Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0082/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

Testi adottati
PDF 124kWORD 50k
Il-Ħamis, 31 ta' Jannar 2019 - Brussell Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P8_TA(2019)0061RC-B8-0082/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(1), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil(2) u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Jannar 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

B.  billi, fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro ħa f'idejh b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

C.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

D.  billi fil-Venezwela saru protesti u dimostrazzjonijiet massivi f'dawn l-aħħar jiem; billi qed jiġu rrappurtati għaxriet ta' mwiet u diversi mijiet ta' nies midruba fil-kuntest ta' dimostrazzjonijiet u taqlib; billi nies għadhom jinqatlu u jindarbu u għadhom iseħħu vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li jirriżultaw minn atti ta' vjolenza u repressjoni fil-konfront ta' protesti soċjali, tfittxijiet illegali, arresti arbitrarji, inklużi dawk ta' aktar minn 70 minorenni, flimkien ma' stigmatizzazzjoni u persekuzzjoni ta' attivisti tal-oppożizzjoni; billi ssejħu protesti ġodda għal din il-ġimgħa li għaddiet;

E.  billi l-UE ripetutament appellat biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli;

F.  billi, fl-2017, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov tal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

G.  billi l-popolazzjoni Venezwelana qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u demokratika bla preċedent, hekk li aktar minn 3 miljun persuna emigraw u r-rata tal-inflazzjoni qabżet il-1 650 000 %;

H.  billi s-sħab internazzjonali u reġjonali, fosthom l-UE, impenjaw ruħhom li jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal proċess politiku paċifiku, kredibbli u inklużiv fost l-atturi Venezwelani kollha rilevanti; billi l-UE tenniet ir-rieda tagħha li żżomm il-kanali tal-komunikazzjoni miftuħa;

I.  billi Nicolás Maduro ċaħad pubblikament il-possibbiltà li jsejjaħ elezzjonijiet presidenzjali ġodda b'risposta għat-talba tal-VP/RGħ f'isem l-UE għaż-żamma urġenti ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli;

1.  Jirrikonoxxi lis-Sur Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, kif iddikjarat fl-Artikolu 233 tagħha, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-pjan direzzjonali tiegħu;

2.  Jitlob li l-VP/RGħ u l-Istati Membri jadottaw pożizzjoni soda u magħquda, u jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-uniku president interim leġittimu tal-pajjiż sa ma jkunu jistgħu jissejħu elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u kredibbli ġodda biex ireġġgħu lura d-demokrazija; jilqa' l-fatt li ħafna stati demokratiċi diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida;

3.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, jekk din id-deċiżjoni tiġi approvata, jaġixxu f'dan ir-rigward u jakkreditaw l-ħatra ta' dawk ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet leġittimi;

4.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni u l-vjolenza ħorox, li jwasslu biex persuni jinqatlu u jindarbu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela kif ukoll il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto Venezwelani biex itemmu l-vjolazzjonijiet kollu tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom u li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rispettati bis-sħiħ;

5.  Jikkundanna d-detenzjoni ta' bosta ġurnalisti li jkopru s-sitwazzjoni fil-Venezwela u jitlob li jinħelsu immedjatament;

6.  Jirrifjuta l-proposti jew tentattivi għal soluzzjoni tal-kriżi li jistgħu jimplikaw l-użu tal-vjolenza;

7.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha;

8.  Jappoġġja bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li ssir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar il-każijiet ta' qtil li twettqu, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tiegħu adottati preċedentement;

9.  Jitlob li l-VP/RGħ taħdem mal-pajjiżi fir-reġjun u ma' kwalunkwe attur ewlieni ieħor bil-għan li jinħoloq grupp ta' kuntatt, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018, li jista' jagħmilha ta' medjatur bil-ħsieb li jinbena ftehim dwar is-sejħa ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju maqbul, kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha, trasparenza u osservazzjoni internazzjonali;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali