Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0095M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0049/2019

Testi mressqa :

A8-0049/2019

Dibattiti :

PV 12/02/2019 - 20
CRE 12/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 8.9

Testi adottati :

P8_TA(2019)0091

Testi adottati
PDF 148kWORD 53k
L-Erbgħa, 13 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment UE-Singapore (riżoluzzjoni)
P8_TA-PROV(2019)0091A8-0049/2019

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra (07979/2018 – C8-0447/2018 – 2018/0095M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07979/2018),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapore min-naħa l-oħra (07980/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C8-0447/2018),

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23 ta' April 2007 għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Istati Membri u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali għal ftehim ta' kummerċ ħieles ma' stati membri individwali tal-ASEAN, l-ewwel wieħed minnhom ikun Singapore,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra l-modifiki tat-12 ta' Settembru 2011 tad-direttivi ta' negozjati inizjali, bl-għan li Kummissjoni tkun awtorizzata tinnegozja dwar l-investiment,

–  wara li kkunsidra Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017 fil-proċedura 2/15(4), mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2015, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħi tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(5),

–  wara li kkunsidra r-Regoli tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE, b'mod partikolari l-Ħames Parti, it-Titoli I, II u V tiegħu, speċifikament l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta’ Frar 2019(6) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0049/2019),

A.  billi l-UE u Singapore jikkondividu l-istess valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali u lingwistika u impenn b'saħħtu favur kummerċ ibbażat fuq ir-regoli fi ħdan sistema kummerċjali multilaterali;

B.  billi l-UE hija riċevitur u sors ewlieni ta' investiment dirett barrani madwar id-dinja;

C.  billi Singapore huwa t-tmien l-akbar destinazzjoni tal-investiment dirett barrani tal-UE u jinsab fl-ewwel post fir-reġjun tal-ASEAN;

D.  billi Singapore huwa bil-bosta l-akbar sieħeb tal-UE fir-reġjun, u jirrappreżenta ftit inqas minn terz tal-kummerċ f'merkanzija u servizzi bejn l-UE u l-ASEAN, u bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-investimenti kollha bejn iż-żewġ reġjuni. billi aktar minn 10 000 kumpanija Ewropea għandhom l-uffiċċji reġjonali tagħhom f'Singapore u joperaw b'konswetudni f'kuntest ta' sigurtà u ċertezza ġuridika;

E.  billi Singapore huwa l-post ewlieni ta' investiment Ewropew fl-Asja, bi stokkijiet ta' investiment bilaterali li laħqu l-ammont ta' EUR 256 biljun fl-2016;

F.  billi bħalissa hemm aktar minn 3 000 trattat internazzjonali ta' investiment fis-seħħ, u l-Istati Membri tal-UE huma parti għal madwar 1 400 trattat;

G.  billi dan huwa l-ewwel ftehim unikament dwar "il-protezzjoni tal-investiment" konkluż bejn l-UE u pajjiż terz wara diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-arkitettura l-ġdida tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE abbażi tal-opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017;

H.  billi fid-dawl tal-approċċ il-ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar tagħha, is-sistema ta' qorti tal-investiment (ICS), fl-2017, Singapore qabel li jirrieżamina d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment innegozjati fl-2014, b'hekk li jinfetaħ mill-ġdid ftehim magħluq;

I.  billi l-ftehim jibni fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment li huma nklużi fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada, li ġie rratifikat mill-Parlament fil-15 ta' Frar 2017;

J.  billi fis-6 ta' Settembru 2017, il-Belġju talab għal opinjoni tal-QtĠ-UE dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tas-CETA dwar l-ICS mat-Trattati tal-UE;

K.  billi l-ekonomiji żviluppati b'ġudikaturi li jiffunzjonaw tajjeb iwasslu biex tingħata anqas importanza għal bżonn ta' mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, għalkemm dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiżguraw soluzzjoni aktar rapida tat-tilwim; billi, madankollu, l-istabbiliment ta' qorti ta' investiment multilaterali indipendenti tqawwi l-fiduċja fis-sistema u ċ-ċertezza ġuridika;

L.  billi l-ftehim se jissostitwixxi t-trattati bilaterali fuq l-investiment bejn 13-il Stat Membru tal-UE u Singapore, li ma jinkludux l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar tagħha (ICS);

M.  billi l-partijiet impenjaw ruħhom li jfittxu li jiksbu qorti multilaterali tal-investiment, inizjattiva appoġġata bis-sħiħ mill-Parlament;

N.  billi fl-20 ta' Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-direttivi ta' negozjati li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-UE, konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment. billi dawn id-direttivi ta' negozjati ġew ippubblikati;

O.  billi l-UE kkonkludiet ftehim simili dwar il-protezzjoni tal-investiment mal-Vjetnam, li ġie adottat mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ottubru 2018;

1.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-UE lejn il-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmu ta' infurzar (ICS) tiegħu, li jieħu post kemm tas-soluzzjoni kontroversjali ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS), li tindirizza uħud min-nuqqasijiet tal-proċess, u wkoll tal-proċessi individwali segwiti mill-Istati Membri tal-UE fit-trattati bilaterali fuq l-investiment (BITs);

2.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-ftehim se jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-investiment, ta' trasparenza u kontabbiltà, filwaqt li jissalvagwardja d-dritt taż-żewġ partijiet li jirregolaw u li jsegwu objettivi leġittimi ta' politika pubblika, bħas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-ambjent, fil-livelli kollha ta' gvern; jenfasizza li jekk parti waħda tirregola b'tali mod li din taffettwa investiment b'mod negattiv jew tindaħal fl-aspettattivi ta' profitt tal-investitur, dan fih innifsu ma jkunx jirrappreżenta ksur tal-istandards ta' protezzjoni tal-investiment u għalhekk ma jkun jirrikjedi l-ebda kumpens; jenfasizza li l-ftehim, bl-ebda mod ma għandu jillimita l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u tad-drittijiet tat-trade unions;

3.  Jenfasizza li l-ftehim jiggarantixxi li l-investituri tal-UE f'Singapore mhumiex se jiġu diskriminati fil-konfront ta' investituri Singaporjani, u jipproteġihom b'mod xieraq minn esproprjazzjoni illeġittima;

4.  Ifakkar li s-sistema ta' qorti tal-investiment tipprevedi l-istabbiliment ta' Tribunal tal-Investiment tal-Prim'Istanza Permanenti u Tribunal tal-Appell, li l-membri tagħhom jeħtieġ li jkollhom kwalifiki komparabbli għal dawk li għandhom imħallfin tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, inkluż għarfien espert fid-dritt internazzjonali pubbliku u mhux biss fid-dritt kummerċjali, u jeħtieġ li jissodisfaw regoli stretti ta' indipendenza, integrità u imġiba etika permezz ta' kodiċi ta' kondotta vinkolanti mfassal biex jipprevjeni kunflitti ta' interess;

5.  Jilqa' l-fatt li r-regoli ta' trasparenza se japplikaw għall-proċedimenti quddiem it-tribunali, id-dokumenti tal-każ se jkunu disponibbli pubblikament u s-seduti ta' smigħ se jsiru fil-pubbliku; jemmen li aktar trasparenza se tgħin biex titnissel il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema; jilqa' barra minn hekk, iċ-ċarezza rigward ir-raġunijiet li għalihom investitur jkun jista' jissottometti talba, li tiżgura trasparenza addizzjonali u l-ekwità tal-proċess;

6.  Jenfasizza li partijiet terzi, bħal pereżempju l-organizzazzjonijiet tax-xogħol u tal-ambjent, ma għandhom l-ebda status ġuridiku quddiem it-tribunali u għalhekk ma jistgħux jipparteċipaw bħala partijiet affettwati biex jinfurzaw l-obbligi tal-investituri, iżda jistgħu jikkontribwixxu għall-proċedimenti tal-ICS permezz ta' osservazzjonijiet amicus curiae; jissottolinja l-fatt li l-qorti tal-investiment għadha tikkostitwixxi sistema distinta għall-investituri barranin biss;

7.  Jenfasizza li m'għandux ikun possibbli li ssir għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (forum shopping) u li jridu jiġu evitati proċedimenti multipli u paralleli;

8.  Ifakkar li l-ftehim jibni b'mod sinifikanti fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment fis-CETA, peress li huwa jinkorpora d-dispożizzjonijiet dwar obbligi għal ex imħallfin, kodiċi ta' kondotta li jipprevjeni kunflitti ta' interess u Tribunal ta' Appell li jiffunzjona bis-sħiħ fil-mument tal-konklużjoni tiegħu;

9.  Jilqa' l-impenn ta' Singapore għall-istabbiliment ta' qorti multilaterali tal-investiment, qorti internazzjonali pubblika u indipendenti li se tingħata s-setgħa li tisma' każijiet ta' tilwim dwar investimenti bejn investituri u stati, li jkunu aċċettaw il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tat-trattati bilaterali fuq l-investiment, u li l-għan aħħari tagħha jrid ikun li tirriforma u tieħu post ir-reġim żbilanċjat, li jiswa' ħafna flus, u frammentat kurrenti ta' protezzjoni tal-investiment; iqis li l-ftehim huwa pass kruċjali lejn dan l-għan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tilħaq lil pajjiżi terzi bil-għan li tistabbilixxi, malajr kemm jista' jkun, il-qorti multilaterali tal-investiment;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jippubblika d-direttivi ta' negozjati tal-20 ta' Marzu 2018 dwar il-qorti multilaterali tal-investiment, u jistieden lill-Kunsill jippubblika d-direttivi ta' negozjati kollha preċedenti u futuri dwar il-ftehimiet ta' kummerċ u investiment immedjatament wara li jiġu adottati, bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehim se jieħu post il-BITs eżistenti bejn 13-il Stat Membru tal-UE u s-Singapore biex b'hekk tingħata koerenza akbar mill-BITs, li huma msejsa fuq dispożizzjonijiet skaduti dwar il-protezzjoni tal-investiment u li jinkludu l-ISDS; jisħaq li l-ftehim se joħloq ukoll drittijiet ġodda għall-pretensjonijiet tal-investituri fil-bqija tal-15-il Stat Membru; jenfasizza li l-qrati nazzjonali funzjonali huma l-għażla primarja biex jissolva t-tilwim tal-investituri, iżda iqis il-ftehim bħala pass importanti lejn ir-riforma tar-regoli globali dwar il-protezzjoni ta' investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim;

12.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbilitajiet tal-investitur u jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra leġiżlazzjoni simili għal dik dwar il-minerali ta' kunflitt u l-injam, bħal pereżempju fil-każ tal-industrija tal-ħwejjeġ; ifakkar dwar l-importanza tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u u l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

13.  Jinnota n-nuqqas ta' approċċ globali rigward il-konformità tal-korporazzjonijiet mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' disponibbiltà ta' mekkaniżmi ta' rimedju; jinnota l-ħidma li nbdiet fin-NU minn grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar it-tfassil ta' strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv f'din l-inizjattiva;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha biex l-ICS ssir aktar aċċessibbli, partikolarment għall-SMEs u għall-intrapriżi żgħar;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lil Singapore jaqblu dwar sanzjonijiet aktar b'saħħithom fl-eventwalità li membru tat-tribunali ma jikkonformax mal-kodiċi ta' kondotta, u jiżguraw li dawn ikunu fis-seħħ hekk kif dan il-ftehim jidħol fis-seħħ;

16.  Iqis li l-approvazzjoni ta' dan il-ftehim se tagħti lill-UE aktar setgħa biex tinnegozja ftehimiet simili ma' pajjiżi oħrajn tal-ASEAN bl-għan li jiġu stabbiliti regoli simili dwar il-protezzjoni tal-investiment fir-reġjun;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika ta' Singapore.

(1) ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 34.
(2) ĠU L 351, 20.12.2012,_p. 40.
(3) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(4) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017, 2/15, ECLI:EU:C: 2017:376.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0382.
(6) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0090.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2019Avviż legali