Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2109(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0059/2019

Testi mressqa :

A8-0059/2019

Dibattiti :

PV 14/02/2019 - 7
CRE 14/02/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.19

Testi adottati :

P8_TA(2019)0133

Testi adottati
PDF 172kWORD 58k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
It-tisħiħ tal-kompetittività tas-Suq Intern permezz tal-iżvilupp tal-unjoni doganali tal-UE u l-governanza tagħha
P8_TA-PROV(2019)0133A8-0059/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq intern permezz tal-iżvilupp tal-unjoni doganali tal-UE u l-governanza tagħha (2018/2109(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)(1), u l-att delegat tiegħu (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015)(2), l-att ta' implimentazzjoni tiegħu (ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 tat-2 ta' Novembru 2015)(3), l-att delegat tranżizzjonali tiegħu (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015)(4), u l-programm ta' ħidma tiegħu (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/578 tal-11 ta' April 2016)(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2018)0085),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha" (COM(2016)0813),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "L-ewwel Rapport Biennali dwar il-Progress fl-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha" (COM(2018)0524),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "It-Tieni Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali" (COM(2018)0549),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana (COM(2018)0178),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet (COM(2013)0884),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Jannar 2017 dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 284 tiegħu (COM(2018)0039),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Sensiela ta' dewmien fis-sistemi tal-IT tad-dwana: x'mar ħażin?",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill 11760/2017 dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-frodi tad-dazji tas-sisa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol u tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea dwar il-falsifikazzjoni u l-piraterija fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0059/2019),

A.  billi l-unjoni doganali, li tiċċelebra l-50 sena tagħha din is-sena, hija waħda mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea u waħda mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja, u billi unjoni doganali operazzjonali għalkollox hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u għal kummerċ bla xkiel fl-UE, u hija parti essenzjali mill-politika kummerċjali komuni ma' pajjiżi terzi għall-benefiċċju kemm tal-impriżi u taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll għall-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, li l-Unjoni Doganali tqiegħed f'pożizzjoni b'saħħitha fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

B.  billi l-awtoritajiet doganali jeħtieġ li jsibu l-bilanċ meħtieġ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu, il-kontrolli doganali mfassla biex jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha, il-fiduċja tal-konsumaturi fil-merkanzija li tidħol fis-suq uniku, u l-interessi finanzjarji u kummerċjali tal-Unjoni, u huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' aktar minn 60 att legali, minbarra l-qafas legali doganali, għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u l-kuntrabandu, u għall-għoti tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat;

C.  billi l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni u tal-proċessi doganali għandha rwol ewlieni fl-omoġenizzazzjoni tal-kontrolli, speċjalment fir-rigward ta' fenomeni bħall-klassifikazzjoni żbaljata u s-sottovalutazzjoni tal-importazzjonijiet u r-rapportar ħażin tal-oriġini tal-merkanzija, li huma ta' detriment għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji;

D.  billi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ammontaw għal EUR 3 700 biljun fl-2017 u billi d-dazji doganali miġbura jirrappreżentaw 15 % tal-baġit tal-Unjoni;

E.  billi l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) hija essenzjali biex jitħarsu r-riżorsi proprji tal-Unjoni, b'mod partikolari d-dazji doganali, u l-interessi fiskali nazzjonali, iżda anke biex titħares is-sigurtà tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni ġusta Ewropej u fis-suq intern;

F.  billi l-KDU jistipula li s-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu jridu jiġu varati sal-31 ta' Diċembru 2020; billi d-diġitizzazzjoni tal-proċeduri doganali ilha li bdiet mill-2003 u ġiet implimentata fl-2008 bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)(8) u tad-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (id-Deċiżjoni dwar id-dwana elettronika);

G.  billi l-ħidma għad-diġitalizzazzjoni tad-dwana għadha mhijiex lesta, filwaqt li aktar minn 98 % tad-dikjarazzjonijiet doganali llum il-ġurnata huma elettroniċi u l-oqsma li ġejjin tad-dwana issa qed jiġu ttrattati permezz ta' sistemi elettroniċi: it-tranżitu (NCTS), il-kontroll tal-esportazzjoni (ECS), id-data ta' sikurezza (ICS), il-ġestjoni tar-riskji (CRMS), in-Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), l-awtorizzazzjonijiet (CDS), l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), l-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), il-kwota u t-tariffi (QUOTA), is-sospensjonijiet tariffarji awtonomi, in-nomenklatura magħquda (TARIC), is-sorveljanza tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet (SURV2) u s-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati għaċ-ċertifikati ta' oriġini (REX);

H.  billi l-għan tal-programm doganali propost fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE tal-2021-2027 huwa li jappoġġa l-attivitajiet u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri;

I.  billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE joħloq sfida għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali;

J.  billi se jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi ewlenin meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u se tiġi posposta għal wara l-31 ta' Diċembru 2020;

K.  billi l-għodda tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali topera billi tivvaluta l-funzjonament tal-Unjoni Doganali, abbażi ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni, f'firxa ta' oqsma bħall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, filwaqt li tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tivvaluta l-importanza tad-dwana biex tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE;

L.  billi l-governanza tal-programm Dwana 2020 u b'hekk tal-ħidma tal-IT doganali hija kondiviża bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-rappreżentanti ta' interessi kummerċjali f'għadd kbir ta' strutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li l-multiplikazzjoni tagħhom għandha impatt negattiv fit-tul fuq l-effikaċja tal-programm u l-ġestjoni tal-proġetti tal-IT;

M.  billi wara t-tmiem tal-programm attwali Dwana 2020 u wara valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tad-diversi għażliet possibbli, se jkun jeħtieġ li l-governanza tal-programmi tad-dwana tiġi riveduta;

1.  Jenfasizza l-ħidma li ssir kuljum mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u mis-servizzi tal-Kummissjoni, li jippruvaw jipproteġu s-suq intern kontra l-kompetizzjoni inġusta f'forma ta' prodotti foloz u prodotti li huma l-oġġett ta' dumping, jiffaċilitaw il-kummerċ u jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi, jiġbru dħul għall-baġits nazzjonali u għall-baġit tal-Unjoni, u jipproteġu lill-popolazzjoni mit-theddid tat-terroriżmu, it-theddid relatat mas-saħħa, it-theddid ambjentali u theddid ieħor;

2.  Ifakkar li l-Unjoni Doganali hija waħda mill-ewwel kisbiet tal-UE u tista' titqies bħala waħda mill-istejjer ta' suċċess ewlenin tagħha peress li din ippermettiet lil impriża stabbilita fl-Unjoni tbigħ l-merkanzija tagħha u tinvesti fl-Unjoni kollha, iżda ppermettiet ukoll lill-UE tneħħi l-fruntieri interni u tikkompeti mal-bqija tad-dinja; jissottolinja li s-suq uniku tal-UE ma jkunx possibbli mingħajr l-ambjent ħieles mit-tariffi pprovdut mill-Unjoni Doganali u r-rwol li din tal-aħħar għandha biex tissorvelja l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet;

3.  Jenfasizza li Unjoni Doganali kompletament funzjonali hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-kredibbiltà u s-saħħa tal-UE u l-pożizzjoni ta' negozjar tagħha għall-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ġodda; jenfasizza li Unjoni Doganali effiċjenti tal-UE tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ legali u biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kummerċjanti leġittimi, kunsiderazzjoni li hija importanti għall-iżvilupp ta' negozji kompetittivi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati kontrolli effettivi - fost l-oħrajn billi titrawwem il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali ta' pajjiżi terzi - u li jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ legali;

4.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' proċessi doganali bla xkiel madwar l-Unjoni abbażi tar-riforma tal-infrastruttura tal-IT huwa essenzjali; iqis li d-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tagħmel l-iskambju ta' informazzjoni u l-ħlas ta' dazji aktar trasparenti u aċċessibbli, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta ’daqs medju u għall-operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi, u li toffri opportunitajiet biex jiġu ssimplifikati r-regoli u l-proċeduri doganali;

5.  Jinnota li d-diverġenzi attwali fil-livell u fil-kwalità tal-kontrolli, tal-proċeduri doganali u tal-politiki ta' sanzjonijiet, fil-punti ta' dħul tal-UE fl-unjoni doganali, spiss jirriżultaw fi tfixkil tal-flussi kummerċjali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-problema ta' "għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni" u jpoġġu f'riskju l-integrità tas-suq uniku; jitlob bil-qawwa, f'dak il-kuntest, sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw din il-kwistjoni;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex toħloq punt ta' waqfa waħda (one-stop-shop) tad-dwana integrat tal-UE li jgħin lin-negozji jissottomettu l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa f'post wieħed, u b'hekk ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji kollha għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' merkanzija;

7.  Ifakkar li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz wara li joħroġ mill-UE, u b'hekk se jbiddel il-fruntieri esterni tal-UE u jenfasizza li l-proċess tal-Brexit ma għandux iħalli impatt negattiv fuq l-iżvilupp u l-governanza tad-Dwana tal-UE;

Id-diġitizzazzjoni tal-proċeduri doganali

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ aktar effiċjenti, kosteffiċjenti u razzjonalizzat għall-ġestjoni tas-sistemi tal-IT għall-awtoritajiet doganali; jitlob, b'mod partikolari, stima aktar preċiża u realistika taż-żmien u r-riżorsi li se jkunu meħtieġa, u tal-kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti individwali tal-IT li se jgħinu biex jiġu diġitizzati l-proċeduri doganali;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ġodda għall-Unjoni Doganali batiet minn serje ta' dewmien, li wassal biex il-Kummissjoni titlob lill-Parlament u lill-Kunsill għal estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali wara l-iskadenza tal-2020 li ġiet stabbilita fil-KDU; jiddispjaċih ukoll li l-Kummissjoni pprovdiet biss informazzjoni inkompleta biex tiġġustifika din l-estensjoni ġdida, b'mod partikolari fir-rigward ta' dak li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħha u dik tal-Istati Membri, li b'riżultat tagħha l-Parlament Ewropew ma jistax jeżerċita l-kontroll baġitarju u politiku tiegħu b'mod xieraq;

10.  Jenfasizza li, filwaqt li 75 % tal-komponenti Ewropej tas-sistemi tal-IT meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-KDU għandhom ikunu lesti sa Diċembru 2020, dan ma jfissirx li 75 % tas-sistemi tal-IT se jkunu lesti sa dak iż-żmien, peress li 25 % ta' dawk is-sistemi huma magħmula minn komponenti nazzjonali, li għalihom l-Istati Membri huma responsabbli u li għalihom ġie identifikat dewmien;

11.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Kunsill jeħtiġilhom jiżguraw bl-ogħla prijorità li l-kodiċi doganali flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri doganali jiġi implimentat fl-iskadenza l-ġdida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw aktar posponimenti; iqis li, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tal-arkitettura tal-IT jirrikjedi l-iżvilupp u l-varar ta' 17-il għodda tal-IT b'implikazzjonijiet kbar f'dak li jirrigwarda r-riżorsi finanzjarji u umani; għaldaqstant, iqis li huwa imperattiv li ma jkunx hemm sforzi doppji fir-rigward tar-riżorsi fit-twettiq tal-proġetti tal-IT tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-iskeda taż-żmien tal-programm ta' ħidma tagħha tal-KDU abbażi tal-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali li pproponiet(9) għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill; jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill jaħdmu favur adozzjoni malajr ta' dik l-estensjoni filwaqt li din tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet meħtieġa għall-varar b'suċċess tal-arkitettura tal-IT doganali mingħajr ħsara għal testijiet komprensivi tas-sigurtà, sabiex kwalunkwe kwistjoni possibbli ma tipperikolax il-kontrolli tal-merkanzija mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri; jenfasizza, kif għamlet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li l-istess kawżi jipproduċu l-istess effetti, u li l-proċess ta' aġġornament tal-pjan strateġiku pluriennali 2017, bil-konċentrazzjoni tal-implimentazzjoni ta' sitt sistemi tal-IT fl-istess sena, jirrappreżenta sfida kbira u joħloq riskju kbir li lanqas l-iskadenzi stabbiliti mill-ġdid ma jiġu ssodisfati, b'mod li l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-KDU tista' tiġi estiża ulterjorment għal wara l-2025;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-pjan strateġiku pluriennali tagħha billi toħloq sekwenzjar tal-proġetti matul il-perjodu tranżitorju kollu sabiex kemm jista' jkun tevita l-konċentrazzjoni ta' skjeramenti fit-tmiem tal-perjodu, u billi tistabbilixxi stadji importanti vinkolanti, inkluż għall-Istati Membri;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni ma timmodifikax l-ispeċifikazzjonijiet statutorji u tekniċi li issa ġew adottati għas-17-il għodda tal-IT, peress li l-portata tal-proġetti li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ biex jiġu varati mhumiex kompatibbli la mal-fatt li t-teknoloġiji involuti qed jevolvu kontinwament u lanqas mal-bidliet leġiżlattivi u regolatorji inevitabbli li se jseħħu matul dan il-perjodu;

15.  Ifakkar li skont il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni kienet konxja tad-dewmien iżda għażlet li ma tinkludix din l-informazzjoni fir-rapportar uffiċjali tagħha, li waqqaf lill-partijiet ikkonċernati (bħall-Parlament Ewropew, istituzzjonijiet oħra tal-UE mhux rappreżentati fl-istruttura ta' governanza ta' Dwana 2020, kif ukoll kumpaniji u ċittadini interessati) milli jiġu infurmati bis-sħiħ dwar ir-riskju ta' dewmien f'ħin reali; jistieden, ghalhekk, lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari u trasparenti dwar it-twettiq tal-pjan ta' ħidma strateġiku pluriennali u dwar l-istabbiliment tas-sistemi elettroniċi doganali sabiex ma tirrepetix l-iżbalji tal-programmazzjoni preċedenti u tinforma dwar kwalunkwe dewmien futur possibbli filwaqt li ma tagħmilx dan għal għarrieda jew mingħajr azzjonijiet korrettivi xierqa;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod kontinwu l-programm Dwana 2020 u tirrispondi għan-nuqqasijiet identifikati, b'mod partikolari n-nuqqas ta' użu tat-timijiet ta' esperti stabbiliti skont dan il-programm u tagħmilha possibbli li tiżdied il-kooperazzjoni bejn is-servizzi doganali;

17.  Jissottolinja li l-monitoraġġ, l-analiżi u l-valutazzjoni kontinwi tal-politika fir-rigward ta' impatti possibbli huma partijiet essenzjali mill-governanza tal-Unjoni Doganali; jieħu nota u jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni biex tiżviluppa għodda għall-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali li eventwalment se tippermettilha tiġi vvalutata sistematikament abbażi tal-objettivi strateġiċi tagħha f'termini ta' effiċjenza, effikaċja u uniformità; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma sabiex din l-għodda tiġi żviluppata ulterjorment;

18.  Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li din l-għodda għandha tivvaluta wkoll il-prestazzjoni tal-kontrolli doganali f'termini tal-potenzjal tad-diġitizzazzjoni u tal-flussi tad-data sabiex toħloq kontrolli bbażati fuq ir-riskju saħansitra aktar effettivi filwaqt li tottimizza l-piż fuq l-awtoritajiet doganali;

Governanza, rapporti u finanzjament tal-programm Dwana

19.  Jieħu nota tal-azzjonijiet li jieħdu l-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni uniformi u koerenti tal-kodiċi doganali, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ, u permezz tal-adozzjoni ta' linji gwida; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom u r-riżorsi implimentati biex jiżguraw applikazzjoni sħiħa tal-kodiċi doganali adottat fl-2013 u ta' proċeduri doganali uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni li jista' b'mod utli jkun ibbażat fuq rieżami bejn il-pari tal-prattiki doganali, fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki, fuq kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi doganali u fuq programm ta' taħriġ b'riżorsi suffiċjenti;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni qed taħdem fuq ambjent ta' Tieqa Unika Doganali tal-UE li jippermetti lil operatur ekonomiku jressaq id-data meħtieġa għal firxa wiesgħa ta' finijiet regolatorji (pereżempju veterinarji, sanitarji, ambjentali, eċċ.) f'format standardizzat lil għadd ta' riċevituri u permezz ta' punti ta' aċċess armonizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu din il-ħidma importanti;

21.  Jieħu nota tal-isforz finanzjarju appoġġat mill-baġit tal-UE, li jżid l-allokazzjoni tal-programm Dwana li jmiss, għall-2021-2027, għal EUR 842 844 000 bi prezzijiet tal-2018; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu wkoll ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għall-varar tal-komponenti nazzjonali, elementi essenzjali li minnhom tiddependi l-introduzzjoni tas-sistema elettronika doganali Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta fi żmien debitu rapport dwar il-varar tal-komponenti tal-Unjoni u tal-komponenti extra-UE żviluppati mill-Istati Membri;

22.  Jenfasizza li llum il-ġurnata d-dwana trid taffaċċja żieda fenomenali fil-volum tal-oġġetti li qed jinxtraw online barra mill-UE f'termini ta' kontrolli u ġbir tad-dazji applikabbli, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-volum tal-oġġetti b'valur baxx importati fl-UE qed jiżdied kull sena b'10-15 %; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw aħjar din l-isfida;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, fit-tmiem u fit-tmiem biss tal-implimentazzjoni tas-17-il sistema tal-IT relatati mal-KDU tal-programm Dwana 2020, struttura ta' governanza aktar effettiva għat-twettiq tal-proġetti tal-IT doganali u l-aġġornamenti tagħhom; jenfasizza l-importanza, fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi, fiskali u tas-sigurtà rrappreżentati mis-sistemi tal-IT doganali, li s-soluzzjoni adottata tippreserva bis-sħiħ is-sovranità Ewropea;

24.  Jenfasizza li l-programm "Dwana 2021-2027", billi jappoġġa l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jgħin mhux biss biex iżid id-dħul tal-baġit tal-UE, iżda wkoll biex jiggarantixxi sigurtà tal-prodotti, protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE;

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

25.  Jenfasizza li l-inċertezza dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE hija sfida ewlenija għan-negozji Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu informazzjoni komprensiva lill-partijiet ikkonċernati dwar ir-riperkussjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit fil-qasam tad-dwana u ta' ċerti tipi ta' taxxi indiretti (VAT u dazji tas-sisa);

26.  Jenfasizza li, wara l-ħruġ tar-Renju Unit, ma jridx ikun hemm lakuni fis-sistema doganali – inkluż fil-fruntieri esterni tal-UE – li jwittu t-triq għal kummerċ illeċitu jew evażjoni tad-djun taħt il-liġi pubblika stipulati fid-dritt tal-Unjoni;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.
(3) ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558.
(4) ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1.
(5) ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6.
(6) ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.
(7) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 41.
(8) ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.
(9) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2018)0085).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2019Avviż legali