Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0267M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0034/2019

Testi mressqa :

A8-0034/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 15
CRE 11/02/2019 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0064

Testi adottati
PDF 131kWORD 51k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Kosta tal-Avorju u l-UE (2018–2024) (riżoluzzjoni)
P8_TA(2019)0064A8-0034/2019

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (2018-2024) (10858/2018 – C8-0387/2018 – 2018/0267M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10858/2018),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (2018-2024) (10856/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0387/2018),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0034/2019),

A.  billi l-Kummissjoni u l-Gvern tal-Kosta tal-Avorju nnegozjaw ftehim ta' sħubija ġdid dwar is-sajd sostenibbli (Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju) u protokoll ta' implimentazzjoni għal perjodu ta' sitt snin;

B.  billi l-għan ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju huwa li jżid il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju, fl-interess taż-żewġ partijiet, billi jippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-Kosta tal-Avorju;

C.  billi l-assorbiment tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli preċedenti bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju ammonta, bħala medja, għal 79 %, ċifra meqjusa bħala waħda tajba b'mod ġenerali; billi matul dak il-perjodu, madankollu, il-bastimenti tas-sajd bil-konz ma għamlux użu mill-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;

D.  billi l-fatt li l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju ġew konklużi wieħed wara l-ieħor kien qed jgħin lill-ekonomija tal-Kosta tal-Avorju sal-punt li ġew utilizzati l-baħħara lokali u l-port ta' Abidjan u l-faċilitajiet tat-tqegħid fil-laned, il-qabdiet aċċessorji tal-bastimenti tal-UE li jistadu għat-tonn bit-tartarun ittieħed kont tagħhom, u ġew imsaħħa l-kapaċitajiet ta' monitoraġġ lokali (għalkemm dawn huma meqjusa bħala ġeneralment modesti);

E.  billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju għandu jippromwovi żvilupp sostenibbli aktar effettiv tal-komunitajiet tas-sajd Avorjani u tal-industriji u l-attivitajiet relatati; billi l-appoġġ li għandu jiġi pprovdut skont il-Protokoll irid ikun konsistenti mal-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali – b'mod partikolari l-Pjan Strateġiku għall-Iżvilupp tat-Trobbija tal-Bhejjem, is-Sajd, u l-Akkwakultura (PSDEPA) – u l-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tkabbir Blu, imfassal man-Nazzjonijiet Uniti biex iżid il-produzzjoni fis-settur, u jipprofessjonalizzah, sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni f'dawk li huma ikel u impjiegi; billi, skont il-Pjan Strateġiku msemmi hawn fuq, l-ilħuq ta' dawk l-għanijiet teħtieġ baġit ta' aktar minn EUR 140 miljun;

F.  billi l-UE, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, qed tikkontribwixxi baġit pluriennali ta' EUR 273 miljun għall-Kosta tal-Avorju, li jiffoka fuq, fost l-oħrajn, l-infrastruttura, is-saħħa, u l-għajnuna umanitarja;

1.  Huwa tal-fehma li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju għandu jkollu żewġ għanijiet importanti ndaqs: (1) li jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE fiż-ŻEE tal-Kosta tal-Avorju, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli u mingħajr ma jinterferixxi fil-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali li għalihom tappartieni l-Kosta tal-Avorju – primarjament l-ICCAT – jew jaqbeż l-eċċess disponibbli; u (2) li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju bil-ħsieb li tinħoloq politika tas-sajd sostenibbli u jsir sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd Avorjan permezz tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika, mingħajr ma jimmina l-għażliet u l-istrateġiji sovrani tal-Kosta tal-Avorju fir-rigward ta' dak l-iżvilupp;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tal-valutazzjoni retrospettiva u prospettiva tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju, prodotta f'Settembru 2017, li ddikjarat li l-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli tal-2013-2018 b'mod ġenerali kien wera li kien effikaċi, effiċjenti, xieraq għall-interessi involuti, u konsistenti mal-politika settorjali Avorjana u kellu grad għoli ta' aċċettabbiltà għall-partijiet ikkonċernati, u li rrakkomandat l-għażla li jiġi konkluż protokoll ġdid;

3.  Isostni li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju u l-Protokoll tiegħu, meta jiġu implimentati u jekk dawn jiġu riveduti u/jew imġedda, iridu jipprevedu u jkunu allinjati mal-PSDEPA u mal-Pjan ta' Tkabbir Blu għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju, u b'mod speċifiku għandhom:

   Itejbu l-governanza: l-abbozzar u l-validazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-użu ta' pjanijiet ta' ġestjoni bħala bażi;
   Isaħħu l-kontroll u s-sorveljanza fiż-ŻEE tal-Kosta tal-Avorju;
   Isaħħu l-miżuri biex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), inkluż fl-ilmijiet interni;
   Jippermettu li jinbnew u/jew jiġu rinnovati mollijiet għall-ħatt l-art u portijiet, inkluż – iżda mhux biss – fil-Port ta' Abidjan;
   Itejbu l-kundizzjonijiet fil-kmamar tal-affumikar, b'mod partikolari għan-nisa, biex b'hekk ikun hemm sistema ta' preservazzjoni iktar effettiva;
   Jappoġġaw it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, li huma primarjament responsabbli mit-trattament tal-qabdiet inċidentali;
   Jistabbilixxu żoni protetti tal-baħar;
   Issaħħu s-sħubiji ma' pajjiżi terzi fis-sura ta' ftehimiet dwar is-sajd, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni tal-kontenut ta' dawn il-ftehimiet, u wkoll billi jistabbilixxu programm reġjonali għat-taħriġ u l-użu tal-osservaturi;
   Jippermettu li jinbnew pixkeriji;
   Jippermettu li jissaħħu l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-irġiel u lin-nisa fl-industrija tas-sajd, speċjalment dawk involuti fis-sajd artiġjanali, u b'hekk jgħinu biex jissaħħu l-kapaċitajiet tekniċi, ta' ġestjoni u ta' negozjar;
   Iservu biex jiġu stabbiliti u/jew jiġu mmodernizzati ċentri ta' taħriġ bażiku u vokazzjonali, biex b'hekk jgħollu l-livelli tal-ħiliet tas-sajjieda u tal-baħħara;
   Isaħħu l-kapaċitajiet ta' riċerka xjentifika u l-abbiltà li jiġu mmonitorjati r-riżorsi tas-sajd;
   Itejbu s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar b'mod ġenerali;

4.  Iqis li r-regoli rigward ir-reklutaġġ ta' baħħara mill-AKP għall-bastimenti tas-sajd tal-UE, li jammontaw għal 20 % tal-ekwipaġġ, jistgħu jkunu aktar ambizzjużi; itenni l-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-prinċipji tal-ILO u, b'mod partikolari, jirrakkomanda l-iffirmar tal-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO, li jimplika l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' negozjar kollettiv ħieles għall-ħaddiema u tan-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi u fuq il-post tax-xogħol; jitlob ukoll li tingħata kunsiderazzjoni lit-talbiet tal-junjins tal-baħħara lokali li s-sigurtà soċjali, is-saħħa u l-kopertura tal-irtirar għall-baħħara tal-AKP jiġu tradotti f'applikazzjoni aħjar;

5.  Iqis li għandha tinġabar informazzjoni dwar il-benefiċċji li l-implimentazzjoni tal-Protokoll iġġib għall-ekonomiji lokali (impjiegi, infrastruttura, titjibiet soċjali);

6.  Iqis li huwa mixtieq li tittejjeb il-kwantità u l-preċiżjoni tad-data dwar il-qabdiet kollha (speċijiet fil-mira u qabdiet inċidentali) u dwar l-istatus ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-appoġġ settorjali sabiex ikun jista' jiġi evalwat b'mod aktar preċiż l-impatt li jkollu l-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar u fuq il-komunitajiet tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiġi żgurat li l-korpi responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, inkluż kumitat xjentifiku konġunt li għandu jiġi stabbilit għal dak il-għan, ikunu jistgħu joperaw b'mod regolari u trasparenti, bl-involviment tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda artiġjanali u tan-nisa affumikaturi, it-trejdjunjins, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet kostali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Avorjani;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-kooperazzjoni tagħhom u fil-politiki tagħhom tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp li jiffokaw fuq il-Kosta tal-Avorju, iżommu f'moħħhom li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-appoġġ settorjali stabbilit f'dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli għandhom jikkumplementaw lil xulxin bil-għan li jikkontribwixxu b'mod aktar rapidu u effettiv għar-responsabbilizzazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd lokali u għall-eżerċizzju sħiħ tas-sovranità tal-Kosta tal-Avorju fuq ir-riżorsi ta' dak il-pajjiż;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju tuża l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fil-protokoll biex issaħħaħ b'mod sostenibbli l-industrija nazzjonali tas-sajd tagħha, tinkoraġġixxi d-domanda għal investiment lokali u proġetti industrijali, u toħloq impjiegi lokali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament u tagħmel pubblikament disponibbli l-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, kif ukoll il-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll, u l-eżiti tal-evalwazzjonijiet annwali; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-attendenza tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat tagħhom, jgħarrfu lill-Parlament immedjatament u bis-sħiħ dwar kull stadju tal-proċeduri relatati mal-Protokoll u, jekk applikabbli, it-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0063.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2020Avviż legali