Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2019

Testi mressqa :

A8-0019/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 21
CRE 11/02/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0081

Testi adottati
PDF 260kWORD 84k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika
P8_TA-PROV(2019)0081A8-0019/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika (2018/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar is-sistemi ta' armi awtonomi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0019/2019),

A.  billi l-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika trasparenti u inkorporati fl-etika għandhom il-potenzjal li jarrikkixxu 'l ħajjitna u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħna, kemm għall-individwi kif ukoll għall-ġid komuni;

B.  billi l-iżviluppi fl-IA qed isiru b'rata mgħaġġla, u billi l-IA diġà kellha rwol fil-ħajja tagħna ta' kuljum għal għadd ta' snin; billi l-IA u r-robotika qed jagħtu spinta lill-innovazzjoni, iwasslu għal mudelli kummerċjali ġodda u jkollhom rwol ewlieni biex jittrasformaw is-soċjetajiet tagħna u jiddiġitalizzaw l-ekonomiji tagħna f'ħafna setturi, bħall-industrija, il-kura tas-saħħa, il-bini u t-trasport;

C.  billi ż-żieda fl-integrazzjoni tar-robotika fis-sistemi tal-bniedem tirrikjedi gwida politika b'saħħitha dwar il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-soċjetà kif ukoll l-iżgurar ta' żvilupp sikur u ekwu tal-intelliġenza artifiċjali;

D.  billi l-intelliġenza artifiċjali hija waħda mit-teknoloġiji strateġiċi għas-seklu 21 kemm globalment kif ukoll fl-Ewropa, filwaqt li ġġib bidla pożittiva għall-ekonomija Ewropea, tiffaċilita l-innovazzjoni, il-produttività, il-kompetittività u l-benessri;

E.  billi madwar kwart tar-robots industrijali kollha u nofs ir-robots relatati ma' servizz professjonali fid-dinja huma prodotti minn kumpaniji Ewropej, u għalhekk l-UE diġà għandha assi importanti li fuqhom għandha tibbaża l-politika industrijali Ewropea tagħha;

F.  billi l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika għandhom il-potenzjal li jsawru mill-ġdid industriji multipli u jwasslu għal effiċjenzi akbar fil-produzzjoni u jagħmlu lill-industrija u lill-SMEs Ewropej aktar kompetittivi fuq livell globali; billi d-disponibbiltà ta' settijiet ta' data u ta' faċilitajiet ta' ttestjar u ta' esperimentazzjoni fuq skala kbira huma ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali;

G.  billi approċċ komuni se jiffaċilita l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-IA għall-benefiċċju tas-soċjetà, filwaqt li jindirizza wkoll l-isfidi ppreżentati minn dawn it-teknoloġiji sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni, tissaħħaħ il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi attivati bl-IA, jitjiebu l-esperjenza u l-fiduċja tal-konsumaturi fit-teknoloġiji tal-IA u tar-robotika, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern;

H.  billi l-prestazzjoni tal-computing trid tinżamm f'livell ewlieni fl-Unjoni, li għandha tipprovdi opportunitajiet għall-industrija tal-provvista tal-UE u żżid l-effikaċja tagħha biex tibdel l-iżviluppi teknoloġiċi fi prodotti u servizzi orjentati lejn id-domanda u xprunati mill-applikazzjonijiet, li jwasslu biex dawn jiġu adottati f'applikazzjonijiet fuq skala kbira u emerġenti sostnuti mill-intelliġenza artifiċjali;

I.  billi huwa meħtieġ b'mod urġenti approċċ ikkoordinat fil-livell Ewropew biex l-UE tkun kapaċi tikkompeti mal-investimenti kbar li jsiru minn pajjiżi terzi speċjalment l-Istati Uniti u ċ-Ċina;

J.  billi fil-25 ta' April 2018(6) il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipproponi approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali billi tiżviluppa abbozz ta' linji gwida dwar l-IA f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fi ħdan l-alleanza tal-IA, grupp ta' esperti tal-intelliġenza artifiċjali, sabiex tingħata spinta lill-applikazzjonijiet u lin-negozji li jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali fl-Ewropa;

K.  billi għandhom jiġu riveduti, u jekk ikun meħtieġ immodifikati, ir-regoli u l-proċessi eżistenti biex jitqiesu l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika;

L.  billi l-qafas Ewropew għall-IA jrid jiġi żviluppat b'rispett sħiħ għad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari b'rispett lejn il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà;

M.  billi l-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali jistgħu u għandhom jitfasslu b'tali mod li jippreservaw id-dinjità, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-individwu;

N.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali koerenti dwar l-iżvilupp tar-robotika, inklużi sistemi awtonomi u robots awtonomi intelliġenti;

O.  billi l-iżvilupp tal-IA u tar-robotika jeħtieġ li jinkludi s-soċjetà inġenerali; billi, madankollu, fl-2018, iż-żoni rurali fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu jiġu esklużi mill-benefiċċji tal-IA, peress li 8 % tad-djar ma kienu koperti minn ebda netwerk fiss, u 53 % ma kienu koperti minn ebda teknoloġija ta' 'aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss' (VDSL, Cable Docsis 3.0 jew FTTP);

P.  billi l-iżvilupp ta' servizzi u prodotti attivati bl-IA jirrikjedi l-konnettività, il-fluss ħieles tad-data u l-aċċessibbiltà tad-data fi ħdan l-UE; billi l-użu ta' tekniki avvanzati tal-estrazzjoni tad-data fil-prodotti u fis-servizzi jista' jgħin iżid il-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u b'hekk l-għażla tal-konsumaturi, u jtejjeb il-prestazzjoni tan-negozji;

Q.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi fil-prodotti u fis-servizzi intelliġenti jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija tal-għarfien, li hija bbażata fuq il-kwantità, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni disponibbli, u li b'hekk tista' twassal għal adattament aħjar għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

R.  billi ċ-ċibersigurtà hija vitali sabiex jiġi żgurat li d-data ma tiġix korrotta jew użata ħażin b'mod malizzjuż biex l-IA tiffunzjona b'mod li jagħmel ħsara liċ-ċittadini jew lill-kumpaniji, li jxekkel lill-industrija u lill-fiduċja tal-konsumaturi fl-IA; billi l-iżviluppi fl-IA jżidu d-dipendenza fuq dawk is-sistemi għal azzjonijiet u deċiżjonijiet, li min-naħa tagħhom jeħtieġu standards għoljin ta' reżiljenza ċibernetika fl-UE għal protezzjoni kontra ksur u nuqqasijiet fiċ-ċibersigurtà;

S.  billi x-xejra lejn l-awtomatizzazzjoni tirrikjedi li dawk involuti fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali jinkorporaw mill-bidu nett is-sigurtà u l-etika, u b'hekk jiġi rikonoxxut il-fatt li dawn jeħtiġilhom ikunu ppreparati biex jaċċettaw ir-responsabbiltà legali għall-kwalità tat-teknoloġija li jipproduċu;

T.  billi l-bini ta' ekosistema affidabbli għall-iżvilupp tat-teknoloġija tal-IA għandu jkun ibbażat fuq l-istruttura tal-politika tad-data; billi dan jimplika l-ħolqien ta' programmi ta' ġbir u ta' ġestjoni tad-data bla xkiel u ssimplifikati għall-finijiet ta' riċerka edukattiva sabiex l-intelliġenza artifiċjali tkun tista' tiġi żviluppata f'bosta setturi: is-settur mediku, finanzjarju, bijoloġiku, tal-enerġija, industrijali, tal-kimika jew dak pubbliku; billi ekosistema tal-IA xprunata mid-data tista' tinkludi inizjattivi pan-Ewropej li jitnedew abbażi ta' standards miftuħa u bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati u regoli trasparenti dwar l-interoperabbiltà;

U.  billi l-intelliġenza artifiċjali waħedha ma tiżgurax il-verità jew il-ġustizzja, peress li jista' jwassal għal preġudizzju fil-mod li bih tinġabar id-data u l-mod li bih jinkiteb l-algoritmu u jista' jirriżulta mill-preġudizzju li jeżisti fis-soċjetà; billi l-kwalità tad-data, flimkien mad-disinn algoritmiku u l-proċessi kostanti ta' evalwazzjoni mill-ġdid, għandhom jipprevjenu l-preġudizzju;

V.  billi l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika għandhom jiġu żviluppati u implimentati permezz ta' approċċ iċċentrat fuq il-bniedem bil-għan li jappoġġjaw lill-bnedmin fuq il-post tax-xogħol tagħhom u fi djarhom; billi l-intelliġenza artifiċjali tista' jintuża wkoll biex jiġi evitat li l-persuni jagħmlu xogħlijiet perikolużi;

W.  billi żvilupp ulterjuri u żieda fl-użu ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u algoritmiku indubbjament għandhom impatt fuq l-għażliet li individwu (bħal negozjant jew utent tal-internet) u awtorità amministrattiva, ġudizzjarja jew pubblika oħra jagħmlu biex jaslu għal deċiżjoni finali tagħhom meta din tkun ta' natura awtorevoli, kummerċjali jew relatata mal-konsumatur; billi s-salvagwardji u l-possibilità ta' kontroll u verifika mill-bniedem jeħtieġ li jiġu inkorporati fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u algoritmiku;

X.  billi t-tagħlim awtomatiku jqajjem ukoll sfidi f'termini tal-iżgurar tan-nondiskriminazzjoni, il-proċess ġust, it-trasparenza u l-komprensibbiltà fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

Y.  billi l-intelliġenza artifiċjali tikkostitwixxi għodda sinifikanti fl-indirizzar tal-isfidi globali tas-soċjetà, u billi għalhekk, l-Istati Membri permezz tal-politika pubblika tagħhom, għandhom jippromwovu l-investimenti, jagħmlu fondi disponibbli għar-R&Ż u jindirizzaw l-ostakoli fl-iżvilupp u fl-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali;

Z.  billi l-pjattaformi kummerċjali tal-intelliġenza artifiċjali mxew mill-ittestjar għal applikazzjonijiet reali fis-saħħa, fl-ambjent, fl-enerġija u fit-trasport; billi t-tekniki tat-tagħlim awtomatiku jinsabu fil-qalba tal-pjattaformi tal-web u tal-applikazzjonijiet tal-big data ewlenin kollha;

AA.  billi r-riċerkaturi u l-kumpaniji tal-Ewropa huma involuti f'varjetà wiesgħa ta' suġġetti dwar il-blockchain, li jvarjaw mill-katina tal-provvista, is-servizzi tal-gvern, il-finanzi, l-internet tal-oġġetti (IoT), il-kura tas-saħħa, il-midja, il-bliet intelliġenti, l-enerġija u t-trasport; billi l-Ewropa hija parteċipant b'saħħtu f'oqsma importanti relatati mal-blockchain bħall-IA; billi l-blockchain jista' jkollu rwol importanti fit-tisħiħ tal-innovazzjoni Ewropea;

AB.  billi t-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà bħall-identitajiet diġitali, il-kriptografija jew is-sejbien ta' intrużjoni, u l-applikazzjoni tagħhom f'oqsma bħall-finanzi, l-industrija 4.0, l-enerġija, it-trasport, il-kura tas-saħħa u l-gvern elettroniku, huma essenzjali biex jiġu salvagwardjati s-sigurtà u l-fiduċja fl-attività u fit-tranżazzjonijiet online kemm miċ-ċittadini, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll mill-kumpaniji bl-istess mod;

AC.  billi l-estrazzjoni ta' test u ta' data sservi bħala pedament għall-applikazzjonijiet tal-IA u tat-tagħlim awtomatiku, u hija essenzjali għall-SMEs u għan-negozji l-ġodda peress li din tippermettilhom jaċċessaw kwantitajiet kbar ta' data biex iħarrġu l-algoritmi tal-intelliġenza artifiċjali;

AD.  billi l-IA tista' tkun intensiva ħafna fl-użu tal-enerġija; billi, fid-dawl ta' dan, huwa importanti li l-użu tal-IA javvanza skont il-miri eżistenti tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika u l-ekonomija ċirkolari;

AE.  billi l-intelliġenza artifiċjali għandha tappoġġa bis-sħiħ il-lingwi Ewropej kollha biex tipprovdi lill-Ewropej kollha opportunitajiet indaqs biex jibbenefikaw minn żviluppi tal-intelliġenza artifiċjali moderni fi ħdan is-soċjetà tal-informazzjoni Ewropea multilingwi;

AF.  billi fl-industrija u s-servizzi assoċjati ma' teknoloġija avvanzata, l-intelliġenza artifiċjali hi ċ-ċavetta biex l-Ewropa ssir "kontinent start-up" billi tisfrutta l-aħħar teknoloġiji sabiex tiġġenera t-tkabbir fl-Ewropa, partikolarment f'oqsma bħat-teknoloġija tas-saħħa, is-servizzi u l-programmi tal-kura tas-saħħa, l-iżvilupp ta' mediċina ġdida, ir-robotika u l-kirurġija assistita mir-robots, it-trattament ta' mard kroniku u t-teħid tal-immaġini medika u tar-reġistri mediċi, kif ukoll biex jiġu żgurati ambjent sostenibbli u produzzjoni sikura tal-ikel; billi attwalment l-Ewropa qed taqa' lura apparagun tal-Amerka ta' Fuq u l-Asja f'termini ta' riċerka u privattivi fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali;

AG.  billi l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali jista' jgħin biex itejjeb il-ħajja tal-persuni b'mard kroniku u diżabilitajiet u jindirizza l-isfidi soċjali bħat-tixjieħ tal-popolazzjoni billi jwassal għal teknoloġija tas-saħħa aktar preċiża u effettiva fl-għoti tal-kura tas-saħħa;

AH.  billi hemm katalogu wiesa' ta' applikazzjonijiet possibbli tal-IA u tar-robotika fil-kura medika, bħalma huma l-ġestjoni tad-data u r-rekords mediċi, it-twettiq ta' xogħlijiet ripetittivi (analiżi ta' testijiet, Raġġi X, CT scans, dħul ta' data), tfassil ta' trattamenti, konsultazzjonijiet diġitali (bħal pereżempju konsultazzjoni medika bbażata fuq l-istorja medika personali u l-għarfien mediku komuni), infermiera virtwali, ġestjoni tal-medikazzjoni, ħolqien ta' mediċini, mediċini preċiżi (bħall-ġenetika u l-ġenomika li jfittxu mutazzjonijiet u rabtiet mal-mard billi jħarsu lejn l-informazzjoni fid-DNA), il-monitoraġġ tas-saħħa u l-analiżi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, fost applikazzjonijiet oħra;

AI.  billi l-aċċessibilità ma tfissirx l-istess servizzi u tagħmir għal kulħadd; billi l-aċċessibilità tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika hija bbażata fuq tfassil u ppjanar inklużiv; billi l-ħtiġijiet, ix-xewqat u l-esperjenzi tal-utent jeħtieġ li jkunu l-punt ta' tluq għall-proġettazzjoni;

AJ.  billi hemm tħassib etiku, psikoloġiku u ġuridiku qawwi dwar l-awtonomija tar-robots, in-nuqqas ovvju tas-sens ta' empatija u l-impatt tagħhom fuq ir-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod xieraq fil-livell tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tal-pazjenti, ir-responsabilità u r-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' imjieg ġodda li se jirriżultaw; billi "awtonomija" bħala tali tista' biss tkun attribwita b' mod sħiħ lill-bnedmin; billi hemm il-ħtieġa ta' qafas ġuridiku robust u etiku għall-intelliġenza artifiċjali;

AK.  billi l-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, b'mod partikolari, fil-qasam tas-saħħa, trid tkun dejjem ibbażata fuq il-prinċipju ta' responsabilità li hu "l-bniedem jikkontrolla l-magna";

1.Soċjetà appoġġjata mill-intelliġenza artifiċjali u mir-robotika

1.1.Ix-xogħol fl-era tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika

1.  Jenfasizza li l-awtomatizzazzjoni flimkien mal-intelliġenza artifiċjali se żżid il-produttività u għalhekk iżżid l-output; jinnota li, bħal f'rivoluzzjonijiet teknoloġiċi preċedenti, xi impjiegi se jiġu sostitwiti iżda se jinħolqu wkoll impjiegi ġodda li se jittrasformaw il-ħajja u l-prattiki tax-xogħol; jenfasizza li ż-żieda fl-użu tar-robotika u tal-IA għandha tnaqqas ukoll l-esponiment tal-bniedem għal kundizzjonijiet ta' ħsara u perikolużi u għandha tgħin ukoll biex jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità u deċenti u tittejjeb il-produttività;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffukaw fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fl-industriji l-aktar affettwati mill-awtomatizzazzjoni tal-kompiti; jenfasizza li programmi edukattivi ġodda għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema sabiex dawn ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet ta' xogħol f'impjiegi ġodda maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' programmi ta' litteriżmu diġitali fl-iskejjel, l-iżvilupp ta' apprendistati u l-prijoritajiet tat-taħriġ vokazzjonali biex jgħinu lill-ħaddiema jadattaw għat-tibdil teknoloġiku;

3.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri, flimkien mal-atturi tas-settur privat, jidentifikaw ir-riskji u jiżviluppaw strateġiji biex jiżguraw li jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ mill-ġdid rilevanti; jissottolinja li l-kumpaniji stess iridu jinvestu fit-taħriġ u fit-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti tagħhom sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom;

4.  Jenfasizza li l-iżvilupp tar-robotika fl-UE se jkollu impatt qawwi fuq ir-relazzjonijiet industrijali; jemmen li dan l-impatt għandu jiġi indirizzat b'mod ibbilanċjat sabiex tiġi promossa r-riindustrijalizzazzjoni u anke l-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu miż-żieda fil-produttività;

5.  Jinnota li fix-xenarju industrijali attwali hemm bilanċ delikat bejn is-sidien u l-ħaddiema; iqis li l-avvanzi fl-implimentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fl-industrija għandhom isiru b'konsultazzjoni wiesgħa mas-sħab soċjali, peress li l-bidla potenzjali fl-għadd ta' persuni li jaħdmu fl-industrija tirrikjedi politiki proattivi biex jgħinu lill-ħaddiema jadattaw għad-domandi l-ġodda u biex jiġi żgurat li l-qligħ jiġi kondiviż b'mod wiesa'; jinnota li dan jirrikjedi kunsiderazzjoni mill-ġdid u tfassil mill-ġdid tal-politiki dwar is-suq tax-xogħol, tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u tat-tassazzjoni;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli għad-dħul fil-forza tax-xogħol bħal kwalifiki eċċessivi;

7.  Jemmen li l-litteriżmu diġitali huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-iżvilupp tal-IA fil-ġejjieni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw taħriġ fil-ħiliet diġitali u strateġiji ta' taħriġ mill-ġdid; jinnota li l-litteriżmu diġitali jista' jappoġġja parteċipazzjoni wiesgħa u inklussiva fis-soluzzjonijiet tal-ekonomija tad-data u jiffaċilita komunikazzjoni u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha;

8.  Jinnota li, minħabba li dan se jaffettwa ċ-ċittadini ta' kull età, il-kurrikuli edukattivi jridu jiġu adattati, inkluż bl-istabbiliment ta' modi ta' tagħlim ġodda u l-użu ta' teknoloġiji ta' twassil ġodda; jenfasizza li l-aspetti edukattivi għandhom jiġu indirizzati kif xieraq; iqis b'mod partikolari l-ħtieġa għal ħiliet diġitali, inkluż l-ikkowdjar, li għandhom jiġu inklużi fit-tagħlim u fit-taħriġ mis-snin bikrin tal-iskola sat-tagħlim tul il-ħajja;

1.2.L-użu malizzjuż tal-intelliġenza artifiċjali u d-drittijiet fundamentali

9.  Jenfasizza l-fatt li użu malizzjuż jew negliġenti tal-IA jista' jhedded is-sigurtà diġitali u s-sikurezza fiżika u pubblika, peress li tista' tintuża biex jitwettqu attakki fuq skala kbira, b'miri speċifiċi u effiċjenti ħafna fuq is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u fuq makkinarju konness, kif ukoll kampanji ta' diżinformazzjoni, u b'mod ġenerali tnaqqas id-dritt tal-individwi għall-awtodeterminazzjoni; jenfasizza li l-użu malizzjuż jew negliġenti tal-IA jista' joħloq ukoll riskju għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas li jippenalizza prattiki li jimmanipulaw il-perċezzjoni meta kontenut jew news feeds ippersonalizzati jwasslu għal sentimenti negattivi u jxekklu l-perċezzjoni tar-realtà li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi (pereżempju l-eżiti tal-elezzjonijiet, jew perċezzjonijiet żbaljati dwar kwistjonijiet soċjali bħall-migrazzjoni);

11.  Jenfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti, identifikati u mmonitorjati l-iżviluppi ta' tfixkil fl-iżvilupp tal-IA u dawk relatati magħha; iħeġġeġ biex ir-riċerka fl-IA tiffoka wkoll fuq l-identifikazzjoni ta' IA u robotika korrotta b'mod aċċidentali jew malizzjuż;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu nota tal-isfidi soċjali li jinħolqu mill-prattiki li jirriżultaw mill-ikklassifikar taċ-ċittadini; jenfasizza li ċ-ċittadini ma għandhomx jiġu soġġetti għal diskriminazzjoni abbażi tal-ikklassifikar tagħhom u li dawn għandhom ikunu intitolati għal "opportunità oħra";

13.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-użu tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż ir-rikonoxximent tal-wiċċ u tal-vuċi, fi programmi ta' "sorveljanza emozzjonali", jiġifieri l-monitoraġġ ta' kundizzjonijiet mentali ta' ħaddiema u ċittadini sabiex tiżdied il-produttività u tiġi ppreservata l-istabbiltà soċjali, xi kultant flimkien ma' sistemi ta' "kreditu soċjali", pereżempju bħalma diġà jiġri fiċ-Ċina; jenfasizza li minnhom infushom tali programmi jmorru kontra l-valuri u n-normi Ewropej li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi;

2.Il-perkors teknoloġiku lejn l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika

2.1.Riċerka u żvilupp

14.  Ifakkar il-fatt li l-Ewropa għandha komunità ta' riċerka dwar l-IA fuq quddiem nett fil-livell dinji, li tammonta għal 32 % tal-istituzzjonijiet ta' riċerka dwar l-IA madwar id-dinja;

15.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-programm Ewropa diġitali u l-baġit ta' EUR 2.5 biljun impenjat għall-intelliġenza artifiċjali kif ukoll iż-żieda fil-finanzjament taħt il-programm Orizzont 2020; jifhem l-importanza tal-finanzjament tal-UE li jikkomplementa l-baġits tar-riċerka tal-Istati Membri u tal-industrija għall-intelliġenza artifiċjali u l-ħtieġa għal kollaborazzjoni bejn il-programmi ta' riċerka pubbliċi, privati u tal-UE;

16.  Jappoġġja l-objettivi operazzjonali tal-Programm Ewropa Diġitali biex jibni u jsaħħaħ il-kapaċitajiet ewlenin tal-intelliġenza artifiċjali fl-Unjoni, biex jagħmilhom aċċessibbli għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha u biex isaħħaħ u jgħaqqad flimkien il-faċilitajiet eżistenti ta' ttestjar u ta' esperimentazzjoni fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali fl-Istati Membri;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw sħubiji bejn bosta partijiet ikkonċernati fl-industrija u fl-istituti tar-riċerka kif ukoll ċentri konġunti ta' eċċellenza fl-IA;

18.  Jenfasizza li r-riċerka fl-IA ma għandhiex tinvestix biss fit-teknoloġija u fl-iżviluppi fl-innovazzjoni tal-IA iżda wkoll f'oqsma soċjali, etiċi u ta' responsabbiltà relatati mal-IA; jemmen li kwalunkwe mudell tal-IA li jintuża għandu jkollu etika mid-disinn;

19.  Jenfasizza li, filwaqt li jinkoraġġixxi l-progress għall-benefiċċju tas-soċjetà u tal-ambjent, ir-riċerka fl-IA u attivitajiet oħra relatati għandhom jitwettqu skont il-prinċipju ta' prekawzjoni u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza li kull min hu involut fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tixrid u l-użu tal-IA għandu jikkunsidra u jirrispetta d-dinjità tal-bniedem kif ukoll l-awtodeterminazzjoni u l-benessri – kemm fiżika kif ukoll psikoloġika – tal-individwu u tas-soċjetà b'mod ġenerali, jantiċipa l-impatti potenzjali fuq is-sikurezza u jieħu l-prekawzjonijiet xierqa proporzjonati għal-livell ta' protezzjoni, inkluż l-iżvelar fil-pront ta' fatturi li jistgħu jipperikolaw lill-pubbliku jew lill-ambjent;

20.  Jenfasizza li ambjent ta' riċerka kompetittiv huwa wkoll essenzjali sabiex tiġi żviluppata l-intelliġenza artifiċjali; jissottolinja l-importanza li tiġi appoġġjata riċerka eċċellenti, inklużi x-xjenza fundamentali u l-proġetti b'riskju u rendiment għoli, u li titrawwem żona Ewropea tar-riċerka b'kundizzjonijiet attraenti għall-finanzjament, il-mobbiltà u l-aċċess għall-infrastruttura u għat-teknoloġija madwar l-Unjoni, abbażi tal-prinċipju tal-ftuħ għall-pajjiżi terzi u l-għarfien espert minn barra l-Unjoni, sakemm din ma ddgħajjifx iċ-ċibersigurtà tal-UE;

21.  Jissottolinja l-fatt li r-riċerkaturi tal-UE għad għandhom paga ferm aktar baxxa mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina, li huwa magħruf li hija r-raġuni primarja għaliex dawn jitilqu mill-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw biex jattiraw l-aqwa talenti lejn il-kumpaniji Ewropej, u jistieden lill-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet attraenti;

22.  Jenfasizza li l-Ewropa jeħtiġilha tiddedika l-inizjattiva ġdida tal-FET(7) għall-intelliġenza artifiċjali, b'enfasi partikolari fuq approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u teknoloġiji lingwistiċi;

23.  Jemmen li l-intelliġenza artifiċjali, it-tagħlim awtomatiku u ż-żieda esponenzjali fid-disponibbiltà tad-data u l-cloud computing isaħħu l-inizjattivi ta' riċerka bil-għan li tiġi mifhuma l-bijoloġija fil-livelli molekulari u ċellulari, jiggwidaw l-iżvilupp ta' kura medika u jiġu analizzati l-flussi tad-data biex jiġi identifikat theddid għas-saħħa, jiġu mbassra tifqigħat ta' mard u jingħataw pariri lill-pazjenti; jinnota li t-tekniki tal-estrazzjoni tad-data u tan-navigazzjoni tad-data jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati nuqqasijiet, riskji, xejriet u mudelli fir-rigward tal-kura;

24.  Jenfasizza li, fejn ir-riskji jirriżultaw bħala element inevitabbli u integrali tar-riċerka dwar l-IA, għandhom jiġu żviluppati u rispettati protokolli robusti ta' valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jitqies ir-riskju ta' ħsara ma għandux ikun akbar minn dak li wieħed jiltaqa' miegħu fil-ħajja ordinarja, (jiġifieri n-nies ma għandhomx ikunu esposti għal riskji ikbar jew addizzjonali għal dawk li huma esposti għalihom fl-istili ta' ħajja normali tagħhom);

2.2.Investimenti

25.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' investiment akbar f'dan il-qasam sabiex jibqa' wieħed kompetittiv; jirrikonoxxi li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-investiment u l-innovazzjoni f'dan il-qasam ġejjin minn impriżi tas-settur privat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jitħeġġu wkoll biex ikomplu jinvestu fir-riċerka f'dan is-settur u jfasslu l-prijoritajiet ta' żvilupp tagħhom; jilqa' l-proposta dwar InvestEU u sħubiji pubbliċi privati oħra li se jrawmu l-finanzjament privat; iqis li għandha titħeġġeġ il-koordinazzjoni tal-investiment privat u pubbliku biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ikun iffukat;

26.  Jenfasizza li l-investimenti fl-IA, li jistgħu jkunu karatterizzati minn inċertezza sinifikanti, għandhom ikunu kkomplementati minn finanzjament mill-UE, pereżempju mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew mil-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), jew permezz ta' InvestEU u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIs), skemi li jistgħu jgħinu fir-rigward tal-kondiviżjoni tar-riskji;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tippermettix finanzjament mill-UE għall-intelliġenza artifiċjali li tiġi adattata biex tintuża bħala arma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi mill-finanzjament tal-UE kumpaniji li qed iwettqu riċerka u qed jiżviluppaw kuxjenza dwar l-intelliġenza artifiċjali;

28.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura li l-proprjetà intellettwali tar-riċerka li titwettaq bil-finanzjament tal-UE tibqa' fl-UE u fl-universitajiet Ewropej;

2.3.Innovazzjoni, aċċettazzjoni soċjetali u responsabbiltà

29.  Jinnota li l-avvanzi teknoloġiċi ewlenin kollha jirrikjedu perjodu tranżitorju, wieħed fejn il-maġġoranza tas-soċjetà teħtieġ li tikseb fehim aħjar tat-teknoloġija u tintegraha fil-ħajja ta' kuljum tagħha;

30.  Jinnota li l-futur ta' din it-teknoloġija jiddependi mill-aċċettazzjoni soċjetali u trid issir enfasi akbar fuq il-komunikazzjoni adegwata tal-benefiċċji tagħha biex jiġi żgurat fehim akbar tat-teknoloġija u tal-applikazzjonijiet tagħha; jinnota wkoll li jekk is-soċjetà ma tkunx infurmata dwar it-teknoloġija tal-IA, se jkun hemm inqas spinta favur l-innovazzjoni f'dan is-settur;

31.  Iqis li l-aċċettazzjoni pubblika tiddependi fuq kif il-pubbliku jiġi infurmat dwar l-opportunitajiet, l-isfidi u l-iżviluppi tal-intelliġenza artifiċjali; jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni kredibbli u jindirizzaw it-tħassib ewlieni dwar l-IA u r-robotika bħall-privatezza, is-sikurezza u t-trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

32.  Jilqa' l-użu ta' sandboxes regolatorji biex jiġu introdotti, f'kooperazzjoni mar-regolaturi, ideat ġodda innovattivi, li jippermettu li sa mill-bidu jiġu żviluppati salvagwardji fit-teknoloġija, u b'hekk jiġi ffaċilitat u jitħeġġeġ id-dħul tagħha fis-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti sandboxes regolatorji speċifiċi għall-IA biex jiġi ttestjat l-użu sikur u effettiv tat-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali f'ambjent ta' dinja reali;

33.  Jinnota li sabiex ikun hemm aċċettazzjoni akbar mis-soċjetà tal-intelliġenza artifiċjali, irid ikun hemm assigurazzjonijiet li s-sistemi li qed jintużaw huma sikuri;

34.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija lingwistika jistgħu jipprovdu applikazzjonijiet importanti biex titrawwem l-unità fid-diversità tal-Ewropa: traduzzjoni awtomatizzata, aġenti ta' konversazzjoni u assistenti personali, interfaċċi ta' lingwa mitkellma għar-robots u l-internet tal-oġġetti, analitika intelliġenti, l-identifikazzjoni awtomatizzata ta' propaganda online, aħbarijiet foloz, diskors ta' mibegħda;

2.4.Kundizzjonijiet ta' appoġġ: il-konnettività, l-aċċessibbiltà tad-data u l-informatika ta' prestazzjoni għolja, u l-infrastruttura tal-cloud

35.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tar-robotika u tat-teknoloġija tal-IA fi ħdan l-ekonomija u s-soċjetà tirrikjedi infrastruttura diġitali li tipprovdi konnettività minn kullimkien;

36.  Jenfasizza li l-konnettività hija prekundizzjoni għall-Ewropa biex issir parti mis-soċjetà tal-gigabits u li l-IA hija eżempju ċar tat-tkabbir esponenzjali ta' domanda għal konnettività ta' kwalità għolja, rapida, sikura u pervażiva; jemmen li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jrawmu miżuri biex jistimolaw l-investiment u l-adozzjoni ta' netwerks b'kapaċità għolja ħafna fl-UE;

37.  Jissottolinja li żvilupp rapidu u sikur tal-5G huwa essenzjali biex jiġi garantit li l-Unjoni tista' tisfrutta l-benefiċċji kollha tal-IA u tipproteġi kontra t-theddid għaċ-ċibersigurtà, filwaqt li jagħmel possibbli t-tiġdid u l-iżvilupp tal-industriji u s-servizzi, li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u biex jappoġġja l-ħolqien ta' servizzi, produzzjoni u swieq ġodda, li huwa essenzjali sabiex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi ġodda u livell għoli ta' impjieg;

38.  Ifakkar li d-disponibbiltà ta' data ta' kwalità għolja u sinifikanti hija essenzjali għall-kompetittività reali fl-industrija tal-intelliġenza artifiċjali, u jitlob li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw modi li bihom jipproduċu, jikkondividu u jiġġestixxu d-data billi jagħmlu d-data pubblika beni komuni filwaqt li jissalvagwardjaw il-privatezza u d-data sensittiva;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-kwalità tad-data li tintuża fit-tagħlim profond; jinnota li l-użu ta' data ta' kwalità baxxa, antika, mhux kompluta jew mhux korretta jista' jwassal għal tbassir mhux affidabbli u konsegwentement diskriminazzjoni u preġudizzju;

40.  Jemmen li s-sett il-ġdid ta' regoli li jirregolaw il-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni jagħmilha possibbli biex dejjem aktar data ssir disponibbli għal innovazzjoni xprunata bid-data, li tagħmilha aktar faċli biex l-SMEs u n-negozji ġodda jiżviluppaw servizzi innovattivi attivati bl-IA u jidħlu fi swieq ġodda, filwaqt li tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jibbenefikaw minn prodotti u servizzi aħjar;

41.  Jinnota li l-IA għandha l-potenzjal li żżid l-effiċjenza, il-kumdità u l-benessri f'diversi setturi, jekk il-partijiet ikkonċernati industrijali stabbiliti jikkooperaw mal-iżviluppaturi tal-IA; jinnota, barra minn hekk, li attwalment il-partijiet ikkonċernati għandhom volum kbir ta' data, li mhijiex ta' natura personali, u permezz ta' sħubiji tista' tintuża biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; iqis li, sabiex dan isir realtà, il-kooperazzjoni bejn l-utenti u l-iżviluppaturi tal-IA hija prerekwiżit;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà u tal-veraċità tad-data, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' affidabbiltà u ta' standards tas-sigurtà fit-teknoloġiji ġodda;

43.  Jemmen li s-suċċess tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, imfassla apposta għall-utenti madwar l-UE, spiss jirrikjedi għarfien estensiv dwar is-swieq lokali, kif ukoll l-aċċess għal data lokali xierqa u l-użu tagħha għat-taħriġ dwar is-settijiet tad-data, l-ittestjar u l-validazzjoni tas-sistema, speċjalment f'setturi relatati mal-ipproċessar ta' lingwa naturali; jitlob lill-Istati Membri jħeġġu d-disponibbiltà ta' data ta' kwalità għolja, interoperabbli u miftuħa tas-settur pubbliku kif ukoll dik ta' sjieda privata;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza sħiħa mal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-big data;

45.  Jilqa' l-miżuri li jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data bejn il-fruntieri;

46.  Jinnota li attwalment il-kondiviżjoni tad-data għadha ferm lura biex tilħaq il-potenzjal tagħha u li kwantitajiet kbar ta' data mhumiex qed jintużaw biżżejjed;

47.  Jirrikonoxxi l-fatt li hemm riluttanza għall-kondiviżjoni tad-data u jissottolinja l-ħtieġa għal azzjoni biex din tiġi mħeġġa; jinnota li n-nuqqas ta' standards komuni għandu wkoll rwol kbir x'jaqdi fil-kapaċità għall-kondiviżjoni tad-data;

48.  Jilqa' r-regolamenti bħar-Regolament dwar il-Fluss Liberu tad-Data u l-importanza li għandu fl-oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali biex ikun hemm proċessi aktar effettivi u effiċjenti;

49.  Jirrikonoxxi l-fatt li jeħtieġ li jiġu implimentati inċentivi akbar ibbażati fuq is-suq biex iħeġġu l-aċċess għad-data u l-kondiviżjoni tagħha; jinnota r-riskju li l-ftuħ tad-data joħloq għall-investiment fid-data fl-ewwel lok;

50.  Jitlob kjarifika aħjar tar-regoli relatati mas-sjieda tad-data u l-oqfsa legali fis-seħħ; jinnota li l-inċertezza regolatorja wasslet għal risponsi prudenti żżejjed mill-industrija;

51.  Jenfasizza s-sinifikanza ta' inizjattivi Ewropej dwar il-cloud computing u l-computing ta' prestazzjoni għolja, li kollha se jtejbu aktar l-iżvilupp ta' algoritmi ta' tagħlim fil-fond u l-ipproċessar tal-big data; jemmen bil-qawwa li biex dawn l-inizjattivi jirnexxu u jkunu rilevanti għall-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, l-infrastruttura jeħtieġ li tkun miftuħa kemm għall-entitajiet pubbliċi kif ukoll għall-entitajiet privati bbażati fl-Unjoni u f'postijiet oħra, u jkunu regolati mill-inqas kriterji ta' aċċess ristrettivi;

52.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew; jissottolinja li s-supercomputing u l-infrastruttura tad-data huma essenzjali biex tiġi żgurata ekosistema tal-innovazzjoni kompetittiva għall-iżvilupp tat-teknoloġiji u tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali;

53.  Jenfasizza li l-cloud computing għandu rwol ewlieni x'jaqdi biex jixpruna l-adozzjoni tal-IA; jenfasizza li l-aċċess għas-servizzi tal-cloud jippermetti lill-kumpaniji privati, lill-istituzzjonijiet pubbliċi, lill-istituzzjonijiet tar-riċerka u dawk akkademiċi, u lill-utenti jiżviluppaw u jużaw l-intelliġenza artifiċjali b'mod effiċjenti u ekonomikament vijabbli;

3.Politika industrijali

54.  Ifakkar li filwaqt li l-IA u r-robotika diġà għandhom applikazzjonijiet industrijali li ilhom żmien twil stabbiliti, l-avvanzi fil-qasam qed jespandu u qed jipprovdu applikazzjonijiet mifruxa u diversi fl-attivitajiet kollha tal-bniedem; jemmen li kwalunkwe qafas regolatorju jrid jinkludi flessibbiltà li tippermetti l-innovazzjoni u l-iżvilupp liberu ta' teknoloġiji u użi ġodda għall-intelliġenza artifiċjali;

55.  Jissottolinja li l-identifikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-applikazzjonijiet għall-IA għandhom ikunu r-riżultat ta' proċess ta' tfassil immexxi mill-ħtiġijiet u ggwidat minn prinċipji li jqisu r-riżultat maħsub u l-aħjar mezz biex jinkiseb, minn perspettiva ekonomika u soċjali; jemmen li l-eżistenza ta' politiki ċari fl-istadji kollha ta' żvilupp se twassal għal implimentazzjoni adatta għall-iskop tagħha u jiġu indirizzati r-riskji u l-iżvantaġġi;

56.  Jirrakkomanda l-użu u l-promozzjoni ta' sħubiji pubbliċi-privati biex jiġu esplorati soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin bħall-bini ta' ekosistema tad-data u l-promozzjoni tal-aċċess, il-kondiviżjoni u l-fluss tad-data filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-persuni għall-privatezza;

57.  Jenfasizza li sfida sinifikanti għall-futur tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali hija l-kwalità inkonsistenti tat-teknoloġija li tipproduċi s-softwer, u għalhekk jissottolinja l-bżonn kbir ta' standardizzazzjoni fil-bini u fl-użu tas-sistemi tal-IA;

58.  Jinnota l-ħidma li qed issir globalment u jirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir ħidma proattiva mas-sħab speċjalment fl-OECD u fil-G20, biex tissawwar id-direzzjoni li din l-industrija tieħu biex tiżgura li l-UE tibqa' kompetittiva u tissalvagwardja l-aċċess ugwali fost in-nazzjonijiet kif ukoll taqsam il-benefiċċji tal-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali bl-aktar mod mifrux possibbli;

59.  Jinnota bi tħassib li għadd ta' kumpaniji u entitajiet mhux Ewropej minn pajjiżi terzi qed jużaw dejjem aktar mudelli prevedibbli bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali biex jipprovdu servizzi u jieħdu l-valur miżjud mis-swieq tal-UE, speċjalment fil-livell lokali, u biex jimmonitorjaw u possibbilment jinfluwenzaw is-sentiment politiku, u b'hekk jimponu theddid potenzjali għas-sovranità teknoloġika taċ-ċittadini tal-UE;

60.  Jenfasizza li l-appoġġ pubbliku għall-IA għandu jkun iffukat fuq dawk is-setturi strateġiċi li fihom l-industrija tal-UE għandha l-akbar opportunitajiet biex taqdi rwol ewlieni fuq livell globali u li għandhom valur miżjud fl-interess pubbliku ġenerali;

3.1.Setturi prijoritarji

3.1.1.Is-settur pubbliku

61.  Jenfasizza li hemm għadd ta' benefiċċji li għandhom jinkisbu mill-intelliġenza artifiċjali u r-robotika fis-settur pubbliku, u jilqa' investiment akbar fir-riċerka u l-iżvilupp biex jiġi żgurat li dan jirnexxi;

62.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jinvestu wkoll fi programmi edukattivi u ta' taħriġ fl-IA sabiex jassistu lill-impjegati tas-settur pubbliku biex jadottaw l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika; jinnota li għandu jkun hemm ukoll kampanji ta' informazzjoni immirati lejn iċ-ċittadini li se jużaw is-servizzi tas-settur privat ipprovduti permezz tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika sabiex jiġi eliminat it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li ma jibqgħux jikkontrollaw id-data personali tagħhom u sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja;

63.  Jenfasizza li l-informazzjoni tas-settur pubbliku tirrappreżenta sors ta' data straordinarju li jista' jikkontribwixxi għall-progress rapidu u l-ħolqien ta' strateġija ġdida biex jiġu adottati teknoloġiji diġitali ġodda, speċjalment l-intelliġenza artifiċjali;

64.  Jemmen li l-adozzjoni ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli mis-settur pubbliku tista' tappoġġja ferm ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u ttejjeb is-servizzi pubbliċi, kif ukoll tingħata spinta lill-adozzjoni aktar mifruxa tal-IA f'industriji oħra;

65.  Jirrikonoxxi l-użu tal-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku u l-impatt li kellu fit-titjib tal-proċessi tas-settur pubbliku; jinnota l-interoperabilità tagħha ma' sistemi ta' legat;

66.  Jitlob lill-Istati Membri jmexxu din it-trasformazzjoni diġitali billi jippożizzjonaw lilhom infushom bħala utenti u xerrejja primarji responsabbli tat-teknoloġija tal-IA; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Istati Membri jeħtiġilhom jadattaw il-politiki tad-data tagħhom li jittrattaw il-ġbir, l-użu, ir-repożitorji jew l-annotazzjoni tad-data pubblika, fost temi relatati oħra, biex jippermettu l-implimentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fis-setturi pubbliċi kollha;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż il-pubbliku fil-proċess ta' żvilupp tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippubblika kwalunkwe algoritmu, għodda jew teknoloġija li huma ffinanzjati jew kofinanzjati mill-pubbliku bħala sors miftuħ;

68.  Jemmen li l-IA se tkun ta' għajnuna kbira f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss", billi se tippermetti l-kombinazzjoni ta' bażijiet tad-data u ta' informazzjoni minn sorsi differenti, u b'hekk se tiffaċilita l-interazzjonijiet taċ-ċittadini mal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-protezzjoni taċ-ċittadini minn kwalunkwe sistema tal-intelliġenza artifiċjali ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ikklassifikar fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, simili għal dawk ippjanati li jiġu użati fiċ-Ċina;

3.1.2.Is-saħħa

70.  Jenfasizza li l-kuntatt uman huwa aspett kruċjali tal-kura tal-bniedem;

71.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika għandhom benefiċċji potenzjali fis-settur tal-għoti tal-kura hekk kif l-istennija tal-għomor qed tiżdied, pereżempju billi jgħinu lit-tobba u lill-infermiera jkollhom aktar ħin għal attivitajiet ta' valur għoli (pereżempju interazzjoni mal-pazjenti);

72.  Jinnota l-impatt li diġà kellha l-intelliġenza artifiċjali fuq il-benessri, il-prevenzjoni, id-dijanjożi u r-riċerka u l-potenzjal kbir tagħha għat-tfassil ta' kura personalizzata; iqis li fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għal ekosistema tal-kura tas-saħħa aktar sostenibbli, effiċjenti u bbażata fuq l-eżiti;

73.  Jinnota li meta l-IA tingħaqad ma' dijanjożi umana, ir-rata ta' żball għandha tendenza li tkun ferm inqas minn dijanjożi mit-tobba biss(8);

74.  Jenfasizza li l-użu tad-data fis-settur tas-saħħa jrid ikun sorveljat b'attenzjoni u etikament u bl-ebda mod ma għandu jostakola l-aċċess għall-protezzjoni soċjali jew għall-assigurazzjoni;

75.  Jemmen li meta l-IA qed tintuża f'apparat mediku impjantat, id-detentur għandu jkollu d-dritt li jispezzjona u jimmodifika l-kodiċi tas-sors użat fl-apparat;

76.  Għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-użu tal-"big data" fis-saħħa bil-għan li jiġu massimizzati l-opportunitajiet li dan jista' jġib – bħat-titjib kemm tas-saħħa tal-pazjenti individwali kif ukoll tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri – mingħajr ma jitnaqqsu l-istandards etiċi u mingħajr ma tiġi mhedda l-privatezza jew is-sikurezza taċ-ċittadini;

77.  Jenfasizza, madankollu, li hemm il-possibbiltà li s-sistema eżistenti għall-approvazzjoni ta' apparat mediku mhijiex adegwata għat-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress ta' dawn it-teknoloġiji u tipproponi bidliet għall-qafas regolatorju fejn meħtieġ bil-għan li tistabbilixxi l-qafas għad-determinazzjoni tar-responsabilità rispettiva tal-utent (it-tabib/il-professjonist), il-produttur tas-soluzzjoni teknoloġika, u l-faċilità tal-kura tas-saħħa li toffri t-trattament; jindika li r-responsabbiltà ġuridika għad-danni hija kwistjoni ċentrali fis-settur tas-saħħa f'dak li jikkonċerna l-użu tal-intelliġenza artifiċjali; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġi żgurat li l-utenti ma jiġux immexxija b'mod invarjabbli biex jappoġġaw is-soluzzjoni jew it-trattament dijanjostiku li jkun issuġġerixxa strument teknoloġiku minħabba biża' li jiġu mfittxija għad-danni jekk, fuq il-bażi tal-ġudizzju professjonali infurmat tagħhom, huma kellhom jaslu għal konklużjonijiet differenti anke jekk parzjalment;

78.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-fondi favur teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali relatati mas-saħħa, fis-setturi pubbliċi u privati; jilqa' f'dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni ffirmata minn 24 Stat Membru tal-UE u min-Norveġja bil-għan li jissaħħaħ l-impatt tal-investimenti fl-intelliġenza artifiċjali fil-livell Ewropew; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw jekk il-programmi ta' taħriġ għall-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa għandhomx jiġu aġġornati u standardizzati fuq bażi mifruxa mal-Ewropa kollha sabiex jiġu żgurati livelli għoljin ta' għarfien espert u kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri fir-rigward tal-għarfien u l-użu tal-aktar strumenti teknoloġiċi avvanzati fil-kirurġija robotika, il-bijomediċina u l-immaġni bijomedika bbażata fuq l-IA;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq strateġiji u politiki li jistgħu jippożizzjonaw lill-UE bħala mexxejja dinjija fil-qasam dejjem akbar tat-teknoloġija tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċess għal kura medika bla xkiel u effettiva;

80.  Jirrikonoxxi li dijanjostika aħjar tista' ssalva miljuni ta' ħajjiet peress li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 89 % tal-imwiet prematuri madwar l-Ewropa huma kkawżati minn mard li ma jitteħidx;

81.  Jenfasizza l-kontribut li l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika jagħtu fl-innovazzjoni ta' prattiki u tekniki kliniċi, ta' prevenzjoni u ta' riabilitazzjoni fil-qasam tas-saħħa, b'referenza partikolari għall-benefiċċju li jiksbu l-pazjenti b'diżabilità;

82.  Jirrikonoxxi li ż-żieda fl-użu ta' sensuri fil-qasam tar-robotika tejbet il-kamp ta' applikazzjoni tal-għoti tal-kura u tippermetti li l-pazjenti jkollhom kura u servizzi aktar personalizzati u li jirċievu kura mill-bogħod fi djarhom stess, filwaqt li jiġġeneraw data aktar sinifikanti;

83.  Jirrikonoxxi li, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2017(9), fil-preżent iċ-ċittadini tal-UE xorta għadhom iħossuhom skomdi bl-idea tal-użu tar-robots fil-kura tas-saħħa ta' kuljum; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji u kampanji ta' komunikazzjoni biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta' kuljum tar-robots; jinnota b'mod partikolari l-ambizzjoni tal-Istrateġija tal-Ġappun dwar l-użu tar-Robots;

3.1.3.L-enerġija

84.  Jinnota li l-IA tippermetti lill-fornituri tal-enerġija jimxu minn manutenzjoni tal-assi preventiva għal dik ta' previżjoni u biex il-produzzjoni tagħhom tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz ta' titjib fl-affidabbiltà b'mod partikolari, għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u billi jidentifikaw il-postijiet l-aktar effettivi għal installazzjonijiet ġodda, u b'hekk jiżguraw ġestjoni aħjar tar-rispons għad-domanda;

85.  Jirrikonoxxi l-fatt li data aktar preċiża ġġenerata permezz tal-intelliġenza artifiċjali dwar il-potenzjal tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli se toħloq ċertezza ta' investiment akbar għan-negozji u l-individwi, u b'hekk se taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u se tikkontribwixxi għall-istrateġija fit-tul tal-Unjoni għal ekonomija newtrali f'termini ta' impatt fuq il-klima;

86.  Jinnota li s-soluzzjonijiet li jinvolvu s-sensuri diġà qed jintużaw għall-ġestjoni tal-użu tal-enerġija fid-djar u li dan wassal għal iffrankar konsiderevoli tal-enerġija u fi flus;

87.  Jilqa' l-potenzjal tal-IA fl-immudellar, fl-identifikazzjoni u fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-attività tal-bniedem fuq il-klima; jinnota li, filwaqt li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni ġġib ukoll ħtiġijiet ġodda tal-enerġija, din tista' ġġib ukoll effiċjenza akbar f'setturi intensivi fl-użu tal-enerġija u tipprevedi fehim aħjar tal-proċessi, filwaqt li twassal għat-titjib tagħhom;

88.  Jenfasizza li b'settur tal-enerġija aktar diġitalizzat, in-netwerks tal-enerġija se jikbru u se jkunu esposti aktar għat-theddid ċibernetiku; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jakkumpanjaw it-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tal-enerġija b'miżuri, bħall-intelliġenza artifiċjali, li jtejbu ċ-ċibersigurtà;

3.1.4.It-trasport

89.  Jilqa' l-kapaċità tal-IA u tar-robotika li jtejbu ferm is-sistemi tat-trasport tagħna bl-introduzzjoni ta' ferroviji u vetturi bil-mutur awtonomi; jitlob aktar riċerka u investiment f'dan il-qasam sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sigur u effettiv tiegħu; jenfasizza l-opportunitajiet kbar kemm għall-kumpaniji tat-teknoloġija akbar kif ukoll għall-SMEs;

90.  Jinnota li bit-tnaqqis tal-iżbalji umani fis-settur tat-trasport is-sistema tista' potenzjalment issir aktar effiċjenti, b'inqas inċidenti, grazzi għal evalwazzjonijiet aktar ċari u n-natura ta' previżjoni tat-teknoloġija, inqas dewmien, bil-kapaċità li jiġu identifikati xejriet tat-traffiku u servizzi mmexxija fuq l-iskeda, kif ukoll tfaddil akbar, b'inqas ħsarat ikkawżati mis-sewwieq u bi proċessi interni ssimplifikati;

91.  Jinnota li l-prevalenza ta' vetturi awtonomi fil-futur timponi riskji għall-privatezza tad-data u ħsarat tekniċi u se titrasferixxi r-responsabbiltà mis-sewwieq għal fuq il-manifattur, u dan jirrikjedi li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jibdlu l-mod li bih jinkorporaw ir-riskju fis-sottoskrizzjoni tagħhom;

92.  Jinnota li l-komunikazzjoni bil-vuċi qed tintuża dejjem aktar fl-interazzjoni ma' vetturi u sistemi tat-trasport iżda dawn il-karatteristiċi huma disponibbli biss għal ftit lingwi Ewropej, u għalhekk għandu jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jużaw dawn il-possibbiltajiet fil-lingwa materna tagħhom;

3.1.5.L-agrikoltura u l-katina alimentari

93.  Jinnota li l-IA għandha l-potenzjal li tikkatalizza trasformazzjoni disturbanti tas-sistema alimentari attwali lejn mudell aktar divers, reżiljenti, adattat għar-reġjun u san għall-futur;

94.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali tista' taqdi rwol fl-isforzi biex tgħin jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-ikel, jiġu mbassra l-karestija u t-tifqigħat ta' mard li jinġarr fl-ikel, jitnaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel u tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-ilma u ta' riżorsi ambjentali oħra kritiċi għas-saħħa tal-ekosistema;

95.  Jenfasizza li l-intelliġenza artifiċjali tista' tintervjeni f'punti kritiċi tul il-katina tal-valur tas-sistema alimentari mill-produzzjoni sal-konsum u ttejjeb il-kapaċità tagħna biex inbiddlu b'mod fundamentali l-mod ta' kif aħna nipproduċu, nipproċessaw u nixtru l-ikel billi nkunu infurmati aħjar dwar il-prattiki ta' ppjanar tal-użu tal-art;

96.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali tista' ttejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi u l-effiċjenza tal-input, tgħin sabiex ikun hemm tnaqqis fl-iskart ta' wara l-ħsad u tinfluwenza l-għażliet tal-konsum;

97.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali fil-forma ta' biedja ta' preċiżjoni għandha l-potenzjal għal trasformazzjoni disturbanti tal-produzzjoni agrikola, kif ukoll il-ġestjoni tal-art usa', billi ttejjeb l-ippjanar tal-użu tal-art, tbassar tibdil fl-użu tal-art u timmonitorja s-saħħa tal-għelejjel, filwaqt li għandha wkoll il-potenzjal li tittrasforma t-tbassir ta' avvenimenti estremi tat-temp;

98.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali tista' tbiddel radikalment it-twassil tal-inputs, il-kontroll tal-pesti u l-ġestjoni tal-irziezet, filwaqt li tinfluwenza l-prattiki tal-biedja, tbiddel il-mod li bih jitwasslu l-prodotti tal-assigurazzjoni u tgħin biex jiġu mbassra u evitati tifqigħat futuri ta' karestija u ta' malnutrizzjoni akuta gravi;

99.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali tista' twassal biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar kif għandhom jiġu ġestiti s-sistemi tal-irziezet u tistimola l-iżvilupp ta' sistemi ta' appoġġ tad-deċiżjonijiet u ta' rakkomandazzjoni billi ttejjeb l-effiċjenzi tal-irziezet u s-saħħa tal-irziezet;

3.1.6.Iċ-ċibersigurtà

100.  Jinnota li ċ-ċibersigurtà hija aspett importanti tal-intelliġenza artifiċjali, speċjalment minħabba l-isfidi għat-trasparenza fl-intelliġenza artifiċjali ta' livell għoli; iqis li l-perspettiva teknoloġika, inkluż l-awditjar tal-kodiċi tas-sors, u r-rekwiżiti għat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont għandhom jiġu kkomplementati minn approċċ istituzzjonali li jindirizza l-isfidi relatati mal-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali żviluppata f'pajjiżi oħra fis-suq uniku tal-UE;

101.  Jitlob li l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà jiġi implimentat mill-iktar fis possibbli; jinnota li l-iżvilupp ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE għandu jiżgura żvilupp u implimentazzjoni aktar reżiljenti ta' sistemi sikuri tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika;

102.  Iqis li fl-istess ħin l-intelliġenza artifiċjali tista' tkun theddida għaċ-ċibersigurtà u l-għodda biex jiġu miġġielda l-attakki ċibernetiċi; jemmen li l-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) għandha tħejji pjan ta' azzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fil-qasam tal-IA, li għandu jivvaluta u jindirizza t-theddid u n-nuqqasijiet speċifiċi għall-IA;

103.  Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-bażi industrijali bħala komponent strateġiku tal-iżvilupp sikur tal-intelliġenza artifiċjali; jenfasizza li sabiex jiġi żgurat livell ambizzjuż ta' ċibersigurtà, protezzjoni tad-data u servizzi tal-ICT affidabbli, l-Ewropa trid tinvesti fl-indipendenza teknoloġika tagħha; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-UE biex tiżviluppa infrastruttura, ċentri tad-data, sistemi tal-cloud u l-komponenti tagħhom, bħal proċessuri tal-grafika u ċipep;

104.  Jinnota li hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tevolvi u l-hackers qed isiru aktar sofistikati, se jkun imperattiv li jkun hemm soluzzjonijiet b'saħħithom dwar iċ-ċibersigurtà;

105.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali fiċ-ċibersigurtà se jagħmlu possibbli t-tbassir, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-theddid;

106.  Jenfasizza li filwaqt li l-intelliġenza artifiċjali se tkun tista' tipprovdi kopertura akbar għall-identifikazzjoni tat-theddid, huwa imperattiv li tingħata interpretazzjoni mill-bniedem ta' dan it-theddid sabiex jiġi identifikat jekk dan ikunx ġenwin;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bbażati fuq il-blockchain li jtejbu r-reżiljenza, il-fiduċja u s-sodezza tal-infrastrutturi tal-intelliġenza artifiċjali permezz ta' mudelli mingħajr intermedjarji tal-kriptaġġ tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tuża tokens biex tippremja liċ-ċittadini għad-data tagħhom;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapaċità taċ-ċibersigurtà tal-EU billi tkompli tikkombina u tikkoordina l-isforzi madwar l-Ewropa;

3.1.7.SMEs

109.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-SMEs għas-suċċess tal-intelliġenza artifiċjali; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinħoloq pjattaforma tal-intelliġenza artifiċjali fuq talba li se ttejjeb it-trasferiment tat-teknoloġija u tikkatalizza t-tkabbir tan-negozji ġodda u tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi hubs ta' innovazzjoni diġitali għall-intelliġenza artifiċjali li ma jwasslux għall-ħolqien ta' livelli addizzjonali ta' amministrazzjoni iżda minflok jiffukaw fuq l-aċċellerazzjoni ta' investimenti fi proġetti li wrew li huma effiċjenti;

110.  Jinnota li l-ispejjeż tal-investiment fl-intelliġenza artifiċjali jwasslu għal ostakoli akbar għad-dħul għall-SMEs; jirrikonoxxi l-fatt li l-adozzjoni mifruxa tal-intelliġenza artifiċjali mill-konsumaturi tagħmel dan l-investiment inqas riskjuż għall-SMEs;

111.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi kemm l-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali mill-SMEs kif ukoll l-użu tagħha mill-konsumaturi;

112.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri mmirati biex jiġi żgurat li l-SMEs u n-negozji ġodda jkunu jistgħu jadottaw u jibbenefikaw mit-teknoloġiji tal-IA; jemmen li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-effetti ta' leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar l-iżvilupp teknoloġiku tal-intelliġenza artifiċjali għandhom ikunu obbligatorji u li tali valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jitqiesu wkoll fil-livell nazzjonali;

113.  Jissottolinja li l-intelliġenza artifiċjali tista' tkun faċilitatur għall-SMEs iżda żżid ukoll l-ingranaġġ ta' utenti u żviluppaturi kbar bikrin; jindika, għalhekk, il-ħtieġa li d-distorsjonijiet ġodda jiġu evalwati u indirizzati kif xieraq, minn perspettiva ta' kompetizzjoni;

4.Qafas legali għall-intelliġenza artifiċjali u għar-robotika

114.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li jitrawwem ambjent regolatorju favorevoli għall-iżvilupp tal-IA u b'mod konformi mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar, tevalwa mill-ġdid b'mod regolari l-leġiżlazzjoni attwali sabiex tiżgura li tkun xierqa għall-iskop fir-rigward tal-IA filwaqt li tirrispetta wkoll il-valuri fundamentali tal-UE, u tfittex li temenda jew tissostitwixxi proposti ġodda fejn jintwera li dan ma jkunx il-każ;

115.  Jilqa' t-twaqqif ta' pjattaformi parteċipattivi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali li jippermettu liċ-ċittadini jinstemgħu u jinteraġixxu b'suċċess mal-gvernijiet billi jressqu proposti, inkluż permezz ta' baġits parteċipatorji u strumenti oħra ta' demokrazija diretta; jenfasizza li l-proġetti minn isfel għal fuq jistgħu jrawmu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jgħinu lill-persuni jieħdu deċiżjonijiet infurmati b'mod aktar effettiv u demokratiku;

116.  Jinnota li l-IA hija kunċett li jkopri firxa wiesgħa ta' prodotti u applikazzjonijiet, mill-awtomatizzazzjoni, l-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali limitata sal-intelliġenza artifiċjali ġenerali; iqis li liġi jew regolamentazzjoni komprensiva dwar l-IA għandha tintuża b'kawtela, peress li r-regolamentazzjoni settorjali tista' tipprovdi politiki li huma ġenerali biżżejjed iżda anke rfinuti sal-livell fejn ikunu sinifikanti għas-settur industrijali;

117.  Jenfasizza li l-qafas ta' politika għandu jitfassal biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kull tip ta' IA u mhux biss sistemi ta' tagħlim fil-fond, li jirrikjedu ammont kbir ta' data;

4.1.Suq intern għall-intelliġenza artifiċjali

118.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-użu transkonfinali tal-oġġetti intelliġenti, inklużi r-robots u s-sistemi robotiċi; ifakkar li, meta jkun meħtieġ, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u s-sigurtà tal-prodotti għandhom jiżguraw li ċerti oġġetti jkunu siguri mid-disinn u b'mod awtomatiku; jinnota, f'dan il-kuntest, l-importanza li ssir ħidma wkoll fuq l-aspetti etiċi tal-IA;

119.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għandha tneħħi l-ostakli għall-użu tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa fejn huwa meħtieġ jiġu aġġornati l-oqfsa regolatorji u ta' politika sabiex jinbena suq uniku Ewropew għall-IA;

120.  Jirrikonoxxi li r-robotika u t-teknoloġija tal-IA qed jintużaw dejjem aktar fil-vetturi awtonomi, bħal karozzi awtonomi u drones ċivili; jinnota li xi Stati Membri diġà qed jimplimentaw jew jikkunsidraw leġiżlazzjoni f'dan il-qasam b'mod partikolari, li jista' jirriżulta fi frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel l-iżvilupp tal-vetturi awtonomi; jitlob, għalhekk, li jkun hemm sett wieħed ta' regoli tal-Unjoni li jilħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn l-interessi u r-riskji potenzjali għall-utenti, in-negozji jew il-partijiet ikkonċernati l-oħra, filwaqt li jevita regolamentazzjoni żejda fir-robotika u fis-sistemi tal-IA;

121.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi professjonali tat-taħriġ u tal-edukazzjoni tagħhom sabiex jitqiesu l-progress u l-iżviluppi xjentifiċi fil-qasam tal-IA, f'konformità mad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità(10) u mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali(11), u biex is-servizzi professjonali tal-UE jsiru globalment kompetittivi fid-deċennji li ġejjin;

122.  Jenfasizza li l-IA tapplika għal varjetà ta' setturi fejn l-istandardizzazzjoni għandha rilevanza kbira, bħall-manifattura intelliġenti, ir-robotika, il-vetturi awtonomi, ir-realtà virtwali, il-kura tas-saħħa u l-analiżi tad-data, u jemmen li standardizzazzjoni madwar l-UE għall-IA se trawwem l-innovazzjoni u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi; jirrikonoxxi li, filwaqt li jeżisti għadd sinifikanti ta' standards dwar kwistjonijiet bħas-sikurezza, l-affidabbiltà, l-interoperabbiltà u s-sigurtà, il-promozzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' standards komuni għar-robotika u għall-IA huma neċessarji u għandhom ikunu parti mill-prijoritajiet tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-korpi tal-istandardizzazzjoni tal-UE, tkompli tinvolvi ruħha b'mod proattiv mal-korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali biex ittejjeb l-istandards f'dan il-qasam;

123.  Ifakkar li ħafna aspetti tal-politika rilevanti għal servizzi attivati bl-IA, inklużi regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-politika dwar l-etika u r-responsabbiltà, huma koperti mil-qafas regolatorju eżistenti dwar is-servizzi, jiġifieri d-Direttiva dwar is-Servizzi(12), id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali u d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku(13); jissottolinja, f'dan il-kuntest, li fl-aħħar mill-aħħar, il-bnedmin dejjem jeħtiġilhom ikunu responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment għal servizzi professjonali bħall-professjonijiet mediċi, legali u kontabilistiċi; jikkunsidra li hija meħtieġa riflessjoni dwar jekk hijiex meħtieġa superviżjoni minn professjonist ikkwalifikat, bl-għan li jiġu protetti l-objettivi leġittimi ta' interess pubbliku u jiġu pprovduti servizzi ta' kwalità għolja;

124.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' servizzi diġitali mtejba bħal assistenti virtwali, chatbots u aġenti virtwali, li jġibu effiċjenza operazzjonali mingħajr preċedent, filwaqt li jirrikonoxxu b'mod xieraq il-ħtieġa li tiġi żviluppata IA ċċentrata fuq il-bniedem u xprunata mis-suq biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar affidabbli fid-dawl tal-limitazzjonijiet għall-awtonomija tal-IA u tar-robotika;

4.2.Id-data personali u l-privatezza

125.  Jenfasizza li jrid jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza, ta' sigurtà u ta' privatezza fir-rigward tad-data użata għall-komunikazzjoni bejn in-nies u r-robots u l-intelliġenza artifiċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw il-prinċipji tas-sigurtà u tal-privatezza mid-disinn fil-politiki tagħhom relatati mar-robotika u mal-intelliġenza artifiċjali;

126.  Itenni li d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għall-oqsma kollha tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali u li l-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data jrid jiġi osservat bis-sħiħ; jissottolinja r-responsabbiltà tad-disinjaturi tars-sistemi robotiċi u tal-intelliġenza artifiċjali biex jiżviluppaw prodotti b'tali mod li jkunu sikuri, siguri u adatti għall-iskop tagħhom u jsegwu proċeduri għall-ipproċessar tad-data konformi mal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-kunfidenzjalità, l-anonomità, it-trattament ġust u l-proċess ġust;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali tinkludi miżuri u regoli li jqisu l-evoluzzjoni teknoloġika rapida f'dan il-qasam, sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tlaħħaq mal-kurva tal-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija; jenfasizza l-ħtieġa għal tali leġiżlazzjoni biex tkun konformi mar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jitlob li jiġu riveduti r-regoli, l-prinċipji u l-kriterji dwar l-użu ta' kameras u sensuri fir-robots u fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali f'konformità mal-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data;

128.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe qafas regolatorju futur tal-UE dwar l-IA jiggarantixxi l-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-prinċipji tal-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u b'mod awtomatiku, il-limitazzjoni tal-iskop, il-limitazzjoni tal-ħżin, il-preċiżjoni, u l-minimizzazzjoni tad-data, f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll is-sigurtà, is-sikurezza personali u drittijiet fundamentali oħra, bħad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

129.  Jenfasizza li d-dritt għall-privatezza jrid dejjem jiġi rispettat u li l-individwi ma għandhomx ikunu personalment identifikabbli; jissottolinja li żviluppatur tal-IA għandu dejjem ikollu kunsens infurmat ċar u mhux ambigu u li d-disinjaturi tal-intelliġenza artifiċjali għandhom ir-responsabbiltà li jiżviluppaw u jsegwu l-proċeduri għall-kunsens validu, il-kunfidenzjalità, l-anonimità, it-trattament ġust u l-proċess xieraq; jenfasizza li d-disinjaturi jeħtiġilhom jikkonformaw ma' kwalunkwe talba biex kwalunkwe data relatata tinqered u titneħħa minn kwalunkwe ġabra ta' data;

130.  Ifakkar li r-Regolament (UE) 2018/1807(14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar il-qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea(15) jiddikjara li 'jekk l-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li d-data anonimizzata tinbidel f'data personali, tali data għandha tiġi ttrattata bħala data personali, u ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (RĠPD)(16) għandu japplika skont kif ikun meħtieġ';

4.3.Responsabbiltá

131.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex toħloq il-Grupp ta' Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji Ġodda bil-għan li jipprovdi lill-UE b'għarfien espert dwar l-applikabilità tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti(17) għal prodotti tradizzjonali, it-teknoloġiji ġodda u l-isfidi soċjetali ġodda (formazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott) u jassisti lill-UE fl-iżvilupp ta' prinċipji li jistgħu jservu bħala linji gwida għal adattamenti possibbli tal-liġijiet applikabbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali relatati ma' teknoloġiji ġodda (formazzjoni ta' Teknoloġiji Ġodda);

132.  Jiddispjaċih, madankollu, li ma tressqet l-ebda proposta leġiżlattiva matul din il-leġiżlatura, u b'hekk dan dewwem l-aġġornament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà fil-livell tal-UE u li kienet ta' theddida għaċ-ċertezza legali madwar l-UE f'dan il-qasam kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-konsumaturi;

133.  Jinnota li l-inġiniera tal-intelliġenza artifiċjali jew il-kumpaniji li jimpjegawhom għandhom jibqgħu responsabbli għall-impatti soċjali, ambjentali u fuq is-saħħa tal-bniedem li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jew ir-robotika jista' jkollhom fuq il-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri;

4.4.Il-protezzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumatur

134.  Jissottolinja li l-fiduċja tal-konsumaturi hija essenzjali għall-iżvilupp tal-IA u li s-sistemi bbażati fuq l-IA jittrattaw dejjem aktar data tal-konsumaturi, li tagħmilhom miri ewlenin għal attakki ċibernetiċi; jenfasizza wkoll il-fatt li l-IA trid tiffunzjona b'mod li ma jagħmilx ħsara liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, u jikkunsidra li għalhekk trid tiġi żgurata l-integrità tad-data u tal-algoritmi li tiddependi fuqhom;

135.  Jikkunsidra li t-teknoloġiji tal-IA żviluppati kemm għall-manifattura kif ukoll għall-użu individwali għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli tas-sigurtà tal-prodotti mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq u mir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex, fejn ikun xieraq, jiġu żgurati standards minimi ta' sigurtà u jiġi indirizzat ir-riskju ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-interazzjoni mal-bnedmin, jew mill-ħidma fil-qrib tal-bnedmin; jemmen li fi kwalunkwe politika dwar l-IA, għandhom jitqiesu kwistjonijiet etiċi u kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data, inkluża data ta' partijiet terzi u data personali, kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà ċivili u maċ-ċibersigurtà;

4.5.Drittijiet ta' proprjetà intellettwali

136.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-16 ta' Frar 2017 li fiha nnota li m'hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tapplika speċifikament għar-robotika, iżda li s-sistemi u d-duttrini legali eżistenti jistgħu jiġu applikati faċilment għar-robotika, għalkemm jidher li xi aspetti jitolbu kunsiderazzjoni speċifika; itenni l-appell li sar f'dik ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja approċċ orizzontali u teknoloġikament newtrali fir-rigward tal-proprjetà intellettwali applikabbli għad-diversi setturi fejn jaf tintuża r-robotika;

137.  Jilqa' f'dan ir-rigward il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istituzzjonijiet dwar Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(18) (COM(2017)0708) iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati r-rilevanza u l-effiċjenza tar-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jiġi rregolat l-iżvilupp tal-IA; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' kontrolli tal-idoneità;

5.Aspetti etiċi

138.  Jemmen li l-azzjonijiet u l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u mad-dritt nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti;

139.  Jitlob il-ħolqien ta' karta tal-etika tal-aħjar prattika għall-intelliġenza artifiċjali u r-robotika li l-kumpaniji u l-esperti għandhom isegwu;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kooperazzjoni b'saħħitha u trasparenti bejn is-setturi pubbliċi u privati u s-settur akkademiku li ssaħħaħ il-kondiviżjoni tal-għarfien u jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ għad-disinjaturi dwar l-implikazzjonijiet etiċi, is-sikurezza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif ukoll għall-konsumaturi dwar l-użu tar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, b'enfasi partikolari fuq is-sikurezza u l-privatezza tad-data;

141.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali ma għandhomx jużaw data li tinġabar minn diversi sorsi mingħajr ma l-ewwel jingħata l-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas li jiżgura li l-kunsens mogħti mis-suġġett tad-data jiġġenera data biss għall-għanijiet intiżi;

142.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta d-dritt taċ-ċittadini għal ħajja offline u tiżgura li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra ċittadini li dwarhom ma hemm l-ebda data rreġistrata;

5.1.Teknoloġija ċċentrata fuq il-bniedem

143.  Jenfasizza li jridu jiġu stabbiliti regoli etiċi biex jiġu żgurati l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrat fuq il-bniedem, l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tas-sistemi tat-teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiċi, regoli ċari dwar ir-responsabbiltà u l-ġustizzja;

144.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll in-netwerk ta' alleanza tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali, bil-għan li jipprovdu linji gwida etiċi għall-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-akbar użu possibbli ta' dawk il-linji gwida etiċi mill-industrija, mis-settur akkademiku u mill-awtoritajiet pubbliċi; jirrakkomanda li l-Istati Membri jinkorporaw il-linji gwida fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-intelliġenza artifiċjali u jiżviluppaw strutturi ta' obbligu ta' rendikont reali għall-industriji u l-gvernijiet meta jfasslu u jimplimentaw l-intelliġenza artifiċjali;

145.  Iqis li s-segwitu kontinwu tal-implimentazzjoni tal-linji gwida etiċi dwar l-intelliġenza artifiċjali u tal-impatt tagħha fuq l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem huwa essenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk il-linji gwida etiċi volontarji humiex biżżejjed biex jiġi żgurat li l-użu inklużiv, inkorporat mil-lat etiku tal-intelliġenza artifiċjali ma jiġġenerax firdiet ekonomiċi u soċjali fis-soċjetajiet tal-UE, u tissuġġerixxi miżuri regolatorji u ta' politika jekk meħtieġ;

146.  Jinnota l-iżviluppi reċenti fil-monitoraġġ tal-analitika tal-imġiba u l-adattament għaliha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas etiku li jillimita l-użu tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq sensibilizzazzjoni u tniedi kampanja ta' informazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-użu tagħha fir-rigward tal-analitika tal-imġiba;

5.2.Valuri integrati fit-teknoloġija - etiċi mill-waqt tad-disinn

147.  Jirrimarka li l-qafas etiku ta' gwida għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-benefiċjenza, in-nonkrudeltà, l-awtonomija u l-ġustizzja, u fuq il-prinċipji u l-valuri stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u l-ekwità, in-nondiskriminazzjoni, il-kunsens infurmat, il-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll fuq prinċipji u valuri sottostanti oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħan-nonstigmatizzazzjoni, it-trasparenza, l-awtonomija, ir-responsabbiltà individwali u r-responsabbilta soċjali, u fuq prattiki u kodiċijiet etiċi eżistenti;

148.  Jemmen li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fuq livell globali billi timplimenta biss intelliġenza artifiċjali inkorporata mil-lat etiku; jissottolinja li, biex dan jintlaħaq, il-governanza tal-etika fl-IA trid tiġi żgurata fuq diversi livelli; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwaqqfu korpi ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza tal-etika tal-intelliġenza artifiċjali u jħeġġu lill-kumpaniji jiżviluppaw l-intelliġenza artifiċjali biex iwaqqfu bordijiet tal-etika u jfasslu linji gwidi dwar l-etika għall-iżviluppaturi tal-intelliġenza artifiċjali tagħhom;

149.  Jenfasizza li l-istandards Ewropej għall-IA jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji tal-etika diġitali, id-dinjità tal-bniedem, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data, u b'hekk jikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja fost l-utenti; jenfasizza l-importanza li jittieħed vantaġġ mill-potenzjal tal-UE għall-ħolqien ta' infrastruttura b'saħħitha għal sistemi tal-IA li jkunu msejsa fuq standards għoljin ta' data u fuq ir-rispett għall-bnedmin; jinnota li l-iżvilupp tal-IA jrid jinkorpora fih it-trasparenza u l-ispjegabilità;

150.  Jinnota li s-sistemi ta' armi awtomatizzati għandhom ikomplu jkollhom approċċ ta' human-in-command (kontroll uman) fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali;

5.3.Teħid ta' deċiżjonijiet – il-limiti tal-awtonomija tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika

151.  Jenfasizza d-diffikultà u l-kumplessità tat-tbassir tal-imġiba futura ta' bosta sistemi tal-intelliġenza artifiċjali kumplessi u l-imġiba emerġenti ta' sistemi tal-intelliġenza artifiċjali interattivi; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk hemmx bżonn ta' regolamenti speċifiċi relatati mat-teħid ta' deċiżjonijiet li jsir permezz tal-intelliġenza artifiċjali;

152.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali se tibqa' għodda utli ta' kollaborazzjoni fl-azzjoni tal-bniedem biex tittejjeb il-prestazzjoni tagħha u jitnaqqsu l-iżbalji;

153.  Jitlob li l-persuni jkollhom id-dritt ta' informazzjoni, id-dritt ta' appell u d-dritt ta' appell meta l-intelliġenza artifiċjali tintuża għal deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-individwi li jġorru riskju sinifikanti għad-drittijiet jew għal-libertajiet ta' individwu jew li jistgħu jikkawżawlhom ħsara;

154.  Jenfasizza li l-algoritmi fis-sistemi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma għandhomx jużaw mingħajr valutazzjoni tal-impatt algoritmiku (AIA) minn qabel, sakemm ma jkunx ċar li dawn ma għandhom l-ebda impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-individwi;

155.  Jemmen li l-intelliġenza artifiċjali, speċjalment sistemi b'awtonomija inkorporata, inkluża l-kapaċità li tislet, tiġbor u taqsam b'mod indipendenti informazzjoni sensittiva ma' diversi partijiet ikkonċernati, u l-possibbiltà ta' awtotagħlim jew saħansitra li tevolvi biex twettaq awtomodifiki, għandha tkun soġġetta għal prinċipji sodi; jenfasizza li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali ma għandhomx iżommu jew jiżvelaw informazzjoni personali kunfidenzjali mingħajr l-approvazzjoni espliċita mis-sors ta' dik l-informazzjoni;

5.4.It-trasparenza, il-preġudizzju u l-ispjegabilità tal-algoritmi

156.  Jirrimarka li filwaqt li l-intelliġenza artifiċjali ġġib benefiċċji kbar fl-awtomatizzazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, hija ġġorr ukoll riskju inerenti meta l-algoritmi jkunu statiċi u opaki; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal aktar trasparenza fir-rigward tal-algoritmi;

157.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jidentifikaw u jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu jew jimminimizzaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju algoritmiċi u jiżviluppaw qafas etiku b'saħħtu u komuni għall-ipproċessar trasparenti ta' data personali u t-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet li jista' jiggwida l-użu tad-data u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni;

158.  Jissottolinja li kwalunkwe sistema tal-IA trid tiġi żviluppata b'rispett għall-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabbiltà algoritmika, filwaqt li tippermetti l-fehim tal-azzjonijiet tagħha mill-bnedmin; jinnota li sabiex tinbena l-fiduċja u jkun jista' jsir progress fl-IA, l-utenti jridu jkunu konxji kif tintuża d-data tagħhom, kif ukoll data oħra u data dedotta mid-data tagħhom, meta jkunu qegħdin jikkomunikaw jew jinteraġixxu ma' sistema tal-IA jew ma' bnedmin appoġġjati minn sistema tal-IA; jemmen li dan se jikkontribwixxi għal fehim u fiduċja aħjar fost l-utenti; jenfasizza li l-intelleġibbiltà tad-deċiżjonijiet trid tkun standard tal-UE f'konformità mal-Artikoli 13, 14 u 15 tar-RĠPD(19); ifakkar li l-RĠPD diġà jipprevedi d-dritt li wieħed jiġi infurmat dwar il-loġika involuta fl-ipproċessar tad-data; jenfasizza li, skont l-Artikolu 22 tal-RĠPD, l-individwi għandhom id-dritt jiksbu intervent uman meta deċiżjoni bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat taffettwahom b'mod sinifikanti;

159.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra minn issa 'l quddiem għandu jkollhom rwol kruċjali biex jippromwovu t-trasparenza u l-proċess xieraq, iċ-ċertezza legali b'mod ġenerali u, b'mod aktar speċifiku, standards konkreti li jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-garanziji assoċjati mal-użu tal-ipproċessar tad-data u l-analitika; jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib fost l-awtoritajiet inkarigati li jissorveljaw jew jirregolaw il-kondotta fl-ambjent diġitali; jitlob li jkun hemm finanzjament u numru ta' persunal xieraq għal tali awtoritajiet;

160.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-algoritmi tat-tagħlim awtomatiku huma mħarrġa biex jitgħallmu waħedhom, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-awtomatizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob li jitfasslu linji gwida dwar l-etika tal-intelliġenza artifiċjali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-trasparenza, l-ispjegabilità, l-obbligu ta' rendikont u l-ġustizzja algoritmiċi;

161.  Jenfasizza l-importanza tal-ispjegabilità tal-outputs tas-sistemi, tal-proċessi u tal-valuri tal-IA, sabiex dawn ikunu jistgħu jinftiehmu minn udjenza mhux teknika u jingħataw informazzjoni sinifikanti, li huwa meħtieġ biex tiġi evalwata l-ġustizzja u tintrebaħ il-fiduċja;

162.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tagħhom iqajjem għadd ta' kwistjonijiet etiċi;

163.  Jinnota li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali għandhom ikunu jistgħu jiġu spjegati lill-bnedmin u għandhom jipprovdu informazzjoni sinifikanti sabiex ikun jista' jingħata feedback; jirrikonoxxi l-fatt li s-saħħa tal-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali tiddependi fuq il-feedback u l-valutazzjoni mill-ġdid u jħeġġeġ dan il-proċess;

164.  Jinnota li ċ-ċittadini huma mħassba dwar il-fatt li ma jkunux jafu meta tkun qed tintuża l-intelliġenza artifiċjali u liema informazzjoni se tiġi pproċessata; jirrakkomanda żvelar ċar dwar meta l-intelliġenza artifiċjali tkun qed tintuża miċ-ċittadini; jisħaq li huwa importanti li d-data trażmessa tibqa' sikura, sabiex tinżamm il-fiduċja tal-konsumaturi;

165.  Iqis li r-responsabbiltà algoritmika għandha tiġi regolata minn dawk li jfasslu l-politika permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt ibbażati fuq parametri stabbiliti;

166.  Jinnota li l-iżvelar tal-kodiċi tal-kompjuter innifsu mhuwiex se jsolvi l-kwistjoni ta' trasparenza tal-intelliġenza artifiċjali, peress li ma jiżvelax il-preġudizzji inerenti li jeżistu u ma jispjegax il-proċess ta' tagħlim awtomatizzat; jissottolinja li t-trasparenza ma tfissirx biss it-trasparenza tal-kodiċi, iżda wkoll tad-data u tat-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzati;

167.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-iżvelar tal-kodiċi tas-sors jista' jwassal għall-użu ħażin u l-manipulazzjoni tal-algoritmi;

168.  Jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat il-preġudizzju tal-iżviluppatur, u għalhekk il-ħtieġa għal forza tax-xogħol diversa fil-fergħat kollha tas-settur tal-IT, kif ukoll mekkaniżmi ta' salvagwardja, biex tiġi evitata l-integrazzjoni ta' preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru u fuq l-età fis-sistemi tal-IA;

169.  Jirrikonoxxi li l-iżvelar tal-kodiċi jew tas-sigrieti kummerċjali jiskoraġġixxi wkoll il-kumpaniji R&Ż ta' kodiċi ġdid, peress li l-proprjetà intellettwali tagħhom tista' tkun f'riskju; jinnota li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali minflok għandu jħeġġeġ l-interoperabbiltà tal-mudelli u l-interazzjoni tagħhom mad-data tal-input u tat-taħriġ;

170.  Jirrikonoxxi l-fatt li għalkemm it-trasparenza u l-ispjegabilità jistgħu jiżvelaw nuqqasijiet, dawn ma jiggarantixxux affidabbiltà, sigurtà u ġustizzja; iqis, għalhekk, li l-obbligu ta' rendikont huwa integrali għall-kisba ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli, li tista' tinkiseb b'diversi mezzi, bħal AIAs, awditjar u ċertifikazzjoni;

171.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' protokolli għall-monitoraġġ u l-identifikazzjoni kontinwi tal-preġudizzju algoritmiku;

172.  Jirrimarka li d-disinjaturi tal-algoritmi għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti essenzjali bħall-ġustizzja u l-ispjegabilità jiġu osservati mill-bidu tal-fażi tat-tfassil u matul iċ-ċiklu tal-iżvilupp;

173.  Jinnota l-ħtieġa għal linji gwida li jiddeskrivu l-prattiki tajba ta' żvilupp;

174.  Jenfasizza l-importanza li jintwera n-nisel sabiex tkun tista' tiġi traċċata l-istorja tal-mudell tal-intelliġenza artifiċjali; iqis li dan se jtejjeb il-fehim tal-mudelli u jgħin sabiex tiġi stabbilita fiduċja abbażi tal-istorja tagħhom;

175.  Jenfasizza li fl-interazzjonijiet mal-utenti l-użu ta' sistemi tal-IA jrid ikun identifikat b'mod ċar;

176.  Jenfasizza li t-tixrid tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika għandu jsir b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u li fl-ebda każ ma għandu jirriproduċi sterjotipi kontra n-nisa fil-magni u fir-robots; u lanqas xi forma oħra ta' diskriminazzjoni;

177.  Jirrimarka li anke data ta' taħriġ ta' kwalità għolja tista' twassal għall-kontinwazzjoni ta' diskriminazzjoni u inġustizzja eżistenti meta ma tintużax b'attenzjoni u b'mod konxju; jinnota li l-użu ta' data ta' kwalità baxxa, skaduta, mhux kompluta jew mhux korretta fi stadji differenti tal-ipproċessar tad-data jista' jwassal għal previżjonijiet u valutazzjonijiet ħżiena li mbagħad jista' jwassal għal preġudizzju, li eventwalment jista' jirriżulta fi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-individwi jew konklużjonijiet purament żbaljati jew eżiti foloz; jemmen, għalhekk, li huwa importanti fl-età tal-big data li jiġi żgurat li l-algoritmi jiġu mħarrġa fuq kampjuni rappreżentattivi ta' data ta' kwalità għolja sabiex tinkiseb parità statistika; jenfasizza li anke jekk tintuża data ta' kwalità għolja preċiża, l-analiżi ta' previżjoni bbażata fuq l-IA tista' toffri biss probabbiltà statistika; ifakkar li, skont ir-RĠPD, l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali għal skopijiet ta' statistika jista' jirriżulta biss f'data aggregata li ma tistax terġa' tiġi applikata għall-individwi;

178.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull min jipproduċi materjal deepfake jew vidjows sintetiċi, jew kwalunkwe vidjow sintetiku ieħor magħmul b'mod realistiku, jiddikjara b'mod espliċitu li dawn mhumiex oriġinali;

179.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali tiddependi b'mod inerenti fuq il-ġbir ta' ammonti kbar ta' data, u spiss fuq il-ħolqien ta' bażijiet tad-data ġodda li jintużaw biex isiru preżunzjonijiet dwar il-persuni; jemmen li għandha ssir enfasi fuq l-identifikazzjoni u l-bini ta' mekkaniżmi ta' rispons għal theddid potenzjali biex jiġi żgurat it-tnaqqis ta' effetti negattivi;

180.  Itenni li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali ma għandhomx joħolqu jew isaħħu l-preġudizzju; jissottolinja li, meta jiġu żviluppati u jintużaw l-algoritmi, iridu jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet relatati mal-preġudizzju u l-ġustizzja fl-istadji kollha, mit-tfassil sal-implimentazzjoni; jissottolinja li s-sett tad-data u l-algoritmu jridu jiġu vvalutati u ttestjati b'mod regolari biex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet bir-reqqa;

6.Governanza

6.1.Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni

181.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn l-iżvilupp ta' tmexxija tal-UE b'saħħitha sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-isforzi u tiżgura politiki koerenti fil-livell nazzjonali u l-iskambju tal-aħjar prattiki għal użu usa' tal-intelliġenza artifiċjali;

182.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġiji nazzjonali differenti żviluppati mill-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan Koordinat tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikat fis-7 ta' Diċembru 2018; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

183.  Jinnota li għadd ta' Stati Membri diġà għandhom l-istrateġiji nazzjonali propji dwar l-IA u jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha ffirmaw Dikjarazzjoni ta' Kooperazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f'April 2018; jilqa' wkoll il-pjan ikkoordinat imminenti dwar l-IA bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jistinkaw għall-ogħla livell possibbli ta' kooperazzjoni;

184.  Jemmen li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiġu ggarantiti regoli transfruntiera koerenti fl-Unjoni li jħeġġu kollaborazzjoni bejn l-industriji Ewropej u jippermettu l-użu tal-intelliġenza artifiċjali madwar l-Unjoni kollha li huwa konsistenti mal-livelli meħtieġa ta' sikurezza u sigurtà, kif ukoll mal-prinċipji etiċi stipulati fid-dritt tal-Unjoni;

185.  Jenfasizza li qafas tal-politika tad-data tal-UE armonizzat, ibbażat fuq ir-riskju u progressiv se jżid il-fiduċja u se jappoġġja l-perkors tal-intelliġenza artifiċjali fl-Ewropa, u b'hekk jiżgura t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali u tiżdied il-produttività tan-negozji bbażati fl-Ewropa;

186.  Jirrakkomanda li inizjattivi u proġetti pilota eżistenti u futuri relatati mal-intelliġenza artifiċjali mwettqa mill-Kummissjoni ma għandhomx ikunu kkoordinati mill-qrib, possibilment taħt il-gwida tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza propost, sabiex jinkisbu effetti ta' sinerġija u jiġi żgurat il-ħolqien ta' valur miżjud reali filwaqt li jiġu evitati strutturi doppji li jiswew ħafna flus;

187.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-ħolqien ta' aġenzija regolatorja Ewropea għall-intelliġenza artifiċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet algoritmiku bil-kompitu li:

   Tistabbilixxi matriċi tal-valutazzjoni tar-riskju biex jiġu kklassifikati t-tipi ta' algoritmi u d-dominji tal-applikazzjoni skont il-potenzjal tagħhom għal impatt negattiv sinifikanti fuq iċ-ċittadini;
   Tinvestiga l-użu tas-sistemi algoritmiċi f'każ ta' suspett (pereżempju, b'evidenza mogħtija minn informatur) ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
   Tagħti pariri lil aġenziji regolatorji oħra dwar sistemi algoritmiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom;
   Issaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta' responsabbiltà fir-rigward ta' delitti bħala mezz biex jiġi rregolat l-obbligu ta' rendikont tas-sistemi algoritmiċi billi jiġi pprovdut punt ta' kuntatt għaċ-ċittadini li mhumiex familjari mal-proċeduri legali;
   Tivverifika l-AIAs ta' sistemi b'impatt ta' livell għoli biex tapprova jew tirrifjuta l-użi proposti tat-teħid tad-deċiżjonijiet algoritmiku f'dominji ta' applikazzjonijiet sensittivi ħafna u/jew kritiċi għas-sigurtà (pereżempju l-kura tas-saħħa privata); l-AIA għall-applikazzjonijiet tas-settur privat tista' ssegwi proċess simili ħafna bħal dak propost għas-settur pubbliku, bid-differenza possibbli li d-diversi stadji tad-divulgazzjoni pubblika jkunu jistgħu jiġu ttrattati bħala komunikazzjoni kunfidenzjali għall-aġenzija regolatorja (skont ftehim ta' kunfidenzjalità) sabiex jiġu ssalvagwardjati s-sigrieti kummerċjali essenzjali;
   Tinvestiga l-każijiet issuspettati ta' ksur tad-drittijiet mis-sistemi tat-teħid tad-deċiżjonijiet algoritmiċi, kemm għall-każijiet ta' deċiżjonijiet individwali (pereżempju eżiti anormali uniċi) kif ukoll għall-mudelli ta' deċiżjonijiet tal-istatistika (pereżempju preġudizzju diskriminatorju); l-investigazzjonijiet jistgħu jinbdew wara li jitressqu lmenti, jew fuq il-bażi ta' evidenza mogħtija minn informaturi, ġurnalisti investigattivi jew riċerkaturi indipendenti (inklużi NGOs u akkademiċi);

188.  Jinnota l-ħidma li għaddejja fuq l-IA mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO), u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw lill-membri tal-ISO tagħhom biex jiżguraw li l-interessi Ewropej ikunu rappreżentati kif suppost fl-iżvilupp tal-istandards f'dan il-qasam;

6.2.Il-governanza internazzjonali

189.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Osservatorju tal-Politika tal-OECD dwar l-intelliġenza artifiċjali u jitlob li jkun hemm ambizzjoni akbar fl-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għal aktar kooperazzjoni;

190.  Jenfasizza l-mudelli differenti li qed jiġu żviluppati f'pajjiżi terzi, speċifikament fl-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Iżrael, u jenfasizza l-approċċ ibbażat fuq il-valuri użat fl-Ewropa u l-ħtieġa li ssir ħidma mas-sħab internazzjonali f'ambjenti bilaterali u multilaterali, sabiex l-intelliġenza artifiċjali tiġi żviluppata u adottata b'mod etiku; jirrikonoxxi li din it-teknoloġija ma għandhiex fruntieri u tirrikjedi kooperazzjoni lil hinn minn dik tal-Istati Membri tal-UE waħedhom;

191.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq livell internazzjonali biex tiżgura l-akbar konsistenza bejn l-atturi internazzjonali u biex tippromwovi l-prinċipji etiċi tal-UE madwar id-dinja;

192.  Jissottolinja l-fatt li l-intelliġenza artifiċjali hija teknoloġija b'impatt globali, li tipprovdi benefiċċji komuni u tippreżenta sfidi simili; jindika l-ħtieġa għal approċċ globali, bħal fil-każ tas-sistema ekonomika, u speċjalment fil-każ ta' teknoloġija li għandha impatt sinifikanti fuq is-swieq; jenfasizza l-ħtieġa li l-IA titpoġġa fuq l-aġenda ta' istituzzjonijiet u ta' organizzazzjonijiet eżistenti, u jitlob li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa għal fora addizzjonali, li għandhom jinħolqu jekk ikun meħtieġ;

o
o   o

193.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.
(2) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0341.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0332.
(5) ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1.
(6) COM(2018)0237.
(7) Teknoloġiji Futuri u Emerġenti.
(8) OECD Digital Economy Outlook 2017.
(9) Ewrobarometru Speċjali 460.
(10) Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet, ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.
(11) Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ('ir-Regolament tal-IMI'), (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132).
(12) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(13) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku'), ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.
(15) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.
(16) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta, u li tħassar id-Direttiva 95/46/KE, ĠU L 119, tal-4.5.2016, p. 1.
(17) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.
(18) ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali