Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2148(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0467/2018

Testi mressqa :

A8-0467/2018

Dibattiti :

PV 12/02/2019 - 16
CRE 12/02/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 8.13
CRE 13/02/2019 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0095

Testi adottati
PDF 181kWORD 65k
L-Erbgħa, 13 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina
P8_TA-PROV(2019)0095A8-0467/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2018/2148(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Adattament tal-FSA bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, li ġie inizjalat fit-18 ta' Lulju 2016 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2016 u s-sottomissjoni tat-tweġibiet tal-pajjiż għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessalonika għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina, tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, u tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina / l-Operazzjoni EUFOR Althea,

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina (SAPC) li saret fil-5-6 ta' Novembru 2015, it-tieni laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina li saret fl-10 ta' Lulju 2017, it-tielet laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina li saret fis-27 ta' Marzu 2018, u r-raba' laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina li saret fit-13 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, b'mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-President tal-Laqgħa tal-Kapijiet tas-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra tal-10 ta' Lulju 2018, it-tliet dikjarazzjonijiet konġunti ffirmati fl-istess jum dwar il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, dwar persuni nieqsa u dwar delitti tal-gwerra, u d-dikjarazzjoni kontra l-korruzzjoni maħruġa mill-Bożnija-Ħerzegovina fl-istess okkażjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija adottata waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2018" (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2018 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2016)0155),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Mejju 2018 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u mill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar ir-riforma elettorali fil-Bożnija-Ħerzegovina għall-elezzjonijiet tal-Federazzjoni tal-Kamra tal-Popli,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fis-7 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR, li ġew ippubblikati fit-8 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Ottubru 2018 mill-VP/RGħ Mogherini u mill-Kummissarju Hahn dwar l-elezzjonijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tal-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali fil-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra t-tlieta u ħamsin(1) u l-erbgħa u ħamsin(2) rapport lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mir-Rappreżentant Għoli għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tat-3 ta' Mejju 2018 u tal-31 ta' Ottubru 2018 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2015-2018 li ġiet adottata f'Lulju 2015 kif ukoll il-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni adottat mill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina u mill-gvernijiet tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Republika Srpska (RS) fit-23 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0467/2018),

A.  billi l-UE għadha tħaddan l-impenn tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

B.  billi l-applikazzjoni tal-pajjiż għas-sħubija fl-UE tirrappreżenta għażla strateġika u impenn biex javvanza lejn l-UE;

C.  billi l-Kummissjoni qed tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija fl-UE; billi l-Bożnija-Ħerzegovina fasslet ir-risposti tagħha għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u ppreżentathom fit-28 ta' Frar 2018, billi tuża l-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-UE; billi fl-20 ta' Ġunju 2018, il-Bożnija-Ħerzegovina rċeviet aktar minn 600 mistoqsija ta' segwitu u għadha ma rnexxilhiex tibgħat ir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet addizzjonali;

D.  billi minn nofs l-2017, kien hemm tnaqqis ċar fl-adozzjoni tar-riformi relatati mal-UE, minkejja l-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-Aġenda ta' Riforma; billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess komprensiv li jirrikjedi rieda politika, sforzi konġunti mill-partijiet ikkonċernati kollha u kunsens dwar l-Aġenda ta' Riforma; billi ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina jeħtiġilhom li jitqiegħdu fiċ-ċentru tar-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali;

E.  billi fil-Bożnija-Ħerzegovina l-elezzjonijiet ġenerali saru fis-7 ta' Ottubru 2018; billi l-partiti politiċi ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar il-bidliet għal-liġi elettorali li huma meħtieġa biex jindirizzaw il-lakuna legali li tirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża Ljubić li tikkonċerna l-ħatra tal-membri tal-Kamra tal-Popli tal-Federazzjoni; billi l-isforzi ta' faċilitazzjoni dwar din il-kwistjoni, li kienu mmexxija mill-ambaxxaturi tal-UE u tal-Istati Uniti għall-Bożnija-Ħerzegovina, bl-involviment tal-Kummissjoni ta' Venezja, ma kinux produttivi;

F.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina għadha qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, skont il-kawża Sejdić-Finci u l-kawżi relatati; billi l-Kummissjoni ngħatat il-kompitu mill-Kunsill li tagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni meta tkun qed tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija; billi l-opinjoni tal-Kummissjoni, għalhekk, hija mistennija li tanalizza l-kwistjonijiet relatati mal-funzjonalità u tirrevedi l-qafas legali għal kompatibbiltà mal-acquis tal-UE, filwaqt li tidentifika r-riformi kostituzzjonali u riformi oħra meħtieġa; billi aktar ma l-Bożnija-Ħerzegovina tqarreb biex tikseb is-sħubija fl-UE, aktar se ssir urġenti l-ħtieġa għal riforma kostituzzjonali, li jkollha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonalità u tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi s'issa, it-tmexxija politika tal-pajjiż ma rnexxilhiex issolvi n-nuqqasijiet relatati fil-kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina;

G.  billi bħalissa mhux qed jiġu implimentati 13-il deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u diversi deċiżjonijiet kostituzzjonali fil-livell tal-entitajiet (28 fil-Federazzjoni u 7 fir-Republika Srpska); billi l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali hija element essenzjali biex jitħares l-istat tad-dritt;

H.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina hija wkoll pajjiż firmatarju għall-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991);

I.  billi fl-Ewropa l-moderna m'hemmx lok għall-glorifikazzjoni tal-persuni kkundannati b'delitti tal-gwerra u b'delitti kontra l-umanità;

J.  billi l-isfidi persistenti fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni għandhom jiġu indirizzati b'mod aktar vigoruż;

K.  billi l-korruzzjoni, inkluż fl-ogħla livell, għadha mifruxa sew;

1.  Jilqa' l-preżentazzjoni tat-tweġibiet tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tirrispondi l-mistoqsijiet ta' segwitu, li għandhom natura aktar teknika, b'mod f'waqtu, trasparenti u dettaljat, sabiex tikkontribwixxi għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE;

2.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis ċar fir-ritmu tar-riformi minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-partiti u l-kampanja ta' qabel l-elezzjoni ferm polarizzata li bdiet kmieni ħafna; jisħaq fuq il-fatt li l-impenn iddikjarat tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-triq lejn l-Ewropa irid ikun akkumpanjat minn implimentazzjoni konsistenti ta' riformi li jirriżultaw mill-Aġenda ta' Riforma u jiġu tradotti f'riżultati konkreti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, irrispettivament mill-affiljazzjoni etnika u reliġjuża tagħhom; jiddispjaċih li, minbarra l-adozzjoni tal-istrateġiji għall-pajjiż kollu fil-qasam tal-ambjent, l-iżvilupp rurali u l-enerġija, u ta' xi ftit miżuri importanti ta' riforma, bħall-emendi għal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa li kienu meħtieġa biex jiżguraw finanzjament mill-FMI u mill-BERŻ, ma sar l-ebda progress sostanzjali;

3.  Jiddispjaċih li r-retorika etnonazzjonalistika ta' diviżjoni għal darb'oħra ddominat il-kampanja elettorali u għadha tikkaratterizza d-diskors politiku filwaqt li tinvolvi atturi politiċi minn kull naħa; jistieden lill-mexxejja politiċi kollha jinvolvu ruħhom mingħajr dewmien fil-formazzjoni tal-gvernijiet fil-livelli kollha, billi jaħdmu b'mod kostruttiv flimkien, fl-interessi taċ-ċittadini tal-pajjiż tagħhom; jitlob li l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE jiġi kkomunikat b'mod xieraq lill-pubbliku anki bħala proġett għar-rikonċiljazzjoni u għall-iżvilupp ta' kultura politika bbażata fuq il-kompromess u l-fehim reċiproku;

4.  Jinnota li f'dan iċ-ċiklu elettorali għal darb'oħra kien hemm segmentazzjoni fuq linji etniċi u li l-kampanja elettorali kienet iffokata primarjament fuq kwistjonijiet ta' diviżjoni marbuta mal-passat, minflok ma pproponiet soluzzjonijiet konkreti biex jiġu solvuti l-problemi ta' kuljum taċ-ċittadini; jiddeplora r-retorika nazzjonalistika u xewwiexa ta' qabel l-elezzjoni li żżid id-distakk bejn it-tliet popli kostitwenti; jinnota li l-elezzjonijiet tas-7 ta' Ottubru 2018 kienu kompetittivi u ġeneralment ordnati, minkejja xi irregolaritajiet, u li ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina eżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom b'mod kalm u ordnat; itenni li għandhom jiġu investigati u kkundannati l-allegati irregolaritajiet kollha marbuta mal-elezzjoni fl-aktar termini ċari possibbli, u li kwalunkwe attività illegali għandha tiġi mħarrka; jenfasizza n-nuqqasijiet konsistenti fil-proċess tal-elezzjoni demokratika u jistenna li r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR jiġu indirizzati mingħajr dewmien; ifakkar li għadha ma ġietx implimentata d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-2010 fir-rigward tad-dritt demokratiku taċ-ċittadini ta' Mostar biex jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali;

5.  Jiddispjaċih li ma ntlaħaq l-ebda kompromess qabel l-elezzjonijiet fir-rigward tal-bidliet għal-liġi elettorali meħtieġa biex jindirizzaw il-lakuna legali li tirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża Ljubić dwar il-ħatra tal-membri tal-Kamra tal-Popli tal-Federazzjoni; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) dwar l-allokazzjoni ta’ siġġijiet fil-Kamra tal-Popli tal-Federazzjoni adottata fit-18 ta’ Diċembru 2018 u jistieden lill-atturi politiċi kollha biex jindirizzaw il-lakuni legali li fadal fil-Liġi dwar l-Elezzjonijiet tal-BiH ; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u lill-membri eletti kollha tal-parlamenti juru responsabbiltà, jevitaw dikjarazzjonijiet li jisfidaw l-għaqda tal-istat, iwarrbu l-opinjonijiet konfliġġenti tagħhom u jilħqu kompromessi u jsibu soluzzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal kulħadd; iwissi kontra d-dewmien u t-tentattivi biex jiġi mblokkat il-ħolqien tal-awtoritajiet wara l-elezzjonijiet, għaliex dan la jaqdi l-interessi taċ-ċittadini, u lanqas l-objettiv tal-integrazzjoni Ewropea; jenfasizza li l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet, l-implimentazzjoni tar-riżultati u l-ħolqien tal-gvern f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti hija karatteristika essenzjali ta' demokrazija li tiffunzjona, kif ukoll rekwiżit għal kwalunkwe pajjiż li jaspira li jissieħeb mal-UE;

6.  Itenni bil-qawwa l-ħtieġa għall-formazzjoni rapida tal-Kamra tal-Popli tal-Federazzjoni f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, kif imsemmi wkoll fid-dikjarazzjoni konġunta mill-VP/RGħ Mogherini u mill-Kummissarju Hahn dwar l-elezzjonijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina;

7.  Jiddispjaċih li l-kwistjoni tar-rappreżentazzjoni demokratika u leġittima tat-tliet popli kostitwenti u taċ-ċittadini kollha għadha ma ġietx solvuta; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jilħqu kompromess fil-waqt għaliex din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli mil-leġiżlaturi l-ġodda, inkluż permezz tal-operazzjonalizzazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Sejdić-Finci u f'kawżi relatati; itenni l-ħtieġa li jitkomplew ir-riformi kostituzzjonali, politiċi u elettorali li jittrasformaw lill-Bożnija-Ħerzegovina fi stat għalkollox effettiv, inklużiv u funzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt;

8.  Jiddeplora l-fatt li, minħabba t-tentattivi li jiġi introdott l-imblokkar etniku fir-regoli tal-votazzjoni tal-SAPC, id-delegazzjonijiet mill-Bożnija-Ħerzegovina għadhom ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwar ir-regoli ta' proċedura għall-SPAC, li konsegwentement ilu ma jiltaqa' għal tliet snin; jiddispjaċih min-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, ifakkar li dan huwa ksur ċar tal-obbligi li jirriżultaw mill-FSA u jħeġġeġ lill-atturi kollha jaqblu mar-regoli ta' proċedura tal-SAPC u jaċċettawhom abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett; jinnota li istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw sew, inkluż il-parlament, huma prerekwiżit biex il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE jimxi 'l quddiem;

9.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji sistematiċi u ta' konsultazzjonijiet pubbliċi, il-monitoraġġ u r-rappurtar insuffiċjenti u ta' kwalità baxxa u n-nuqqas ta' rekwiżiti formali biex jiġu ppubblikati dokumenti ta' ppjanar ewlenin tal-gvern;

10.  Jitlob l-adozzjoni ta' aktar strateġiji nondiskriminatorji u sensittivi għall-ġeneru għall-pajjiż kollu f'oqsma bħall-impjieg u l-ġestjoni finanzjarja pubbliku, li se tippermetti l-implimentazzjoni konsistenti tar-riformi fil-pajjiż kollu, kif ukoll l-aċċess għal aktar fondi tal-IPA; jinnota b'sodisfazzjon li l-adozzjoni ta' strateġiji rilevanti għal-pajjiż kollu ppermettiet li jkun hemm fondi addizzjonali tal-IPA II f'oqsma ewlenin, bħall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-enerġija, skont id-Dokument Indikattiv ta' Strateġija għall-perjodu 2014-2020 li ġie rivedut reċentement; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat assorbiment aħjar tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, b'mod partikolari billi jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kapaċità amministrattiva tad-donaturi; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' programm nazzjonali għall-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-pajjiż mal-acquis tal-UE, rekwiżit legali skont l-FSA u mezz indispensabbli ta' tħejjija għall-adeżjoni mal-UE;

11.  Iġedded is-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta' strateġija għall-pajjiż kollu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-emendi għal-Liġi tal-Ombudsman għandhom jiġu adottati mill-iktar fis possibbli, sabiex tiġi żgurata konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi; iqis li huwa meħtieġ li l-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi mekkaniżmu ta' prevenzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura u tat-trattament ħażin, u li tadotta liġi statali dwar id-drittijiet taċ-ċittadini li ġew ittorturati matul il-gwerra, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha; jikkunsidra li l-Bożnija-Ħerzegovina għandha tagħmel sforz akbar biex timplimenta l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni tal-pulizija f'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ, għal darb'oħra, lill-awtoritajiet tar-Republika Srpska biex iħassru d-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt mill-kostituzzjoni tal-entità; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għall-ġustizzja fil-pajjiż kollu permezz ta' sistema armonizzata u sostenibbli ta' għajnuna legali mingħajr ħlas; jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu b'mod attiv il-valuri Ewropej u jkomplu jsegwu perspettiva Ewropea;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jieħdu passi konkreti biex jintegraw il-ġeneru fil-politiki kollha, inkluża l-Aġenda ta' Riforma, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, b'mod partikolari fil-livell lokali; iħeġġeġ lill-partiti politiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina jaħdmu aktar biex jiżguraw li n-nisa jkunu rrappreżentati fil-livelli kollha tas-sistema politika;

13.  Jiddeplora l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem peress li ma implimentatx id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić, Pilav u Šlaku, li jippermetti li jkun hemm diskriminazzjoni ċara bejn iċ-ċittadini fil-Bożnija-Ħerzegovina, f'kontradizzjoni flagranti mal-valuri u n-normi tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni għandha toqgħod attenta għal din il-kwistjoni meta tkun qed tħejji l-opinjoni tagħha; isostni li l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet tgħin tistabbilixxi soċjetà demokratika li tiffunzjona; jenfasizza li, bħal fil-każ ta' kwalunkwe membru aspiranti tal-UE, il-Bożnija-Ħerzegovina hija mistennija li tallinja progressivament is-sistema kostituzzjonali u legali tagħha mar-rekwiżiti tal-acquis tal-UE fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni, u jistenna li jsir progress fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet essenzjali fi żmien dovut; jinsisti li l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet ma għandhiex taffettwa l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Aġenda ta' Riforma u trid twassal għall-eliminazzjoni ta' kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt li ċittadin joħroġ għall-elezzjoni abbażi tal-etniċità u r-residenza jew minħabba l-għażla ta' ċittadin li ma jassoċjax ruħu ma' poplu kostitwenti; jemmen, għalhekk, li r-riforma kostituzzjonali u elettorali għandhom jimxu id f'id; jistieden lill-mexxejja politiċi jevitaw ir-retorika nazzjonalistika li twassal għad-diviżjoni tas-soċjetà u jkomplu d-djalogu politiku u l-attivitajiet li jwasslu għall-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti politiċi tat-tliet popli u ta' popli oħrajn;

14.  Jitlob li jittieħdu miżuri aktar effettivi kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari bl-adozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiż kollu u strateġiji kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ il-kooperazzjoni tat-tliet popli u ta' popli oħrajn fejn jidħlu kwistjonijiet kulturali, reliġjużi u edukattivi, biex jiġu eliminati d-diviżjonijiet etniċi; jiddispjaċih li ma kien hemm ebda progress fl-indirizzar tal-kwistjoni taż-"żewġ skejjel taħt saqaf wieħed"; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni deċiżiva fil-livelli kollha sabiex jinstabu soluzzjonijiet sistemiċi li jiżguraw edukazzjoni inklużiva u nondiskriminatorja għat-tfal kollha; jinnota li l-adozzjoni ta' programmi u kurrikuli fit-territorju kollu tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika tal-popli filwaqt li tenfasizza l-fehim reċiproku u r-rikonċiljazzjoni; jinsab imħasseb li nuqqas ta' riżorsi u koordinazzjoni qiegħed ixekkel l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni 2015-2018 għat-tfal; jilqa' l-leġiżlazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kura f'familja u jissottolinja l-ħtieġa li tiġi appoġġata d-deistituzzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-kura tat-tfal fil-pajjiż kollu; jitlob li jkun hemm aċċess aħjar għall-edukazzjoni u għal servizzi soċjali xierqa għat-tfal b'diżabbiltà u, b'mod aktar ġenerali, aċċess aħjar għall-bini, l-istituzzjonijiet u t-trasport għall-persuni b'diżabbiltà;

15.  Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni aktar effettiva tad-dispożizzjonijiet legali li jirrigwardaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jnaqqsu d-differenzi tal-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u li jtejbu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol, u li jiġġieldu kontra l-isterjotipi tas-sessi fis-soċjetà; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sessista u l-protezzjoni minnha, b'mod partikolari l-vjolenza domestika; jinnota l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni ssir konformi mal-Konvenzjoni ta' Istanbul; iħeġġeġ li jsir progress biex jiġi żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, b'mod partikolari billi jiġu indirizzati malajr ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tan-NU; jirrikonoxxi l-passi li ttieħdu lejn il-protezzjoni legali ta' persuni LGBTI, iżda jenfasizza li hemm bżonn li jsir aktar sabiex issir prosekuzzjoni kontra l-vjolenza u r-reati ta' mibegħda kontrihom, kif ukoll sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta' awtorità u n-nuqqas ta' finanzjament ikompli jxekklu l-protezzjoni effettiva ta' minoranzi u gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari r-Rom; jitlob li jittieħdu passi addizzjonali biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi; jinnota bi tħassib li r-riżultati tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom marġinalizzati fil-Bożnija-Ħerzegovina juru l-aċċess limitat tagħhom għall-opportunitajiet f'kull aspett tal-iżvilupp tal-bniedem; jikkundanna l-istigmatizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali tar-Rom; jistieden lill-awtoritajiet jikkommemoraw il-vittmi tal-Olokawst tar-Rom, jimmarkaw it-2 ta' Awwissu bħala l-Jum ta' Tifkira tal-Olokawst tar-Rom, u jinkludu l-vittmi Rom fil-kommemorazzjonijiet tagħhom li jsiru kull sena fis-27 ta' Jannar biex jimmarkaw il-Jum ta' Tifkira tal-Olokawst; jilqa' l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni rivedut dwar ir-Rom għall-2017-2020 dwar l-abitazzjoni, l-impjieg u l-kura tas-saħħa; jinsisti li għandhom jittieħdu miżuri biex jittejbu aktar l-edukazzjoni, ir-rati tal-impjieg, is-saħħa, l-abitazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom u ta' minoranzi oħra, li jkollhom l-għan li jtejbu u jimplimentaw bis-sħiħ l-oqfsa tal-politika u leġiżlattivi eżistenti rilevanti; jesprimi tħassib dwar ir-rappreżentazzjoni baxxa tal-membri ta' minoranzi nazzjonali fil-ħajja politika u pubblika;

17.  Jieħu nota tal-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-valutazzjoni PISA tal-2018 tal-OECD, li saret bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea; Jifraħ lill-istituzzjonijiet edukattivi tal-Bożnija-Ħerzegovina (il-ministeri u l-istituzzjonijiet kompetenti fil-livelli tal-kwartieri, tal-entitajiet u tal-istat, u fid-Distrett Brčko) għall-kooperazzjoni u r-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien; iħeġġeġ lill-gvernijiet futuri fil-livelli kollha jużaw ir-riżultati tat-testijiet, li huma mistennija li jiġu ppubblikat fl-2019, biex jieħdu sehem f'dibattitu kostruttiv u jiżviluppaw riformi edukattivi li jwasslu għal kwalità aħjar tal-output edukattiv;

18.  Jitlob li jkun hemm riforma komprensiva tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, billi jiġu eliminati l-prattiki diskriminatorji f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat li jiġu stabbiliti l-istandards minimi adegwati biex jiġu protetti l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, inkluż billi jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni li jipprevjenu lil xi tfal milli jkollhom assigurazzjoni medika; jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina jsaħħu l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni dwar il-monitoraġġ tad-drittijiet tat-tfal, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-ġbir tad-data komprensiv dwar id-drittijiet tat-tfal fil-Bożnija-Ħerzegovina;

19.  Jinnota li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha pajjiż ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin; jitlob titjib fil-ġestjoni tal-fruntieri u tisħiħ tal-unitajiet ta' investigazzjoni speċjalizzati tat-traffikar tal-bnedmin biex ikun hemm ġlieda effettiva kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin;

20.  Jinsab imħasseb dwar riformi edukattivi u ekonomiċi insuffiċjenti, li qed iwasslu għal livelli għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u emigrazzjoni ekonomika, u dwar in-nuqqas ta' politiki u investiment adegwati fit-tfal u fiż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina tindirizza l-iżbilanċ għoli bejn is-sessi fir-rati tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol u l-esklużjoni taż-żgħażagħ li jappartjenu għal gruppi ta' minoranzi minn miżuri tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jitlob li jkun hemm politika ferm aktar proattiva u sistematika vis-à-vis iż-żgħażagħ tal-Bożnija-Ħerzegovina, li għandu jkollha l-għan li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fil-pajjiż; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Bożnija-Ħerzegovina tistabbilixxi qafas iddedikat u tiżgura l-funzjonament sħiħ tal-Kummissjoni għall-Koordinazzjoni tal-Kwistjonijiet taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Ċivili tal-Bożnija-Ħerzegovina;

21.  Jitlob li jitfasslu strateġiji u leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-gruppi minoritarji u li l-protezzjoni tagħhom tkun totalment implimentata u sostnuta minn fondi pubbliċi;

22.  Jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tiżgura d-dritt għall-proprjetà; jinnota n-nuqqas ta' qafas leġiżlattiv komprensiv dwar il-ġestjoni tat-talbiet ta' restituzzjoni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jiftħu djalogu mal-partijiet interessati dwar il-kwistjonijiet relatati mar-restituzzjoni ta' proprjetà sekwestrata, jew kumpens għaliha;

23.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress dwar il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja; jirrifjuta b'mod ċar tentattivi kontinwi biex titqiegħed pressjoni politika u finanzjarja fuq il-midja; jikkundanna l-każijiet rikorrenti ta' intimidazzjoni, theddid ta' mewt u attakki verbali u fiżiċi kontra l-ġurnalisti, b'mod partikolari l-ġurnalisti investigattivi li jkunu qed ikopru każijiet ta' delitti tal-gwerra li ma tressqux il-qorti; jistieden lill-awtoritajiet jiġbru data dwar dawn il-każijiet, jiżguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni rapidi tal-awturi u jippromwovu ambjent li jiffavorixxi l-libertà tal-espressjoni; jinnota l-ħtieġa li jissaħħu l-istabbiltà finanzjarja u n-newtralità politika tal-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet; itenni s-sejħa tiegħu li jiġu żgurati l-indipendenza u l-finanzjament sostenibbli tax-xandara pubbliċi, kif ukoll id-disponibbiltà tal-kontenut fil-lingwi uffiċjali kollha; jitlob li tingħata aktar attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti fis-settur kollu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-midja u jtenni s-sejħa tiegħu li tiġi żgurata trasparenza sħiħa bl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv xieraq; jiddeplora l-fatt li minħabba t-tfixkil politiku ma setax jiġi stabbilit servizz ta' xandir pubbliku funzjonali; itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-midja u jenfasizza li l-produzzjoni u x-xandir tal-kontenut tat-TV u tar-radju fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina jikkontribwixxu biex tiġi protetta d-diversità kulturali fil-pajjiż; jenfasizza li, bħal fil-każ ta' pajjiżi oħra fir-reġjun, għad hemm tħassib fir-rigward tal-istrumentalizzazzjoni politika tal-midja, jew direttament mill-atturi politiċi, jew minn atturi kummerċjali fit-tentattivi tagħhom li jeżerċitaw influwenza politika;

24.  Jilqa' l-isforzi mmirati biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, ir-rispett reċiproku u t-tolleranza reliġjuża fil-pajjiż, inklużi dawk tal-Kunsill Inter-Reliġjuż tal-Bożnija-Ħerzegovina; jiddeplora l-każijiet kontinwi ta' diskriminazzjoni minħabba raġunijiet reliġjużi, kif ukoll inċidenti li jkunu mmirati lejn siti reliġjużi; ifaħħar u jappoġġa lill-persuni li jiġġieldu favur il-libertà tal-espressjoni, il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u l-mibegħda reliġjuża, u li jippromwovu l-inklużjoni; jirrifjuta l-inċitament għall-biża' fil-konfront ta' nies oħra u jistieden lill-awtoritajiet jirreaġixxu fil-pront u b'mod konsistenti f'dawn il-każijiet kollha;

25.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Qafas Strateġiku għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika fil-Bożnija-Ħerzegovina għall-2018-2022 u jitlob li jiġi implimentat malajr; jerġa' jiġbed l-attenzjoni għall-frammentazzjoni u għall-politiċizzazzjoni tas-sistema ta' tfassil ta' politika fil-Bożnija-Ħerzegovina, u jenfasizza l-ħtieġa għal riforma tal-qafas kostituzzjonali f'konformità mal-ogħla standards tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-bniedem u l-ħtieġa li jitjiebu l-kwalità, il-koerenza u l-affordabbiltà finanzjarja tal-politiki pubbliċi fil-pajjiż kollu; jitlob li tiġi adottata strateġija mifruxa mal-pajjiż dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika u li tiżdied it-trasparenza baġitarja fil-Bożnija-Ħerzegovina, kif ukoll għal mekkaniżmi aktar b'saħħithom biex jiġu evitati l-ineffiċjenza u l-ħela tar-riżorsi pubbliċi, inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jitlob b'mod partikolari li tittieħed azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' politiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku, permezz ta' sistema effettiva ta' ġestjoni tar-riżorsi umani fil-livelli amministrattivi kollha, kif ukoll bl-istandardizzazzjoni tal-proċeduri tas-servizz ċivili fil-livelli governattivi kollha, b'mod partikolari bejn il-livelli federali u tal-kwartieri fil-Federazzjoni;

26.  Jirrikonoxxi li sar xi progress fit-twaqqif ta' mekkaniżmi istituzzjonali ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u fl-iżgurar ta' finanzjament pubbliku għas-CSOs; itenni l-appell tiegħu għall-adozzjoni ta' qafas strateġiku ta' kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha ta' governanza, għat-tisħiħ tat-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliċi u biex isiru sforzi addizzjonali biex ikun jista' jsir skrutinju pubbliku tal-ħidma tal-gvernijiet; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiżdied l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-ippjanar, fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' appoġġ tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu djalogu effettiv li jista' jwassal għal inizjattivi leġiżlattivi u ta' bini ta' kapaċità li jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-ħtieġa li l-finanzjament pubbliku jkun disponibbli għal CSOs li jkunu qed jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' sorveljanza u ta' konsulenza, kif ukoll għal organizzazzjonijiet ta' bażi żgħar;

27.  Jibqa' mħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa fil-Bożnija-Ħerzegovina u d-distakk persistenti bejn ir-rieda politika ddikjarata favur il-ġlieda kontriha u n-nuqqas ta' riżultati konkreti; jissottolinja li m'hemm l-ebda rekord ta' każijiet bi profil għoli u l-qafas legali u istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistematika f'oqsma bħall-finanzjament tal-partiti politiċi, l-akkwist pubbliku, il-kunflitti ta' interess u d-dikjarazzjoni tal-assi huwa dgħajjef u inadegwat; jitlob li jittieħdu passi biex jittejjeb il-qafas legali u istituzzjonali kontra l-korruzzjoni f'konformità mal-istandards Ewropej, billi jiġu armonizzati aħjar il-pjanijiet ta' azzjoni adottati f'diversi livelli, jiġu implimentati l-istrateġiji eżistenti u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-aġenzija kontra l-korruzzjoni;

28.  Jikkunsidra li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex titjieb il-ġlieda kontra l-korruzzjoni mifruxa; iħeġġeġ li għandha tittieħed azzjoni biex jitjieb b'mod sinifikanti r-rekord fil-qasam tal-prevenzjoni u t-trażżin tal-korruzzjoni, inklużi miżuri li jimponu sanzjonijiet effettivi u ta' deterrent, inkluża l-konfiska ta' assi li jinkisbu permezz tal-kriminalità; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità għall-ġlieda u għall-investigazzjoni kontra reati ekonomiċi, finanzjarji u reati relatati mal-akkwist pubbliku; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni lit-twettiq ta' kontrolli effettivi tal-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali u lit-titjib tal-aċċess pubbliku għal u s-sorveljanza tad-dikjarazzjonijiet tal-assi ta' uffiċjali pubbliċi, inklużi l-kandidati għall-elezzjoni; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO jiġu indirizzati, b'mod partikolari dawk dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kunflitti ta' interess; iqis li huwa essenzjali li l-Bożnija-Ħerzegovina tadotta liġi dwar il-kunflitti ta' interess skont l-istandards Ewropej u internazzjonali; iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina twettaq analiżi tal-qafas legali eżistenti kontra l-korruzzjoni u sussegwentement tadotta strateġija koerenti biex tindirizza l-lakuni u n-nuqqasijiet identifikati, f'konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej;

29.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja 2014-2018 f'Marzu 2017 u l-istabbiliment tal-istrutturi meħtieġa ta' rappurtar u monitoraġġ; jinnota l-ħtieġa ta' azzjoni deċiżiva rigward l-implimentazzjoni tagħha; jinsab imħasseb dwar it-theddid kontinwu b'motiv politiku kontra l-ġudikatura; itenni l-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, inkluż mill-influwenza politika, kif ukoll l-imparzjalità, il-professjonaliżmu, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tagħha; jilqa' l-pjan ta' azzjoni dettaljat li ġie adottat bil-ħsieb li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet fil-mandat tal-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli (HJPC) li għandhom l-għan li jsaħħu l-miżuri ta' ħatra, dixxiplina u integrità fir-rigward tal-ġudikatura, inkluż permezz ta' dikjarazzjonijiet aħjar tal-assi; iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida ta' atti leġiżlattivi relatati; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta l-Liġi tal-HJPC abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob l-istandardizzazzjoni ta' kodiċi penali għal każijiet ta' delitti tal-gwerra u jenfasizza l-importanza ta' valutazzjonijiet fir-rigward tas-sessi tar-riforma ġudizzjarja li tinsab għaddejja;

30.  Jiddispjaċih mill-fatt li l-awtoritajiet fil-livelli kollha għadhom qed jinjoraw jew jirrifjutaw id-deċiżjonijiet vinkolanti tal-ġudikatura, inkluż fl-ogħla livell, u jfakkar li dawn l-atti jirrappreżentaw sfida serja għall-istat tad-dritt;

31.  Jilqa' t-tnaqqis ulterjuri fil-kawżi tad-delitti tal-gwerra pendenti, ix-xejra pożittiva kontinwa fil-prosekuzzjoni ta' kawżi tad-delitti tal-gwerra li jinvolvu l-vjolenza sesswali u t-titjib fl-appoġġ għall-vittma fil-qorti u għax-xhieda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-vittmi ċivili tal-gwerra biex tkopri l-vittmi tal-vjolenza sesswali, sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-istatus u l-aċċess għal kumpens fl-entitajiet differenti; jitlob emenda immedjata tal-istrateġija nazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra, sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar effiċjenti ta' każijiet bejn livelli differenti ta' governanza, flimkien ma' kriterji u skedi ta' żmien ġodda għall-ipproċessar tal-kawżi l-aktar kumplessi;

32.  Jinnota li għad m'hemmx strateġija komprensiva dwar il-ġustizzja tranżizzjonali u mekkaniżmu sod għall-kumpens għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem matul il-gwerra madwar il-pajjiż, inkluż għall-vittmi ta' vjolenza sesswali relatata mal-gwerra; jitlob l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Vittmi tat-Tortura, l-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Tranżizzjonali u l-Programm għall-Vittmi tal-Vjolenza Sesswali, u għall-istabbiliment ta' fond speċjali għall-kumpens għall-vittmi ta' stupru, tortura u abbuż matul il-gwerra, u għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' kumpens adegwati għall-vittmi ċivili tal-gwerra, biex jinkludu r-restituzzjoni, il-kumpens, ir-riabilitazzjoni, ir-riparazzjoni u l-garanziji ta' nonrepetizzjoni;

33.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva li tistabbilixxi l-Kummissjoni Reġjonali li jkollha l-kompitu li tistabbilixxi l-fatti dwar il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li kienu twettqu fit-territorju tal-eks Jugoslavja (RECOM); jenfasizza l-importanza li l-mexxejja tal-Bożnija-Ħerzegovina jieħdu azzjoni serja dwar l-istabbiliment tagħha; jissottolinja l-importanza ta' dan il-proċess u l-ħtieġa għal involviment attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha sabiex ir-RECOM tibda l-ħidma tagħha mingħajr dewmien żejjed; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta' pjan ta' azzjoni tal-Koalizzjoni tar-RECOM b'dati u parametri ċari;

34.  Jiddeplora kull tip ta' glorifikazzjoni tal-persuni kkundannati bl-aktar reati gravi kontra l-umanità; jitlob b'urġenza r-rispett għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni; ifakkar lill-mexxejja u lill-istituzzjonijiet politiċi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina li għandhom ir-responsabbiltà li jivvalutaw oġġettivament l-avvenimenti matul il-gwerra, fl-interessi tal-verità, ir-rikonċiljazzjoni u futur paċifiku, u jevitaw l-użu ħażin tal-ġudikatura għal skopijiet politiċi; jenfasizza li l-ipproċessar tad-delitti tal-gwerra jrid ikun ibbażat fuq il-kunċett ta' indipendenza ġudizzjarja u ma jridx jiġi sfruttat għal politiċizzazzjoni biex jaqdi finijiet politiċi ta' kuljum, ikollu x'jaqsam ma' reviżjoniżmu storiku jew jikkawża diviżjonijiet fi ħdan is-soċjetà; jinnota b'dispjaċir id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Assemblea Nazzjonali tar-Republika Srpska biex tirrevoka l-approvazzjoni tagħha tar-Rapport tal-Kummissjoni Srebrenica tal-2004 u jikkundanna d-dikjarazzjonijiet mill-partijiet kollha li jigglorifikaw lill-kriminali tal-gwerra;

35.  Jissottolinja li, għalkemm kien hemm progress sinifikanti, il-legat tal-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitt (CRSV) u t-trawma mill-gwerra tal-1992-1995 għadhom jeħtieġu attenzjoni xierqa fil-Bożnija-Ħerzegovina; jenfasizza li jrid jiġi żgurat li s-superstiti nisa u rġiel, inklużi t-tfal li twieldu f'dak il-kuntest, ikollhom aċċess ekwu għall-kura, għall-appoġġ u għall-ġustizzja permezz ta' kumpens komprensiv, inklużi r-riabilitazzjoni u t-tnaqqis tal-istigmatizzazzjoni tas-superstiti ta' CRSV;

36.  Jirrikonoxxi li minkejja li nkiseb xi progress fl-implimentazzjoni tal-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi Dayton dwar ir-refuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom, dan għadu mhuwiex biżżejjed; jinnota l-progress kajman fit-trattament tan-numru għoli persistenti ta' persuni spostati f'pajjiżhom, il-minoranzi rimpatrijati, ir-refuġjati u l-persuni neqsin; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu bidu għal kooperazzjoni intensiva bejn iż-żewġ entitajiet u jaqsmu b'mod sħiħ id-data militari u tal-intelligence rilevanti kollha biex jiġu identifikati l-persuni li jkunu għadhom neqsin bħala riżultat tal-gwerra; jilqa' l-inizjattivi riċenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali bl-għan li tiġi solvuta l-kwistjoni tal-persuni neqsin u jistieden lill-awtoritajiet fil-Bożnija-Ħerzegovina jinvolvu ruħhom f'dan il-proċess; jissottolinja l-importanza li tinġabar id-data dwar il-persuni rimpatrijati; jikkundanna l-każijiet ta' attakki kontra l-proprjetà tagħhom u jinnota li s-suċċess tal-politika dwar il-persuni rimpatrijati fil-Bożnija-Ħerzegovina hija strumentali għal rikonċiljazzjoni;

37.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali u programmi konkreti f'termini tar-ritorn sostenibbli tar-refuġjati, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-sigurtà u l-edukazzjoni, u li tingħata attenzjoni sinifikanti lill-kumpens għad-danni għall-proprjetà li ma tistax tingħata lura; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, biex jitkomplew l-operazzjonijiet tal-Kummissjoni għal Talbiet ta' Proprjetà Immobbli tal-Persuni Spostati u tar-Refuġjati;

38.  Jiddeplora l-fatt li l-pajjiż għadu qed isofri minħabba l-eżistenza ta' mini tal-art, li jkopru madwar 2,2 % taż-żona totali tiegħu u jaffettwaw direttament is-sigurtà ta' aktar minn 540 000 resident; jilqa' l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-azzjoni kontra l-mini u jfaħħar il-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-Forzi Armati fil-Bożnija-Ħerzegovina għall-ħidma eċċellenti tiegħu; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' kwantitajiet suffiċjenti ta' teknoloġija tat-tneħħija tal-mini tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, li jwasslu għal tnaqqis mir-rata attwali ta' 3 km2 mnaddfa kull sena għal anqas minn 1 km2 mill-2020; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jgħammru b'mod xieraq il-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini bil-mezzi u bit-tagħmir meħtieġa;

39.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata għall-perjodu 2017-2020 u l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni dwar miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob li jkun hemm żieda fl-isforzi biex jiġi stabbilit rekord ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet, kundanni finali u konfiska tar-rikavat mill-kriminalità organizzata; jilqa' l-adozzjoni tant mistennija tal-emendi għall-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (CPC) mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Bożnija-Ħerzegovina fis-17 ta' Settembru 2018, għaliex dawn huma essenzjali biex l-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt ikunu jistgħu jwettqu investigazzjonijiet sensittivi u jikkooperaw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn l-emendi; jenfasizza li l-konformità tal-Liġi dwar l-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Intelligence mal-istandards Ewropej u internazzjonali għandha tibqa' prijorità għolja; japprezza l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina tneħħiet mil-lista tal-FATF ta' "pajjiżi terzi b'riskju kbir li għandhom nuqqasijiet strutturali fir-rigward tal-ħasil tal-flus/fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu", u jitlob li jsiru aktar sforzi biex din titneħħa mil-lista tal-UE ta' pajjiżi b'riskju kbir;

40.  Jitlob li jkun hemm sforzi kontinwi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u li jkun hemm aktar miżuri biex il-kwistjoni tal-ġellieda barranin tiġi identifikata, evitata u indirizzata b'mod komprensiv, flimkien mal-kummerċ illeċitu tal-armi, u biex jiġu intraċċati l-flus maħsuba għal aktar radikalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jtejbu l-kapaċitajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tiġġieled kontra t-terroriżmu permezz ta' koordinazzjoni, kooperazzjoni u skambju aħjar tal-intelligence kriminali, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ, u programmi ta' deradikalizzazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw strateġija biex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità u theddid simili ta' sigurtà; ifakkar fil-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha dwar il-kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien;

41.  Ifaħħar l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex twaqqaf it-tluq taċ-ċittadini tagħha lejn kampi tal-battalja barranin, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet japplikaw sentenzi xierqa għal ġellieda terroristi barranin u jimmaniġġaw ir-riintegrazzjoni soċjali sussegwenti tagħhom; jinnota bi tħassib li ġew irrappurtati ċelel ta' radikalizzazzjoni f'ċerti lokalitajiet fil-pajjiż;

42.  Jinnota bi tħassib l-għadd dejjem jikber ta' migranti li qed jaslu dan l-aħħar fil-Bożnija-Ħerzegovina u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern biex jirrispondu għal din is-sitwazzjoni; iqis li l-kwistjoni tal-migrazzjoni ma għandhiex tkun politiċizzata; jilqa' l-għajnuna umanitarja tal-UE biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu tar-refuġjati, il-persuni li jfittxu l-ażil u l-migranti fil-pajjiż, u l-adozzjoni ta' miżura speċjali (li tiswa EUR 6 miljun) fl-10 ta' Awwissu 2018 biex tappoġġa lill-Bożnija-Ħerzegovina fil-ġestjoni tal-flussi migratorji; jenfasizza l-importanza li titqies il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-għajnuna umanitarja u l-impatt tal-kampijiet tar-refuġjati fuq il-komunitajiet ospitanti; jemmen li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u l-UE hija essenzjali fl-indirizzar ta' din l-isfida komuni;

43.  Jitlob l-adozzjoni ta' sett ġdid ta' riformi orjentati lejn l-UE immedjatament wara l-formazzjoni tal-awtoritajiet il-ġodda fil-Bożnija-Ħerzegovina, sabiex jitkompla l-proċess tar-riforma u tavvanza l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż; jinsisti li kundizzjonalità effettiva għandha takkumpanja l-appoġġ finanzjarja tal-UE u li l-pjanijiet ta' azzjoni u l-oqfsa ta' monitoraġġ għandhom jiġu żviluppati mill-UE f'konformità mal-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex titwettaq id-"dimensjoni soċjali msaħħa l-ġdida", kif stipulat fl-Istrateġija għall-Balkani tal-Punent tal-2018; jirrikonoxxi li sar xi progress mill-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u tal-kompetittività, iżda jinnota li l-pajjiż għadu fi stadju bikri ta' stabbiliment ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona; jemmen bis-sħiħ li l-avvanz fir-riformi soċjoekonomiċi, bl-involviment xieraq tas-sħab soċjali, għandu jkun prijorità għolja wara l-elezzjonijiet, bl-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiż; jinnota l-progress limitat ħafna fil-qasam soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-elementi fundamentali ekonomiċi, bħat-tkabbir, l-impjieg u l-ġlieda kontra l-ekonomija informali; jinnota l-importanza li jiġi strutturat mill-ġdid is-settur pubbliku, inklużi l-intrapriżi pubbliċi, li jkompli jnaqqas l-ekonomija informali u l-piż fiskali relatat fuq ix-xogħol, itejjeb l-ambjent tan-negozju (anki permezz tal-iżvilupp tal-ispazju ekonomiku uniku tal-Bożnija-Ħerzegovina), isaħħaħ l-użu favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari billi jiffoka fuq il-ħtiġijiet fuq perjodu medju ta' żmien bħall-infrastruttura u l-edukazzjoni, u jipprovdi statistika fil-waqt u eżawrjenti f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali;

44.  Jinnota l-progress kajman fil-protezzjoni ambjentali u tal-klima; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm allinjament mal-acquis tal-UE u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u strutturata tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-pajjiż kollu, f'konformità mal-istandards tal-UE u f'konformità mal-Istrateġija ta' Approssimazzjoni Ambjentali għall-pajjiż kollu; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi indirizzat malajr it-tniġġis tal-arja transkonfinali kkawżat mir-raffinerija taż-żejt fi Brod f'konformità mal-politiki ambjentali tal-UE; jenfasizza li l-Bożnija-Ħerzegovina jeħtieġ li tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali u l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, b'mod partikolari fil-Baċir Idrografiku ta' Neretva u fi Trebišnjica; jissottolinja li l-ippjanar u l-bini ta' impjanti u proġetti idroelettriċi jirrikjedu konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali internazzjonali u tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq iż-żoni ta' valur naturali għoli billi titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fi proġetti rilevanti;

45.  Jinnota li s-swieq tal-elettriku u tal-gass għadhom frammentati u ddominati mill-kumpaniji eżistenti ewlenin; jistieden lill-Awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jkomplu jiżviluppaw l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija tal-pajjiż u joħolqu b'mod urġenti ktajjen funzjonali tal-enerġija u tat-trasport; jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tapprofitta mill-pakkett il-ġdid tal-UE għall-iżvilupp tal-konnettività reġjonali, u taħdem biex tlesti s-Suq tal-Enerġija Reġjonali f'konformità mal-impenji klimatiċi tagħha; jirrakkomanda investimenti kontinwi fi proġetti ta' infrastruttura li se jtejbu l-konnettività tat-trasport fil-Bożnija-Ħerzegovina u mal-pajjiżi ġirien; jitlob li meta għandhom jintgħażlu l-kuntratturi, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-prinċipju tat-trasparenza għandhom ikunu osservati sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tas-setgħat u l-korruzzjoni u tiġi żgurata l-għażla tal-aħjar offerti; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta li jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent;

46.  Jilqa' r-relazzjonijiet kostruttivi u stabbli bilaterali tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-iffirmar ta' għadd ta' ftehimiet bilaterali mal-ġirien tagħha; jitlob li jissaħħu r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien mal-pajjiżi fir-reġjun u li jsiru aktar sforzi biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet bilaterali pendenti kollha, inkluża d-demarkazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u mal-Kroazja, anki bl-għan li timxi 'l quddiem is-sħubija tal-organizzazzjonijiet Ewropej;

47.  Jilqa' l-Istrateġija tal-Politika Estera tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-perjodu 2018-2023 adottata mill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, li tiddikjara b'mod ċar li s-sħubija fl-UE hija waħda mill-objettivi strateġiċi prinċipali tal-pajjiż; jiddispjaċih mill-fatt li l-grad ta' allinjament mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) naqas għal 61 % fl-2017; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm riżultati fir-rigward tal-allinjament progressiv mal-PESK u jitlob li jkun hemm titjib sostanzjali f'dan il-qasam, li jikkostitwixxi komponent essenzjali tas-sħubija fl-UE; iħeġġeġ bil-qawwi lill-Bożnija-Ħerzegovina tallinja ruħha mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jintroduċu miżuri restrittivi tal-UE fil-kuntest tal-annessjoni illegali tar-Russja tal-Krimea u l-avveniment fl-Ukrajna tal-Lvant, u jiddeplora n-nuqqas ta' kooperazzjoni intenzjonat f'dan ir-rigward minn xi atturi politiċi;

48.  Jinnota l-influwenza dejjem tiżdied tas-setgħat barranin fil-Bożnija-Ħerzegovina u jemmen bil-qawwi li impenn aktar b'saħħtu tal-UE min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina għadu l-aħjar mod kif jiġi żgurat progress lejn il-valuri Ewropej, l-istabbiltà u l-prosperità fil-pajjiż; jilqa' l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Althea tal-EUFOR fil-pajjiż, li tassisti fil-bini ta' kapaċità u fit-taħriġ tal-forzi armati tal-Bożnija-Ħerzegovina, kif ukoll fiż-żamma ta' kapaċità ta' deterrent biex jiġi appoġġat ambjent sigur u sikur; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-EUFOR mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sa Novembru 2019;

49.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw allinjament strett mal-istandards u mal-objettivi ta' politika tal-UE u dawk internazzjonali fil-qasam tal-enerġija u t-tibdil fil-klima; jiddeplora l-fatt li l-isforzi tal-pajjiż għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għadhom fil-livell ta' dikjarazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ippjanar ta' impjanti ġodda tal-enerġija termali tal-faħam; jitlob, għalhekk, il-kanċellazzjoni tal-proġetti u tal-pjanijiet idroelettriċi li jagħmlu ħsara lin-natura, li jmorru kontra x-xewqa tal-popolazzjoni lokali, li mhumiex konformi mal-pjanijiet ta' żvilupp tal-ispazju lokali jew tal-entitajiet u li jkunu ta' benefiċċju għall-investituri biss;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, lir-Republika Srpska u lid-Distrett ta' Brčko, u lill-gvernijiet tal-għaxar kantuni.

(1) S/2018/416, 3.5.2018.
(2) S/2018/974, 31.10.2018.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2019Avviż legali