Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2280(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0024/2019

Testi mressqa :

A8-0024/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 16.12
CRE 13/02/2019 - 16.12

Testi adottati :

P8_TA(2019)0114

Testi adottati
PDF 160kWORD 57k
L-Erbgħa, 13 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2018
P8_TA-PROV(2019)0114A8-0024/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2018 (2018/2280(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jressqu l-preokkupazzjonijiet tagħhom għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 216(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0024/2019),

A.  billi d-dritt ta' petizzjoni jipprovdi lill-persuni b'mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti għall-ksib ta' rimedju mhux ġudizzjarju għall-ilmenti formali tagħhom indirizzati lir-rappreżentanti eletti direttament tagħhom, b'mod partikolari meta dan ikun relatat mal-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jkun element ewlieni għal demokrazija parteċipattiva li fiha d-dritt ta' kull ċittadin li jkollu parteċipazzjoni diretta fil-ħajja demokratika tal-Unjoni jiġi protett b'mod effettiv; billi huwa għandu jtejjeb il-kapaċità ta' rispons tal-Parlament Ewropew fil-konfront taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea; billi d-demokrazija ġenwina għandha tiżgura trasparenza sħiħa, protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali u involviment prattiku tan-nies fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

C.  billi kull petizzjoni tiġi vvalutata u ttrattata bir-reqqa; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi risposta u informazzjoni sostanzjali dwar id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità li tittieħed mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'perjodu ta' żmien raġonevoli, bil-lingwa tagħhom jew bil-lingwa użata fil-petizzjoni;

D.  billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq il-kontribut u l-kontribuzzjonijiet li jirċievi mill-petizzjonanti;

E.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqis li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tikkostitwixxi strument tal-akbar importanza f'termini ta' demokrazija diretta u parteċipattiva, li tippermetti liċ-ċittadini jkunu involuti b'mod attiv fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

F.  billi numru sinifikanti ta' petizzjonijiet huma diskussi fil-laqgħat tal-kumitati li huma miftuħa għall-pubbliku (u li jixxandru dirett fuq l-internet); billi l-petizzjonanti ta' spiss jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom li jipprovdu informazzjoni diretta lill-membri tal-kumitat, u lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, jekk ikunu preżenti, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-kumitat; billi fl-2018, 187 petizzjonant kienu preżenti għal-laqgħat tal-kumitat sabiex jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar petizzjonijiet;

G.  billi l-petizzjonijiet jirrappreżentaw garanzija extra għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE meta mqabbla mal-ilmenti li jsiru direttament lill-Kummissjoni, peress li l-Parlament huwa involut fil-proċess, u dan jippermetti li jsir skrutinju aħjar tal-fatti u jipprevedi dibattiti trasparenti dwar il-kwistjoni, bil-preżenza tal-petizzjonanti, tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, kif ukoll ta' kwalunkwe awtorità oħra kkonċernata, fejn ikun xieraq;

H.  billi l-informazzjoni dettaljata mill-petizzjonanti u l-għarfien espert ipprovdut mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u korpi oħra huma essenzjali għall-ħidma u l-kredibilità tal-kumitat;

I.  billi l-Parlament Ewropew ilu fuq quddiem nett tal-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għandu proċess tal-petizzjonijiet eċċezzjonali miftuħ u trasparenti , li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet tiegħu;

J.  billi fl-2018 saru erba' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, li twettqu skont l-Artikolu 216a tar-Regoli ta' Proċedura: f'Lusatia (il-Ġermanja) dwar l-impatt tal-estrazzjoni tal-linjite fuq il-popolazzjoni lokali, b'mod partikolari l-komunità Sorb, u dwar it-tniġġis tax-xmara Spree u tal-ilmijiet tal-madwar; f'Famagusta (Ċipru) dwar l-għoti lura taż-żona magħluqa tal-belt okkupata ta' Famagusta lill-abitanti oriġinali; f'Doñana (Spanja) dwar is-sitwazzjoni ambjentali u d-degradazzjoni possibbli fiż-żona protetta tal-Park Nazzjonali ta' Doñana minħabba proġett tal-ħażna tal-gass u l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tal-ilma ta' taħt l-art; u f'Valledora (l-Italja) dwar ħsara ambjentali minħabba miżbliet u barrieri;

K.  billi r-Riżoluzzjoni tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-effetti negattivi tal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) fuq iċ-ċittadini tal-UE u b'mod partikolari fuq l-"Amerikani aċċidentali"(1) stiednet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippreżentaw approċċ konġunt tal-UE fir-rigward tal-FATCA sabiex jiġu protetti b'mod xieraq id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej (b'mod partikolari tal-"Amerikani aċċidentali") u tittejjeb ir-reċiproċità ugwali fl-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni mill-Istati Uniti;

L.  billi l-petizzjonijiet ammissibbli spiss jipprovdu kontribut siewi għall-ħidma tal-kumitati parlamentari rispettivi peress li jindikaw l-allegat ksur tad-dritt tal-UE;

M.  billi l-petizzjonijiet huma għodod utli għall-identifikazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u l-impatt tiegħu fuq iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

N.  billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti rigward amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea; billi l-Ombudsman Ewropew kurrenti, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2017 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Mejju 2018, u r-rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, min-naħa tiegħu, huwa parzjalment ibbażat fuq ir-rapport annwali tal-Ombudsman;

O.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-UE, u li jaqsam magħhom l-aħjar prattiki;

P.  billi għadd ta' titjib tekniku ġie implimentat sabiex jagħmel il-portal tal-internet għall-petizzjonijiet aktar faċli għall-utent u aċċessibbli għaċ-ċittadini, bħal aktar żvilupp tal-funzjoni ta' tiftix, żieda fin-numru ta' riżultati murija u l-fatt li l-utenti jkunu jistgħu jillokalizzaw petizzjonijiet permezz ta' kliem ewlieni enfasizzat fit-titolu u s-sommarju tal-petizzjoni, u l-implimentazzjoni ta' notifiki aktar speċifiċi għall-utenti fil-lingwa tagħhom stess; billi l-istatistika tal-portal saret disponibbli fit-tieni nofs tal-2018, u pprovdiet data utli rigward it-traffiku tas-sit web u l-imġiba tal-utenti; billi t-titjib tekniku kompla, bl-introduzzjoni ta' editur ġdid ta' mistoqsijiet frekwenti (FAQ) u titjib ieħor fil-modulu tal-amministrazzjoni; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew ittrattati b'suċċess;billi xi karatteristiċi li se jagħmlu l-portal aktar interattiv u sors ta' informazzjoni f'ħin reali kemm għall-petizzjonanti kif ukoll għal dawk li jappoġġjawhom għadhom iridu jiġu implimentati bis-sħiħ;

1.  Jenfasizza r-rwol sostanzjali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, fi ħdan il-kompetenzi tal-kumitat, billi jiżgura li t-tħassib tal-petizzjonanti jiġi rikonoxxut u l-ilmenti leġittimi tagħhom jiġu riżolti permezz tal-proċess ta' petizzjonijiet, fi żmien raġonevoli u b'mod effiċjenti fejn ikun possibbli; ifakkar ir-responsabilità tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, speċjalment f'dak li jirrigwardja l-għoti ta' feedback xieraq dwar l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti; jinsisti fuq il-fatt li din il-kooperazzjoni hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-petizzjonanti f'konformità mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

2.  Jenfasizza l-opportunità li l-petizzjonijiet joffru lill-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jidħlu fi djalogu maċ-ċittadini tal-UE li jkunu affettwati mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li titrawwem il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu d-dritt ta' petizzjoni taċ-ċittadini u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-kompetenzi tal-UE u rimedji possibbli li jipprovdi l-Parlament Ewropew waqt li jkun qed jipproċessa l-petizzjonijiet;

3.  Ifakkar li l-petizzjonijiet jiġu eżaminati skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, li jistipula li kwalunkwe ċittadin tal-UE u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew għandha uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru tista' tressaq, individwalment jew f'assoċjazzjoni ma' ċittadini oħrajn, petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea;

4.  Itenni l-ħtieġa għal dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma ta' attività tal-Unjoni, il-limiti tagħha u l-ġejjieni tagħha sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar il-livelli li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet u jiġi evitat il-fenomenu "tort ta' Brussell" użat minn xi Stati Membri irresponsabbli; jitlob li darbtejn fis-sena jsir djalogu aktar intensiv u strutturat bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-parlamenti nazzjonali dwar petizzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet ta' tħassib ewlieni għaċ-ċittadini Ewropej li jistimolaw dibattitu ġenwin bejn l-MEPs u l-MPs nazzjonali li jkun iffukat fuq il-petizzjonijiet u jqajjem aktar sensibilizzazzjoni dwar il-politiki tal-UE u jżid iċ-ċarezza dwar il-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża kif xieraq is-setgħat tagħha li jirriżultaw mir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, billi dan ir-rwol huwa tal-akbar importanza għall-funzjonament tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini u tal-leġiżlaturi Ewropej; jitlob trattament f'waqtu tal-proċeduri ta' ksur sabiex jiġu fi tmiemhom, mingħajr dewmien, is-sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-UE ma jiġix rispettat;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għal dokumenti u informazzjoni fil-qafas tal-proċeduri tal-EU Pilot fir-rigward tal-petizzjonijiet riċevuti, u tal-proċeduri tal-EU Pilot u dawk ta' ksur li diġà ġew konklużi;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet joffru mezz uniku biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom id-dritt tal-UE ma jkunx qed jiġi rrispettat u biex tali sitwazzjonijiet jiġu investigati permezz tal-iskrutinju politiku tal-Parlament Ewropew;

8.  Jenfasizza erba' seduti ta' smigħ pubbliku dwar diversi suġġetti, b'mod partikolari dwar "Id-drittijiet taċ-Ċittadini wara l-Brexit" flimkien mal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fl-1 ta' Frar 2018, dwar "L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej - Reviżjoni tar-Regolament" flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fil-21 ta' Frar 2018, dwar "L-impatt tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fuq is-saħħa pubblika" fit-22 ta' Marzu 2018 flimkien mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, u dwar "Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità" fid-9 ta' Ottubru 2018; ifakkar lill-membri tal-kumitat dwar l-importanza li jattendu seduti ta' smigħ pubbliku mitluba u organizzati mill-kumitat; jistieden lin-netwerk għall-petizzjonijiet iressaq proposti għal seduti ta' smigħ pubbliku speċifiċi u suġġetti għal studji u riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jirriflettu r-rabta bejn ix-xogħol leġiżlattiv li għaddej bħalissa u s-setgħa ta' skrutinju politiku tal-Parlament u l-petizzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet ta' tħassib ewlieni għaċ-ċittadini Ewropew; jissottolinja li n-netwerk għall-petizzjonijiet huwa l-forum it-tajjeb biex jitressqu inizjattivi komuni ħalli jiġu ttrattati bħala petizzjonijiet, li jista' jesprimi b'mod eżawrjenti l-kontribut tal-Parlament għall-petizzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-parteċipazzjoni ta' delegazzjoni ta' Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet waqt żjara f'Lima (il-Perù) fil-15 u s-16 ta' Frar 2018 fil-kuntest tal-appoġġ għad-demokrazija li joffri l-Parlament Ewropew u l-Unità għas-Sostenn għad-Demokrazija u l-Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) sabiex jiġu skambjati prattiki tajbin fil-proċess tal-petizzjonijiet mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Peruvjan;

10.  Jikkonferma l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu politiku u tekniku mal-kumitati rilevanti tal-parlamenti nazzjonali; jilqa' ż-żjara tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Bundestag Ġermaniż fil-laqgħa tal-Kumitat tad-9 ta' Ottubru 2018 biex jitqajmu kwistjonijiet ta' interess komuni u biex jiġu diskussi l-petizzjonijiet rilevanti; jenfasizza l-Laqgħa Interparlamentari tal-Kumitati mal-Parlamenti Nazzjonali tas-27 ta' Novembru 2018, organizzata flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u f'kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li indirizza s-suġġett tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, ir-rwol tal-petizzjonijiet għall-parlamenti f'dan ir-rigward;

11.  Huwa konvint li n-netwerk tal-petizzjonijiet huwa mezz biex il-Kumitat għall-Petizzjonijiet isir aktar viżibbli u rilevanti fil-ħidma tal-kumitati l-oħra tal-Parlament, sabiex il-petizzjonijiet jitqiesu aħjar fil-ħidma leġiżlattiva; jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li l-laqgħat tan-netwerk tal-petizzjonijiet huma vitali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-kumitati parlamentari permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn il-membri tan-netwerk;

12.  Jenfasizza l-għan tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jqajjem kuxjenza dwar it-tħassib taċ-ċittadini fid-dibattiti plenarji; jiġbed l-attenzjoni għall-mistoqsija orali dwar iċ-ċaħda tad-drittijiet tal-vot fl-UE, li ġiet diskussa fil-plenarja fit-2 ta' Ottubru 2018, il-mistoqsija orali dwar il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità fl-elezzjonijiet Ewropej, adottata fil-kumitat fil-21 ta' Marzu 2018, u l-mistoqsija orali mressqa b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel dwar tħassib dwar Natura 2000 f'żoni protetti abbażi ta' petizzjonijiet riċevuti, adottati fil-kumitat fil-21 ta' Novembru 2018; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispondu għar-riżoluzzjonijiet tiegħu, abbażi tal-petizzjonijiet f'Dibattitu Plenarju ta' segwitu, mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-adozzjoni tagħhom sabiex jipprovdu tweġibiet fil-ħin u b'mod effettiv għat-tħassib speċifiku min-naħa taċ-ċittadini Ewropej;

13.  Jiġbed l-attenzjoni għall-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 128(5) jew l-Artikolu 216(2) f'isem il-kumitat adottati fil-plenarja, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(2), dwar ir-rispons għall-petizzjonijiet dwar l-indirizzar tal-prekarjetà u l-użu abbużiv ta' kuntratti għal żmien fiss(3), dwar l-effetti negattivi tal-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) tal-Istati Uniti fuq iċ-ċittadini tal-UE u b'mod partikolari l-"Amerikani aċċidentali"(4), u dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim familjari transfruntier(5);

14.  Jinnota li l-qafas tal-FATCA tal-Istati Uniti ġie implimentat fl-Unjoni permezz ta' ftehimiet intergovernattivi bilaterali (IGAs) li ġew innegozjati bejn l-Istati Uniti u kull Stat Membru; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rispons mill-Istati Membri biex isolvu l-problemi rrappurtati miċ-ċittadini affettwati mill-FATCA; jenfasizza r-rwol tal-Unjoni biex tiggarantixxi implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE f'termini ta' drittijiet fundamentali relatati; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data sabiex jiġi promoss eżerċizzju ta' ġbir ta' informazzjoni biex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fl-Istati Membri dwar ksur possibbli tad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, barra minn hekk, f'kooperazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tniedi studju bbażat fuq il-pajjiżi sabiex tivvaluta jekk il-ftehimiet intergovernattivi fir-rigward tal-FATCA jirrispettawx id-dritt tal-privatezza taċ-ċittadini tal-UE u sa liema punt jagħmlu dan; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi legalment residenti fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk jiġux ikkunsidrati jew le bħala "persuni tal-Istati Uniti" u, jekk ikunu, mill-importanza tar-rabtiet ekonomiċi u personali tagħhom mal-Istati Uniti;

15.  Jenfasizza ż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Famagusta, Ċipru, li saret bejn is-7 u t-8 ta' Mejju 2018, bil-għan li tivvaluta mill-ġdid u taġġorna l-informazzjoni disponibbli għall-kumitat dwar is-sitwazzjoni f'Famagusta, u b'mod partikolari l-parti magħluqa tal-belt ta' Varosha, fil-kuntest tal-petizzjoni 733/2004 imressqa minn Loizos Afxentiou, f'isem il-Moviment tar-Rifuġjati ta' Famagusta, 10 snin wara ż-żjara preċedenti ta' ġbir ta' informazzjoni li saret mill-Kumitat; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjoni tar-rapport ta' missjoni biex jistieden lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-UE u lill-Istati Membri kollha tal-UE jressqu riżoluzzjoni ġdida quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li titlob li jiġu imposti sanzjonijiet politiċi u ekonomiċi kontra t-Turkija għall-atti tagħha ta' aggressjoni fil-Baħar tal-Mediterran tal-Lvant u għan-nuqqas ta' konformità tagħha mar-Riżoluzzjonijiet 550(1984) u 789(1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

16.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet adotta opinjonijiet mehmuża mar-rapporti tal-Parlament dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet, inkluż dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016(6), dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali(7), dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(8), dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-Regolament 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fi ħdan u barra l-UE(9), dwar il-proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni 94/262/KE, Euratom tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman(10), u dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati maċ-ċittadinanza tal-UE(11); jissottolinja l-fatt li, mill-bidu ta' dan it-terminu parlamentari, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ipprovda aktar opinjonijiet fir-rigward tat-testi leġiżlattivi Ewropej li qed jitħejjew bħalissa;

17.  Jenfasizza l-kooperazzjoni siewja tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jissottolinja r-relazzjonijiet eċċellenti fi ħdan il-qafas interistituzzjonali bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; japprezza b'mod partikolari l-kontributi regolari tal-Ombudsman għall-ħidma tal-Kumitat matul is-sena; jemmen bis-sħiħ li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtieġu jiżguraw segwitu konsistenti u effettiv għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

18.  Jenfasizza l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' diżabilità u r-rwol tiegħu ta' protezzjoni fi ħdan il-qafas tal-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD); ifakkar li f'Ġunju 2018 intbagħtet ittra lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri kollha li ssaqsi dwar miżuri konkreti biex tiġi żgurata l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità; jinnota t-tweġibiet komprensivi li waslu minn xi Stati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-aċċessibilità bħala komponent essenzjali tal-kwalità tal-għajxien;

19.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li taħdem mill-qrib ħafna mal-kumitati tal-Parlament u li tippreżenta r-rapporti tagħha lilhom; jiġbed l-attenzjoni għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-8 ta' Ottubru 2018; Jilqa' l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport; jenfasizza l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li waslu relatati mad-dritt tal-UE li għad trid tittieħed azzjoni sħiħa jew b'mod xieraq dwarhom fl-Istati Membri;

20.  Jirrimarka li, fil-kuntest tal-Ġimgħa tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikkunsidra diversi petizzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ppreżenta studju aġġornat dwar id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja lill-migranti irregolari; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-emendar tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 sabiex jiġi definit l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati(12), bil-għan li tiġi introdotta eżenzjoni obbligatorja mill-kriminalizzazzjoni għall-għajnuna umanitarja f'każijiet ta' dħul, tranżitu jew soġġorn;

21.  Huwa konvint li s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jittratta l-petizzjonijiet b'mod effiċjenti u b'attenzjoni kbira skont il-linji gwida tal-kumitat u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-PE; jitlob li jkun hemm innovazzjonijiet ulterjuri fit-trattament tal-petizzjonijiet billi jitqiesu l-aktar żviluppi teknoloġiċi reċenti sabiex il-proċess kollu jsir aktar ċar u aktar trasparenti għaċ-ċittadini Ewropej;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-portal tal-internet tal-Petizzjonijiet għall-ipproċessar ġenerali bla xkiel u trasparenti tal-petizzjonijiet; jirrimarka li waħda mill-prijoritajiet immedjati hija li tittejjeb il-komunikazzjoni mal-petizzjonanti u dawk li jappoġġjawhom permezz tal-kontijiet tagħhom, sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv u jitħaffef il-ħin għall-ipproċessar tal-petizzjoni; itenni l-ħtieġa li jitkompla l-iżvilupp tekniku tal-portal, li jiġi allinjat mal-istandards tas-sit web tal-Parlament u li tiżdied il-viżibilità tiegħu kemm fuq il-pjattaforma tal-PE kif ukoll fost iċ-ċittadini; jenfasizza li jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex il-portal ikun aktar aċċessibbli għall-utenti tiegħu, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità;

23.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li jipprovdi mezz biex iċ-ċittadini u l-intrapriżi jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra; jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri, jippromwovu s-SOLVIT sabiex dan isir aktar viżibbli għaċ-ċittadini u jkun ta' għajnuna akbar għalihom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ in-netwerk SOLVIT ippubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ in-netwerk SOLVIT ippubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri, lill-ombudsmen nazzjonali jew lill-entitajiet simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0316.
(2) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 21.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0242.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0316.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0476.
(6) Opinjoni adottata fil-21 ta' Marzu 2018.
(7) Opinjoni adottata fl-24 ta' April 2018.
(8) Opinjoni adottata fis-16 ta' Mejju 2018.
(9) Opinjoni adottata fid-9 ta' Ottubru 2018.
(10) Opinjoni adottata fil-21 ta' Novembru 2018.
(11) Opinjoni adottata fil-21 ta' Novembru 2018.
(12) ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2019Avviż legali