Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2093(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0402/2018

Testi mressqa :

A8-0402/2018

Dibattiti :

PV 17/01/2019 - 6
CRE 17/01/2019 - 6

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0044

Testi adottati
PDF 139kWORD 55k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Integrazzjoni differenzjata
P8_TA(2019)0044A8-0402/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-integrazzjoni differenzjata (2018/2093(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-ġejjieni tal-Ewropa: riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017)2025), u d-dokumenti ta' riflessjoni ta' akkumpanjament dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE, dwar il-ġejjieni tad-Difiża Ewropea, dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni u dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0402/2018),

A.  billi l-integrazzjoni differenzjata hija kunċett polisemiku li jista' jiddefinixxi diversi fenomeni mil-lat kemm politiku kif ukoll tekniku;

B.  billi l-proċessi tal-integrazzjoni fl-UE huma kkaratterizzati minn żieda qawwija fl-għadd u d-diversità ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu integrazzjoni differenzjata, kemm fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni primarja kif ukoll dik sekondarja;

C.  billi l-perċezzjonijiet politiċi tal-integrazzjoni differenzjata jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-kuntest nazzjonali; billi f'xi Stati Membri li ilhom membri tal-Unjoni minn iżjed żmien, jista' jkollha konnotazzjonijiet pożittivi u tista' tiġi assoċjata mal-idea li jinħoloq "grupp pijunier" imfassal biex joħloq aktar progress rapidu fit-tisħiħ tal-integrazzjoni, filwaqt li fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fi żmien aktar reċenti, din ta' spiss tinħass bħala perkors li jwassal għall-ħolqien ta' Stati Membri tal-ewwel u tat-tieni klassi;

D.  billi l-integrazzjoni differenzjata tirreferi wkoll għal firxa wiesgħa ta' mekkaniżmi differenti, li kull wieħed minnhom għandu impatt differenti ħafna fuq l-integrazzjoni Ewropea; billi wieħed jista' jagħmel distinzjoni bejn id-differenzjazzjoni temporali, jew Ewropa b'veloċitajiet differenti, fejn l-għanijiet huma l-istess iżda ż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu jvarja, id-differenzjazzjoni tal-modi, jew Europe à la carte, u d-differenzjazzjoni spazjali, spiss iddefinita "ġeometrija varjabbli";

E.  billi d-differenzjazzjoni kienet karatteristika stabbli tal-integrazzjoni Ewropea, mhux biss fl-oqsma li fihom l-UE għandha kompetenzi, iżda anke f'oqsma oħra, u xi kultant ippermettiet li t-tisħiħ u t-twessigħ tal-UE jiġu segwiti b'mod simultanju; billi, b'konsegwenza ta' dan, wieħed ma jistax jopponi d-differenzjazzjoni u l-integrazzjoni, u lanqas ma jista' jippreżenta d-differenzjazzjoni bħala triq innovattiva għall-ġejjieni tal-Unjoni;

F.  billi, jekk l-integrazzjoni differenzjata tista' tkun soluzzjoni pragmatika biex tixpruna 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea, din għandha tintuża b'kawtela u fi ħdan limiti ddefiniti b'mod strett, fid-dawl tar-riskju tal-frammentazzjoni tal-Unjoni u tal-qafas istituzzjonali tagħha; billi l-għan aħħari tal-integrazzjoni differenzjata għandu jkun li tiġi promossa l-inklużjoni u mhux l-esklużjoni tal-Istati Membri;

G.  billi l-esperjenza turi li filwaqt li l-interdipendenza tikkostitwixxi fattur ta' integrazzjoni, il-politiċizzazzjoni tagħmilha sikwit ta' ostakolu għaliha; billi, b'konsegwenza ta' dan, l-oqsma politiċi tal-UE bi grad akbar ta' integrazzjoni bħall-armonizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-suq intern huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawk l-inqas politiċizzati, filwaqt li l-integrazzjoni differenzjata tidher interessanti aktar għal dawk l-oqsma kkaratterizzati minn polarizzazzjoni politika għolja, bħall-politika monetarja, id-difiża, il-kontroll tal-fruntieri, id-drittijiet fundamentali jew it-tassazzjoni;

H.  billi l-istabbiliment ta' rabtiet politiċi u ta' interdipendenza bejn l-Istati Membri jagħti kontribut deċiżiv għall-integrazzjoni tagħhom fi ħdan l-Unjoni;

I.  billi t-Trattati jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri biex iwettqu perkorsi differenti ta' integrazzjoni, jiġifieri permezz ta' kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)) u kooperazzjoni strutturata permanenti (l-Artikolu 46 tat-TUE) mingħajr, madankollu, ma jinkludu dispożizzjonijiet għal flessibbiltà permanenti jew integrazzjoni differenzjata bħala għan jew prinċipju fit-tul tal-integrazzjoni Ewropea; billi dawn il-perkorsi differenti tal-integrazzjoni għandhom jiġu applikati biss għal għadd limitat ta' politiki, għandhom ikunu inklużivi, sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem, u ma għandhomx idgħajfu l-proċess tal-ħolqien ta' Unjoni dejjem eqreb kif preskritt fl-Artikolu 1 tat-TUE; billi, barra minn hekk, kooperazzjoni msaħħa skont il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni issa hija realtà, li tikkontribwixxi għall-bini ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina;

J.  billi bl-eċċezzjoni tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, il-każijiet eżistenti kollha ta' integrazzjoni differenzjata setgħu ġew adottati fil-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata kieku dan kien previst fl-Artikolu 329(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea minflok l-unanimità;

K.  billi xi forom ta' integrazzjoni differenzjata jista' jkollhom effetti ċentripeti, billi jattiraw aktar Stati Membri biex jissieħbu fl-inizjattiva fi stadju aktar tard;

L.  billi l-proċess tad-differenzazzjoni wassal għall-ħolqien ta' inizjattivi fi ħdan il-qafas ġuridiku tal-UE, iżda anke għal xi arranġamenti ġuridiċi intergovernattivi aktar flessibbli, li wasslu għall-ħolqien ta' sistema kumplessa inkomprensibbli għaċ-ċittadini;

M.  billi l-Istati Membri mhumiex l-uniċi atturi potenzjali tal-integrazzjoni differenzjata; billi r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar ir-raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT)(4) diġà jippermetti l-kooperazzjoni transnazzjonali fuq il-bażi ta' interess komuni;

1.  Jinsisti fuq il-fatt li d-dibattitu dwar l-integrazzjoni differenzjata ma għandux ikun dwar l-argument favur id-differenzjazzjoni u dak kontra, iżda dwar l-aħjar mod għat-tħaddim tal-integrazzjoni differenzjata – li diġà hija realtà politika– fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE fl-aħjar interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha;

2.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu li l-istrutturi u l-proċessi deċiżjonali intergovernattivi jżidu l-kumplessità tar-responsabbiltà istituzzjonali, inaqqsu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku u li, għall-funzjonament tal-Unjoni, il-metodu Komunitarju huwa l-aħjar wieħed;

3.  Iqis li l-integrazzjoni differenzjata għandha tirrifletti l-idea li l-Ewropa ma taħdimx abbażi ta' approċċ ta' universalità u għandha tadatta ruħha għall-ħtiġijiet u għax-xewqat taċ-ċittadini tagħha; jemmen li xi kultant id-differenzjazzjoni tista' tkun meħtieġa sabiex jinbdew proġetti Ewropej ġodda u jingħeleb l-impass li jirriżulta minn ċirkostanzi politiċi nazzjonali mhux relatati mal-proġett komuni; jemmen, barra minn hekk, li din għandha tintuża b'mod pragmatiku bħala għodda kostituzzjonali biex tiġi żgurata l-flessibbiltà mingħajr ma jiddgħajjef l-interess ġenerali tal-Unjoni u d-drittijiet u l-opportunitajiet ugwali taċ-ċittadini tagħha; itenni li d-differenzjazzjoni għandha titqies biss bħala pass temporanju fil-perkors lejn tfassil ta' politika aktar effettiv u integrat;

4.   Iqis li l-Kunsill tal-Ewropa għandu jieħu ż-żmien li jeħtieġ biex isawwar l-aġenda Ewropea billi juri l-benefiċċju ta' azzjonijiet komuni u jipprova jikkonvinċi lill-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem fihom; jenfasizza li kwalunkwe tip ta' integrazzjoni differenzjata li jintlaħaq qbil dwarha hija għalhekk it-tieni l-aħjar għażla, u mhux prijorità strateġika;

5.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li, kif previst fl-Artikoli 20 u 46 tat-TUE, l-integrazzjoni differenzjata trid tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha u trid tibqa' sservi bħala eżempju ta' integrazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fejn l-ebda Stat Membru ma jitħalla barra minn politika fit-tul, u ma għandhiex titqies bħala mezz biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet à la carte li jheddu li jdgħajfu l-metodu tal-Unjoni u s-sistema istituzzjonali tal-UE;

6.  Jafferma li kwalunkwe forma ta' inizjattiva relatata mad-differenzjazzjoni li twassal għall-ħolqien ta' Stati Membri tal-Unjoni tal-ewwel u tat-tieni klassi, jew għall-perċezzjoni ta' dan, tkun falliment politiku kbir b'konsegwenzi detrimentali għall-proġett tal-UE;

7.  Jappella biex kwalunkwe mudell ta' integrazzjoni differenzjata jitfassal b'tali mod li jingħataw inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri li jaspiraw għal "inklużjoni fakultattiva" fl-isforzi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp u konverżjoni mil-lat ekonomiku bil-ħsieb li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa fi żmien raġonevoli;

8.  Iqis li tweġiba xierqa għall-ħtieġa ta' għodod flessibbli hija li tiġi indirizzata waħda mill-kawżi tal-problema; jitlob, għalhekk, li ssir bidla ulterjuri fil-proċeduri tal-votazzjoni tal-Kunsill mill-unanimità għall-maġġoranza kwalifikata, billi tagħmel possibbli l-użu ta' "klawżola passerelle" (l-Artikolu 48(7) tat-TUE);

9.  Jemmen li l-integrazzjoni differenzjata għandha ssir dejjem fi ħdan id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għandha żżomm l-għaqda tal-istituzzjonijiet tal-UE u ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' arranġamenti istituzzjonali paralleli jew arranġamenti li indirettament imorru kontra l-ispirtu u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, iżda minflok għandha tippermetti li jiġu stabbiliti korpi speċifiċi fejn xieraq, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u għar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE; jirrimarka li l-flessibbiltà u l-adattament għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jistgħu jiġu żgurati wkoll permezz ta' dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja;

10.  Jenfasizza li l-integrazzjoni differenzjata ma għandhiex twassal għal proċessi kumplessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet li jdgħajfu l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-istituzzjonijiet tal-UE;

11.  Iqis il-Brexit bħala opportunità biex, minn mudelli ta' "esklużjoni fakultattiva", nimxu lejn mudelli nondiskriminatorji u solidali ta' "inklużjoni fakultattiva"; jenfasizza li dawn il-mudelli ta' "inklużjoni fakultattiva" ma jillimitawx il-progress lejn "għaqda dejjem akbar" għall-aktar denominatur komuni baxx ta' soluzzjoni waħda għal kulħadd, iżda jippermettu l-flessibbiltà meħtieġa għall-progress filwaqt li jitħalla l-bieb miftuħ għall-Istati Membri li jkunu lesti u kapaċi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa;

12.  Jitlob li r-reviżjoni li jmiss tat-Trattat iġġib ordni fil-proċess attwali tad-differenzjazzjoni billi ttemm il-prattika ta' nonparteċipazzjonijiet u eċċezzjonijiet permanenti mid-dritt primarju tal-Unjoni għal Stati Membri individwali, peress li dawn iwasslu għal differenzjazzjoni negattiva fid-dritt primarju tal-Unjoni, ixekklu l-omoġeneità tad-dritt tal-Unjoni b'mod ġenerali u jipperikolaw il-koeżjoni soċjali tal-UE;

13.  Jirrikonoxxi, madankollu, li xi perjodi tranżitorji jistgħu jkunu meħtieġa għal membri ġodda fuq bażi strettament eċċezzjonali, temporanja u ta' każ b'każ; jinsisti fuq il-fatt li għandhom jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet legali ċari u infurzabbli sabiex tiġi evitata t-tkomplija ta' dawn il-perjodi;

14.  Jinsisti, għalhekk, li mbagħad is-sħubija tal-UE tkun tirrikjedi konformità sħiħa mad-dritt primarju tal-Unjoni fl-oqsma ta' politika kollha, filwaqt li dawk il-pajjiżi li jixtiequ relazzjoni mill-qrib mal-UE mingħajr ma jkunu lesti li jimpenjaw ruħhom biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi primarja u li jew mhux se jissieħbu jew ma jistgħux jissieħbu fl-UE għandhom jiġu offruti xi forma ta' sħubija; iqis li din ir-relazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn obbligi li jikkorrispondu għad-drittijiet rispettivi, bħal kontribuzzjoni għall-baġit tal-UE, u għandha tkun kontinġenti fir-rigward tal-aderenza mal-valuri fundamentali tal-Unjoni, mal-istat tad-dritt u, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq intern, mal-erba' libertajiet;

15.  Jissottolinja l-fatt li r-rispett u s-salvagwardja tal-valuri fundamentali tal-UE huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea, komunità msejsa fuq il-valuri, u jgħaqqdu lill-Istati Membri flimkien; iqis, għalhekk, li d-differenzjazzjoni ma għandhiex tkun permissibbli fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet u l-valuri fundamentali eżistenti stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE; jinsisti, barra minn hekk, li d-differenzjazzjoni ma għandhiex tkun possibbli f'oqsma ta' politika fejn l-Istati Membri mhux parteċipanti jistgħu joħolqu esternalitajiet negattivi, bħal dumping ekonomiku u soċjali; jitlob li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-effetti ċentrifuġi potenzjali, inkluż fit-terminu twil, meta tressaq il-proposti tagħha għal kooperazzjoni msaħħa;

16.  Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tiġi definita sħubija bil-għan li tiġi stabbilita għaqda ta' sħab madwar l-UE għall-istati li ma jistgħux jew mhux se jissieħbu fl-Unjoni, iżda li madankollu jixtiequ relazzjoni mill-qrib mal-UE(5);

17.  Jissuġġerixxi li, wara ċertu numru ta' snin, meta titnieda kooperazzjoni msaħħa minn għadd ta' stati li jirrappreżentaw maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill u wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament, tiġi stabbilita proċedura speċjali li tippermetti l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-acquis tal-UE;

18.  Jissottolinja l-fatt li l-flessibbiltà u d-differenzjazzjoni għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ ta' regoli komuni f'oqsma ewlenin sabiex jiġi żgurat li d-differenzjazzjoni ma twassalx għal frammentazzjoni politika; iqis, għalhekk, li qafas istituzzjonali Ewropej ġejjieni għandu jinkludi Pilastri Ewropej inevitabbli dwar id-drittijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

19.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-kooperazzjoni reġjonali taqdi rwol importanti fit-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea u jqis li l-iżvilupp ulterjuri tagħha għandu potenzjal b'saħħtu biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-integrazzjoni billi din tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet lokali u għar-rieda ta' kooperazzjoni;

20.  Jissuġġerixxi li għandhom jiġu żviluppati għodod adattati fi ħdan id-dritt tal-Unjoni u baġit stabbilit għall-ittestjar ta' inizjattivi transkonfinali fi ħdan l-UE dwar kwistjonijiet ta' interess għall-UE kollha, li eventwalment ikunu jistgħu jinbidlu fi proposti leġiżlattivi jew f'każijiet ta' kooperazzjoni msaħħa;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(2) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.
(3) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 176.
(4) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.
(5) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 207.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali