Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0053/2019

Dibattiti :

PV 17/01/2019 - 8.2
CRE 17/01/2019 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2019)0034

Testi adottati
PDF 340kWORD 55k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-Sudan
P8_TA-PROV(2019)0034RC-B8-0053/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar is-Sudan (2019/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Mejju 2018(1), tal-15 ta' Marzu 2018(2), tas-16 ta' Novembru 2017(3) u tat-6 ta' Ottubru 2016(4),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li r-Repubblika tas-Sudan ilha stat parti tiegħu mill-1986,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Salih Mahmoud Osman fl-2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan tad-19 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-Trojka (l-Istati Uniti, in-Norveġja u r-Renju Unit) u tal-Kanada tat-8 ta' Jannar 2019 dwar ir-rispons għall-protesti li għaddejjin fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-24 ta' Diċembru 2018 u tal-11 ta' Jannar 2019 dwar il-protesti li għaddejjin fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tas-Sudan tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou ffirmat mill-Gvern Sudaniż fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-djalogi interattivi dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, li saru mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-11 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'nofs Diċembru, il-Gvern tas-Sudan ħabbar it-tmiem ta' sussidji fuq prodotti bażiċi b'reazzjoni għal inflazzjoni li qed tispara 'l fuq; billi r-rata tal-inflazzjoni, li bħalissa tilħaq madwar 122 %, hija t-tieni l-ogħla waħda fid-dinja(5);

B.  billi, mid-19 ta' Diċembru 2018 'il hawn, dimostranti niżlu fit-toroq madwar is-Sudan biex jipprotestaw kontra ż-żidiet fl-għoli tal-ħajja, it-tnaqqis tas-sussidji fuq prodotti bażiċi u l-iskarsezzi ta' fjuwil; billi dawn il-protesti nfirxu mill-bliet u l-irħula għal Khartoum, il-belt kapitali;

C.  billi d-dimostrazzjonijiet baqgħu jitwessgħu u għaxriet ta' eluf ta' persuni, b'mod li jirrifletti kampjun wiesa' tas-soċjetà tas-Sudan, reġgħu ħarġu fit-toroq kontra r-reġim awtoritarju, u talbu r-riżenja tal-President Omar al-Bashir, li ilu fil-poter 29 sena;

D.  billi 22 partit politiku rtiraw mill-gvern b'solidarjetà mad-dimostranti; billi l-protesti huma sostnuti minn uħud mill-ex alleati u membri tal-partit tal-President, li huma meqjusa bħala sfida serja lill-President al-Bashir, li qed ifittex li jemenda l-Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni biex jikseb mandat tul ħajtu;

E.  billi, fl-1 ta' Jannar 2019, 22 partit politiku u grupp tal-oppożizzjoni esiġew li l-President al-Bashir jittrasferixxi l-poter lil "kunsill sovran" u lil gvern tranżizzjonali li jistabbilixxi data "xierqa" għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss fis-Sudan huma skedati għall-2020; billi, skont il-Kostituzzjoni tas-Sudan, il-President Omar al-Bashir ma jistax jerġa' joħroġ għall-elezzjoni meta jintemm il-mandat kurrenti tiegħu; billi xi leġiżlaturi fis-Sudan ħabbru li huma lesti jemendaw il-kostituzzjoni biex jestendu l-limiti tal-mandat presidenzjali, b'tali mod li l-President al-Bashir ikun jista' jerġa' joħroġ għall-elezzjoni fl-2020;

F.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi ħaddmu l-forzi tas-sigurtà nazzjonali, il-pulizija, u forzi paramilitari, li mxew b'forza eċċessiva biex iferrxu d-dimostranti mhux armati, sawtuhom bil-lembubi u sparaw balal letali, balal tal-gomma, u gass tad-dmugħ;

G.  billi l-President al-Bashir huwa l-uniku kap ta' stat li huwa mfittex għal delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju mwettqa matul il-kampanja tiegħu ta' tindif etniku fid-Darfur, b'żewġ mandati ta' arrest pendenti li nħarġulu fl-4 ta' Marzu 2009 u fit-12 ta' Lulju 2010 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi, għalkemm is-Sudan mhuwiex stat parti tal-Istatut ta' Ruma, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593 (2005) tobbligah jikkoopera mal-QKI; billi, minkejja l-mandat ta' arrest tiegħu, il-President al-Bashir baqa' jwettaq id-delitti tiegħu b'impunità, hekk li wessa' l-bumbardamenti u l-attakki tiegħu kontra persuni ċivili lil hinn mid-Darfur lil dawk fl-Istati Sudaniżi tan-Nil Ikħal u tal-Kordofan tan-Nofsinhar;

H.  billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-għadd ta' persuni maqtula kien laħaq 45 sal-1 ta' Jannar 2019; billi l-Gvern Sudaniż jirrapporta biss 24 mewta; billi tliet dimostranti oħra nqatlu fid-9 ta' Jannar 2019 waqt dimostrazzjoni kontra l-gvern fis-Sudan; billi, fl-istess ġurnata, kienet qed issir l-ewwel manifestazzjoni ta' appoġġ għall-President al-Bashir f'Khartoum;

I.  billi, skont il-gvern Sudaniż, il-pulizija arrestaw 816-il ruħ fi tliet ġimgħat ta' protesti iżda, skont is-soċjetà ċivili, l-għadd reali huwa ħafna ogħla minn hekk; billi bosta akkademiċi tal-Università ta' Khartoum ġew arrestati wara li ngħaqdu mal-protesti; billi għadd ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, professuri u studenti tal-università, inklużi dawk li ġarrbu ġrieħi gravi, għadhom miżmuma mingħajr żjarat minn familjari, avukati u tobba;

J.  billi, fit-8 ta' Jannar 2018, Salih Mahmoud Osman, avukat tad-drittijiet tal-bniedem Sudaniż u rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-2007, ġie arrestat fl-uffiċċju legali tiegħu; billi l-awtoritajiet ikkonfermaw li huwa detenut, iżda ma żvelawx fejn qed jinżamm; billi l-familja tas-Sur Osman hija partikolarment imħassba dwar id-detenzjoni tiegħu minħabba li jbati minn pressjoni għolja u dijabete, li jirrikjedu li jkollu segwitu mediku;

K.  billi l-mewġa ta' arresti involviet ħafna difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għadd ta' membri tal-oppożizzjoni;

L.  billi, fit-8 ta' Jannar 2019, l-ex Viċi President Ali Osman Taha wissa lill-avversarji tal-gvern li "l-brigati" tal-milizzja kienu se jiddefendu l-pajjiż;

M.  billi l-eżistenza ta' midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika; billi l-gvern ibblokka l-aċċess għas-siti tal-midja soċjali, u bosta gazzetti ma' ġewx ippubblikati wara li Servizz Nazzjonali Sudaniż tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) impona restrizzjonijiet fuq il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni relatata mal-protesti; billi l-użu mifrux ta' VPNs ippermetta li n-nies jaqsmu ma' ħaddieħor ritratti u videos grafiċi ta' dimostranti li sfaw midruba jew maqtula ; billi s-Sudan huwa kklassifikat fil-170 post fost il-180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2018 tal-organizzazzjoni Reporters Mingħajr Fruntieri; billi, fit-13 ta' Jannar 2019, l-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti Sudaniżi, li tinkludi, fost oħrajn, tobba, professuri u inġiniera, ħarġet sejħa biex in-nies jipprotestaw fil-belt kapitali, Khartoum, u fi bliet oħra bħal Madani (fil-Lvant), Kosti (fin-Nofsinhar) u Dongola (fit-Tramuntana) fl-okkażjoni ta' "ġimgħa ta' rvell"; billi, għall-ewwel darba, saret ukoll sejħa għal protesta fi Nyala u Al-Fasher, fir-reġjun ta' kunflitt ta' Darfur;

N.  billi, skont difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, in-nies mir-reġjun tad-Darfur b'mod partikolari ġew iffastidjati u arrestati fil-pajjiż kollu kemm hu, anki jekk ma ħadux sehem f'dimostrazzjonijiet;

O.  billi s-Sudan għadu ma rratifikax trattati universali ewlenin oħra tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament Krudili, Inuman u Degradanti Ieħor, u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa;

P.  billi t-Trojka magħmula mill-Istati Uniti, in-Norveġja u r-Renju Unit, u appoġġjata mill-Kanada, ikkundannat pubblikament ir-repressjoni brutali tad-dimostrazzjonijiet fis-Sudan;

Q.  billi l-UE żżomm kuntatt ta' livell għoli mal-gvern Sudaniż, inklużi żjarat fis-Sudan minn Kummissarji;

R.  billi s-Sudan huwa kklassifikat bħala r-raba' l-agħar pajjiż għall-abitanti Nsara fil-World Watch List tal-2018 imħejjija mill-Open Doors International; billi s-sitwazzjoni għal minoranzi reliġjużi oħra, jew għal persuni li ma jemmnux, hija daqstant diffiċli;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza min-NISS matul protesti popolari li għadhom għaddejjin, u r-repressjoni li għaddejja mill-awtoritajiet fis-Sudan, li qed ikomplu jattakkaw attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll avukati, għalliema, studenti u tobba;

2.  Jitlob li l-gvern Sudaniż temm l-użu tal-forza fatali, l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji ta' dimostranti paċifiċi, u jipprevjeni aktar tixrid ta' demm u l-użu tat-tortura; jenfasizza li l-korpi kollha tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà għandhom jaġixxu taħt il-kontroll dirett tal-gvern u skont l-impenji kostituzzjonali u internazzjonali tas-Sudan;

3.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza li faqqgħet mal-bidu tal-protesti popolari, u lill-familji tagħhom;

4.  Jitlob li Salih Mahmoud Osman, rebbieħ tal-Premju Sakharov, jinħeles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiggarantixxu li jingħata kura medika urġenti u aċċess mingħajr xkiel għall-avukat u l-familja tiegħu;

5.  Jitlob li l-gvern tas-Sudan jirrispetta d-dritt tan-nies li jsemmgħu l-preokkupazzjonijiet tagħhom, u jippermetti lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem tas-Sudan iwettqu l-ħidma leġittima tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, mingħajr kwalunkwe restrizzjoni jew ritaljazzjoni;

6.  Huwa partikolarment imħasseb dwar x'ġara minn 32 student universitarju ta' oriġini f'Darfur li sfaw arrestati mill-awtoritajiet Sudaniżi fit-23 ta' Diċembru 2018 u li nħarġu għall-wiri quddiem il-midja u, skont ma ġie rrappurtat, ġew akkużati li kienu tħarrġu f'Iżrael, u li kienu huma l-kaġun tal-protesti li għaddejjin fil-pajjiż;

7.  Jesiġi li l-gvern tas-Sudan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, mexxejja tal-oppożizzjoni politika u l-protestaturi kollha l-oħra li qed jinżammu bħalissa bla akkużi formali jew proċess, u li lil dawk li qed jiffaċċjaw proċess jagħtuhom aċċess sħiħ għar-rappreżentanza legali; jitlob li l-gvern tas-Sudan jagħti informazzjoni dwar fejn qegħdin jinżammu;

8.  Jitlob li l-Gvern tas-Sudan jinvestiga minnufih l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, maltrattament u detenzjoni arbitrarja u ta' użu eċċessiv tal-forza kontra persuni miżmuma mill-pulizija u min-NISS, inkluża ċ-ċaħda ta' trattament mediku neċessarju, u jitolbuh jiżgura li l-persuni responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom fi proċessi ġusti, bil-għan li jippubblika r-riżultati u jressaq lill-persuni responsabbli quddiem il-ġustizzja fi qbil mal-istandards internazzjonali;

9.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-fondazzjonijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa għandhom rwol kruċjali; jitlob li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni permezz tal-politiki u tal-istrumenti esterni tagħha, inkluż fis-Sudan;

10.  Jitlob tmiem immedjat tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għall-internet u t-trażżin tal-libertà ta' espressjoni permezz taċ-ċensura tal-gazzetti, u jħeġġeġ lis-Sudan iwettaq riformi biex jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, f'konformità mal-obbligi kostituzzjonali u mal-impenji internazzjonali tiegħu, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005;

11.  Jiddeplora l-persekuzzjoni approvata mill-Istat kontra l-Insara, reliġjonijiet oħra u dawk li ma jemmnux, u l-għeluq u t-twaqqigħ tal-knejjes; jerġa' jafferma li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza jew twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd;

12.  Jenfasizza li huwa importanti li l-kalendarju elettorali jiġi rrispettat, iżda jinnota bi tħassib li nbeda l-proċess ta' tibdil tal-Kostituzzjoni tas-Sudan bil-għan li l-President al-Bashir ikun jista' joħroġ bħala kandidat presidenzjali għal darb' oħra;

13.  Itenni t-talba tiegħu li l-President al-Bashir jikkonforma mad-dritt internazzjonali skont il-konvenzjonijiet u t-trattati li l-gvern tiegħu huwa parti fihom; jibqa' jappoġġja r-rwol tal-QKI fil-prosekuzzjoni tiegħu fuq akkużi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

14.  Ifakkar fl-istqarrija tal-31 ta' Mejju 2018 magħmula mill-Kummissarju Stylianides fil-Parlament Ewropew, li fiha qal li l-UE se tkompli tagħmel użu mill-mezzi differenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-bniet fis-Sudan, inkluż billi ttejjeb l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni ta' kwalità u għal servizzi tal-kura tas-saħħa u billi tqajjem kuxjenza dwar drittijiethom fost il-komunitajiet, b'mod partikolari bil-għan li jonqsu l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili;

15.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri biex jiżguraw li "l-ġestjoni tal-migrazzjoni" u l-azzjonijiet kontra t-terroriżmu ma jimminawx l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem; huwa mħasseb li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri individwali mas-Sudan rigward il-migrazzjoni qed tintuża mir-reġim bħala skuża u biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li jikkontrolla u jirreprimi lin-nies, pereżempju billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sorveljanza, inkluż fil-fruntieri, u billi tfornilu tagħmir, bħal tagħmir bijometriku; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha għaldaqstant jiżguraw trasparenza sħiħa fir-rigward ta' proġetti li jinvolvu s-Sudan fil-qasam tas-sigurtà, inklużi l-attivitajiet u l-benefiċjarji ppjanati kollha ta' finanzjament nazzjonali jew mill-UE;

16.  Itenni l-appell tiegħu għal projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' tagħmir tas-sigurtà li jista' jintuża għar-repressjoni interna, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza tal-internet, lil stati li għandhom storja xejn sabiħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huwa s-Sudan;

17.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-kuntest tal-protesti li għaddejjin; jitlob li l-VP/RGħ tikkundanna pubblikament il-qagħda allarmanti fis-Sudan u tuża l-mezzi kollha ta' influwenza li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Sudaniżi ħalli jtemmu l-vjolenza u r-repressjoni li għaddejja, l-arresti tal-massa u l-qtil, u tħeġġiġhom jirrispettaw l-impenji tagħhom lejn in-normi u l-liġijiet internazzjonali;

18.  Jissottolinja l-impenn tal-UE fl-għoti ta' għajnuna umanitarja u fl-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Sudan, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu bl-isforzi tagħhom f'dawn l-oqsma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Sudan permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0233.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0080.
(3) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 50.
(4) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 33.
(5) Kalkoli mill-Prof. Steve H. Hanke, Johns Hopkins University, https://allafrica.com/stories/201807230267.html

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Jannar 2019Avviż legali