Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2878(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0101/2019

Testi mressqa :

B8-0101/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0128

Testi adottati
PDF 145kWORD 52k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-persuni intersesswali
P8_TA(2019)0128B8-0101/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-drittijiet tal-persuni intersesswali (2018/2878(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 intitolat "Il-persuni transġeneru u intersesswali",

–  wara li kkunsidra r-rapporti finali mill-proġett pilota ffinanzjat mill-KE "Health4LGBTI" dwar l-inugwaljanzi tas-saħħa li jesperjenzaw il-persuni LGBTI,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat f'Mejju 2015 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) intitolat "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali"(4),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni online tal-FRA ta' Novembru 2017 intitolata "L-immappjar tar-rekwiżiti tal-età minima rigward id-drittijiet tat-tfal fl-UE"(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2191 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-2017, dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni intersesswali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta ("Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess"), adottata f'Novembru 2006, u l-10 prinċipji komplementari ("plus 10") adottati fl-10 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-persuni intersesswali (O-000132/2018 – B8-0007/2019 u O-000133/2018 – B8-0008/2019),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-individwi intersesswali jitwieldu b'karatteristiċi sesswali fiżiċi li ma jidħlux fin-normi mediċi jew soċjali għall-ġisem tal-mara jew tar-raġel, u billi dawn il-varjazzjonijiet fil-karatteristiċi sesswali jistgħu jimmanifestaw ruħhom f'karatteristiċi primarji (bħall-ġenitali interni u esterni, l-istruttura tal-kromosomi u dik ormonali) u/jew f'karatteristiċi sekondarji (bħall-massa tal-muskoli, id-distribuzzjoni tax-xagħar u l-istatura);

B.  billi l-persuni intersesswali huma esposti għal każijiet multipli ta' vjolenza u diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u billi dawn il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu ma jingħarfux fil-wisa' mill-pubbliku ġenerali u minn dawk li jfasslu l-politika;

C.  billi hemm prevalenza qawwija ta' operazzjonijiet kirurġiċi u trattamenti mediċi li jsiru fuq trabi intersesswali, minkejja li, fil-parti l-kbira, dawn it-trattamenti mhumiex medikament neċessarji; billi l-kirurġija kożmetika u l-kirurġija urġenti jistgħu jiġu proposti bħala pakkett, b'mod li ma jħallix li l-ġenituri u l-persuni intersesswali jkollhom informazzjoni sħiħa dwar l-impatt ta' kull kirurġija;

D.  billi operazzjonijiet kirurġiċi u trattamenti mediċi jsiru fuq tfal intersesswali mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu taw minn qabel il-kunsens personali, sħiħ u infurmat tagħhom; billi l-mutilazzjonijiet ġenitali intersesswali jistgħu jikkawżaw konsegwenzi tul il-ħajja, bħal trawma psikoloġika u diżabilità fiżika;

E.  billi l-individwi intersesswali u t-tfal intersesswali li jappartjenu lil gruppi minoritarji u emarġinati oħrajn jiġu ulterjorment emarġinati u esklużi soċjalment u jkunu f'riskju ta' vjolenza u diskriminazzjoni minħabba l-identitajiet tagħhom li jissallbu u jitrikkbu fuq xulxin;

F.  billi, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, operazzjoni kirurġika tista' ssir fuq tifel jew tifla intersesswali u fuq individwu intersesswali b'diżabilitajiet bil-kunsens tal-kustodju legali tagħhom, irrispettivament mill-kapaċità tal-persuna intersesswali li tiddeċiedi għaliha nfisha;

G.  billi, f'ħafna każijiet, il-ġenituri u/jew il-kustodji legali ssirilhom pressjoni qawwija biex jieħdu deċiżjonijiet mingħajr ma jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-konsegwenzi tul il-ħajja għal uliedhom;

H.  billi ħafna persuni intersesswali ma għandhomx aċċess sħiħ għar-rekords mediċi tagħhom, u għalhekk ma jafux li huma intersesswali jew ma jafux liema trattamenti mediċi jkunu ġarrbu;

I.  billi l-varjazzjonijiet intersesswali għadhom jiġu kklassifikati bħala mard, bħal pereżempju fil-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fin-nuqqas ta' evidenza li tirfed is-suċċess tat-trattamenti fuq żmien twil;

J.  billi uħud mill-persuni intersesswali ma jidentifikawx ruħhom mal-ġeneru li jiġi assenjat lilhom medikament fit-twelid; billi r-rikonoxximent legali tal-ġeneru bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni huwa possibbli biss f'sitt Stati Membri; billi ħafna Stati Membri tal-UE għadhom jirrikjedu l-isterilizzazzjoni għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru;

K.  billi l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE, u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ma tinkludix diskriminazzjoni bbażata fuq karatteristiċi tas-sess, la bħala kategorija awtonoma u lanqas interpretata bħala forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess;

L.  billi ħafna tfal intersesswali jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mutilazzjonijiet ġenitali fl-UE meta jġarrbu trattamenti ta' normalizzazzjoni sesswali;

1.  Jinnota l-ħtieġa urġenti li l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali jiġu indirizzati, u jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproponu leġiżlazzjoni biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;

