Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2562(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0107/2019

Dibattiti :

PV 14/02/2019 - 8.1
CRE 14/02/2019 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0115

Testi adottati
PDF 140kWORD 51k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja, u l-każ ta' Oyub Titiev
P8_TA-PROV(2019)0115RC-B8-0107/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev (2019/2562(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Russja, il-każ ta' Oyub Titiev u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial(1), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Jannar 2018 tal-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu li fiha ntalab ir-rilaxx immedjat tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Oyub Titiev,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE, tad-19 ta' Jannar 2018, dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fir-Russja u d-dikjarazzjonijiet tal-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-11 ta' Jannar 2018 dwar id-detenzjoni tad-Direttur tal-uffiċċju fir-Repubblika Ċeċena taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial u tas-27 ta' Ġunju 2018 dwar il-każijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Russi Oyub Titiev u Yuri Dmitriev;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u Ċivili,

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa eżaminat mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 laqgħa u fit-3 137 laqgħa tiegħu, li saru fis-16 u fis-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-rapporteur tal-OSKE, imfassal fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska dwar l-Allegat Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-impunità fir-Repubblika Ċeċena tal-Federazzjoni Russa, tal-21 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, intrabtet li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-impenji internazzjonali tal-Federazzjoni Russa jinkludu l-obbligu ta' protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-liġi tal-2012 dwar l-"aġenti barranin" tillimita drastikament il-kapaċità tal-NGOs li joperaw b'mod indipendenti u effikaċi; billi skont tali liġi, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial ġie kklassifikat bħal "aġent barrani" mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa;

C.  billi ċ-Ċeċenja, f'dawn l-aħħar ftit snin, għaddiet minn deterjorament drammatiku fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-fatt timpedixxi lill-ġurnalisti indipendenti u lill-attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem milli jkomplu xogħolhom mingħajr ma jpoġġu f'riskju ħajjiethom stess u ħajjet il-familjari, il-ħbieb u l-kollegi tagħhom; billi l-bosta rapporti ta' abbużi sistematiċi u gravi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja juru l-falliment min-naħa tal-awtoritajiet Ċeċeni u Russi li jiddefendu l-istat tad-dritt;

D.  billi Oyub Titiev, id-direttur tal-uffiċċju fiċ-Ċeċenja ta' Memorial, ġie arrestat fid-9 ta' Jannar 2018 u uffiċjalment inkriminat u detenut qabel il-proċess abbażi ta' akkużi foloz ta' akkwist u pussess illegali ta' droga stupefaċenti; billi Oyub Titiev ċaħad dawn l-akkużi li ġew denunzjati bħala folox minn NGOs u minn difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem bħala tentattiv biex tixxekkel il-ħidma tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dik tal-organizzazzjoni tiegħu;

E.  billi l-qrati pprorogaw bosta drabi d-detenzjoni ta' Oyub Titiev qabel il-bidu tas-smigħ quddiem il-qorti tal-belt ta' Shali, fiċ-Ċeċenja, fid-19 ta' Lulju 2018; billi l-verdett huwa imminenti u mistenni għal nofs Frar 2019; billi Oyub Titiev jissogra li jinstab ħati ta' reat li ma kkommettiex u jeħel sa għaxar snin ħabs;

F.  billi l-familja ta' Oyub Titiev kellha tħabbab wiċċha ma' vessazzjonijiet u theddid li ġegħluha titlaq miċ-Ċeċenja; billi fl-2018 iċ-Ċentru Memorial kien fil-bersall ta' azzjonijiet oħra, fosthom ħruq doloż tal-uffiċini tagħha fl-Inguxezja fis-17 ta' Jannar 2018, attakk kontra l-vettura tal-avukat ta' Oyub Titiev fid-Dagestan fit-22 ta' Jannar 2018, u attakk fuq il-kap tal-uffiċċju taċ-Ċentru Memorial fid-Dagestan fit-28 ta' Marzu 2018; billi dawk responsabbli mill-assassinju ta' Natalia Estemirova, li sar fl-2009, il-predeċessur ta' Oyub Titiev fil-kariga ta' direttur tal-uffiċċju Ċeċen taċ-Ċentru Memorial, għadhom ma tressqux quddiem il-ġustizzja;

G.  billi ċ-Ċentru Memorial huwa waħda mill-aħħar organizzazzjonijiet li għad fadal li qed ikomplu l-ħidma fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja, jiġifieri jiddokumenta u jikxef il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jassisti lill-vittmi ta' tali ksur u jgħinhom jitolbu li ssir ġustizzja, u x'aktarx safa attakkat bi tpattija talli kixef ksur tad-drittijiet tal-bniedem u talli talab li ssir ġustizzja għal dan; billi ċ-Ċentru Memorial ingħata l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew fl-2009 u fl-2018 Oyub Titiev rebaħ il-Premju Franko-Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (f'Diċembru), il-Premju Václav Havel għad-Drittijiet tal-Bniedem (f'Ottubru) u l-Premju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Grupp Helsinki ta' Moska (f'Mejju);

H.  billi bosta drabi l-uffiċjali Ċeċeni heddew lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew iddenunzjaw xogħolhom u naqsu milli jikkundannaw pubblikament it-theddid ta' vjolenza fil-konfront tagħhom, b'hekk ħolqu u pperpetwaw klima ta' impunità fir-rigward ta' dawk responsabbli mill-atti ta' vjolenza fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi fil-biċċa l-kbira tagħhom, għalhekk, il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali;

1.  Itenni l-appell tiegħu biex jiġi liberat minnufih Oyub Titiev, id-direttur tal-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fiċ-Ċeċenja, li ġie arrestat fid-9 ta' Jannar 2018 u akkużat b'akkwist u pussess illegali ta' drogi stupefaċenti u l-verdett tiegħu mistenni li jinqata' f'nofs Frar 2019; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċeċeni jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem ta' Oyub Titiev u dawk li tagħtih il-liġi, fosthom id-dritt tiegħu għal proċess ġust, aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-avukat tiegħu u għall-kuri mediċi, u l-protezzjoni mill-vessazzjonijiet ġudizzjarji u mill-kriminalizzazzjoni;

2.  Jikkundanna bis-saħħa d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ripetuti min-naħa tal-uffiċjali Ċeċeni li jiddenunzjaw ix-xogħol tad-difensuri u tal-organizzazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jew li jimmiraw lil persuni speċifiċi, kif ukoll in-nuqqas tagħhom li jikkundannaw pubblikament u jinvestigaw it-theddid u l-atti ta' vjolenza fil-konfront ta' dawn il-gruppi u individwi;

3.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għat-tendenza preokkupanti ta' arresti, attakki u intimidazzjoni fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-sostenituri tagħhom, kif ta' ċittadini ordinarji, azzjonijiet li jidhru li jagħmlu parti minn kampanji koordinati; iqis li l-każ ta' Oyub Titiev bħala wieħed li jispjega l-bosta proċedimenti ġudizzjarji oħrajn imsejsa fuq provi foloz li jirfdu s-sistema ġudizzjarja difettuża fir-Repubblika Ċeċena u fil-Federazzjoni Russa; ifakkar li akkużi simili relatati mal-pussess ta' droga stupefaċenti tqajmu wkoll kontra l-ġurnalist ta' "Caucasus Knot", Zhalaudi Geriev, u l-attivista għad-drittijiet tal-bniedem, Ruslan Kutaev, u jitlob li jiġu liberati wkoll;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kemm tar-Repubblika Ċeċena kif ukoll tal-Federazzjoni Russa jtemmu l-vessazzjonijiet u l-persekuzzjoni taċ-ċittadini tagħhom u jtemmu l-klima ta' impunità fir-rigward ta' dawk responsabbli mill-atti ta' vjolenza fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-familjari tagħhom, il-kollegi tagħhom u s-sostenituri tal-organizzazzjonijiet tagħhom;

5.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tipproteġi liċ-ċittadini kollha tagħha fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, tosserva l-Kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni tagħha stess u tonora l-impenji internazzjonali biex tirrispetta l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha tagħha, fosthom dawk li jiddedikaw ħinhom, ir-riżorsi tagħhom u xogħolhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-konċittadini tagħhom;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrevokaw il-liġi tal-2015 dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" u l-liġi tal-2012 dwar l-"aġenti barranin", kif ukoll il-leġiżlazzjoni kollha relatata oħra, li ntużaw b'mod konsistenti biex isiru vessazzjonijiet u attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jesprimi tħassib għall-fatt li ċerti NGOs Russi kellhom jagħlqu biex jevitaw li jiċċappsu bl-istigma li huma "aġenti barranin" u biex jevitaw persekuzzjoni ġudizzjarja;

7.  Jitlob it-tmiem immedjat tal-vessazzjonijiet u tal-arresti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja ppersegwitati abbażi ta' akkużi foloz, tal-attakki fuq il-kollegi tagħhom u fuq il-familjari tagħhom u tal-intimidazzjoni tas-sostenituri tagħhom, azzjonijiet li jidhru li jaqdu l-għan li jostakolaw u fl-aħħar mill-aħħar itemmu x-xogħol leġittimu u siewi tal-organizzazzjonijiet tagħhom;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja, inkluż il-proċess ta' Oyub Titiev, jitolbu l-waqfien immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem msemmi hawn fuq, iqajmu l-każijiet tal-persuni kollha ppersegwitati minħabba raġunijiet politiċi fil-laqgħat rilevanti mar-rappreżentanti Russi u jkomplu joffru assistenza rapida u effiċjenti lill-vittmi tal-persekuzzjoni u lill-familjari tagħhom, anki meta jittrattaw it-talbiet għal asil;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem attivi fil-Federazzjoni Russa u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u mas-soċjetà ċivili Russi minkejja l-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin", u tkompli toffri sostenn lil Memorial u lil organizzazzjonijiet oħrajn simili;

10.  Jitlob lill-personalitajiet sportivi u lill-artisti internazzjonali jastjenu milli jipparteċipaw f'avvenimenti pubbliċi fiċ-Ċeċenja jew f'avvenimenti sponsorizzati mit-tmexxija tar-Repubblika Ċeċena; itenni s-sostenn tiegħu favur "Liġi Magnitsky" tal-Unjoni Ewropea, li għandha tissanzjona lill-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill ikompli xogħlu fuq dan is-suġġett mingħajr dewmien; jisħaq fuq il-fatt, f'dan ir-rigward, li l-awturi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċeċena tal-Federazzjoni Russa la għandhom jingħataw viżi tal-UE u lanqas jitħallew iżommu assi fl-Istati Membri tal-UE;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-awtoritajiet Ċeċeni.

(1) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 31.
(2) ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2019Avviż legali