Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2056(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0456/2018

Testi mressqa :

A8-0456/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 25
CRE 16/01/2019 - 25

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0042

Testi adottati
PDF 164kWORD 58k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali
P8_TA(2019)0042A8-0456/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (2018/2056(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE (COM(2016)0534) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2016)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżi profonda bit-titlu "Directive 2011/7/EU on late payments in commercial transactions: European Implementation Assessment" (id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali: Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea" ippubblikata mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew f'Lulju 2018,

–  Wara li kkunsidra l-European Payment Reports ippubblikati minn Intrum,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0456/2018),

A.  billi l-ħlasijiet huma l-forza vitali tan-negozji, u f'ambjenti tan-negozju vijabbli u effiċjenti ħlasijiet fil-pront jippermettu lin-negozji jħallsu lura l-obbligazzjonijiet tagħhom b'mod f'waqtu u jespandu, jinvestu, joħolqu l-impjiegi, jiġġeneraw tkabbir ekonomiku usa' u jibbenefikaw lill-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali;

B.  billi l-parti l-kbira tal-oġġetti u s-servizzi li huma fornuti u pprovduti fis-suq intern bejn aġenti ekonomiċi jew bejn aġenti ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi huma abbażi ta' ħlasijiet differiti, f'sistema fejn il-fornitur jagħti lill-klijent tiegħu terminu ta' ħlas tal-fattura, skont dak li huwa miftiehem bejn il-partijiet u dak li huwa stabbilit fil-fattura tal-fornitur jew fid-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

C.  billi l-ħlasijiet tard huma prattika persistenti dannuża li għandha effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, li ma għandhomx flussi prevedibbli ta' likwidità meta jkun hemm ħlas tard;

D.  billi l-kumpaniji żgħar u medji huma b'mod speċjali affettwati awtomatikament, u dan jinfluwenza b'mod negattiv il-likwidità tagħhom, jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tagħhom u jaffettwa l-kompetittività u l-profitabbiltà tagħhom;

E.  billi negozji kbar għandhom aktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom mill-SMEs biex jipproteġu lilhom infushom minn ħlasijiet tard, pereżempju permezz ta' ħlas minn qabel, kontrolli tal-kreditu, ġbir ta' dejn, garanziji bankarji jew assigurazzjoni ta' kreditu, u jinsabu wkoll f'qagħda aħjar biex jisfruttaw l-ambjent ta' rata tal-imgħax globali baxxa biex iżidu l-investimenti u l-ingranaġġ tan-negozjati tagħhom;

F.  billi skont id-Direttiva 2011//7/UE (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard), l-awtoritajiet pubbliċi għandhom "responsabbiltà speċjali"(4) fit-trawwim ta' ambjent tan-negozju li jappoġġa l-ħlasijiet fil-ħin;

G.  billi d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tipprevedi fost l-oħrajn perjodi ta' ħlas għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) u bejn awtoritajiet pubbliċi u negozji (PA2B), intitolament awtomatiku għal imgħax għal ħlas tard, minimu ta' EUR 40 f'kumpens għall-ispejjeż ta' rkupru, u imgħax statutorju ta' mill-anqas 8 % ogħla mir-rata ta' referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew;

H.  billi, minkejja t-tnaqqis ġenerali fit-tul medju tal-perjodi ta' ħlas miġjuba mid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, 6 minn kull 10 negozji fl-UE xorta jitħallsu aktar tard fi tranżazzjonijiet B2B minn dak li kien miftiehem fil-kuntratt;

I.  billi, meta wieħed iqis id-daqs ta' kumpanija, hemm aktar probabbiltà li l-SMEs jaċċettaw jew jiġu imposti fuqhom termini ta' ħlas inġusti minn kumpaniji ikbar minħabba l-iżbilanċ tal-poter tan-negozjar u l-biża li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' negozju jew li jitilfu kuntratt futur;

J.  billi, skont il-Barometru Atradius dwar il-prattiki ta' ħlas, 95 % tal-SMEs jiddikjaraw li jitħallsu tard fl-Ewropa, li huwa proporzjon ogħla minn kumpaniji kbar, u dan għaldaqstant jippermetti l-konklużjoni li l-SMEs għandhom it-tendenza li jħallsu aktar malajr minn kumpaniji kbar, iżda jdumu biex jitħallsu;

K.  billi l-ħlas tard jaffettwa lis-setturi ekonomiċi kollha, iżda huwa partikolarment mifrux fis-setturi bi prevalenza ta' SMEs fil-katina tal-valur rilevanti (pereżempju l-kostruzzjoni, l-utilitajiet u t-trasport, is-servizzi professjonali, il-manifattura, l-ikel u x-xorb, u l-IT/telekomunikazzjonijiet);

L.  billi l-ħlas tard għadu jirrappreżenta l-kawża ta' falliment wieħed minn kull erba' fl-UE;

M.  billi l-ħlasijiet tard joħolqu spejjeż addizzjonali għal kumpaniji billi jridu jinvestu r-riżorsi tagħhom biex jiġru wara dawk li jħallsu tard jew ikollhom iħallsu l-imgħax fuq il-kreditu kuntrattat sabiex ikomplu bl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom;

N.  billi l-ħlas tard jew il-biża' li jitħallsu tard għadu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

O.  billi għal kull jum ta' ħlas tard, jistgħu jiġu ffrankati EUR 158 miljun fl-ispejjeż finanzjarji, u l-fluss ta' flus addizzjonali jista' jappoġġa 6.5 miljun impjieg addizzjonali fl-Ewropa;

P.  billi l-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra erba' Stati Membri (il-Greċja, is-Slovakkja, Spanja u l-Italja) rigward l-applikazzjoni mhux adegwata tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u rreferiet lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

Q.  billi ċerti Stati Membri nedew inizjattivi biex ixerrdu kultura ta' ħlas fil-pront, permezz tal-Kodiċijiet ta' Ħlas fil-Ħin, impenn volontarju fil-livell tal-industrija jew sinerġiji aktar b'saħħithom mar-regoli tal-akkwist pubbliku;

R.  billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ippubblikat fl-2016 ikkonkluda li l-fatt li l-kumpaniji kienu jafu dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva ma jfissirx, madankollu, li kienu qed jieħdu vantaġġ minn dawk id-drittijiet, u li n-nuqqas ta' sistema komuni għall-monitoraġġ ta' perjodu ta' ħlas medji, in-nuqqas ta' ċarezza dwar xi kunċetti ewlenin tad-Direttiva u l-iżbilanċ tas-suq bejn kumpaniji akbar u dawk iżgħar jidher li huma l-fatturi ewlenin li jipprevjenu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva;

S.  billi l-ħlas tard huwa problema kumplessa, b'ħafna fatturi, ikkawżata minn motivaturi orizzontali u hija komuni fis-setturi kollha u fit-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet (bħal kwistjonijiet ta' flussi ta' flus, żbilanċi ta' poter u daqs bejn il-kumpaniji, l-istruttura tal-katina tal-provvista, l-ineffiċjenza amministrattiva, l-aċċess limitat għall-kreditu, in-nuqqas ta' għarfien dwar il-ġestjoni tal-fatturi u tal-kreditu) u bl-influwenza ta' fatturi esterni (jiġifieri s-sitwazzjoni ekonomika u l-kultura tan-negozji nazzjonali), mhuwiex possibbli li tinstab soluzzjoni waħda li ssolvi l-kwistjonijiet kollha;

T.  billi l-proposta għal direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel (COM(2018)0173) tinkludi dispożizzjonijiet rigward il-ħlas tard għal oġġetti li jitħassru u l-ħatra mill-Istati Membri ta' awtorità tal-infurzar biex timmonitorja l-konformità mar-regoli;

U.  billi l-problemi li jwasslu għall-ħlas tard iridu jiġu indirizzati permezz ta' kombinazzjoni ta' miżuri legali u volontarji, b'interventi mmirati li jinvolvu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozji; billi tali kombinazzjoni tkun tinkludi miżuri preventivi li jimmiraw kwistjonijiet li jinħolqu qabel issir tranżazzjoni u soluzzjonijiet ta' rimedju li jindirizzaw kwistjonijiet wara li tkun saret tranżazzjoni; billi tali intervent, kemm jekk ikun regolatorju kif ukoll volontarju, għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur ekonomiku kkonċernat;

It-titjib tal-imġiba tal-ħlas fl-UE permezz ta' kombinazzjoni ta' miżuri legali u volontarji

1.  Jemmen li kemm id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħlas tard għandhom jiġu infurzati aħjar, fil-ħin u b'mod effettiv, permezz tar-rispett għal-limiti massimi stabbiliti biex jitħallsu l-fatturi u permezz ta' miżuri li jkollhom l-għan li jtejbu r-regoli dwar it-termini ta' ħlas u li jiskoraġġixxu prattiki inġusti; jinnota li dawn ir-regoli jistgħu jiġu kategorizzati skont in-natura tagħhom (legali jew volontarja), il-kamp ta' applikazzjoni (orizzontali jew speċifiku għas-settur) u l-objettiv (ta' prevenzjoni, rimedju jew bidla fil-kultura tan-negozju); jikkunsidra li b'mod parallel f'ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-azzjoni għal ksur bdew joħolqu bidla fil-kultura fl-amministrazzjoni pubblika fl-UE kollha, ikkaratterizzata minn tnaqqis ġenerali tad-dewmien fil-ħlas;

2.  Isostni li m'hemmx approċċ universali għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-ħlasijiet tard, peress li f'ċerti setturi B2B skadenzi itwal għall-ħlas, li f'kull każ ma jaqbżux it-termini stabbiliti fid-Direttiva 2011/7/UE, jistgħu f'ċerti każijiet ikunu konformi mal-ħtiġijiet tan-negozji, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta' kull settur; jenfasizza, madankollu, li għandhom isiru sforzi biex nersqu lejn skadenzi ta' ħlas ta' 30 jum u li l-iskadenzi tal-ħlas li jmorru lil hinn minn 60 jum, kif permess mid-Direttiva 2011/7/UE, huma lakuna li jistgħu jippermettu l-ftehim ta' termini twal li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kumpaniji nfushom, speċjalment għall-SMEs, filwaqt li tiġi rispettata l-libertà kuntrattwali bejn l-impriżi fis-suq; jenfasizza l-importanza li dejjem jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-intrapriżi f'pożizzjonijiet dominanti u operaturi żgħar;

Miżuri preventivi

3.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta' ħlas aktar stretti; jinnota li xi Stati Membri llimitaw it-terminu ta' ħlas standard għal 30 jum, filwaqt li ftit Stati Membri biss introduċew termini ta' ħlas massimi li l-partijiet ma jistgħux jiddevjaw minnhom; jinnota barra minn hekk li, fil-livell settorjali, l-introduzzjoni ta' termini ta' ħlas massimi hija aktar komuni; iqis li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi termini ta' ħlas aktar stretti tkun effettiva fit-tnaqqis ta' termini ta' ħlas sa ċertu punt u, dment li tiġi infurzata, toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn kumpaniji kbar u żgħar; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li sett ta' regoli aktar uniformi u simplifikat jiċċara dak li l-kredituri u d-debituri jistgħu jistennew fil-każ ta' ħlas tard u għaldaqstant itejjeb il-prevedibbiltà tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

4.  Iqis li l-introduzzjoni ta' trasparenza msaħħa dwar l-imġiba tal-ħlas tista' tiskoraġġixxi l-ħlas tard; jemmen li l-aċċess għal din l-informazzjoni jista' jaġixxi bħala inċentiv għall-entitajiet pubbliċi u n-negozji biex itejbu l-prattiki ta' ħlas tagħhom u jirrispettaw l-obbligi monetarji tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw forom differenti possibbli ta' pubblikazzjoni obbligatorja ta' informazzjoni dwar imġiba ta' ħlas, bħal bażijiet ta' data jew reġistri, kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' sistemi mandatorji li jipprovdu informazzjoni dwar imġiba tajba tal-ħlas ("semmi u faħħar") u jrawmu kultura ta' ħlas fil-pront fir-relazzjonijiet tan-negozju, minħabba l-fatt, fost l-oħrajn, li ntwera li l-ħlas fil-pront huwa strateġija intelliġenti tan-negozju peress li pagaturi responsabbli jistgħu jinnegozjaw ftehimiet aħjar u jiddependu fuq fornituri affidabbli; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar is-sistemi nazzjonali eżistenti li jipprovdu informazzjoni dwar imġiba tajba tal-ħlas ("semmi u faħħar") kemm tan-negozji kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, u tesplora l-fattibbiltà li tistabbilixxi kriterji komuni għal dawn is-sistemi fil-livell tal-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza li l-intraprendituri, partikolarment l-SMEs, jingħataw aktar informazzjoni u edukazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi; ifakkar li ġestjoni effettiva tal-kreditu tqassar il-perjodu medju tal-ġbir u żżomm fluss ottimali tal-flus, u b'hekk tnaqqas ir-riskju ta' inadempjenza u żżid il-potenzjal għat-tkabbir; jemmen li l-uffiċjali fl-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ukoll jirċievu t-taħriġ u li l-edukazzjoni u l-appoġġ jistgħu jżidu l-possibbiltà li l-SMEs jieħdu vantaġġ mir-rimedji tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard; jinnota li sfortunatament l-SMEs ta' spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jinvestu fit-taħriġ u li bħalissa m'hemmx programmi fil-livell tal-UE jew fil-livell nazzjonali li jiffukaw fuq it-titjib tal-għarfien tan-negozji dwar il-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi; jemmen li aktar fondi tal-UE għandhom possibbilment ikunu diretti lejn l-edukazzjoni finanzjarja tal-SMEs u għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-provvista ta' aktar taħriġ għall-SMEs fil-ġestjoni tal-kreditu; iqis, barra minn hekk, li t-taħriġ u l-appoġġ għandhom jinkludu wkoll linji gwida għall-irkupru ta' ħlas pendenti fi tranżazzjonijiet transfruntiera, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra dawn il-linji gwida u informazzjoni utli oħra, bħad-drittijiet u l-istrumenti disponibbli għall-intraprendituri fi kwistjonijiet legali mad-debituri, fil-portal ta' informazzjoni "L-Ewropa Tiegħek" u tiżgura appoġġ għan-negozji permezz tan-Netwerk Enterprise Europe;

Miżuri ta' rimedju

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozji jikkunsidraw biex jistabbilixxu servizzi ta' medjazzjoni kunfidenzjali nazzjonali u reġjonali mingħajr ħlas (medjazzjoni, konċiljazzjoni, arbitraġġ u aġġudikazzjoni) li jkunu aċċessibbli għall-kumpaniji kollha, bħala alternattiva għall-proċedimenti tal-qorti, biex isolvu tilwim dwar ħlasijiet u jżommu relazzjonijiet ta' negozju, iżda wkoll biex jedukaw lill-kumpaniji dwar id-drittijiet tagħhom u r-rimedji kontra l-ħlas tard; jenfasizza li dawn is-servizzi ta' medjazzjoni jkunu partikolarment utli għall-SMEs, li spiss ma jkollhomx mezzi finanzjarji adegwati biex jindirizzaw tilwim legali u minħabba f'hekk jirrinunzjaw milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex iqisu kif xieraq il-possibbiltà li jiffinanzjaw pubblikament ombudsmen indipendenti responsabbli għall-investigazzjoni ta' tilwim dwar ħlas tard u nuqqas ta' ħlas, li jgħinu lil negozji żgħar biex isolvu t-tilwim dwar ħlas tard u nuqqas ta' ħlas, u jagħtu pariri dwar azzjoni fil-każ ta' arrettrati ta' ħlas u jirrakkomandaw soluzzjonijiet, b'mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet relatati mal-irkupru tad-dejn fi tranżazzjonijiet transfruntiera;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jinkoraġġixxu u jtejbu kontrolli aktar stretti, b'mod partikolari fost kumpaniji kbar, u l-użu ta' sanzjonijiet amministrattivi li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib fl-imġiba tal-ħlas; isostni li intervent dirett mill-awtoritajiet pubbliċi, peress li huma jinfurzaw sanzjonijiet amministrattivi, jista' jgħin biex jingħeleb "il-fattur ta' biża'" u jeħles lill-kredituri mir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni kontra debituri, peress li l-awtoritajiet jinfurzaw direttament il-liġi u jieħdu azzjoni ta' diskrezzjoni kontra intrapriżi involuti fi prattiki ta' ħlas ħżiena; jemmen li l-valur tas-sanzjonijiet amministrattivi u n-natura kumulattiva tagħhom jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jħallsu tard u jissottolinja li dan ir-reġim għandu jiġi applikat progressivament skont il-livell ta' konformità tal-kumpanija;

9.  Jirrimarka li, minkejja l-fatt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ġiet adottata fi Frar 2011 u minkejja l-mekkaniżmi l-ġodda għall-protezzjoni tal-intraprendituri li ċerti Stati Membri stabbilixxew riċentement, eluf ta' SMEs u negozji ġodda madwar l-Ewropa jfallu kull sena waqt li jistennew li l-fatturi tagħhom jitħallsu, anke mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw forom obbligatorji ta' kumpens adegwat, bħat-tpaċija u miżuri oħra ta' appoġġ, bħal pereżempju, fondi ta' garanzija għall-SMEs u fatturament għal kumpaniji li għandhom jingħataw flus minn awtorità pubblika, sabiex ma jkunux imġiegħla jfallu minħabba fiha;

10.  Jenfasizza li d-djun tat-taxxa, fiskali u tas-sigurtà soċjali tal-kumpaniji għandhom jiġu kkumpensati bi kwalunkwe ammont pendenti dovut mill-awtoritajiet pubbliċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu fondi ta' garanzija għall-SMEs li jagħtu garanzija tad-djun mal-banek tal-SMEs li għandhom jingħataw flus mill-awtoritajiet pubbliċi;

12.  Jinnota bi tħassib kbir is-sitwazzjoni f'xi Stati Membri, fejn l-awtoritajiet pubbliċi dewmu ħafna ħlasijiet għal oġġetti u/jew servizzi fornuti lilhom minn impriżi (is-settur tas-saħħa kien l-aktar wieħed affettwat), inkluż fi klawżoli ta' nonassenjazzjoni ta' kuntratti ta' provvista u pprevenew (permezz tal-liġi) lil fornituri milli jinfurzaw it-talbiet tagħhom fil-qrati, u dan wassal lil dawk in-negozji f'diffikultajiet finanzjarji estremi jew saħansitra falliment; jemmen li, sabiex jiġu appoġġati n-negozji li l-ġestjoni finanzjarja tagħhom hija kkumplikata minħabba dewmien fil-ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' rifużjoni tal-VAT u tal-irkupru tal-flus aktar mgħaġġla u effiċjenti, speċjalment għall-SMEs;

13.  Jirrimarka li l-karti u l-kodiċijiet tal-ħlas fil-pront u l-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), flimkien ma' awditjar intern u kriterji ta' infurzar interni, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kultura ta' ħlas responsabbli u għall-iżgurar ta' relazzjonijiet ġusti u fiduċja fost in-negozji;

14.  Isostni li ċerti kunċetti tad-Direttiva, bħat-terminu "inġust għall-aħħar" b'rabta mat-termini tal-ħlas fi ftehimiet kuntrattwali u prattiki kummerċjali, u meta t-termini kuntrattwali ta' ħlas jibdew u jispiċċaw għandhom jiġu ċċarati, permezz ta' gwida maħruġa mill-Kummissjoni; jinnota wkoll il-ġurisprudenza emerġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti tad-Direttiva (pereżempju "impriża", "tranżazzjoni kummerċjali" u "inġust għall-aħħar" fil-Kawżi C-256/15 u C-555/14);

15.  Iqis li huwa importanti li jiġi evitat li s-settur pubbliku jiddevja mir-regoli dwar l-iskadenzi tal-ħlas stabbiliti fid-Direttiva; Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-555/14), biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu lill-fornituri tagħhom fil-ħin u li l-kredituri jirċievu l-ħlas awtomatiku tal-imgħax statutorju fuq ħlas tard u kumpens meta l-ħlasijiet jaslu tard mingħajr il-ħtieġa għal proċedimenti ta' ħlas pendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi komputazzjoni awtomatika tal-imgħax;

16.  Jenfasizza li l-ħlasijiet malajr huma estremament importanti għas-sopravivenza u t-tkabbir tan-negozji, partikolarment l-SMEs; jinnota li t-teknoloġija finanzjarja u t-teknoloġiji diġitali qed jirrevoluzzjonaw il-mezzi u l-ħeffa tal-ħlasijiet; jistenna, għalhekk, żieda qawwija fil-fatturazzjoni elettronika u s-sostituzzjoni gradwali ta' tipi tradizzjonali ta' ħlasijiet b'tipi innovattivi (pereżempju l-finanzjament tal-katina tal-provvista, il-fatturament, eċċ.), sabiex il-kreditur ikun jista' jitħallas fil-ħin reali hekk kif tinħareġ il-fattura;

17.  Jinnota b'interess kbir il-proċeduri stabbiliti f'ċerti Stati Membri fil-każ ta' ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi, li permezz tagħhom il-gvern ċentrali jista' joħroġ twissija lil awtorità lokali jekk din tal-aħħar ma tkunx ħallset lill-fornituri tagħha fil-ħin u, jekk il-ħlas tard jippersisti, tista' tħallas lill-fornituri direttament għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti, tissospendi l-allokazzjonijiet tal-ħlas lill-baġit tal-awtorità lokali li ma tkunx konformi; iqis li sistema bħal din, li tikkombina monitoraġġ affidabbli tal-prestazzjonijiet tal-ħlas tal-korpi pubbliċi bi pjan ta' eskalazzjoni effettiv, ikkomunikat b'mod wiesa' meta attivat, tidher li pproduċiet riżultati li jistħoqqilhom analiżi ulterjuri u jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-Istati Membri bħala eżempju ta' prattika tajba;

18.  Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni, li jiddikjaraw li r-raġuni ewlenija għad-ditti kredituri li jonqsu milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard hija l-biża' li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet tan-negozju tajbin; jemmen, f'dan ir-rigward, li għandha tittieħed azzjoni sabiex ikun aktar faċli għall-SMEs li jinfurzaw id-drittijiet mogħtija skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard; jitlob, f'dan il-kuntest, li tiġi eżaminata ulterjorment il-possibbiltà, stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, għal organizzazzjonijiet li uffiċjalment jirrappreżentaw lill-impriżi biex jieħdu azzjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri fuq il-bażi li termini jew prattiki kuntrattwali huma inġusti għall-aħħar;

19.  Ifaħħar ċerti inizjattivi fil-livell tal-industrija f'xi Stati Membri li skonthom korporazzjonijiet parteċipanti impenjaw ruħhom li jiżguraw li l-fornituri iżgħar tagħhom jitħallsu aktar malajr għall-prodotti jew għas-servizzi li jfornu u ddeskrivew fid-detall il-passi konkreti li se jieħdu; jinnota li d-divulgazzjoni pożittiva tal-ismijiet ("semmi u faħħar") tista' tipproduċi r-riżultati mistennija permezz tal-awtoregolamentazzjoni fil-livell industrijali u tipprovdi appoġġ sostanzjali għall-SMEs;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku bħala mezz biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku; jitlob biex jitqiesu s-sinerġiji mtejba bejn id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku, b'mod partikolari l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jieħdu azzjoni biex jippermettu l-esklużjoni ta' kuntratturi mhux produttivi minn akkwisti futuri jekk is-sottokuntratturi ma jitħallsux fil-ħin mill-kuntrattur ewlieni meta jkun meħtieġ li jagħmel hekk (id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku)(5), użu aktar mifrux tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 71(3) tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku li tippermetti ħlas dirett lil sottokuntratturi taħt ċerti kundizzjonijiet, u li l-imġiba tal-ħlas lejn is-sottokuntratturi ssir waħda mill-kriterji li fuqhom għandha ssir evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja ta' kuntratturi potenzjali f'offerti pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi lill-kuntratturi u s-sottokuntratturi, u tal-ħlas mill-kuntrattur lis-sottokuntratturi jew lill-fornituri tiegħu;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltà sħiħa fl-eżerċizzju tal-ħlas mill-amministrazzjoni pubblika u jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fil-partijiet kollha tagħha, anke billi jeliminaw kwalunkwe liġi domestika, regolament jew prattika kuntrattwali mis-settur pubbliku li jkunu f'kunflitt mal-għanijiet tad-Direttiva, bħall-projbizzjonijiet fuq l-infurzar u l-assenjazzjoni għal riċevibbli tas-settur pubbliku; itenni, b'mod parallel, li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tipprova tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u adegwata tal-obbligi eżistenti;

22.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jrawmu "tibdil deċiżiv lejn kultura ta' ħlas fil-pront"(6) billi jieħdu l-miżuri l-aktar xierqa, inklużi linji gwida dwar l-aħjar prattiki u, fejn meħtieġ, inizjattivi leġiżlattivi xierqa, filwaqt li jqisu l-proposti msemmija hawn fuq, bl-għan li joħolqu ambjent tan-negozju affidabbli għall-kumpaniji u kultura ta' ħlas puntwali;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-proċeduri ta' ħlas aktar effiċjenti, filwaqt li jenfasizza, b'mod partikolari, li l-proċeduri ta' verifika biex jiġu kkontrollati l-fatturi jew il-konformità tal-oġġetti u s-servizzi mal-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali jenħtieġ li ma jintużawx sabiex il-perjodi tal-ħlas jiġu estiżi b'mod artifiċjali lil hinn mil-limiti imposti mid-Direttiva;

24.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li l-ħlas fil-pront huwa rekwiżit ġenerali għal ambjenti tan-negozju vijabbli u li, bħala tali, għandu jiġi integrat fl-inizjattivi kollha ta' politika u dawk leġiżlattivi li jaffettwaw lin-negozji (pereżempju ir-relazzjonijiet CSR, negozji ġodda u relazzjonijiet bejn pjattaformi u negozji);

25.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw pubblikazzjonijiet professjonali, kampanji ta' promozzjoni jew kull strument ieħor biex l-intrapriżi jsiru jafu aktar dwar ir-rimedji għall-ħlas tard.

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess għal linji ta' finanzjament xierqa għall-imprendituri Ewropej;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
(2) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.
(3) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 153.
(4) Premessa 6 tad-Direttiva 2011/7/UE.
(5) l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE.
(6) Premessa 12 tad-Direttiva 2011/7/UE.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali