Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0251(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0413/2018

Testi mressqa :

A8-0413/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 34
CRE 16/01/2019 - 34

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0035

Testi adottati
PDF 182kWORD 58k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-programm ta' assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja *
P8_TA(2019)0035A8-0413/2018

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta' assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja (il-programm Ignalina); u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013 (COM(2018)0466 – C8-0394/2018 – 2018/0251(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2018)0466),

—  wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni li rċieva mill-Kunsill (C8-0394/2018),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0413/2018),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 1
(1)  Skont il-Protokoll Nru 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 dwar l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina1, il-Litwanja impenjat ruħha li tagħlaq l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina sal-31 ta' Diċembru 2004 u sal-31 ta' Diċembru 2009, rispettivament, u li sussegwentement tgħaddi għad-dekummissjonar ta' dawk l-unitajiet.
(1)  Skont il-Protokoll Nru 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 dwar l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina1, il-Litwanja impenjat ruħha li tagħlaq l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina sal-31 ta' Diċembru 2004 u sal-31 ta' Diċembru 2009, rispettivament, u li sussegwentement tgħaddi għad-dekummissjonar ta' dawk l-unitajiet. Il-Protokoll Nru 4 jibqa' l-bażi ġuridika tal-Programm ta' Ignalina.
_____________
_________________
1 ĠU L 236, 23.9.2003, p. 944.
1 ĠU L 236, 23.9.2003, p. 944.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 2
(2)  B'konformità mal-obbligi tagħha skont l-Att tal-Adeżjoni, u bl-assistenza tal-Unjoni, il-Litwanja għalqet iż-żewġ unitajiet fl-iskadenzi rispettivi u għamlet progress sinifikanti lejn id-dekummissjonar tagħhom. Tenħtieġ ħidma ulterjuri sabiex ikompli jitnaqqas il-livell ta' periklu radjoloġiku. Abbażi tal-istimi disponibbli, jenħtieġu riżorsi finanzjarji addizzjonali għal dan l-għan wara l-2020.
(2)  B'konformità mal-obbligi tagħha skont l-Att tal-Adeżjoni, u bl-assistenza tal-Unjoni, il-Litwanja għalqet iż-żewġ unitajiet fl-iskadenzi rispettivi u għamlet progress sinifikanti lejn id-dekummissjonar tagħhom. Tenħtieġ ħidma ulterjuri sabiex ikompli jitnaqqas il-livell ta' periklu radjoloġiku. Abbażi tal-istimi disponibbli u d-data tal-għeluq finali prevista għall-2038, jenħtieġu riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali għal dan l-għan wara l-2020. Biex ikun jista' jitlesta l-pjan għad-dekummissjonar sal-2038, jeħtieġ li tiġi indirizzata d-diskrepanza finanzjarja ta' EUR 1  548 miljun.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 3
(3)  Jeħtieġ li l-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament ikunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali. Id-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari kopert minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jsir b'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom(1), u l-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom(2). Ir-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza nukleari u għas-sikurezza tal-fjuwil użat u tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv tibqa' tal-Litwanja.
(3)  Jenħtieġ li l-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament ikunu konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u dak nazzjonali. Id-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari kopert minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jsir b'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom(1), u l-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom(2). Ir-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza nukleari u għas-sikurezza tal-fjuwil użat u tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv tibqa' tal-Litwanja. Madankollu, id-Direttiva 2011/70/Euratom tippermetti li l-Unjoni tikkontribwixxi għal firxa wiesgħa ta' proġetti ta' dekummissjonar, inkluż il-ħżin u r-rimi ta' fjuwil użat u skart radjuattiv. Filwaqt li d-Direttiva 2011/70/Euratom tiddisponi li l-ispiża tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv għandha tiġġarrab minn dawk li ġġeneraw dawk il-materjali, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika b'mod retroattiv għal-Litwanja, li għalqet l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina qabel l-adozzjoni tad-Direttiva u b'hekk ma kinitx f'pożizzjoni li takkumula biżżejjed fondi għall-ħżin u r-rimi ta' fjuwil użat u skart radjuattiv.
_____________
_________________
1 Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).
1 Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).
2 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).
2 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 4
(4)  B'rikonoxximent tal-fatt li l-għeluq prematur u d-dekummissjonar konsegwenti tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina b'żewġ unitajiet tar-reatturi tat-tip RBMK ta' 1 500 MW, li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika, kienu ta' natura mingħajr preċedent u rrappreżentaw għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali mhux proporzjonat mad-daqs u mas-saħħa ekonomika tal-pajjiż, il-Protokoll Nru 4 ddikjara li l-assistenza tal-Unjoni taħt il-programm Ignalina se titkompla bla waqfien u tiġi estiża lil hinn mill-2006, għall-perjodu tal-Perspettivi Finanzjarji li jmiss.
(4)  B'rikonoxximent tal-fatt li l-għeluq prematur u d-dekummissjonar konsegwenti tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina b'żewġ unitajiet tar-reatturi tat-tip RBMK ta' 1 500 MW (b'moderatur tal-grafit, b'sistema ta' kanali) – simili għal dawk li ntużaw f'Chernobyl – li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika, kienu ta' natura mingħajr preċedent, peress li ma kien hemm ebda każ ieħor fil-prattika mkien fid-dinja ta' żarmar ta' reattur b'dan it-tip ta' disinn, u rrappreżentaw għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali mhux proporzjonat mad-daqs u mas-saħħa ekonomika tal-pajjiż, il-Protokoll Nru 4 ddikjara li l-assistenza tal-Unjoni taħt il-programm Ignalina se titkompla bla waqfien u tiġi estiża lil hinn mill-2006, għall-perjodu tal-Perspettivi Finanzjarji li jmiss sad-data tal-għeluq finali li bħalissa hija prevista għall-2038.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 10
(10)  Il-Programm jenħtieġ li jiżgura wkoll id-disseminazzjoni tal-għarfien miksub mill-Programm lill-Istati Membri kollha, f'koordinazzjoni u sinerġija ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni għall-attivitajiet ta' dekummissjonar fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni; billi dawn il-miżuri jġibu l-akbar valur miżjud tal-Unjoni.
(10)  Il-Programm jenħtieġ li jiżgura wkoll id-disseminazzjoni tal-għarfien miksub mill-Programm lill-Istati Membri kollha, f'koordinazzjoni u sinerġija ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni għall-attivitajiet ta' dekummissjonar fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni; Sabiex dawn il-miżuri jġibu l-akbar valur miżjud tal-Unjoni, il-finanzjament għad-disseminazzjoni tal-għarfien jenħtieġ li ma jkunx parti mill-finanzjament għax-xogħlijiet ta' dekummissjonar, iżda jenħtieġ li jiġi minn sorsi finanzjarji oħra tal-Unjoni.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 11
(11)  Jenħtieġ li d-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli u b'kunsiderazzjoni xierqa tan-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-installazzjonijiet li jridu jiġu dekummissjonati, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-ogħla livell ta' effiċjenza possibbli, u b'hekk jittieħed kont tal-aħjar prattiki internazzjonali.
(11)  Jenħtieġ li d-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli u b'kunsiderazzjoni xierqa tan-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-installazzjonijiet li jridu jiġu dekummissjonati, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-ogħla livell ta' effiċjenza possibbli, u b'hekk jittieħed kont tal-aħjar prattiki internazzjonali u jiġu żgurati pagi kompetittivi għal persunal kwalifikat.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 12
(12)  Jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ u kontroll effettivi tal-evoluzzjoni tal-proċess ta' dekummissjonar mill-Kummissjoni u mil-Litwanja sabiex jiġi żgurat l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-finanzjament allokat skont dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għad-dekummissjonar hija tal-Litwanja. Dan jinkludi l-kejl effettiv tal-progress u tal-prestazzjoni, kif ukoll il-promulgazzjoni tal-miżuri korrettivi, meta jkunu meħtieġa.
(12)  Jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ u kontroll effettivi tal-evoluzzjoni tal-proċess ta' dekummissjonar mill-Kummissjoni u mil-Litwanja sabiex jiġi żgurat l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-finanzjament allokat skont dan ir-Regolament. Dan jinkludi l-monitoraġġ effettiv tal-progress u tal-prestazzjoni u, meta jkun meħtieġ, il-promulgazzjoni tal-miżuri korrettivi flimkien mal-Litwanja u l-Unjoni.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 16
(16)  Jenħtieġ li l-programm jitwettaq bl-isforz finanzjarju konġunt tal-Unjoni u tal-Litwanja. Jenħtieġ li jiġi stabbilit livell limitu ta' kofinanzjament tal-Unjoni b'konformità mal-prattika ta' kofinanzjament stabbilita taħt il-programmi predeċessuri. Filwaqt li jitqiesu l-prattika ta' programmi kumparabbli tal-Unjoni u l-ekonomija msaħħa tal-Litwanja, mill-bidu tal-programm ta' dekummissjonar ta' Ignalina sat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-regolament, jenħtieġ li r-rata ta' kofinanzjament tal-Unjoni ma tkunx ogħla minn 80 % tal-kostijiet eliġibbli. Il-kofinanzjament li jifdal jenħtieġ li jkun provdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħrajn.
(16)  Jenħtieġ li l-programm jitwettaq bl-isforz finanzjarju konġunt tal-Unjoni u tal-Litwanja. Il-Protokoll Nru 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jiddisponi li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-ambitu tal-Programm Ignalina tista', għal ċerti miżuri, tammonta għal 100 % tan-nefqa totali. Jenħtieġ li jiġi stabbilit livell limitu ta' kofinanzjament tal-Unjoni b'konformità mal-prattika ta' kofinanzjament stabbilita taħt il-programmi predeċessuri. Filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja u l-impenn politiku tal-Litwanja li tikkontribwixxi 14 % tal-kostijiet globali għad-dekummissjonar, ir-rata ta' kofinanzjament tal-Unjoni mill-bidu tal-programm ta' dekummissjonar ta' Ignalina sat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li r-rata ta' kofinanzjament tal-Unjoni ma tkunx ogħla minn 86 % tal-kostijiet eliġibbli. Il-kofinanzjament li jifdal jenħtieġ li jkun ipprovdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li jsiru sforzi biex jiġi attirat finanzjament minn sorsi oħra, b'mod partikolari minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħrajn.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 16a (ġdida)
(16a)   Lil hinn mill-ambitu tal-Programm Ignalina, il-Litwanja tibqa' fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-iżvilupp u l-investiment fir-reġjun ta' Ignalina, li huwa kkaratterizzat minn dħul baxx u għandu l-ogħla rati ta' qgħad fil-pajjiż, prinċipalment minħabba l-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari Ignalina, li kien l-akbar impjegatur fir-reġjun.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Premessa 19
(19)  Il-Programm jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm Nazzjonali Litwan skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom.
(19)  Il-Programm jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm Nazzjonali Litwan skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom u jista' jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Premessa 23a (ġdida)
(23a)   Minħabba raġunijiet storiċi, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għad-dekummissjonar tar-reattur nukleari ta' Ignalina huwa ġustifikat bis-sħiħ, iżda l-programm jenħtieġ li ma jistabbilixxix preċedent għall-użu tal-fondi tal-Unjoni għad-dekummissjonar ta' reatturi nukleari oħra. Jenħtieġ li jkun obbligu etiku għal kull Stat Membru li jevita kwalunkwe piż mhux meħtieġ fuq il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, inkluż kwalunkwe skart radjuattiv mistenni mid-dekummissjonar ta' installazjonijiet nukleari eżistenti. Il-politiki nazzjonali jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas".
Emenda 12
Proposta għal regolament
Premessa 23b (ġdida)
(23b)   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/851/Euratom tindika li skont il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", l-operaturi nukleari jenħtieġ li jwarrbu riżorsi finanzjarji adegwati matul il-ħajja produttiva tal-installazzjonijiet għall-kostijiet futuri tad-dekummissjonar.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1
1.  L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jassisti lil-Litwanja fl-implimentazzjoni tad-dekommissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina, b'enfasi speċifika fuq il-ġestjoni tal-isfidi ta' sikurezza radjoloġika tad-dekommissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina, filwaqt li tiġi żgurata d-disseminazzjoni wiesgħa tal-għarfien b'hekk iġġenerat fuq id-dekummissjonar nukleari lill-Istati Membri kollha tal-UE.
1.  L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jassisti b'mod adegwat lil-Litwanja fl-implimentazzjoni sikura tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina, b'enfasi speċifika fuq il-ġestjoni tal-isfidi ta' sikurezza radjoloġika tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina, inkluż li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħżin provviżorju tal-fjuwil użat.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 3 - paragrafu 2
2.  Il-Programm għandu għan speċifiku li jwettaq iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni tat-tagħmir u tax-xaftijiet tar-reatturi ta' Ignalina skont il-pjan ta' dekommissjonar, li jissokta l-ġestjoni sikura tad-dekommissjonar u tal-iskart li ntiret u li jxerred l-għarfien iġġenerat for il-partijiet ikkonċernati tal-UE.
2.  Il-Programm għandu l-għan ewlieni li jwettaq iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni tat-tagħmir u tax-xaftijiet tar-reatturi ta' Ignalina skont il-pjan ta' dekummissjonar u li jissokta l-ġestjoni sikura tad-dekummissjonar u tal-iskart li ntiret.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Il-Programm għandu wkoll l-għan komplementari li jiżgura disseminazzjoni wiesgħa fl-Istati Membri kollha dwar l-għarfien iġġenerat dwar id-dekummissjonar nukleari. L-objettiv komplementari għandu jkun iffinanzjat mill-programm ta' assistenza finanzjarja għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv (COM(2018)0467).
Emenda 16
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 3
3.   Id-deskrizzjoni dettaljata tal-għan speċifiku hija stabbilita fl-Anness I. Il-Kummissjoni tista' timmodifika l-Anness I, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).
3.   Id-deskrizzjoni dettaljata tal-għan ewlieni hija stabbilita fl-Anness I.
Emenda 17
Proposta għal regolament
Artikolu 4 - paragrafu 1
1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027 għandu jkun ta' EUR 552 000 000 fi prezzijiet kurrenti.
1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027 għandu jkun ta' EUR 780 000 000 fi prezzijiet kurrenti, għall-implimentazzjoni tal-għan ewlieni tal-Programm (attivitajiet ta' dekummissjonar).
Emenda 18
Proposta għal regolament
Artikolu 7 - paragrafu 1
Ir-rata massima ġenerali ta' kofinanzjament tal-Unjoni applikabbli skont il-Programm ma għandhiex tkun ogħla minn 80 %. Il-kofinanzjament li jifdal għandu jkun provdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni.
Ir-rata massima ġenerali ta' kofinanzjament tal-Unjoni applikabbli skont il-Programm għandha tkun ta' 86 %. Il-kofinanzjament li jifdal għandu jkun provdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni.
Emenda 19
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 4
4.  L-isfidi ta' sikurezza radjoloġika ewlenin għall-perjodu ta' finanzjament 2021–2027 huma indirizzati permezz tal-attivitajiet skont il-punti P.1, P.2 u P.4. B'mod partikolari, iż-żarmar tal-qlub tar-reatturi huwa kopert bil-punt P.2. Sfidi inqas importanti huma ttrattati skont il-punt P.3, filwaqt li l-punti P.0 u P.5 ikopru l-attivitajiet ta' appoġġ għad-dekummissjonar.
4.  L-isfidi ta' sikurezza radjoloġika ewlenin għall-perjodu ta' finanzjament 2021 – 2027 huma indirizzati permezz tal-attivitajiet skont il-punti P.1, P.2, P.3 u P.4. B'mod partikolari, iż-żarmar tal-qlub tar-reatturi huwa kopert bil-punt P.2. Il-punti P.0 u P.5 ikopru l-attivitajiet ta' appoġġ għad-dekummissjonar.
Emenda 20
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 5 – tabella 1 – punt P.3

Test propost mill-Kummissjoni

TABELLA 1

#

Punt

Prijorità

P.3

Ġestjoni ta' Fjuwil Nukleari Użat

II

Emenda

TABELLA 1

#

Punt

Prijorità

P.3

Ġestjoni ta' Fjuwil Nukleari Użat

I

Emenda 21
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 7
7.  Ir-rimi ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv f'repożitorju ġeoloġiku fond mhux inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm, u jrid jiġi żviluppat mil-Litwanja fil-programm nazzjonali tagħha għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv kif meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom.
7.  Filwaqt li r-rimi ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv f'repożitorju ġeoloġiku fond mhux inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027, il-Litwanja u l-Unjoni għandhom jibdew, fi żmien xieraq, konsultazzjonijiet dwar l-inklużjoni potenzjali ta' dawn l-attivitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti.
Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali