Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0103/2019

Testi mressqa :

B8-0103/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0127

Testi adottati
PDF 135kWORD 51k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Id-dritt tal-protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza
P8_TA-PROV(2019)0127B8-0103/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li jopera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jirrispettaw d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

C.  billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

D.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB u l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li jifformaw u jingħaqdu ma' trade unions għall-protezzjoni tal-interessi tagħhom;

E.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB jiddikjara li "Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor";

F.  billi l-Artikolu 11 tal-KEDB jiddikjara wkoll dwar il-libertà ta' għaqda li "Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet skont il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew tal-amministrazzjoni tal-Istat";

G.  billi l-Artikolu 12 tal-Karta jiddikjara wkoll li "l-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni";

H.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta; billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralista jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralista u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet;

I.  billi l-libertà ta' għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, kif żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, li jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri;

J.  billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

K.  billi l-Artikolu 52 tal-Karta jgħid li "Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet";

L.  billi, skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-UE "għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom [tal-Istati Membri], inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali". billi "b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru";

M.  billi, skont il-ġurisprudenza tal-QEDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-restrizzjonijiet kollha tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili jridu jirrispettaw il-prinċipji tal-legalità, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

N.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'bosta Stati Membri ġew ikkritikati talli dgħajfu d-dritt ta' protesta u talli użaw forza eċċessiva;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-libertà ta' espressjoni;

2.  Jenfasizza li d-dibattitu pubbliku huwa vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi;

3.  Jikkundanna l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi rigward il-libertà ta' għaqda f'diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar snin;

4.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-istat waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom dejjem jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operattivi rilevanti;

5.  Jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u l-aħħar għażla, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu indiskriminat tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità;

6.  Jinnota r-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-fotoġurnalisti fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet kollha fejn ġew attakkati deliberatament;

7.  Jemmen li l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi qatt ma tista' tkun soluzzjoni f'dibattitu jew fil-politika;

8.  Jirrikonoxxi li l-pulizija, li fosthom ukoll kien hemm ħafna korrimenti, qegħdin joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli, b'mod partikolari minħabba l-ostilità ta' xi dimostranti, iżda wkoll minħabba ammont ta' xogħol eċċessiv; jikkundanna kull tip ta' vjolenza kontra individwi jew proprjetà minn dimostranti vjolenti u militanti, li jipparteċipaw biss għal skop vjolenti u jagħmlu ħsara lil-leġittimità tal-protesti paċifiċi;

9.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fit-taħriġ mogħti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) dwar "L-ordni pubbliku – is-sorveljanza ta' avvenimenti kbar mill-pulizija"; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu ma' xulxin l-aqwa prattiki f'dan ir-rigward;

10.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita s-sikurezza tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, tal-uffiċjali tal-pulizija u tas-suldati involuti f'operazzjonijiet taż-żamma tas-sigurtà waqt dimostrazzjonijiet pubbliċi ta' protesta;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2019Avviż legali