru realtà għal kulħadd u jenfasizza li dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom f'ambjent sigur u appoġġjat sew; jinsab imħasseb dwar l-għeluq tal-ispazju tas-soċjetà ċivili f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod proattiv il-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili u biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; itenni s-sejħa għal finanzjament adegwat tal-UE, kif ġie deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' April 2018 dwar l-istabbiliment ta' Strument għall-Valuri Ewropej (EVI)(19), bil-għan li jingħata appoġġ lill-OSĊ involuti fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali fl-Unjoni, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin ta' tali finanzjament;

Ir-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u forom oħra ta' intolleranza

31.  Jindika li l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jindirizzaw u jiġġieldu b'mod effettiv il-fenomenu tal-inċidenti diskriminatorji u vjolenti li jaffettwaw l-edukazzjoni ta' tfal migranti u rifuġjati, tfal Rom u tfal li jappartjenu għal minoranzi, kemm permezz ta' risponsi legali kif ukoll permezz tal-promozzjoni tal-fehim reċiproku u l-koeżjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-kurrikuli tal-iskola regolari jinkludu miżuri effettivi li jiggarantixxu u jippromwovu r-rispett għad-diversità, il-fehim interkulturali u d-drittijiet tal-bniedem; għal dak il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu edukazzjoni inklużiva minn età bikrija fl-iskejjel;

32.  Jirrimarka li l-vjolenza u r-reati mmotivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta' persuna huma kollha eżempji ta' reati ta' mibegħda; jikkundanna t-tipi kollha ta' inċidenti ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda li jseħħu fl-UE fuq bażi ta' kuljum u bdew jitqiesu bħala normali f'xi Stati Membri; jikkundanna bil-qawwa kollha ż-żieda ta' movimenti tal-lemin estrem u jinsab imħasseb dwar it-trivjalizzazzjoni tad-diskors ta' mibegħda li jista' jiġi attribwit lil xi figuri politiċi; jitlob li jkun hemm approċċ ta' tolleranza żero għal kwalunkwe diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni; jistieden lill-Kunsill jiżblokka minnufih u jikkonkludi n-negozjati dwar id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali; ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, li suppost ġiet implimentata mill-Istati Membri sat-28 ta' Novembru 2010, tipprovdi bażi legali għall-impożizzjoni ta' penali fuq persuni ġuridiċi li jinċitaw b'mod pubbliku l-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp minoritarju;

33.  Ifakkar li l-Istati Membri li jirreġistraw, jiġbru u jippubblikaw sistematikament b'mod annwali data diżaggregata dwar il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda, għandhom jagħmlu dan għall-iskop biss li jidentifikaw l-għeruq tad-diskriminazzjoni u jiġġildulha, u li din id-data għandha tkun kompletament anonima sabiex teskludi kwalunkwe profilar jew statistika "etnika" filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri, flimkien ma' partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, jiżviluppaw risponsi legali u ta' politika effettivi u bbażati fuq l-evidenza għal dawn il-fenomeni; ifakkar li kwalunkwe data jenħtieġ li tinġabar b'mod konformi mal-oqfsa legali nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jilqa' l-kumpilazzjoni ta' prinċipji gwida dwar ir-reati ta' mibegħda għall-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet kriminali u dwar l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi ta' reati ta' mibegħda li ġew żviluppati mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza; itenni li t-tħejjija għall-abbuż, il-bullying ċibernetiku u l-vendetta pornografika huma forom ġodda ta' kriminalità online u jista' jkollhom impatt estremament serju, b'mod speċjali fuq iż-żgħażagħ u t-tfal; ifakkar f'dan ir-rigward il-ħtieġa tal-litteriżmu fil-midja u fl-informazzjoni, speċjalment għat-tfal, sabiex jiġi żgurat użu responsabbli tal-internet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rapportar tar-reati ta' mibegħda mill-vittmi minħabba garanziji inadegwati u n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u jagħtu kundanni għal reati ta' mibegħda fl-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-vittmi jiġu mħeġġa jirrapportaw każijiet ta' reati ta' mibegħda jew diskriminazzjoni u l-ħtieġa li jingħatawlhom protezzjoni u appoġġ adegwati;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-infurzar prattiku effettiv tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali)(20) u biex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-deċiżjoni qafas dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija bil-għan li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni persistenti kontra r-Rom, l-anti-Semitiżmu, l-Iżlamofobija, l-Afrofobija, l-anti-żingariżmu u l-aporofobija; jindika li l-Istati Membri jenħtieġ li jressqu jew jirrevedu u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw l-istrateġiji ta' integrazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li l-persuni kollha jingħataw verament is-setgħa li jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċess tal-inklużjoni billi jippromwovu u jħarsu d-drittijiet fundamentali tagħhom;

35.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sena 2017 ma rat l-ebda titjib kbir favur il-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom; jindika li r-riżorsi tal-FSIE mhumiex marbuta mal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u ħafna drabi r-Rom ma jibbenefikawx minnhom; jikkundanna l-każijiet ta' diskriminazzjoni, segregazzjoni, diskors ta' mibegħda, reati mmotivati mill-mibegħda u esklużjoni soċjali li jesperjenzaw ir-Rom; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni Rom fl-oqsma tal-aċċess għall-akkomodazzjoni (speċjalment l-evizzjonijiet sfurzati), l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-ġustizzja u l-ugwaljanza quddiem il-liġi; iwissi li t-tfal u n-nisa Rom huma partikolarment vulnerabbli;

36.  Jiddeplora l-fatt li fl-2017, il-persuni LGBTI kienu għadhom vittmi tal-bullying, tal-fastidju u tal-vjolenza u kienu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u mibegħda multipla f'oqsma li jinkludu l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjieg; jinsab imħasseb dwar l-esperjenzi kontinwi ta' stigma, vjolenza u diskriminazzjoni sessisti tal-persuni LGBTI u n-nuqqas ta' għarfien u n-nuqqas ta' intervent min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fil-konfront tal-persuni trans u tal-persuni LGBTI marġinalizzati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw liġijiet u politiki biex jiġu miġġielda l-omofobija u t-transfobija; jikkundanna bil-qawwa l-promozzjoni u l-prattika ta' terapiji ta' konverżjoni LGBTI, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkriminalizzaw dawn il-prattiki; jikkundanna bil-qawwa wkoll il-kunsiderazzjoni tal-identitajiet transesswali u intersesswali bħala patoloġija; ifakkar li l-ġlieda kontra l-vjolenza relatata mal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna taqa' taħt il-mandat tal-UE dwar il-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tintegra perspettiva tal-identità tal-ġeneru fi ħdan dak il-mandat; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw miżuri li jirrispettaw u josservaw b'mod simili d-drittijiet għall-identità tal-ġeneru, għall-espressjoni tal-ġeneru, għall-integrità fiżika u għall-awtodeterminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-kodiċijiet kriminali tagħhom skont id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali; iqis li kemm l-orjentazzjoni sesswali kif ukoll id-diżabilità jenħtieġ li jiġu inklużi f'kull katalogu ta' karatteristiċi protetti kontra d-diskriminazzjoni; jilqa' l-implimentazzjoni ta' ċerti elementi li kienu jinsabu fil-lista ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni biex tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza LGBTI (2014-2019); jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-ippjanar ambizzjuż pluriennali tagħha f'dan il-qasam, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi; jinsab imħasseb dwar iż-żieda tal-anti-semitiżmu u tal-Iżlamofobija; jenfasizza li d-diskorsi ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda jridu jiġu miġġielda sabiex jiġu missielta ż-żieda u r-radikalizzazzjoni tar-razzisti u tal-ksenofobisti, filwaqt li jfakkar li r-razziżmu u l-ksenofobija huma reati u mhux opinjonijiet;

38.  Ifakkar li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) hija trattat internazzjonali legalment vinkolanti, li ġie ffirmat u rratifikat mill-UE u bħalissa qed jiġi implimentat permezz tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020, bl-għan ikun li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, fir-rigward tal-aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, u l-azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja li fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità li ġie ppubblikat fi Frar 2017, il-Kummissjoni nnotat li għalkemm sar progress, b'mod partikolari fir-rigward tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà li ġie propost fl-2015, il-persuni b'diżabilità għadhom żvantaġġati u ddiskriminati fir-rigward tal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-objettivi tal-Istrateġija jibqgħu l-istess, li jenħtieġ li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi fil-perjodu 2017-2020, u li r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(21) rrakkomandat rekwiżiti obbligatorji fir-rigward tal-aċċessibbiltà fl-ispazji pubbliċi, perċentwal minimu għall-impjieg ta' persuni b'diżabilità, garanziji ta' edukazzjoni inklużiva, inkluż l-aċċess għal inizjattivi bħal Erasmus +, u attenzjoni partikolari għan-nisa u għat-tfal b'diżabilità;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjan nazzjonali sabiex tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni sabiex iġġedded l-impenn tagħha li tistabbilixxi Aġenda ġdida tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll strateġija ġdida għad-drittijiet tat-tfal, u li tfittex li tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-politiki, il-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-UE, kif ukoll li tikkunsidrahom fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni;

40.  Jiddispjaċih għad-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali li jiffaċċjaw il-persuni anzjani f'soċjetà Ewropea li qed tixjieħ; jistieden il-livelli kollha tal-gvern sabiex jintegraw aħjar din id-dimensjoni meta jkunu qed jabbozzaw u jimplimentaw il-politiki, inkluż fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

41.  Iqis li l-pass mgħaġġel tal-bidla fid-dinja diġitali jitlob salvagwardji aktar effettivi għad-data u l-privatezza personali; jenfasizza li filwaqt li l-internet u l-midja soċjali u midja oħra huma għodod notevoli ta' komunikazzjoni, speċjalment bħala sorsi ta' informazzjoni għall-pubbliku, fl-istess ħin huma jistgħu jintużaw ukoll bħala għodod teknoloġiċi sabiex tiġi kkontrollata s-soċjetà ċivili, jiġu mhedda gruppi vulnerabbli, speċjalment it-tfal u n-nisa, b'mod partikolari permezz ta' stalking, fastidju u l-pubblikazzjoni ta' ritratti sesswali jew ta' nudità mingħajr kunsens; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw b'mod effettiv id-dritt li wieħed jirċievi u jxerred informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 11 tal-Karta, permezz ta' approċċ bilanċjat f'termini ta' regolamentazzjoni tal-kontenut online; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online, u jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament jaħdmu fuq it-test sabiex jiġi żgurat il-kontroll ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet għat-tneħħija ta' kontenut online;

Ir-rwol u l-mandat tal-FRA

42.  Jilqa' s-sejbiet pożittivi tat-tieni evalwazzjoni esterna indipendenti tal-FRA għall-perjodu 2013-2017 (Ottubru 2017) u r-rakkomandazzjonijiet relatati mill-Bord ta' Ġestjoni tal-FRA;

43.  Jilqa' l-ħidma operattiva tal-FRA f'oqsma differenti, pereżempju fil-hotspots tal-migrazzjoni fil-Greċja u fl-Italja, kif ukoll l-attivitajiet tagħha ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-missjoni statutorja globali tal-Aġenzija tiġi estiża sabiex tinkludi l-kompitu operattiv tal-għoti ta' assistenza teknika, taħriġ u bini ta' kapaċità dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll lill-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

44.  Jieħu nota tal-opinjonijiet tal-FRA u jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri biex iqisu u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex jiggarantixxu li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati b'mod rigoruż fl-UE;

45.  Itenni t-talba tiegħu għall-allinjament tal-mandat tal-FRA mat-Trattat ta' Lisbona, inkluż billi jsir espliċitu li r-Regolament Fundatur ikopri l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

46.  Jilqa' l-opinjonijiet tal-FRA dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-UE u jaqbel mal-pożizzjonijiet tal-Bord ta' Ġestjoni tiegħu li jirrakkomandaw li "fejn il-leġiżlatur tal-UE jindirizza l-fajls leġiżlattivi li jqajmu mistoqsijiet dwar id-drittijiet fundamentali, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista' tipprovdi l-assistenza u l-għarfien espert tagħha fejn u meta jkunu meħtieġa u mhux biss meta jkunu mitluba b'mod formali" u li "sabiex isir użu sħiħ tal-għarfien espert tal-Aġenzija fil-proċess leġiżlattiv, ir-Regolament Fundatur jenħtieġ li jippermetti lill-Aġenzija tagħti opinjonijiet mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-UE fuq inizjattiva proprja tagħha";

47.  Huwa tal-opinjoni li l-istituzzjonijiet tal-UE jenħtieġ li jipprovdu forom imtejba ta' konsultazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u skrutinju legali, inkluż billi jitolbu parir minn korpi esperti indipendenti xierqa, bħall-FRA, kull meta fajl leġiżlattiv potenzjalment jippromwovi jew jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li tista' tingħata konsultazzjoni aktar regolari tal-FRA f'verżjoni riveduta tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

48.  Jirrakkomanda li l-leġiżlaturi tal-UE jenħtieġ li jitolbu parir indipendenti u estern dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-FRA kull meta fajl leġiżlattiv iqajjem kwistjonijiet serji dwar id-drittijiet fundamentali; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-FRA jkollha l-mekkaniżmi neċessarji li jippermettulha tissodisfa bis-sħiħ il-mandat tagħha;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(3) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(4) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(5) Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/1_en_act_part1_v4_2.pdf
(6) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), ir-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2017, http://fra.europa.eu/en/publication/2017/fundamental-rights-report-2017
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0095.
(8) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 171.
(9) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 183.
(10) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 9.
(11) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 21.
(12) Testi adottati, P8_TA(2018)0201.
(13) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(14) Testi adottati, P8_TA(2018)0314.
(15) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 143.
(16) COM(2018)0214.
(17) COM(2018)0218.
(18) COM(2018)0236.
(19) Testi adottati, P8_TA(2018)0184.
(20) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(21) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 110.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali