Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2102(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0474/2018

Testi mressqa :

A8-0474/2018

Dibattiti :

PV 30/01/2019 - 25
CRE 30/01/2019 - 25

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.17
CRE 31/01/2019 - 9.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0062

Testi adottati
PDF 197kWORD 73k
Il-Ħamis, 31 ta' Jannar 2019 - Brussell Verżjoni finali
Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
P8_TA(2019)0062A8-0474/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2018/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 9, 11, 12, 39, 42, 101 sa 109, u 174 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 35, 37 u 38 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2017 (COM(2018)0482) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi(2) (Regolament tal-KE dwar il-Fużjoni),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'' (COM(2014)0449),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2017 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (COM(2017)0142) (id-Direttiva NEK+),

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2016 dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C(2016)2946),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem(3),

–  wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, id-deċiżjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' April 2018(4) u tal-14 ta' Frar 2017(5) dwar ir-rapporti annwali tal-2017 u tal-2016 dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Lulju 2018 bit-titolu "Competition issues in the area of financial technology (FinTech)" (Kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni fil-qasam tat-teknoloġija finanzjarja (FinTech)), li ġie kkummissjonat mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub E-000344-16, E-002666-16 u E-002112-16,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar l-inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku (COM(2017)0229),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0474/2018),

A.  billi l-politika tal-kompetizzjoni issa ilha fis-seħħ għal aktar minn 60 sena u billi politika tal-kompetizzjoni tal-UE b'saħħitha u effettiva dejjem kienet bażi fundamentali tal-proġett Ewropew;

B.  billi l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa joħolqu kompetizzjoni inġusta, li taffettwa b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

C.  billi l-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jdgħajfu d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul mit-taxxa fl-Istati Membri, u għalhekk ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern;

D.  billi l-evitar qawwi tat-taxxa minn individwi u intrapriżi b'valur nett għoli ma jippenalizzax biss lill-kontribwenti ordinarji, il-finanzi pubbliċi u l-infiq soċjali, iżda jhedded ukoll il-governanza tajba, l-istabbiltà makroekonomika, il-koeżjoni soċjali u l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

E.  billi ċerti gvernijiet u ġurisdizzjonijiet, inkluż xi wħud fl-UE, speċjalizzaw jew involvew ruħhom fil-ħolqien ta' reġimi fiskali preferenzjali li jfixklu l-kompetizzjoni għall-benefiċċju ta' kumpaniji multinazzjonali u ta' individwi b'valur nett għoli, li fil-verità ma jkollhomx sustanza ekonomika f'dawn il-ġurisdizzjonijiet iżda huma sempliċement irrappreżentati minn kumpaniji tal-isem;

1.  Iqis li politika tal-kompetizzjoni bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha hija bażi fundamentali tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew u fattur ewlieni fl-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq intern; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2017 kif ukoll l-isforzi u l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE, speċjalment dawk f'pożizzjoni dgħajfa tal-konsumatur; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiżgura l-infurzar sħiħ tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, billi tagħti attenzjoni partikolari lid-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, u biex tevita l-applikazzjoni mhux uniformi tagħhom fl-Istati Membri;

2.  Jilqa' u jkompli jħeġġeġ id-djalogu strutturat mal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tiegħu; iqis li r-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni huwa eżerċizzju indispensabbli f'termini ta' skrutinju demokratiku; ifakkar li fis-snin reċenti, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament kien involut fit-tfassil tal-qafas għar-regoli tal-kompetizzjoni, pereżempju fid-Direttiva NEK+ li ġiet proposta; jinnota li l-Parlament għandu jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni biex ifassal il-qafas għar-regoli tal-kompetizzjoni u jiddispjaċih li d-dimensjoni demokratika ta' dan il-qasam tal-politika tal-Unjoni ma ġietx imsaħħa fl-emendi reċenti tat-Trattat;

3.  Jilqa' u jibqa' jappoġġja l-aġenda u l-prijoritajiet ambizzjużi tad-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jinnota li għad fadal sfidi importanti, pereżempju fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, fejn l-għadd kbir ta' fużjonijiet jikkostitwixxi sfida; jinnota li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fużjonijiet, l-antitrust u l-għajnuna mill-Istat spiss ikunu soġġetti għal diskussjoni politika, u jissottolinja li, filwaqt li xi eżempji ta' deċiżjonijiet riċenti huma msemmija f'dan ir-rapport, l-istampa globali hija usa', u li l-intenzjoni tal-Parlament mhijiex li jieħu pożizzjoni dwar każijiet individwali, peress li huwa r-rwol tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar meta d-dritt tal-kompetizzjoni ma jkunx qed jiġi rispettat;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt dannuż potenzjali tal-fużjoni bejn Siemens u Alstom proposta fuq il-kompetittività tas-suq ferrovjarju Ewropew u l-effetti negattivi tagħha fuq l-utenti tal-ferroviji;

5.  Jinnota li fl-2018 il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva biex jinħoloq Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP), li jkun fond ta' pensjoni privata;

6.  Jenfasizza li l-konsumatur huwa l-benefiċjarju ewlieni ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq uniku Ewropew;

7.  Jilqa' l-investigazzjoni dwar il-kartell tat-trakkijiet; jieħu nota pożittiva tal-fatt li l-Kummissjoni ma qisitx biss l-impatt tal-kartell bejn il-produtturi tat-trakkijiet kbar fuq il-prezzijiet tat-trakkijiet iżda ssanzjonat ukoll il-fatt li huma ħadmu flimkien biex idewmu l-introduzzjoni ta' trakkijiet aktar nodfa;

8.  Jissottolinja l-fatt li r-regoli tal-kompetizzjoni huma bbażati fuq it-Trattat u, kif stipulat fl-Artikolu 7 tat-TFUE, għandhom jitqiesu fid-dawl tal-valuri Ewropej usa' li jirfdu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-affarijiet soċjali, l-ekonomija tas-suq soċjali, l-istandards ambjentali, il-politika dwar il-klima u l-ħarsien tal-konsumaturi; jemmen li l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tindirizza d-distorsjonijiet tas-suq kollha, inklużi dawk li jinħolqu minn esternalitajiet soċjali u ambjentali negattivi;

9.  Jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni għandha taġixxi bħala katalizzatur biex tgħin tippromwovi t-tranżizzjoni tal-enerġija madwar l-UE, tistimola l-integrazzjoni ekonomika u soċjali fl-Ewropa, tħeġġeġ attivitajiet agrikoli ekoloġikament sostenibbli u tillimita l-kapaċità tal-intrapriżi kbar tal-enerġija li jgħollu l-prezzijiet tal-provvista tal-enerġija;

10.  Jirrimarka li anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti b'xejn, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, il-konsumaturi xorta waħda jistgħu jesperjenzaw imġiba inġusta, bħal degradazzjoni fil-kwalità, fl-għażla u fl-innovazzjoni jew prattiki ta' estorsjoni; jemmen li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-infurzar għandhom ikopru wkoll firxa ta' aspetti li jmorru lil hinn mill-approċċi li jiffukaw fuq il-prezzijiet u għandhom iqisu kunsiderazzjonijiet usa' bħall-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi, anke fid-dawl tal-privatezza taċ-ċittadini;

11.  Jinnota l-bidliet enormi fis-swieq li jirriżultaw mill-iżvilupp teknoloġiku kontinwu, li jġibu magħhom kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni fl-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku diġitali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal qafas li filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni tad-data u mudelli kummerċjali ġodda, jindirizza b'mod effettiv l-isfidi tal-ekonomija xprunata mid-data u tal-algoritmi; jissottolinja b'mod partikolari li diversi pjattaformi diġitali bil-kapaċità li jaċċessaw u jikkontrollaw il-flussi tad-data li dejjem qed jiżdiedu jistgħu jiġġeneraw ekonomiji ta' skala u esternalitajiet tan-netwerk konsiderevoli, u jistgħu jwasslu għal fallimenti tas-suq permezz ta' konċentrazzjoni eċċessiva u estrazzjoni ta' redditu minn saħħa abbużiva fis-suq; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' konsulenti speċjali għall-Kummissarju li jiffukaw fuq l-isfidi futuri tad-diġitalizzazzjoni għall-politika tal-kompetizzjoni, u jistenna b'interess is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa għal approċċ komuni mifrux mal-UE kollha dwar dawn il-kwistjonijiet;

12.  Jissottolinja l-fatt li ta' spiss l-utenti ma jkunux konxji tal-punt sa fejn tkun qed tintuża d-data tagħhom u tiġi ttrasferita lil partijiet terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi(6) (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika), tiżgura li l-kumpaniji diġitali jużaw id-data personali biss wara li l-abbonat jew l-utent ikkonċernat ikun ta l-kunsens espliċitu tiegħu, u li mingħajr dan il-kunsens, id-data ma tkunx tista' tiġi ttrasferita lil parti terza li magħha l-kumpanija jew il-pjattaforma jkollha ftehim; iqis, għalhekk, li s-swieq diġitali jeħtieġ li jiġu vvalutati minn perspettiva multidixxiplinarja, peress li mġiba antikompetittiva tista' tinvolvi ksur ta' oqsma oħra tal-liġi bħal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsumatur; jenfasizza li rispons ta' infurzar xieraq jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti differenti jaħdmu flimkien, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, tal-konsumatur u tal-protezzjoni tad-data kif issuġġerit mill-inizjattiva dwar il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal mekkaniżmu ta' koordinament(7);

13.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza seduta ta' smigħ mal-kumpaniji tat-teknoloġija billi tistieden lis-CEOs ta' Google, Facebook u Apple sabiex tiddiskuti b'mod partikolari kif id-data personali tal-konsumaturi tinġabar u tintuża minn pajjiżi terzi; jinsab imħasseb dwar il-fatt l-utenti, ir-regolaturi u xi drabi anke l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet u dawk li jirreklamaw mhumiex konxji tal-estent tal-fluss ta' data minn smartphones lejn gruppi ta' reklamar diġitali u partijiet terzi oħra; jinnota li d-data li tinġabar minn partijiet terzi permezz ta' apps tal-ismartphone tista' tinkludi kwalunkwe ħaġa minn informazzjoni dwar il-profil bħall-età u l-ġeneru għal dettalji tal-post, inkluża data dwar torrijiet tal-mowbajls jew routers tal-Wifi fil-qrib, u informazzjoni dwar kwalunkwe applikazzjoni oħra fuq mowbajl; jemmen li l-UE għandha tagħti s-setgħa lill-individwi biex jifhmu l-kwistjonijiet ta' monopolju u ta' konċentrazzjoni li jikkonċernaw dawn il-kumpaniji tal-intraċċar;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiġġudika l-kontroll tad-data meħtieġa għall-ħolqien u l-forniment ta' servizzi bħala indikatur għall-eżistenza tas-saħħa fis-suq, inkluż taħt il-gwida tagħha dwar l-Artikolu 102 tat-TFUE, u biex tirrikjedi interoperabbiltà bejn il-pjattaformi online u l-fornituri tan-netwerks soċjali; jirrimarka wkoll l-evoluzzjoni tal-algoritmi ta' awtotagħlim u tal-intelliġenza artifiċjali, b'mod partikolari meta jingħataw lil kumpaniji minn partijiet terzi, u l-impatt tagħha fuq in-natura tal-attività tal-kartell; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar dawn il-kwistjonijiet fir-rapport annwali li jmiss tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni;

15.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv tal-Unjoni mfassla biex jiżguraw li l-konsumaturi affettwati minn prattiki antikompetittivi jirċievu kumpens xieraq;

16.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi ggarantit id-dritt għal portabbiltà transkonfinali sabiex jiġi evitat li l-limitazzjonijiet eżistenti għal dan id-dritt jiġu stabbiliti bħala prattiki tas-suq leġittimi; iqis li huwa importanti li jitneħħew ir-restrizzjonijiet abbużivi u mhux iġġustifikati imposti abbażi ta' raġunijiet ġeografiċi li jipprovdu livelli inkonsistenti tal-allegata protezzjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

17.  Iqis li l-limiti ġuriżdizzjonali li jistabbilixxu l-punt ta' tluq għal rieżami ta' fużjoni tal-UE, li huma bbażati fuq il-fatturat tal-entitajiet destinatarji u dawk akkwirenti, mhumiex dejjem xierqa għall-ekonomija diġitali, li fiha l-valur ta' spiss jiġi rrappreżentat min-numru ta' viżitaturi fuq sit web, għal finijiet ta' reklamar; jissuġġerixxi li dawn il-limiti jiġu riveduti u adattati sabiex jinkludu, fost l-oħrajn, fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi affettwati mill-fużjonijiet u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati;

18.  Jissottolinja l-fatt li l-ostakoli għad-dħul f'xi oqsma tal-ekonomija diġitali qed isiru dejjem aktar insuperabbli, peress li aktar ma titkompla l-imġiba inġusta, aktar ma jkun diffiċli li wieħed imur lura għall-effetti antikompetittivi tagħha; iqis li l-miżuri interim jistgħu jkunu għodda siewja biex jiġi żgurat li ma jsirx dannu lill-kompetizzjoni waqt li tkun għaddejja investigazzjoni; jafferma, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tagħmel użu effettiv minn miżuri interim, filwaqt li tiżgura li jkun hemm proċess xieraq u d-dritt ta' difiża tal-impriżi li jkunu qed jiġu investigati; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex twettaq analiżi ta' jekk hemmx mezzi biex tiġi ssimplifikata l-adozzjoni ta' miżuri interim fi żmien sentejn mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+; jirrakkomanda f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni titgħallem mill-aħjar prattiki f'ġurisdizzjonijiet oħra;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi aktar ambizzjużi biex telimina l-ostakoli illegali għall-kompetizzjoni online, sabiex jiġi żgurat xiri online mingħajr ostakoli fi ħdan l-UE, jiġu mmonitorjati l-limiti fuq il-prezzijiet f'setturi bħall-pjattaformi online għall-akkomodazzjoni u t-turiżmu u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess transkonfinali għal firxa wiesgħa ta' oġġetti u servizzi online bi prezzijiet kompetittivi; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twettaq inkjesta settorjali dwar is-suq tar-reklamar sabiex ikun hemm fehim aħjar tad-dinamika tar-reklamar online u jiġu identifikati l-prattiki antikompetittivi li jeħtieġ li jiġu indirizzati skont l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni kif għamlu xi awtoritajiet nazzjonali;

20.  Jissottolinja l-fatt li d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija moderna twassal għal bidliet fil-loġika ekonomika tradizzjonali; jenfasizza għalhekk li kwalunkwe sistema għat-tassazzjoni trid tqis il-fatt li d-diġitalizzazzjoni hija r-realtà normali ġdida għall-partijiet kollha tal-ekonomija tagħna; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' regoli dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali(8); jenfasizza li t-tassazzjoni diġitali trid tindirizza l-asimmetriji bejn l-ekonomija tradizzjonali u l-prattiki ekonomiċi ġodda bbażati fuq id-diġitalizzazzjoni u tevita li xxekkel id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni jew toħloq ostakoli artifiċjali fl-ekonomija; jissottolinja l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet internazzjonali u approċċi komuni għat-tassazzjoni fl-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha fil-fora internazzjonali, jiġifieri fl-OECD, biex jintlaħaq tali ftehim;

21.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-taxxa fuq is-servizzi diġitali (COM(2018)0148) bħala miżura kruċjali li tiżgura li s-settur diġitali jħallas is-sehem ġust tiegħu ta' taxxi sakemm tiġi adottata soluzzjoni permanenti li se tippermetti l-intaxxar tal-profitti fejn jinħoloq il-valur;

22.  Itenni li l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni hija essenzjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks u li għandhom jiġu mħeġġa prezzijiet affordabbli u għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; iqis li t-telefonati li jsiru fi ħdan l-UE għadhom jirrappreżentaw piż sinifikanti għan-negozji u l-klijenti u li l-passi lejn it-twaqqif tat-tariffi tal-konsumaturi għal roaming fl-UE mhumiex biżżejjed jekk is-suq uniku għandu jissaħħaħ aktar; jirrikonoxxi l-fatt li jridu jinħolqu inċentivi biex it-telefonati li jsiru fi ħdan l-UE jsiru konformi mat-telefonati lokali billi jiġu ffaċilitati l-investimenti f'netwerk kompletament Ewropew jew kondiviż; huwa tal-fehma li l-politiki għandhom jiffavorixxu investimenti effiċjenti f'netwerks ġodda, filwaqt li jqisu l-impatt fuq il-konsumaturi u permezz ta' dan jipprevjenu wkoll distakki diġitali ġodda bejn familji b'introjtu għoli u baxx; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-broadband billi jiġi promoss livell għoli ta' kompetizzjoni u tiżgura livell għoli ta' konnettività fl-UE u l-iskjerament rapidu tal-5G madwar l-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-Unjoni u jiġu attirati l-investimenti; jemmen li fit-twettiq tal-kompitu t'hawn fuq, huwa importanti li l-politika tal-kompetizzjoni tqis l-ispeċifiċitajiet tal-iskjerament tal-broadband f'żoni rurali sabiex taqdi l-interess pubbliku u treġġa' lura t-tendenza lejn iż-żieda fid-disparitajiet teknoloġiċi bejn iż-żoni rurali u urbani fir-rigward tal-aċċess;

23.  Huwa tal-fehma li l-kontijiet kurrenti u ta' tfaddil ma għandhomx jiġġeneraw kummissjonijiet għall-utenti sakemm dawn ma jkunux marbuta ma' servizzi speċifiċi;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-antitrust tal-Kummissjoni biex Google tiġi mmultata EUR 4.34 biljun għal prattiki illegali dwar l-apparati mobbli Android bil-għan li tissaħħaħ id-dominanza tal-magna tat-tiftix ta' Google; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2019 tikkonkludi l-każ tal-antitrust ta' Google Shopping li tnieda f'Novembru 2010, tmien snin ilu; ifakkar lill-Kummissjoni biex tikkonkludi l-investigazzjoni tat-trattament ta' Google fir-riżultati tat-tiftix tagħha ta' servizzi tat-tiftix oħra speċjalizzati ta' Google, inklużi l-kwistjonijiet relatati mat-tiftix lokali li Yelp qajjem fl-aħħar ilment tiegħu; jirrakkomanda li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jirrifletti dwar it-tul tal-każijiet tal-antitrust diġitali u dwar l-aktar għodda xierqa biex dawn jiġu indirizzati; jitlob lill-Kummissjoni b'mod partikolari sabiex tqis il-possibbiltà li tistabbilixxi skadenzi għall-każijiet tal-antitrust, kif tagħmel fil-każijiet ta' fużjoni;

25.  Itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tqis ukoll id-diżaggregazzjoni strutturali sħiħa tal-monopolji tat-teknoloġija diġitali bħala soluzzjoni possibbli biex tkun tista' tiġi rrestawrata l-kompetizzjoni u kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq diġitali Ewropew;

26.  Jenfasizza li l-effettività tal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni tiddependi fuq it-tfassil u l-ittestjar ta' rimedji xierqa; jenfasizza li r-rimedji li jirrigwardaw il-konsumatur huma importanti biex tiġi rrestawrata l-kompetittività f'suq billi l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu deċiżjonijiet informati u jindirizzaw il-preġudizzji status quo; huwa tal-opinjoni li, meta l-Kummissjoni Ewropea tfassal rimedji tal-imġiba, hija għandha tinkorpora l-ekonomiji ta' mġiba bħala dixxiplina ta' sostenn kif għamlu xi awtoritajiet nazzjonali fis-snin reċenti;

27.  Jinnota li l-President tal-Kummissjoni impenja ruħu li jressaq proposti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri permezz ta' obbligu li jwieġbu talbiet fi grupp dwar kwistjonijiet ta' taxxa, sabiex Stat Membru wieħed ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-oħrajn ikunu jistgħu jipproċedu kontra dawk li jevadu t-taxxa fuq livell transfruntier; jinnota li meta l-azzjonijiet ta' Stat Membru jkunu qed jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Parlament u l-Kunsill, taħt ċerti ċirkustanzi kif deskritti fl-Artikolu 116 tat-TFUE, jistgħu joħorġu direttivi sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni;

28.  Jirrikonoxxi l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-Lussemburgu ta lil Engie benefiċċji tat-taxxa mhux dovuti ta' madwar EUR 120 miljun, u li l-proċedura ta' rkupru għadha għaddejja; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Gvern tal-Lussemburgu ddeċieda li jappella d-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

29.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, dwar l-investigazzjoni li tikkonċerna għajnuna mill-Istat lil McDonalds, li stqarret li n-nontassazzjoni ta' ċerti profitti ta' McDonalds fil-Lussemburgu ma tikkostitwixxux għajnuna mill-Istat illegali; huwa tal-fehma li r-regolament attwali tal-UE mhux adegwat biex jiġġieled in-nontassazzjoni doppja b'mod effettiv u biex iwaqqaf il-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-livelli tat-taxxa korporattiva;

30.  Jindika li f'żewġ każijiet reċenti, minkejja l-konklużjonijiet tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) li r-riżoluzzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-interess pubbliku, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna mill-Istat fuq il-bażi li se ttaffi t-tfixkil ekonomiku fuq livell reġjonali, u b'hekk uriet żewġ interpretazzjonijiet distinti ta' interess pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni teżamina d-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim tar-riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) u wara dan li tirrevedi l-Komunikazzjoni Bankarja tagħha tal-2013 kif xieraq;

31.  Josserva li għadd ta' studji(9) wrew l-ispiża soċjali moħbija u naqqsu l-kompetizzjoni tal-prodott li tikkorrispondi għal livelli ogħla ta' konċentrazzjoni ta' sjieda orizzontali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tqis li tirrevedi r-Regolament dwar il-fużjoni f'dan is-sens u tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikolu 101 u 102 tat-TFUE f'tali każijiet;

32.  Jinnota li fin-nuqqas ta' għodod ta' riżoluzzjoni setgħet kienet meħtieġa għajnuna temporanja mill-Istat lis-settur finanzjarju għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali iżda li madankollu issa trid tkun skrutinizzata u trid titneħħa; jiddispjaċih dwar in-natura insuffiċjenti ta' dan l-iskrutinju; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk, minn mindu bdiet il-kriżi, l-istituzzjonijiet bankarji bbenefikawx minn sussidji impliċiti u minn għajnuna mill-Istat permezz tal-għoti ta' appoġġ ta' likwidità minn banek ċentrali; ifakkar fl-impenn meħud mill-Kummissarju Vestager fid-djalogu strutturat mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament f'Novembru 2017 biex issir riflessjoni dwar distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-Programm ta' Xiri mis-Settur Korporattiv tal-BĊE u biex jingħata rapport bi tweġiba kwalitattiva; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-kunċett tas-selettività fl-għajnuna mill-Istat huwa kriterju essenzjali li jeħtieġ li jiġi investigat bir-reqqa u jinnota wkoll l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jinkludi l-hekk imsejjaħ prinċipju ta' lealtà;

33.  Iqis li hija prijorità li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu strettament u imparzjalment segwiti meta jiġu indirizzati kriżijiet bankarji fil-futur, sabiex il-kontribwenti jkunu protetti kontra l-piż ta' salvataġġ tal-banek;

34.  Jilqa' l-introduzzjoni mill-Kummissjoni ta' għodda ta' informaturi anonimi, li tippermetti r-rapportar ta' kartelli, jew tipi oħra ta' prattiki antikompetittivi illegali, sabiex b'hekk tiżdied il-probabbiltà li dawn jiġu identifikati u jitħarrku; jinnota ċ-ċifri pożittivi wara l-ewwel xhur ta' użu;

35.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li konċentrazzjoni dejjem tikber fis-settur finanzjarju tista' tnaqqas il-grad ta' kompetizzjoni fis-settur, u jinsab imħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' suq intern ġenwin fil-qasam bankarju u l-frammentazzjoni kontinwa fis-swieq nazzjonali;

36.  Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ qafas armonizzat b'saħħtu dwar ir-rapportar u t-tassazzjoni korporattiva għall-kumpaniji multinazzjonali, b'rapportar pubbliku għal kull pajjiż u bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK); ifakkar li, minbarra t-tnaqqis fl-ispejjeż għaż-żewġ ditti u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri ssolvi l-kwistjoni ta' pprezzar tat-trasferimenti u tiżgura kompetizzjoni aktar ġusta fi ħdan is-suq uniku;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-miżuri tat-taxxa dannużi fl-Istati Membri fis-Semestru Ewropew, u tivvaluta bis-sħiħ id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti kollaterali fuq ġurisdizzjonijiet oħra;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u saħansitra tespandi l-isforzi tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet dwar l-abbuż minn pożizzjonijiet dominanti tas-suq għad-detriment tal-konsumaturi fl-UE; jitlob li, fl-istess ħin, il-Kummissjoni timmonitorja monopolji tal-gvern eżistenti u l-legalità ta' offerti ta' konċessjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni;

39.  Jissottolinja l-effett distortiv li l-għajnuna mill-Istat jista' jkollha fuq il-funzjonament tas-suq intern; ifakkar fir-rekwiżiti stretti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE; jinnota li ħafna mid-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' antitrust u ta' għajnuna mill-Istat jittieħdu fil-livell nazzjonali; jemmen għalhekk li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tieħu miżuri sabiex tiżgura miżuri ta' politika konsistenti fi ħdan is-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tniedi pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tiċċara l-aspetti differenti tad-definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat, kif muri fl-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE; jinnota b'mod partikolari l-isforzi biex jiġu ċċarati l-kunċetti ta' "impriża" u "attività eknomika"; josserva madankollu li l-ħolqien ta' distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi jibqa' diffiċli; jinnota wkoll li huwa r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-interpretazzjoni xierqa tat-Trattat; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari lit-twassil tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) inklużi l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, meta tapplika r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari fil-kuntest tal-appoġġ mill-Istat iddedikat għal reġjuni iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jissottolinja li meta tiġi applikata l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, l-għan għandu jkun li din tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini, minflok li ssaħħaħ l-interessi personali;

40.  Jissottolinja l-fatt li t-tassazzjoni għadha primarjament kompetenza nazzjonali minħabba l-limitu tal-unanimità fil-Kunsill u li l-għażla tal-politika tiddependi għalhekk fuq il-perspettiva u l-orjentazzjoni politiċi tal-gvernijiet u tal-parlamenti nazzjonali rispettivi tal-Istati Membri; jinnota madankollu li l-istrument ta' tassazzjoni jista' jintuża biex jagħti għajnuna mill-Istat impliċita lill-kumpaniji, li jista' joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fis-suq intern; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-politiki tat-taxxa nazzjonali ma jfixklux il-kompetizzjoni ġusta u b'hekk li l-politika tat-taxxa u tal-kompetizzjoni tiġi applikata b'mod konsistenti fi ħdan is-suq intern; jilqa' l-fatt li t-Task Force dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa ssir korp permanenti; jitlob li t-Task Force tkun mgħammra biżżejjed f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi umani u mal-għodod ta' investigazzjoni; jitlob sitwazzjoni attwali ċara fl-investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta' tali kwistjonijiet, inkluż l-għadd ta' każijiet li qed jiġu investigati; jenfasizza li, fi ħdan is-suq intern, il-parteċipanti u d-ditti ġodda, inklużi l-SMEs, li ma jużawx prattiki fiskali aggressivi jiġu ppenalizzati; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvestiga fil-fond il-prattiki antikompetittivi bħalma huma vantaġġi selettivi tat-taxxa u reġimi deċiżjonali dwar qligħ eċċessiv; jilqa' b'mod partikolari l-gwida pprovduta fl-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat li jkopri d-deċiżjonijiet tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri jabbandunaw il-prattiki ta' kompetizzjoni inġusti bbażati fuq inċentivi tat-taxxa inġusti; jitlob lill-Kunsill jadotta l-proposta dwar il-BKKTK; jiddispjaċih dwar il-fatt li skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, it-taxxi mhux imħallsa rkuprati mill-benefiċjarji ta' għajnuna tat-taxxa illegali jiġu rritornati lura fil-pajjiż li jkun ipprovda l-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni għal din il-problema; jenfasizza li n-negozjati sussegwenti mar-Renju Unit għandhom jinkludu r-rispett ta' kompetizzjoni ġusta u garanzija li r-Renju Unit ma jkunx jista' jagħti għajnuna mill-Istat fil-forma ta' ftehimiet tat-taxxa li jintlaħqu privatament miż-żewġ naħat;

41.  Jissottolinja l-konċentrazzjoni estensiva tal-katina tal-provvista tal-ikel, fejn għadd ta' kumpaniji jiffurmaw oligopolju fuq is-suq globali taż-żrieragħ u tal-pestiċidi, għad-detriment tal-konsumaturi, il-bdiewa, l-ambjent u l-bijodiversità bl-istess mod; jindika li tali struttura se tagħmel lill-bdiewa saħansitra aktar dipendenti mil-lat teknoloġiku u ekonomiku fuq ftit pjattaformi b'one-stop-shop globalment integrati, jipproduċu diversità limitata ta' żrieragħ, jagħtu direzzjoni ġdida lit-tendenzi fl-innovazzjoni lil hinn mill-adozzjoni ta' mudell ta' produzzjoni li jirrispetta l-ambjent u l-bijodiversità u fl-aħħar mill-aħħar, minħabba tnaqqis fil-kompetizzjoni, jiġġeneraw inqas innovazzjoni u kwalità aktar baxxa tal-prodotti finali; Jistieden lill-Kummissjoni, meta jitqies it-tnaqqis fl-introjtu agrikolu, b'mod partikolari fost il-bdiewa żgħar, biex tidderieġi l-intervent tagħhom biex ikun jista' jkun hemm dħul diċenti għal produtturi agrikoli, speċjalment in-negozji żgħar u medji;

42.  Jikkunsidra li kontroll aktar eżawrjenti mill-Kummissjoni dwar l-użu tal-privattivi fil-qasam agrikolu huwa indispensabbli;;

43.  Jilqa' inizjattivi bħall-qafas ta' Bliet Intelliġenti, li jistimola l-insedjamenti biex isiru aktar aġili, jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi tagħhom u jieħdu sehem b'mod aktar attiv fil-kompetizzjoni tas-suq uniku kif ukoll itejbu l-attraenza tagħhom u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti rurali;

44.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tat-teknoloġija ta' katina ta' blokok għas-servizzi finanzjarji; iwissi madankollu li l-użu ta' din it-teknoloġija għall-ġbir ta' fondi jrid jiġi rregolat sabiex jiġu evitati dumping eċċessiv fil-konfront tas-swieq finanzjarji rregolati, riskji għall-investituri u riskji ta' ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipproponi qafas regolatorju għal offerti inizjali tal-muniti​(ICOs);

45.  Jesprimi tħassib dwar l-approvazzjoni reċenti tal-fużjoni ta' Bayer u Monsanto mill-Kummissjoni u r-rikonoxximent tagħha li fl-għanijiet ta' deċiżjoni tagħha inkorporati fit-TFUE, hija injorat b'mod partikolari s-sikurezza alimentari, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-ambjent u l-klima;

46.  Jemmen li huwa importanti li tittieħed azzjoni kontra l-kumpaniji involuti fis-setturi tal-kummerċjalizzazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-katina tal-produzzjoni agrikola li jxekklu s-suq agrikolu għad-detriment tal-introjtu tal-irziezet u l-prezzijiet tal-konsumaturi;

47.  Jilqa' l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni meta vvalutat il-fużjonijiet orizzontali biex tiffoka dejjem aktar fuq il-kompetizzjoni tal-innovazzjoni, b'mod partikolari f'fużjonijiet li jinvolvu swieq li jagħmlu użu intensiv mir-R&Ż, u jinnota li l-fużjonijiet għandhom jiġu vvalutati mill-perspettiva tas-suq intern kollu; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tressaq rieżami tar-Regolament tal-KE dwar il-Fużjoni u tanalizza sa liema punt hija għandha tingħata s-setgħa, bħalma għandhom bħalissa ċerti Stati Membri, biex tadotta miżuri għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku Ewropew u d-drittijiet u l-prinċipji tat-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluża l-protezzjoni ambjentali;

48.  Itenni l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Google abbużat mid-dominanza tas-suq tagħha bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lill-prodotti tagħha; jenfasizza li hija meħtieġa separazzjoni strutturali kompluta bejn is-servizzi ta' tiftix ġenerali u speċjalizzati tal-kumpanija sabiex jintemm dan l-abbuż;

49.  Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tinterpeta l-Artikolu 101 tat-TFUE bħala li jqis l-għanijiet differenti tat-Tratatti; jissottolinja, madankollu, li l-interpetazzjoni limitata tal-Artikolu 101 tat-TFUE mil-linji gwida orizzontali tal-Kummissjoni tqieset dejjem aktar bħala ostakolu għall-kollaboazzjoni ta' atturi tas-suq iżgħar biex jiġu adottati standards ambjentali u soċjali ogħla; jemmen li l-Kummissjoni għandha toħloq ċertezza legali dwar il-kundizzjonijiet li bihom l-arranġamenti kollettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali tagħhom li jsiru tul il-katina tal-provvista tal-ikel għall-fini tas-sostenibbiltà u ta' standards tax-xogħol ġusti, jiġu vvalutati skont id-dritt tal-kompetizzjoni, u tħeġġeġ tali inizjattivi fi ħdan il-politika tal-kompetizzjoni; jenfasizza li tali approċċ ma għandux ixekkel il-produzzjoni ta' oġġetti bi prezz aktar baxx, speċjalment f'setturi fejn il-konsumaturi huma aktar sensittivi għall-prezz; jenfasizza wkoll l-importanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri li l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni ma tistax tmur oltre minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-interess ġenerali;

50.  Jenfasizza l-għanijiet u l-miri maqbula b'mod komuni tal-unjoni tal-enerġija u jinnota speċifikament id-dimensjoni tas-sigurtà, id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, is-solidarjetà u l-fiduċja; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li s-swieq tal-enerġija Ewropej ikunu mibnija fuq l-istat tad-dritt, il-kompetizzjoni, id-diversità tas-sorsi tal-enerġija u l-fornituri, il-prevedibbiltà u t-trasparenza u li kwalunkwe operatur tas-suq, stabbilit fl-Unjoni jew f'pajjiż terz, ma jitħalliex juża pożizzjoni dominanti għad-detriment tal-kompetituri u tal-konsumaturi; jitlob, f'dan ir-rigward, skrutinju akbar ta' tali operaturi tas-suq u, fejn meħtieġ, l-impożizzjoni ta' miżuri u obbligi kontrihom; jinnota, b'mod partikolari, li l-istrateġija użata minn ċerti kumpaniji tal-enerġija ta' tqassim tas-suq tal-gass tal-UE u b'estensjoni li potenzjalment tikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE, jeħtieġ li tiġi indirizzata kif xieraq; jirrikonoxxi wkoll li l-impenji legalment vinkolanti meħuda mill-Istati Membri bħala parti mill-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima mhux se jitwettqu mingħajr miżuri konkreti tal-istat li jippromwovu u joħolqu inċentivi għall-enerġija rinnovabbli u li jippermettu l-produzzjoni u l-użu tagħha; jieħu nota tar-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat u l-enerġija, li mhux se jkomplu jeskludu tnejn mis-setturi li jibbenefikaw l-aktar minn sussidji statali, l-enerġija nukleari u l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili, u li jipprevedu aktar flessibbiltà għall-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-konsumaturi; jenfasizza l-importanza li l-unjoni tal-enerġija tiġi kkompletata permezz tal-integrazzjoni tas-swieq, l-aktar billi jsir investiment f'interkonnetturi fejn ikun meħtieġ u abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-potenzjal kummerċjali, u billi tiżdied il-kapaċità negozjabbli fl-interkonnessjonijiet eżistenti; jenfasizza, għalhekk, li kwalunkwe approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-mekkaniżmi ta' kapaċità trid tkun soġġetta għal test tan-neċessità strett inkluż billi jiġu eżaminati miżuri alternattivi, b'mod partikolari użu aktar effiċjenti ta' interkonnetturi eżistenti; jissottolinja li l-mekkaniżmi ta' kapaċità spiss jirrappreżentaw spejjeż konsiderevoli għall-konsumaturi u jiffunzjonaw bħala "sussidju moħbi", filwaqt li jappoġġjaw impjanti tal-enerġija li ma jrendux qligħ u li jniġġsu, u dan joħloq il-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-iskemi ma jkunux miftuħa għall-aktar assi li jniġġsu meta tiġi approvata kwalunkwe għajnuna mill-Istat li tingħata lilhom;

51.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza akbar meta jkunu qed jiġu previsti l-isħubiji pubbliċi-privati, sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà li dawn jintużaw mis-sħab tas-settur privat sabiex jiżguraw vantaġġi kompetittivi fuq il-kompetituri tagħhom;

52.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-ipprezzar għall-mediċini li jsalvaw il-ħajjiet, b'mod partikolari fil-każ li jinvolvi l-Aspen;

53.  Jenfasizza l-importanza li jingħataw l-istess drittijiet lit-trasportaturi tal-ajru kollha meta jtiru lejn jew mill-UE; jirrikonoxxi b'dispjaċir li dan mhux dejjem ikun il-każ għal-linji tal-ajru tal-UE li joperaw barra mill-UE li huma soġġetti għal prattiki inġusti li jaffettaw il-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-prattiki antikompetittivi li jdgħajfu wkoll il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi; jenfasizza mill-ġdid l-importanza li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-UE u t-rasportaturi tal-ajru tal-pajjiżi terzi;

54.  Jenfasizza l-importanza ta' settur tat-trasport kompetittiv; jinnota li s-suq uniku fit-trasport għad irid jiġi kkomplementat, filwaqt li s-settur ferrovjarju huwa l-aktar settur ifframmentat; jilqa' l-passi li ħadet il-Kummissjoni biex trawwem l-ikkompletar u operazzjoni mtejba fis-suq intern għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq;

55.  Jafferma mill-ġdid li proġetti ġodda ta' infrastruttura, inklużi dawk li jgħaqqdu Stat Membru ma' pajjiż terz, iridu jkunu s-suġġett tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-aktar fir-rigward tar-regoli dwar id-diżaggregazzjoni u l-formazzjoni tal-prezzijiet tas-suq;

56.  Jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' riżorsi finanzjarji u umani xierqa fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll tal-IT u tal-kompetenza diġitali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi imposti minn ekonomija xprunata mid-data u bbażata fuq l-algoritmi; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-qasam propost tal-kompetizzjoni tal-programm tas-suq uniku skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (QFP);

57.  Jissottolinja li meta tieħu deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tqis is-suq intern bħala suq uniku, u mhux bħala għadd ta' swieq lokali jew nazzjonali indipendenti;

58.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-infurzar effettiv tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-prevenzjoni ta' inkonsistenzi fir-rimedji u l-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar; jemmen f'dan ir-rigward li l-aħjar mod biex jittejbu r-regoli u l-prattiki tal-kompetizzjoni madwar id-dinja huwa billi jitwettqu diskussjonijiet ġusti u trasparenti; jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u fejn applikabbli dawk reġjonali fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

59.  Jilqa' d-Direttiva NEK+ li se ttejjeb b'mod sinifikanti l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE madwar l-Unjoni billi tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom l-għodod, ir-riżorsi u s-salvagwardji meħtieġa għall-indipendenza, inkluż proċess trasparenti għall-elezzjoni jew il-ħatra tat-tmexxija tagħhom, filwaqt li tagħtihom is-setgħa biex jimponu multi dissważivi għall-ksur tal-kompetizzjoni; japprezza l-għajnuna bikrija tal-Kummissjoni mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe ftehim kummerċjali futur jipprovdi kundizzjonijiet ekwi, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat; jisħaq li l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss f'każijiet eċċezzjonali u ġustifikati li huma rregolati mil-liġi, biex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, filwaqt li jiġu previsti eċċezzjonijiet u ġustifikazzjonijiet relatati mal-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; ifakkar li peress li l-kumpaniji qed isiru globali, l-istess iridu jagħmlu dawk li jinfurzaw il-kompetizzjoni, mhux l-inqas minħabba li l-firxa tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u l-ħolqien ta' ekonomija diġitali wasslu għal konċentrazzjoni eċċessiva ta' swieq u poteri f'ċerti setturi; jemmen li r-regoli globali dwar il-kompetizzjoni u l-ogħla livell ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, anke fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni matul proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, huma prekundizzjoni għall-iżvilupp globali tal-kummerċ ġust;

61.  Ifakkar li l-ftehimiet ta' kummerċ u investiment internazzjonali għandu jkollhom kapitlu speċifiku u b'saħħtu dwar il-kompetizzjoni;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex turi l-ambizzjoni li tiftaħ is-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku u żżid l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għal sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi terzi; iqis li huwa meħtieġ li jitnaqqsu l-asimetriji fl-aċċess għal kuntratti ta' akkwist pubbliku bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, jiġifieri l-Istati Uniti u ċ-Ċina; jistieden lis-sħab kummerċjali kollha tal-UE jippermettu aċċess nondiskriminatorju għan-negozji u għall-ħaddiema Ewropej fis-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom; jilqa' d-diskussjoni mġedda dwar l-Istrument ta' Akkwist Internazzjonali, li jistabbilixxi r-reċiproċità meħtieġa f'każijiet fejn is-sħab kummerċjali jirrestrinġu l-aċċess għas-swieq tal-akkwist tagħhom, u jistieden lill-Kunsill Ewropew jadottaha malajr; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fil-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi permezz ta' sħubiji kummerċjali bilaterali; ifakkar li l-kumpaniji li joperaw f'kundizzjonijiet mhux tas-suq u xprunati minn kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi jistgħu prattikament jegħlbu lil kull kompetitur fl-offerti Ewropej għall-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-offerti għall-akkwist pubbliku, u twaqqaf lin-negozji Ewropej u lill-ħaddiema milli jbatu mill-kompetizzjoni inġusta li ġejja minn kumpaniji orkestrati mill-Istat;

63.  Jirrimarka li l-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, anke permezz tal-politika tal-kompetizzjoni, hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell globali li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji, u li din il-ġlieda hija waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija kummerċjali tal-UE; jenfasizza li d-dokument ta' riflessjoni dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni jiddikjara li l-Unjoni jeħtiġilha tieħu passi biex tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni; jilqa' l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-politiki tal-kompetizzjoni fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-Ġappun u fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv mal-Kanada; jiddispjaċih, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet għadhom limitati fl-ambitu u ma jipprevedux infurzar effettiv u soluzzjoni għat-tilwim; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jiġu inkorporati dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha u li tiġi infurzata l-implimentazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jiġu garantiti regoli ġusti;

64.  Jilqa' l-proposta għall-istabbiliment ta' qafas Ewropew għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani; iqis li hu strument utli għall-protezzjoni tan-negozju Ewropew ta' interess strateġiku minn prattiki kummerċjali inġusti li jistgħu jagħmlu ħsara lis-sigurtà u lill-ordni pubbliku, u għall-ħarsien tar-rispett għall-prinċipji ġusti tal-kompetizzjoni fl-UE;

65.  Jenfasizza l-importanza tal-istrument kontra s-sussidju fl-indirizzar tal-kompetizzjoni globali inġusta, u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi b'regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li fl-2017 ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal darb'oħra ħolqot l-ogħla għadd ta' ostakli kummerċjali li kienu għadhom kif ġew kostitwiti għan-negozji u l-ħaddiema Ewropej u kienet involuta fil-maġġoranza tal-każijiet Ewropej kontra s-sussidju;

66.  Jinsab imħasseb dwar il-politika doganali tal-Istati Uniti u l-impatt tagħha fuq il-kompetittività tan-negozji Ewropej; jisħaq li l-isforzi tal-Kummissjoni biex tibbilanċja mill-ġdid il-kummerċ mal-Istati Uniti għandhom ikunu sodi, iżda bilanċjati, proporzjonati u kompatibbli mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

67.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta, inkluż billi tiġġieled kontra l-użu mhux ġustifikat tal-ostakli tariffarji u s-sussidji, fis-suq globali permezz ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' pajjiżi oħra f'fora bħad-WTO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), il-G20 u l-Bank Dinji; ifakkar fil-ħidma li twettqet fid-WTO bejn l-1996 u l-2004 dwar l-interazzjoni bejn il-politika kummerċjali u l-politika tal-kompetizzjoni, u jiddispjaċih li din il-kwistjoni ma kinitx parti mill-programm ta' ħidma tad-WTO minn dakinhar 'l hawn; jisħaq li dispożizzjonijiet fil-ftehimiet tad-WTO bħall-Artikolu IX tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jipprovdu bażi għal aktar kooperazzjoni fost il-membri tad-WTO dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni; jitlob, għalhekk, li jsir progress ġdid fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO lejn il-garanzija ta' kompetizzjoni internazzjonali ġusta;

68.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li d-WTO allegatament mhijiex kapaċi tindirizza l-ekonomiji mhux tas-suq u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mis-sussidji u mill-intervent mill-Istat, minkejja li jemmen ħafna fir-rwol fundamentali tad-WTO; jilqa' l-azzjoni tripartitika tal-Istati Uniti, tal-Ġappun u tal-UE biex jirriformawha skont dan;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha għall-SMEs fl-UE sabiex tippermettilhom jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom f'każ ta' prattiki kummerċjali inġusti, jiġifieri d-dumping u s-sussidjar minn pajjiżi li mhumiex fl-UE; jirrikonoxxi f'dan il-kuntest l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġġieled il-kompetizzjoni inġusta f'każijiet ta' profil għoli kontra kumpaniji magħrufa sew, iżda jisħaq ukoll fuq l-importanza kbira li tkun garantita kompetizzjoni ġusta fil-każ tal-SMEs;

70.  Jisħaq li l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli ta' ftehimiet kummerċjali hija importanti għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi sħab u għall-protezzjoni tan-negozji Ewropej minn kompetizzjoni inġusta; jilqa' l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fir-riforma tal-miżuri antisussidji u antidumping.

71.  Jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE mhux qed tikseb ir-riżultati mixtieqa għaliex, filwaqt li hija applikata bl-għan li tiddefendi l-kompetizzjoni ġusta bejn l-atturi kollha fis-suq intern, b'enfasi speċjali fuq l-interessi tal-konsumaturi, ir-realtà hija li minħabba l-inugwaljanzi fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel, il-produtturi agrikoli jħabbtu wiċċhom ma' grad ta' pressjoni inaċċettabbli; iqis li l-interessi kemm tal-konsumaturi u tal-produtturi agrikoli għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell;

72.  Huwa tal-fehma li l-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet agrikoli jagħmlu lill-organizzazzjonijiet kollettivi essenzjali biex isaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina alimentari u jippermettu l-ilħuq tal-objettivi tal-PAK, kif definiti skont l-Artikolu 39 tat-TFUE, u li l-attivitajiet kollettivi mwettqa mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom — inklużi l-ippjanar tal-produzzjoni, in-negozjar tal-bejgħ u l-arranġamenti kuntrattwali — iridu għalhekk jiġu kkunsidrati bħala li huma kompatibbli mal-Artikolu 101 tat-TFUE; jenfasizza li l-fatt li l-bdiewa jinġiebu flimkien f'organizzazzjonijiet tal-produtturi jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista;

73.  Iqis li l-mudell tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jikkostitwixxi forma ta' ġestjoni settorjali ta' suċċess, peress li jipprovdi struttura għall-atturi kollha fis-settur u jorganizza skambji bejniethom, irrappreżentati b'mod ġust fl-istruttura tiegħu, billi jagħmilha possibbli li tiġi trażmessa informazzjoni ekonomika u teknika, tissaħħaħ it-trasparenza tas-suq u jiġu distribwiti aħjar ir-riskji u l-benefiċċji; iqis li mudelli differenti u strutturati sew ta' kooperazzjoni, bħal dik preżenti, għandhom jiġu ffaċilitati mill-PAK biex isir eħfef il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-livell Ewropew;

74.  Iqis li, f'konformità mat-tendenza attwali, il-kompetenzi tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jeħtieġ li jissaħħu aktar sabiex is-setgħa ta' negozjar tkun tista' tiġi bbilanċjata mas-setgħa ta' negozjar tal-bejjiegħa bl-imnut fil-katina tal-provvista tal-ikel; iqis li l-kofinanzjament tal-UE għat-twaqqif u t-tħaddim ta' dawn l-organizzazzjonijiet għandu jiżdied;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-applikazzjoni ta' strumenti ta' mmaniġġjar kollettiv tas-suq fil-każ ta' kriżi, bl-użu ta' għodod li ma jeħtiġux fondi pubbliċi, bħall-irtirar tal-prodott imwettaq permezz ta' ftehimiet fost l-operaturi tal-katina alimentari; jirrimarka li tali miżura tista' tiġi applikata mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali nfushom;

76.  Iqis li d-dħul ta' prodotti fis-suq Ewropew minn pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istess standards soċjali, sanitarji u ambjentali joħloq kompetizzjoni inġusta għall-produtturi Ewropej; jitlob, għalhekk, il-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli u l-applikazzjoni b'mod sistematiku tal-prinċipji ta' reċiproċità u konformità f'dak li jikkonċerna prodotti agrikoli fin-negozjati kummerċjali attwali kif ukoll f'dawk futuri; jistieden lill-Kummissjoni tintegra dan l-aspett fin-negozjati tal-Brexit;

77.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun bil-kundizzjoni tal-konformità mar-istandards dwar is-saħħa, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, tippromwovi l-ekwivalenza tal-miżuri u l-kontrolli bejn il-pajjiżi terzi u l-UE fil-qasam tal-istandards ambjentali u tas-sikurezza tal-ikel; jinnota li l-ogħla standards ta' benessri ambjentali u tal-annimali jistgħu jfissru spejjeż ogħla u għalhekk li t-tnaqqis tal-istandards jista' jirriżulta f'imġiba antikompetittiva;

78.  Jirrimarka li d-diżastri klimatiċi, li jaffettwaw lill-bdiewa, għandhom impatt fuq is-suq u jdgħajfu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel; ifakkar li r-regoli tal-antidumping tal-UE(10) li japplikaw, fost l-oħrajn, għas-settur agrikolu, iqisu li d-dumping ambjentali joħloq kompetizzjoni inġusta; jitlob li jitqiesu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej li jitolbu soċjetà sostenibbli u li tirrispetta l-ambjent; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex filwaqt li tqis il-funzjonament tas-suq uniku u l-benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi, tippermetti eżenzjonijiet mir-regoli tal-kompetizzjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni, kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, fil-kuntest ta' inizjattivi ta' sostenibbiltà;

79.  Jinsisti li l-kunċett ta' "prezz ġust" ma għandux jitqies bħala l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, iżda minflok irid ikun raġonevoli u jippermetti r-remunerazzjoni ġusta tal-partijiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom interessi oħra minbarra l-prezzijiet baxxi, inklużi l-benessri tal-annimali, is-sostenibbiltà ambjentali, l-iżvilupp rurali u inizjattivi biex jitnaqqas l-użu tal-antibijotiċi u r-reżistenza antimikrobika, eċċ.;

80.  Jilqa' l-fatt li r-Regolament Omnibus(11) joħloq proċedura li skontha grupp ta' bdiewa jista' jitlob opinjoni mhux vinkolanti mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta' azzjoni kollettiva mad-deroga ġenerali mir-regoli tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 209 Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (tar-Regolament dwar l-OKS Unika); jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Swieq Agrikoli, tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga agrikola ġenerali u t-trikkib tagħha mad-derogi previsti taħt l-Artikoli 149 u 152, u b'hekk tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet b'mod aktar preċiż, sabiex kwalunkwe sospensjoni meħtieġa tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE ssir applikabbli u li tista' tinkiseb;

81.  Jirrimarka li l-limitu massimu individwali għal għajnuna de minimis fis-settur agrikolu ġie rduppjat fl-2013 (minn EUR 7 500 għal EUR 15 000) sabiex tiġi indirizzata ż-żieda f'daqqa fil-kriżijiet klimatiċi, tas-saħħa u ekonomiċi; jirrimarka li, fl-istess ħin, il-limitu massimu nazzjonali de minimis ġie aġġustat marġinalment biss (minn 0.75 % għal 1 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola nazzjonali), li naqqas is-setgħa tal-istati li jgħinu lill-azjendi agrikoli f'diffikultà; jappoġġa, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri u r-reġjuni jingħataw aktar flessibbiltà permezz tar-regoli agrikoli de minimis;

82.  Jilqa' l-iżviluppi dovuti għar-Regolament Omnibus, li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika, li jippermettu deroga temporanja mid-dritt tal-kompetizzjoni; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikoli 219 u 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika fir-rigward tat-teħid ta' passi f'każ ta' disturbi fis-suq u ta' żbilanċi severi fis-suq, minħabba li l-inċertezza legali li teżisti bħalissa fiż-żewġ Artikoli tfisser li ħadd ma qed japplikahom minħabba l-biża' li jonqos milli jikkonforma mar-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri;

83.  Ifakkar li seħħ ristrutturar sinifikanti orizzontali u vertikali, li wassal għal aktar konsolidazzjoni fis-setturi diġà kkonċentrati taż-żerriegħa, l-agrokimika, il-fertilizzanti, il-ġenetika tal-annimali u s-setturi l-makkinarju tal-azjendi agrikoli, kif ukoll fl-ipproċessar u fil-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, f'dan il-kuntest u wara l-akkwist ta' Monsanto mill-grupp Bayer, li flimkien jikkontrollaw madwar 24 % tas-suq globali tal-pestiċidi u 29 % tas-suq globali taż-żrieragħ, li l-interessi tal-bdiewa, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-UE jkunu protetti, billi tivvaluta ;

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u fejn applikabbli dawk reġjonali tal-Istati Membri, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
(2) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
(3) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 71.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0187.
(5) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 78.
(6) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(7) "Privacy and competitiveness in the age of big data: The interplay between data protection, competition law and consumer protection in the Digital Economy" (Il-privatezza u l-kompetittività fl-era tal-big data: L-interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi fl-Ekonomija Diġitali), opinjoni preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Marzu 2014, https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/14-03-26_competitition_law_big_data_en.pdf
(8) COM(2018)0147, COM(2018)0148 u C(2018)1650.
(9) Common Ownership by Institutional Investors and its Impact on Competition (Sjieda Komuni mill-Investituri Istituzzjonali u l-Impatt tagħha fuq il-Kompetizzjoni), OECD, 5-6 ta' Diċembru 2017.
(10) COM(2013)0192.
(11) Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il- ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal- pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2019Avviż legali