Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2511(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0056/2019

Dibattiti :

PV 17/01/2019 - 8.1
CRE 17/01/2019 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.9
PV 17/01/2019 - 10.1
CRE 17/01/2019 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0033

Testi adottati
PDF 337kWORD 53k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov
P8_TA-PROV(2019)0033RC-B8-0056/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov (2019/2511(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli(1), tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Ażerbajġan(2) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(6),

–  wara li kkunsidra l-15-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni (KPK) UE-Ażerbajġan, li saret f'Baku mis-7 sat-8 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan tal-1996 u l-adozzjoni mill-Kunsill, fl-14 ta' Novembru 2016, ta' mandat għall-Kummissjoni u l-VP/RGħ biex jinnegozjaw ftehim komprensiv mal-Ażerbajġan, u l-bidu tan-negozjati dwar il-ftehim imsemmi hawn fuq fis-7 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Marzu 2017 dwar is-sentenza mogħtija lil Mehman Huseynov fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rigward il-missjoni tiegħu fl-Ażerbajġan lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Mehman Huseynov, blogger kontra l-korruzzjoni u direttur tal-Istitut għal-Libertà u s-Sikurezza tar-Reporters (IRFS), qed jiskonta sentenza ta' sentejn ħabs wara l-kundanna tiegħu fit-3 ta' Marzu 2017 talli lmenta pubblikament dwar l-esperjenzi tiegħu ta' trattament ħażin u tortura mill-pulizija, kif ukoll talli kkritika lil uffiċjali tal-gvern billi espona l-ġid tagħhom li m'għandhomx spjegazzjoni għalih;

B.  billi s-Sur Huseynov, li għandu jinħeles f'Marzu 2019, qed jiffaċċja l-possibbiltà ta' sentenza addizzjonali ta' bejn ħames snin u seba' snin ħabs għal akkużi ta' "użu ta' vjolenza mhux perikoluża għall-ħajja jew għas-saħħa ta' impjegati tal-awtorità eżekuttiva jew penali jew ta' inkwirenti" skont l-Artikolu 317.2;

C.  billi s-Sur Huseynov huwa akkużat li attakka lil gwardjan tal-ħabs biex jevita kontroll ta' rutina fis-26 ta' Diċembru 2018; billi, wara l-allegat attakk, intbagħat f'reklużjoni mingħajr id-dritt li jkellem lill-avukat tiegħu; billi fit-28 ta' Diċembru s-Sur Huseynov beda strajk tal-ġuħ biex jipprotesta kontra dawn it-tentattivi biex is-sentenza tiegħu tiġi estiża u kontra l-akkużi potenzjali ġodda; billi fit-30 ta' Diċembru l-kundizzjoni tas-saħħa tal-blogger iddeterjorat u ħassu ħażin; billi wara insistenza minn qrabatu, waqqaf l-istrajk tal-ġuħ u beda jixrob il-likwidi; billi fil-11 ta' Jannar 2019 id-Delegazzjoni tal-UE għall-Ażerbajġan setgħet iżżuru u ġie kkonfermat li kien qed jingħata assistenza medika;

D.  billi dan mhuwiex każ iżolat, u kien hemm każijiet oħra li fihom l-awtoritajiet ressqu akkużi ġodda kontra priġunieri politiċi li s-sentenzi ta' ħabs kurrenti tagħhom ikunu waslu biex jispiċċaw; billi, skont il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, dan huwa l-ħames każ ta' dan it-tip li seħħ fix-xhur riċenti;

E.  billi fl-4 ta' Jannar 2019, il-Qorti Distrettwali ta' Nizami, f'Baku, tat deċiżjoni dwar il-kastig amministrattiv ta' dawk li kienu ħadu sehem fil-protesta kontra l-każ kriminali l-ġdid kontra s-Sur Huseynov, jiġifieri Mete Turksoy, Afghan Sadigov, Nurlan Gahramanli, Elimkhan Aghayev, Sakhavat Nabiyev, Ismayil Islamoghlu, Goshgar Ahmadov,Yashar Khaspoladov, Farid Abdinov, Elchin Rahimzade, Orkhan Mammadov, Bakhtiyar Mammadli, Fatima Movlamli, Matanat Mahmurzayeva u Parvin Abishova; billi l-akkużati kollha nstabu ħatja skont l-Artikolu 513.2 (ksur tar-regoli biex isiru rallies, pickets u dimostrazzjonijiet) tal-Kodiċi ta' Reati Amministrattivi;

F.  billi ma sar ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-ambjent medjatiku u l-libertà tal-espressjoni fl-Ażerbajġan; billi l-Ażerbajġan huwa kklassifikat fil-163 post fost 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2018 ippubblikat minn Reporters Mingħajr Fruntieri; billi bħalissa 10 ġurnalisti qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs fl-Ażerbajġan;

G.  billi diversi siti web u portals tal-media indipendenti għadhom imblukkati u inaċċessibbli fil-pajjiż, inklużi Azadliq Radio (Radio Free Europe/Radio Liberty Azerbaijan Service) u s-servizz internazzjonali tiegħu, Radio Free Europe Radio Liberty, il-gazzetta Azadliq (ebda rabta ma' Azadliq Radio), Meydan TV, u Azerbaijan Saadi (Azerbaijan Hour), fost oħrajn; billi lejn tmiem l-2017 u l-bidu tal-2018, għexieren ta' ċittadini Ażerbajġani ġew interrogati minħabba kummenti ta' kritika fuq Facebook, jew sempliċement talli għamlu "Like" għal status fuq il-media soċjali, jew talli kklikkjaw "attend" għal rallies politiċi,

H.  billi f'Diċembru 2018 il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva ta' Baku ordnat lill-ġurnalista investigattiva Khadija Ismayilova tħallas multa ta' aktar minn EUR 23 000 għal allegat każ ta' evażjoni tat-taxxa fuq l-introjtu li jinvolvi lil Radio Free Europe, fejn ħadmet bħala editur u qatt ma kellha kariga ta' rappreżentant legali; billi l-avukat tagħha, Yalchin Imanov, huwa fost dawk li tneħħew mill-elenku tal-assoċjazzjoni tal-avukatura Ażerbajġana; billi fl-10 ta' Jannar 2019 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sa Ismayilova kontra l-Gvern tal-Ażerbajġan b'rabta mat-tixrid ta' videos li jikkonċernaw il-ħajja privata ta' Khadija, u ddeċidiet li d-drittijiet tagħha nkisru skont l-Artikoli 8 (rispett tal-ħajja privata u tal-familja) u 10 (libertà ta' espressjoni) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

I.  billi l-emendi introdotti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u Amministrattiva u l-Att dwar l-Avukatura fl-2017 jipprojbixxu lill-avukati prattikanti li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura milli jidhru l-qorti u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom; billi din ir-regola l-ġdida tolqot lil bosta avukati li jirrappreżentaw membri tal-oppożizzjoni u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li tneħħew mill-elenku tal-avukati jew li qed jiffaċċjaw miżuri dixxiplinari;

J.  billi l-Ażerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u għalhekk impenja ruħu li jirrispetta l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi ż-żewġ korapporteurs għall-Ażerbajġan tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa esprimew tħassib kbir dwar l-akkużi l-ġodda mressqa kontra s-Sur Huseynov; billi l-istess tħassib ġie espress mir-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Media;

K.  billi fil-11 ta' Lulju 2018 l-UE u l-Ażerbajġan iffinalizzaw il-Prijoritajiet ta' Sħubija tagħhom, li stabbilew il-prijoritajiet politiċi konġunti biex jiggwidaw u jsaħħu s-sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan tul is-snin li ġejjin;

1.  Jappella għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta' Mehman Huseynov, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani jwaqqgħu l-akkużi ġodda kollha kontrih; jesprimi tħassib dwar saħħtu li għaliha l-awtoritajiet iridu jipprovdu l-assistenza medika professjonali kollha meħtieġa u jippermettu aċċess regolari lill-familja tiegħu u lill-konsulent legali soġġett għas-sigriet professjonali;

2.  Jappella biex jintemm it-trażżin tal-protesti min-naħa tal-Ażerbajġan, u jappella għall-ħelsien mill-ħabs immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili, inkluż, iżda mhux biss, Afgan Mukhtarli, Ilkin Rustamzadeh, Rashad Ramazanov, Seymur Hazi, Giyas Ibrahimov, Mehman Huseynov, Bayram Mammadov, Araz Guliyev, Tofig Hasanli, Ilgiz Qahramanov u Afgan Sadygov, u jappella biex l-akkużi kollha kontrihom jitwaqqgħu, u biex jerġgħu jingħataw bis-sħiħ id-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom;

3.  Jilqa' l-ħelsien fl-Ażerbajġan ta' diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, membri tal-oppożizzjoni u attivisti ta' profil għoli tul dawn l-aħħar snin; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani jiżguraw il-moviment liberu ta' dawk li jiffaċċjaw restrizzjonijiet, inklużi Ilgar Mammadov, Intigam Alyiev, Khadija Ismayilova, u ġurnalisti oħra, u jħallihom jaħdmu liberament; jesprimi tħassib dwar l-akkużi kriminali ġodda mressqa kontra s-Sa Ismayilova u jitlob li jitwaqqgħu;

4.  Ifakkar lill-Ażerbajġan fl-obbligi tiegħu li joriġinaw mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani jirrispettaw u jinforzaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan jikkoopera u jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-proċeduri speċjali fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżgura li l-grupp u l-attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili jistgħu joperaw liberament u mingħajr restrizzjoni, anke permezz tal-emenda tal-liġijiet li jirrestrinġu severament il-finanzjament tas-soċjetà ċivili;

6.  Jistieden lill-Ażerbajġan jiggarantixxi bis-sħiħ il-libertà tal-istampa u tal-media, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika, kemm online kif ukoll offline, biex jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani jiżguraw l-indipendenza de facto tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura mill-eżekuttiv; jinsisti li l-avukati li jipprattikaw b'mod indipendenti jitħallew ikomplu jipprattikaw u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom skont il-prokura notarili, u jappella biex tintemm it-tneħħija arbitrarja mill-elenku tal-avukati li jirrappreżentaw lil membri tal-oppożizzjoni u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jesprimi tħassib dwar allegazzjonijiet li jinvolvu lil diversi membri tal-PACE u l-allegati tentattivi li jiġu influwenzati dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'livell Ewropew permezz ta' mezzi illeċiti bil-għan li jfixklu l-kritika ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan;

9.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ażerbajġan u jistieden lill-Gvern Ażerbajġani ma jibqax jostakola u jintimida d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTI;

10.  Jissottolinja l-importanza tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan; jenfasizza li r-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu fiċ-ċentru tal-ftehim il-ġdid; jenfasizza li se jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni matul in-negozjati dwar ftehim ġdid qabel jieħu d-deċiżjoni li jagħti l-kunsens tiegħu lill-ftehim;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-ħelsien tas-Sur Huseynov u tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fl-Ażerbajġan jibqa' prijorità fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Ażerbajġan;

12.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fl-Ażerbajġan jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw u jassistu lill-priġunieri politiċi, lir-reporters u lill-bloggers, lill-attivisti kontra l-korruzzjoni, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-membri tas-soċjetà ċivili;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

(1) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 105.
(2) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 207.
(3) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 2.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0294.
(5) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(6) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.
(7) Rapport A/HRC/36/37/Add.1 tat-2 ta' Awwissu 2017.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Jannar 2019Avviż legali