Medikalizzazzjoni u patoloġizzazzjoni

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-trattamenti u l-kirurġija ta' normalizzazzjoni sesswali; jilqa' l-liġijiet li jipprojbixxu l-operazzjonijiet kirurġiċi (bħal f'Malta u fil-Portugall) u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jadottaw leġiżlazzjoni simili mill-aktar fis;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li tfal intersesswali u individwi intersesswali b'diżabilitajiet, kif ukoll il-ġenituri jew il-kustodji tagħhom, jingħataw konsulenza u sostenn adegwati, u li jiġu infurmati bis-sħiħ dwar il-konsegwenzi ta' trattamenti ta' normalizzazzjoni sesswali;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw organizzazzjonijiet li jaħdmu biex titneħħa l-istigma kontra l-persuni intersesswali;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-finanzjament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-persuni intersesswali;

6.  Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-aċċess tal-persuni intersesswali għar-rekords mediċi tagħhom, u jiżguraw li ħadd ma jiġi soġġett għal trattament mediku jew kirurġiku mhux meħtieġ matul l-infanzja jew it-tfulija, filwaqt li jiggarantixxu l-integrità tal-ġisem, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni għat-tfal ikkonċernati;

7.  Huwa tal-fehma li l-patoloġizzazzjoni ta' varjazzjonijiet intersesswali tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-dritt għall-ogħla standard possibbli ta' saħħa għall-persuni intersesswali, kif minqux fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li s-sitwazzjoni tal-persuni intersesswali ma tibqax titqies bħala patoloġija;

8.  Jilqa' l-fatt li, imqar parzjalment, l-identitajiet transġeneru ma għadhomx jitqiesu bħala patoloġiji fil-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard ICD-11; jinnota, madankollu, li l-kategorija ta' "inkongruwenza tal-ġeneru" fit-tfulija tqis imġiba li mhijiex skont in-norma tal-ġeneru fit-tfulija bħala patoloġija; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jaħdmu biex il-kategorija ta' din il-kategorija titneħħa mill-ICD-11, u jġibu reviżjoni futura tal-ICD f'konformità mas-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;

Dokumenti tal-identità

9.  Jenfasizza l-importanza ta' proċeduri flessibbli ta' reġistrazzjoni tat-twelid; jilqa' l-liġijiet adottati f'uħud mill-Istati Membri li jippermettu r-rikonoxximent legali tal-ġeneru abbażi tal-awtodeterminazzjoni; iħeġġeġ lil Stati Membri oħra jadottaw leġiżlazzjoni simili, inklużi proċeduri flessibbli għat-tibdil tal-indikaturi tal-ġeneru, dment li dawn jibqgħu jiġu rreġistrati, u tal-ismijiet fuq iċ-ċertifikati tat-twelid u d-dokumenti tal-identità (inkluża l-possibilità ta' ismijiet li ma jagħmlux distinzjoni bejn il-ġeneri);

Diskriminazzjoni

10.  Jiddeplora n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-karatteristiċi tas-sess bħala bażi ta' diskriminazzjoni madwar l-UE kollha, u għalhekk jirrileva l-importanza ta' dan il-kriterju biex jiġi żgurat li l-persuni intersesswali jkollhom aċċess għall-ġustizzja;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' prattiki tajba dwar il-kwistjoni; jitlob li l-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jipproteġu, jirrispettaw u jippromwovu b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali, fosthom it-tfal intersesswali, b'mod li jinkludi protezzjoni sħiħa kontra d-diskriminazzjoni;

Għarfien fost il-pubbliku

12.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jwettqu riċerka dwar persuni intersesswali minn perspettiva soċjoloġika u tad-drittijiet tal-bniedem, pjuttost milli minn waħda medika;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-fondi tal-UE ma jappoġġjawx proġetti ta' riċerka/proġetti mediċi li jkomplu jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali, fil-kuntest tan-Networks Ewropej ta' Referenza (ERNs); Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw u jiffinanzjaw riċerka dwar is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali;

14.  Jitlob li, rigward id-drittijiet tal-persuni intersesswali, il-Kummissjoni tieħu approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet, u tikkoordina aħjar il-ħidma tad-Direttorati Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ , l-Isport u l-Kultura, u għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, bil-għan li tiżgura politiki u programmi konsistenti li jappoġġjaw lill-persuni intersesswali, inkluż taħriġ tal-uffiċjali tal-istat u tal-professjoni medika;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni intersesswali fil-lista tal-azzjonijiet pluriennali LGBTI tagħha għall-perjodu kurrenti, u tibda tħejji minn issa tiġdid ta' din l-istrateġija għall-perjodu pluriennali li jmiss (2019–2024);

16.  Jitlob li l-Kummissjoni tiffaċilita l-qsim tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-integrità fiżika tal-persuni intersesswali;

o
o   o

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.
(3) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 2.
(4) https://fra.europa.eu/en/publication/2015/fundamental-rights-situation-intersex-people
(5) http://fra.europa.eu/en/publication/2017/mapping-minimum-age-requirements-concerning-rights-child-eu

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza