Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 1998/0031R(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0072/2019

Testi mressqa :

A8-0072/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.12

Testi adottati :

P8_TA(2019)0146

Testi adottati
PDF 160kWORD 54k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE/Turkmenistan
P8_TA-PROV(2019)0146A8-0072/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi Sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra (12183/1/2011 – C8-0059/2015 – 1998/0031R(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (12183/1/2011),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra (12288/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikoli 91, 100(2), 207, 209 u 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C8-0059/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-reġjun tal-Asja Ċentrali, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(2), tat-13 ta' April 2016 dwar l-implimentazzjoni u r-rieżami tal-Istrateġija UE-Asja Ċentrali(3), tat-22 ta' April 2009 dwar il-Ftehim Kummerċjali Interim mat-Turkmenistan(4), u tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interim tal-1999 dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra, konkluż mill-Kunsill fis-27 ta' Lulju 2009 (5144/1999), u l-laqgħat regolari tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħtu,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar l-Enerġija ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkmenistan f'Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), li t-Turkmenistan hu firmatarju tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u t-Turkmenistan,

–  wara li kkunsidra l-impenn magħmul mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fl-ittra tagħha lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fis-16 ta' Diċembru 2015, li fiha l-aspetti msemmija fil-paragrafu 3 hawnhekk,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-VP/RGħ lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-5 ta' Lulju 2018 li tinnota l-appoġġ tagħha għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mat-Turkmenistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0072/2019),

A.  billi l-Asja Ċentrali hija reġjun fejn l-Unjoni Ewropea hija dejjem aktar involuta;

B.  billi Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mat-Turkmenistan ġie inizjalat fl-1997 u ffirmat fl-1998; billi 14-il Stat Membru mill-15-il firmatarju oriġinali rratifikaw l-FSK minn dak iż-żmien (u billi r-Renju Unit huwa l-aħħar wieħed li baqa'); billi t-Turkmenistan irratifika l-FSK fl-2004; billi l-adeżjoni mal-FSK minn dawk l-Istati Membri li ssieħbu mal-UE wara li ġie ffirmat il-ftehim hija soġġetta għal proċedura separata ta' protokoll u ratifika;

C.  billi l-FSK, ladarba jiġi rratifikat għalkollox, se jiġi konkluż għal perjodu inizjali ta' 10 snin, u wara jiġġedded kull sena, li jagħti possibbiltà lill-UE toħroġ mill-ftehim jekk iqumu dubji serji dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur serju ieħor; billi l-partijiet jistgħu jemendaw l-FSK bl-għan li jitqiesu żviluppi ġodda;

D.  billi l-Parlament Ewropew ġie kkonsultat dwar il-Ftehim Kummerċjali Interim (ITA) mat-Turkmenistan mill-Kunsill f'April 2009, bħala parti minn proċedura mhux obbligatorja u legalment mhux vinkolanti;

E.  billi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) stabbilixxew il-parametri referenzjarji tagħhom li magħhom għandu jitkejjel il-progress fit-Turkmenistan u għandhom jitkejlu l-kriterji li jawtorizzaw l-eżerċizzju ta' kooperazzjoni ulterjuri, f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment dwar l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi r-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, u għall-prinċipji ta' ekonomija tas-suq, li jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-ITA (kif stabbilit fl-Artikolu 1 tiegħu u fl-Artikolu 2 tal-FSK), għandhom jibqgħu għanijiet fit-tul għat-Turkmenistan; billi s-sospensjoni unilaterali tal-applikazzjoni hija possibbiltà fil-każ li xi waħda mill-partijiet tikser dawn l-elementi;

G.  billi, wara kunsiderazzjonijiet tal-abbozz ta' rakkomandazzjoni biex il-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-FSK, u tal-abbozz ta' rapport mehmuż tiegħu tat-8 ta' Mejju 2015 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin iddeċieda li temporanjament jissospendi l-proċedura fl-24 ta' Mejju 2016 sakemm jitqies li kien sar biżżejjed progress fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u ddeċieda li jiftaħ il-proċedura interim attwali;

H.  billi l-validità kontinwa tal-punti ta' riferiment għall-progress fid-drittijiet tal-bniedem għat-Turkmenistan, kif artikolata mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, hija ta' importanza kruċjali għal politika tal-UE koerenti u ta' prinċipju għar-relazzjonijiet mal-pajjiż;

I.  billi t-Turkmenistan adotta Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2016-2020 (NAPHR) fl-2015, imħejji bl-assistenza tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU fl-2013;

J.  billi t-Turkmenistan ikkonkluda ftehimiet internazzjonali, bħall-ICCPR, l-ICESCR u l-Konvenzjonijiet tal-ILO;

1.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jistabbilixxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-punti ta' riferiment li ġejjin fuq terminu qasir biex ikejlu l-progress sostenibbli mill-awtoritajiet statali tat-Turkmenistan, ibbażati fuq rakkomandazzjonijiet min-NU, l-OSKE u l-BERŻ, u qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-FSK:

Is-sistema politika, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

   (i) Diviżjoni ċara bejn il-fergħat eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji u, fost l-oħrajn , li tippermetti u tiggarantixxi l-parteċipazzjoni reali tal-popolazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istat, inkluża konsultazzjoni mal-esperti internazzjonali bħall-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, dwar il-konformità tal-Kostituzzjoni tat-Turkmenistan ma' dawn il-prinċipji demokratiċi, u rieda evidenti min-naħa tat-Turkmenistan li jqis ir-rakkomandazzjonijiet għar-riformi proposti minn dawn l-organizzazzjonijiet;
   (ii) It-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq ir-reġistrazzjoni u l-funzjonament ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi;
   (iii) L-implimentazzjoni tal-impenji li saru mill-Gvern Turkmen fil-NAPHR tiegħu għall-2016-2020;
   (iv) Waqfien tad-detenzjonijiet sigrieti u l-għajbien sfurzat, ix-xogħol furzat, it-tortura u l-iżvelar tad-destin jew tal-post li jinsabu fih il-persuni li għebu, sabiex il-familji jkunu jistgħu jżommu kuntatt ma' persuni miżmuma f'kustodja; rikonoxximent mill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-eżistenza ta' priġunieri politiċi u aċċess tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u monitors indipendenti għall-pajjiż, inkluż il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;
   (v) L-iżgurar tal-aċċess bla xkiel għal diversi sorsi ta' informazzjoni u, b'mod partikolari, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jaċċessaw sorsi alternattivi ta' informazzjoni, inklużi faċilitajiet ta' komunikazzjoni internazzjonali, u jżommu t-tagħmir ta' telekomunikazzjoni, bħalma huma d-dixxijiet tas-satellita privati jew il-konnessjonijiet tal-internet bi prezz raġonevoli;
   (vi) It-tmiem tal-persekuzzjoni u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fil-pajjiż u barra mill-pajjiż, inkluż tal-membri tal-familja tagħhom; il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda.
   (vii) Il-permess ta' żjarat min-NU u minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali li talbuhom u għadhom qed jistennew it-tweġibiet;
   (viii) It-tmiem tas-sistema informali u arbitrarja ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iżgurar li persuni li ma ngħatawx permess li jitilqu mill-pajjiż ikunu jistgħu jivvjaġġaw liberament;

2.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ iqisu r-rakkomandazzjonijiet fit-tul li ġejjin għal progress sostenibbli u kredibbli:

Is-sistema politika, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

   (i) Ir-rispett għall-prinċipji tal-pluraliżmu politiku u tar-responsabbiltà demokratika, b'partiti politiċi u organizzazzjonijiet oħra li jiffunzjonaw sew, ħielsa minn interferenza;
   (ii) It-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-riformi fil-livelli kollha skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u fl-oqsma kollha tal-amministrazzjoni, speċjalment fil-ġudikatura u fl-infurzar tal-liġi;
   (iii) Salvagwardji b'saħħithom u effettivi kontra l-korruzzjoni ta' livell għoli, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga;
   (iv) Implimentazzjoni sħiħa tal-liġi li tipprojbixxi t-tħaddim tat-tfal;
   (v) Ir-rispett ġenerali tal-eżerċizzju paċifiku u leġittimu tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;
   (vi) Il-libertà tal-moviment ġenerali, kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż;

3.  Jissottolinja l-bżonn għall-Parlament Ewropew li jsegwi u jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi fit-Turkmenistan u l-implimentazzjoni tal-partijiet kollha tal-FSK fis-snin li ġejjin, ladarba jidħol fis-seħħ; jistieden lill-VP/RGħ, f'dan il-kuntest, timplimenta u timpenja b'mod pubbliku l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, li jippermetti li l-Parlament jiġi infurmat kif xieraq mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-implimentazzjoni tal-FSK, ladarba jidħol fis-seħħ, u, b'mod partikolari, l-objettivi tiegħu u l-konformità mal-Artikolu 2, sabiex ikun jista' jirrispondi għall-iżviluppi fuq il-post fil-każ ta' ksur serju ddokumentat u evidenzjat tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-possibbiltà ta' mekkaniżmu li jissospendi l-FSK f'każijiet bħal dawn u jilqa', f'dan ir-rigward, l-ittra tal-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2015, li tinkludi l-objettivi li ġejjin:

   (i) l-iżgurar li l-Parlament Ewropew ikun infurmat b'mod xieraq dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni tal-FSK, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-iżvolġiment tas-sitwazzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li jiġi infurmat, fuq talba, qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni f'ħin xieraq, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità;
   (ii) interazzjoni aktar mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili bi tħejjija għad-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u s-sessjonijiet ta' informazzjoni;
   (iii) konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew meta jitħejjew aġġornamenti tal-Istrateġija tal-pajjiż dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE għat-Turkmenistan;

4.  Jilqa' t-tħabbir mill-VP/RGħ f'Novembru 2018 dwar l-istabbiliment ta' Delegazzjoni sħiħa tal-UE f'Ashgabat; jenfasizza li d-Delegazzjoni l-ġdida jenħtieġ li tiżviluppa strateġija ta' kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku mfassla skont il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-iżvilupp tat-Turkmenistan, timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż, inklużi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u każijiet individwali ta' tħassib, tidħol fi djalogu mad-diversi protagonisti politiċi, soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż, tippermetti d-diplomazija fuq il-post, u ttejjeb il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-proġetti ffinanzjati mill-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE;

5.  Jikkonkludi li se jikkunsidra li jagħti l-approvazzjoni tiegħu ladarba jqis li r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 jkunu ġew indirizzati kif xieraq mill-Kummissjoni, il-Kunsill, il-VP/RGħ u l-awtoritajiet statali tat-Turkmenistan;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jipprovdu regolarment lill-Parlament informazzjoni sostanzjali dwar is-sitwazzjoni fit-Turkmenistan;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkmenistan.

(1) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.
(2) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
(3) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.
(4) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 20.
(5) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali