Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0076(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0360/2018

Testi mressqa :

A8-0360/2018

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 24
CRE 13/02/2019 - 24

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.10
CRE 14/02/2019 - 10.10

Testi adottati :

P8_TA(2019)0124

Testi adottati
PDF 216kWORD 58k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u imposti fuq il-kambju tal-munita ***I
P8_TA-PROV(2019)0124A8-0360/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita (COM(2018)0163 – C8-0129/2018 – 2018/0076(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0163),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0129/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (CON/2018/38) tal-31 ta' Awwissu 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta' Diċembru 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0360/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)ĠU C 382, 23.10.2018, p. 7.
(2)ĠU C 367, 10.10.2018, p. 28.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Frar 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita
P8_TC1-COD(2018)0076

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Minn mindu ġew adottati r-Regolamenti (KE) Nru 2560/2001(4) u (KE) Nru 924/2009(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-imposti fuq il-pagamenti transkonfinali fl-euro bejn l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro naqsu drastikament għal livelli li huma insinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet

(2)  Madankollu l-pagamenti transkonfinali fl-euro minn Stati Membri mhux taż-Żona tal-Euro jifformaw madwar 80 % tal-pagamenti transkonfinali kollha minn Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro. L-imposti għal tali pagamenti transkonfinali ▌għadhom għoljin b'mod eċċessiv fil-maġġoranza tal-Istati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro, minkejja li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jinsabu fi Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro għandhom aċċess għall-istess infrastruttura li tiffunzjona tajjeb biex jipproċessaw dawk it-tranżazzjonijiet bi spejjeż baxxi ħafna bħall-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jinsabu fiż-Żona tal-Euro.

(3)  L-imposti għoljin għal pagamenti transkonfinali għadhom ostaklu għall-integrazzjoni sħiħa ▌tan-negozji u ċ-ċittadini fi Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro fis-suq intern, u dan jaffettwa l-kompetittività tagħhom. Dawk l-imposti għoljin jipperpetwaw l-eżistenza ta' żewġ kategoriji ta' utenti tas-servizzi ta' pagament fl-Unjoni: ▌l-utenti ta' servizzi ta' pagament, li ▌jibbenefikaw minn żona unika ta' pagamenti bl-euro (SEPA), u ▌l-utenti ta' servizzi ta' pagament li jħallsu bl-għoli għall-pagamenti transkonfinali tagħhom fl-euro.

(4)  Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern u biex jintemmu l-inugwaljanzi bejn utenti tas-servizzi ta' pagament fiż-Żona tal-Euro u Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fl-euro, jeħtieġ li jkun żgurat li l-imposti għall-pagamenti transkonfinali fl-euro fl-Unjoni jkunu allinjati mal-imposti għall-pagamenti nazzjonali korrispondenti li jsiru fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-utent tas-servizz ta' pagament. Fornitur ta' servizz ta' pagament jitqies li jinsab fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-utent tas-servizz ta' pagament.

(5)  L-imposti għall-kambju tal-munita jirrappreżentaw spiża sinifikanti ta' pagamenti transkonfinali meta muniti differenti jkunu użati fl-Istat Membru tal-pagatur u fl-Istat Membru tal-benefiċjarju. L-Artikolu 45 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) jeżiġi li l-imposti u r-rati tal-kambju imposti jkunu trasparenti, l-Artikolu 52(3) ta' dik id-Direttiva jispeċifika rekwiżiti ta' informazzjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' pagamenti koperti minn kuntratt qafas u l-Artikolu 59(2) ta' dik id-Direttiva jkopri r-rekwiżiti ta' informazzjoni għal partijiet li joffru servizzi ta' kambju tal-munita f’automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta' bejgħ ▌. Dawk ir-rekwiżiti ta' informazzjoni s'issa għadhom ma kisbux trasparenza u komparabbiltà suffiċjenti tal-imposti fuq il-kambju tal-munita f'sitwazzjonijiet fejn jiġu offruti għażliet alternattivi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ. Dan in-nuqqas ta' trasparenza u ta' komparabbiltà jipprevjeni l-kompetizzjoni li tnaqqas l-imposti tal-kambju tal-munita u jżid ir-riskju li pagatur jagħżel il-kambju tal-munita l-għali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu introdotti miżuri addizzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi kontra tariffi eċċessivi għal servizzi ta' kambju tal-munita u li jiżguraw li l-konsumaturi ▌jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu l-aħjar għażla ta' kambju tal-munita.

(6)  Biex jiġi żgurat li l-atturi tas-suq ma jiġux ikkonfrontati bil-ħtieġa li jagħmlu livell sproporzjonat ta' investiment biex jadattaw il-proċessi, it-tagħmir u l-infrastruttura ta' pagament tagħhom biex jipprovdu trasparenza ikbar, il-miżuri li għandhom jiġu implimentati jenħtieġ li jkunu xierqa, adegwati u kosteffettivi. Fl-istess ħin, f'sitwazzjonijiet fejn il-pagatur ikun ikkonfrontat b'għażliet ta' kambju tal-munita differenti f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tippermetti li jsir paragun, biex il-pagatur ikun jista' jagħmel għażla infurmata.

(7)  Biex tinkiseb il-komparabbiltà, l-imposti fuq il-kambju tal-munita għall-pagamenti kollha permezz ta' kard jenħtieġ li jiġu espressi bl-istess mod, jiġifieri bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rati ta' referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Jista' jkun li marġni jkollha tiġi bbażata fuq rata derivata minn żewġ rati tal-BĊE fil-każ ta' kambju bejn żewġ muniti mhux tal-euro.

(8)  Skont ir-rekwiżiti ta' informazzjoni ġenerali dwar l-imposti tal-kambju stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi tal-kambju tal-munita jridu jiżvelaw informazzjoni dwar l-imposti tal-kambju tal-munita tagħhom qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament. Jenħtieġ li l-partijiet li joffru servizzi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ jipprovdu informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar l-imposti tagħhom għal tali servizzi, pereżempju billi juru l-imposti tagħhom fuq il-bank jew b'mod diġitali fuq it-terminal, jew fuq l-iskrin fil-każ ta' xiri online. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dawk il-partijiet jenħtieġ li jipprovdu, qabel l-inizjazzjoni tal-pagament, informazzjoni espliċita dwar l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju u l-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur. L-ammont li għandu jitħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju jenħtieġ li jesprimi l-prezz tal-prodotti u s-servizzi li se jinxtraw u jista' jintwera fiċ-check-out minflok fuq it-terminal tal-pagament. Il-munita użata mill-benefiċjarju inġenerali tkun il-munita lokali, iżda skont il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, f'ċerti każijiet tista' tkun munita oħra tal-Unjoni. L-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur jenħtieġ li jikkonsisti fil-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi u l-imposti attwali fuq il-kambju tal-munita. Barra minn hekk, iż-żewġ ammonti jenħtieġ li jkunu dokumentati fuq l-irċevuta jew fuq mezz durabbli ieħor.

(9)  Fir-rigward tal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, meta servizz ta' kambju tal-munita jkun offrut f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-pagatur jirrifjuta dak is-servizz u minflok iħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju.

(10)  Sabiex il-pagaturi jkunu jistgħu jqabblu l-imposti tal-għażliet ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jinkludu informazzjoni kompletament komparabbli dwar l-imposti applikabbli għall-kambju tal-munita fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas tagħhom, u jenħtieġ ukoll li jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika fuq pjattaforma elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fuq il-websites tal-klijenti tagħhom, fuq il-websites tagħhom dwar is-servizzi bankarji domestiċi u fuq l-applikazzjonijiet bankarji mobbli tagħhom, b'mod li jkun aċċessibbli u jinftiehem faċilment. Dan għandu jagħti lok għall-iżvilupp ta' websites tat-tqabbil biex il-konsumaturi jsibuha aktar faċli li jqabblu l-prezzijiet meta jivvjaġġaw jew jagħmlu xiri barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament ta' pagatur jenħtieġ li jfakkru lill-pagaturi dwar l-imposti tal-kambju tal-munita applikabbli meta jsir pagament permezz ta' kard f'munita oħra, billi jużaw kanali ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli, bħal messaġġi SMS, posta elettronika jew notifiki awtomatiċi (push notifications) permezz tal-applikazzjoni bankarja mobbli tal-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jenħtieġ li jaqblu mal-utenti tas-servizzi ta' pagament dwar il-kanal ta' komunikazzjoni elettronika li permezz tiegħu huma jipprovdu l-informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita, filwaqt li jqisu l-aktar mezz effettiv biex jintlaħaq il-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jenħtieġ li jaċċettaw ukoll it-talbiet tal-utenti tas-servizzi ta' pagament li jagħżlu li ma jirċevux messaġġi elettroniċi li jkun fihom informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita.

(11)  In-noti perjodiċi ta' tfakkir huma xierqa f'sitwazzjonijiet meta l-pagatur joqgħod barra mill-pajjiż għal perjodi itwal ta' żmien, pereżempju meta l-pagatur jiġi stazzjonat jew ikun qed jistudja barra mill-pajjiż, jew meta l-pagatur juża regolarment kard għal xiri online fil-munita lokali. L-obbligu li jiġu pprovduti tali noti ta' tfakkir ma għandux jirrikjedi investimenti sproporzjonati għall-adattament tal-proċessi operazzjonali u l-infrastrutturi tal-ipproċessar tal-pagamenti eżistenti tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament, u għandu jiżgura li l-pagatur ikun infurmat aħjar meta jiġi biex jikkunsidra l-għażliet differenti ta' kambju tal-munita.

(12)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tar-regola rigward l-ugwalizzazzjoni tal-ispiża tal-pagamenti transkonfinali fl-euro mal-ispiża tat-tranżazzjonijiet nazzjonali f'muniti nazzjonali u dwar l-effettività tar-rekwiżiti ta' informazzjoni b'rabta mal-kambju tal-munita stabbiliti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tanalizza possibilitajiet ulterjuri – u l-fattibbiltà teknika ta' dawk il-possibbiltajiet – li r-regola tal-imposti ugwali tiġi estiża għall-muniti kollha tal-Unjoni u li tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-imposti tal-kambju tal-munita, kif ukoll il-possibbiltà ta' diżattivazzjoni u attivazzjoni tal-għażla li jiġi aċċettat kambju tal-munita permezz ta' partijiet li mhumiex il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur.

(13)  Minħabba l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba n-natura transkonfinali tal-pagamenti, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 924/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)  l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-pagamenti transkonfinali u dwar it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita fl-Unjoni.",

"

(b)  fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

" ▌Minkejja l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-Artikoli 3a u 3b għandhom japplikaw għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali li jkunu denominati fl-euro jew f'munita nazzjonali ta' Stat Membru għajr l-euro u li jkunu jinvolvu servizz ta' kambju tal-munita.";

"

(2)   fl-Artikolu 2, il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(9) "imposta" tfisser kwalunkwe ammont impost fuq utent ta' servizz ta' pagament minn fornitur ta' servizz ta' pagament li jkun marbut direttament jew indirettament ma' tranżazzjoni ta' pagament, kwalunkwe ammont impost fuq utent ta' servizzi ta' pagament minn fornitur ta' servizzi ta' pagament jew parti li tipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita f'konformità mal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għal servizz ta' kambju tal-munita, jew kombinament tagħhom;

______________

* Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).";

"

(3)  l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-imposti li fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob minn utent ta' servizz ta' pagament fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fl-euro għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti mitluba minn dak il-fornitur tas-servizz ta' pagament għal ▌pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur ▌fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-utent tas-servizz ta' pagament.",

"

(b)  jiddaħħal il-paragrafu ▌ li ġej:"

"1a. L-imposti li fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob minn utent tas-servizz ta' pagament fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fil-munita nazzjonali ta' Stat Membru li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu li jestendi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 14 ▌għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti li dak il-fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob mill-utenti tas-servizz ta' pagament għal pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur u fl-istess munita.";

"

(c)  il-paragrafu 3 huwa mħassar,

(d)  il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:"

"4. Il-paragrafi 1 u 1a ma għandhomx japplikaw għall-imposti fuq il-kambju tal-munita.";

"

(4)  jiddaħħal l-Artikolu ▌li ġej:"

"Artikolu 3a

L-imposti fuq il-kambju tal-munita b'rabta mat-tranżazzjonijiet permezz ta' kard

1.  Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita u r-rata tal-kambju applikabbli, kif stabbilit fl-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament, u l-partijiet li jipprovdu servizzi ta' kambju tal-munita f'automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta' bejgħ, kif imsemmi fl-Artikolu 59(2) ta' dik id-Direttiva, għandhom jesprimu l-imposti totali fuq il-kambju tal-munita bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rata ta' referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dik il-marġni għandha tiġi żvelata lill-pagatur qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament.

2.  Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom ukoll jagħmlu l-marġni msemmija fil-paragrafu 1 pubblika b'mod komprensibbli u faċilment aċċessibbli fuq pjattaforma elettroniku disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli.

3.  Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, parti li tipprovdi servizz ta' kambju tal-munita fil-punt ta' bejgħ jew f'ATM għandha tipprovdi lill-pagatur l-informazzjoni li ġejja qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament:

   (a) l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju;
   (b) l-ammont li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur.

4.  Parti li tipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta’ bejgħ għandha turi b'mod ċar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ. Qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament, dik il-parti għandha tinforma wkoll lill-pagatur dwar il-possibbiltà li jħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju u li l-kambju tal-munita jsir sussegwentement mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha wkoll tkun disponibbli għall-pagatur fuq mezz durabbli wara l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament.

5.  Il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur għandu għal kull kard ta' pagament maħruġa lill-pagatur mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur u li hija marbuta mal-istess kont, jibgħat lill-pagatur messaġġ elettroniku bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, mingħajr dewmien indebitu wara li l-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jirċievi ordni ta' pagament għal irtirar ta’ flus kontanti f’ATM jew pagament fil-punt ta’ bejgħ li jkun denominat fi kwalunkwe munita tal-Unjoni li tkun differenti mill-munita tal-kont tal-pagatur.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, tali messaġġ għandu jintbagħat darba f'kull xahar li fih il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jirċievi mingħand il-pagatur ordni ta' ħlas denominata fl-istess munita.

6.  Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jaqbel mal-utent tas-servizz ta' pagament dwar il-kanal jew kanali ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli li permezz tagħhom il-fornitur tas-servizz ta' pagament se jibgħat il-messaġġ imsemmi fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu joffri lill-utenti tas-servizz ta' pagament il-possibbiltà li jagħżlu li ma jirċevux il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta' pagament u l-utent tas-servizz ta' pagament jistgħu jaqblu li l-paragrafu 5 u dan il-paragrafu ma japplikawx kompletament jew parzjalment meta l-utent tas-servizz ta' pagament ma jkunx konsumatur.

7.  L-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas u b'mod newtrali u komprensibbli.";

"

(5)  jiddaħħal l-Artikolu▌ li ġej:"

"Artikolu 3b

Imposti fuq il-kambju tal-munita relatati mat-trasferimenti tal-kreditu

1.  Meta servizz tal-kambju tal-munita jkun offrut mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur b'rabta ma' trasferiment tal-kreditu, kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, li jkun inizjat online direttament, bl-użu tal-website jew l-applikazzjoni bankarja mobbli tal-fornitur tas-servizz ta' pagament, il-fornitur tas-servizz ta' pagament, fir-rigward tal-Artikoli 45(1) u 52(3) ta' dik id-Direttiva, għandu jinforma lill-pagatur qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament, b'mod ċar, newtrali u komprensibbli, dwar l-imposti stmati għas-servizzi ta' kambju tal-munita applikabbli għat-trasferiment tal-kreditu.

2.  Qabel l-inizjazzjoni ta’ tranżazzjoni ta' pagament, il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jikkomunika lill-pagatur, b'mod ċar, newtrali u komprensibbli, l-ammont totali stmat tat-trasferiment tal-kreditu fil-munita tal-kont tal-pagatur, bl-inklużjoni ta' kwalunkwe tariffa ta' tranżazzjoni u kwalunkwe imposta fuq il-kambju tal-munita. Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jikkomunika wkoll l-ammont stmat li għandu jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju fil-munita tal-kont tal-benefiċjarju”;

"

(6)  l-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 15

Rieżami

1.  Sa... [36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ▌rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dan ir-Regolament, li għandu jinkludi, b'mod partikolari:

   (a) evalwazzjoni tal-mod kif il-fornituri tas-servizzi ta' pagament japplikaw l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) ....*(7);
   (b) evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-volumi u l-imposti għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali fil-muniti nazzjonali tal-Istati Membri u fl-euro mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) ....(8);
   (c) evalwazzjoni tal-impatt tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) .... ++, dwar l-iżvilupp tal-imposti fuq il-kambju tal-munita u imposti oħra relatati ma' servizzi ta' pagament, kemm għall-pagaturi kif ukoll għall-benefiċjarji;
   (d) evalwazzjoni tal-impatt stmat tal-emendar tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament biex jiġu koperti l-muniti kollha tal-Istati Membri;
   (e) evalwazzjoni ta' kif il-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita japplikaw ir-rekwiżiti ta' informazzjoni stipulati fl-Artikoli 3a u 3b ta' dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, u jekk dawk ir-regoli tejbux it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju;
   (f) evalwazzjoni ta' jekk il-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita ħabbtux wiċċhom ma' diffikultajiet, u sa liema punt, b'rabta mal-applikazzjoni fil-prattika tal-Artikoli 3a u 3b ta' dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
   (g) analiżi kost-benefiċċji tal-kanali u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni li jintużaw mill-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita jew li huma disponibbli għalihom u li jistgħu jkomplu jtejbu t-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita, inkluża evalwazzjoni ta' jekk hemmx ċerti kanali li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom ikunu meħtieġa joffru biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3a; dik l-analiżi għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika tal-iżvelar tal-informazzjoni fl-Artikolu 3a(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament simultanjament, qabel l-inizjazzjoni ta' kull tranżazzjoni, għall-possibbiltajiet kollha ta' kambju tal-munita disponibbli fil-punt ta' bejgħ jew f'ATM;
   (h) analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-possibbiltà għall-pagaturi li jimblukkaw l-għażla tal-kambju tal-munita offruta minn parti għajr il-fornitur tas-servizz tal-pagament tal-pagatur f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ u li jbiddlu l-preferenzi tagħhom f'dan ir-rigward;
   (i) analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' rekwiżit għall-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur, li japplika, meta jipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita b'rabta ma' tranżazzjoni ta' pagament individwali, ir-rata tal-kambju tal-munita li tkun applikabbli fil-mument tal-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni fl-ikklerjar u s-saldu tat-tranżazzjoni.

2.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkopri mill-inqas il-perjodu mill-15 ta' Diċembru 2019 sa ... [30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju]. Huwa għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjonijiet ta' pagament varji, filwaqt li jagħmel distinzjoni b'mod partikolari bejn it-tranżazzjonijiet inizjati fil-punt ta' bejgħ u f'ATM.

Meta tkun qed tħejji r-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista’ tuża d-data miġbura mill-Istati Membri fir-rigward tal-paragrafu 1.

_____________

* Ir-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar ... (ĠU …).

".

"

Artikolu 2

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Għandu japplika mill-15 ta' Diċembru 2019, ħlief għal dan li ġej:

(a)  il-punt (6) tal-Artikolu 1 għandu japplika minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju];

(b)  il-punti (4) u (5) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(1) sa (4) u l-Artikolu 3b tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 għandhom japplikaw minn ... [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju];

(c)  il-punt (4) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009, għandu japplika minn ... [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju];

(d)  il-punt (4) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(7) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 sa fejn għandu x'jaqsam mal-Artikolu 3a(1) sa (4) ta' dak ir-Regolament, għandu japplika minn ... [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju];

(e)  il-punt (4) tal-Artikolu 1(4), fir-rigward tal-Artikolu 3a(7) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 sa fejn għandu x'jaqsam mal-Artikolu 3a(5) u (6) ta' dak ir-Regolament, għandu japplika minn ... [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ▌…,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 382, 23.10.2018, p. 7.
(2)ĠU C 367, 10.10.2018, p. 28.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2019.
(4)Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 dwar pagamenti transkonfini f'euro (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13).
(5)Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).
(6)Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(7)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument 2018/0076(COD) u daħħal in-numru, id-data, it-titolu u r-referenza tal-ĠU ta' dak ir-Regolament fin-nota ta' qiegħ il-paġna.
(8)++ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument 2018/0076(COD).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2019Avviż legali