Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2158(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0073/2019

Testi mressqa :

A8-0073/2019

Dibattiti :

PV 11/03/2019 - 23
CRE 11/03/2019 - 23

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.23
CRE 12/03/2019 - 9.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0157

Testi adottati
PDF 181kWORD 64k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja
P8_TA-PROV(2019)0157A8-0073/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja (2018/2158(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet milħuqa f'Minsk fil-5 u fid-19 ta' Settembru 2014 u fit-12 ta' Frar 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani 10 snin wara l-invażjoni Russa(3), kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea(4),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Russja tal-14 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tal-2018 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-produttur tal-films u l-kittieb Ukren Oleg Sentsov.

–  war li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-OSKE/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar l-Elezzjonijiet Presidenzjali tat-18 ta' Marzu 2018 fil-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0073/2019),

A.  billi l-UE hija komunità bbażata fuq ġabra fundamentali ta' valuri komuni, fosthom il-paċi, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem;

B.  billi jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

C.  billi tali valuri jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi;

D.  billi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u, bħala riżultat tan-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja ta' dawn il-prinċipji, ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja huma attwalment ibbażati fuq kooperazzjoni f'oqsma magħżula ta' interess komuni kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Marzu 2016 u dwar deterrenza kredibbli;

E.  billi l-UE tibqa' miftuħa għal relazzjoni aktar b'saħħtiha u għal djalogu li jwassal għaliha, u tixtieq li jissuktaw ir-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mar-Russja, kemm-il darba l-awtoritajiet Russi jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u internazzjonali tagħhom u jippruvaw l-impenn ġenwin għat-treġġigħ lura tal-fiduċja mitlufa; billi relazzjoni kostruttiva u prevedibbli tkun ta' benefiċċju reċiproku u idealment fl-interess taż-żewġ partijiet;

F.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi t-tkomplija ta' ksur serju tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi fis-snin riċenti qegħdin jiddubitaw dejjem aktar il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi r-Russja naqset milli timplimenta aktar minn elf sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB);

G.  billi għadd ta' rapporti governattivi jindikaw żieda qawwija fl-attività ta' spjunaġġ mir-Russja f'dawn l-aħħar snin, li laħqet livelli ogħla mill-Gwerra Bierda;

H.  billi l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Minsk u r-rispett aktar usa' għad-dritt internazzjonali jibqgħu prekundizzjonijiet ewlenin għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mar-Russja; billi b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida kontra l-Ukrajna mir-Russja, l-UE adottat serje ta' miżuri restrittivi li għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Ftehimiet ta' Minsk ikunu ġew issodisfati;

I.  billi mill-2015 nibtu oqsma ġodda ta' tensjoni bejn l-UE u r-Russja, fosthom: l-intervent Russu fis-Sirja u l-indħil f'pajjiżi bħal-Libja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana; l-eżerċizzji militari fuq skala kbira (Zapad 2017); l-indħil Russa kellu l-għan li jinfluwenza l-elezzjonijiet u r-referenda u biex jitrażżnu t-tensjonijiet fis-soċjetajiet Ewropej; l-appoġġ mill-Kremlin għal partiti kontra l-UE u movimenti tal-lemin estrem; ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u ksur estensiv tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u t-tixrid tas-sentiment kontra l-LGBTBI; ir-ripressjoni kontra l-oppożizzjoni politika; l-immirar sistemiku tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tas-soċjetà ċivili fir-Russja, inkluża d-detenzjoni arbitrarja ta' Oyub Titiev, il-Kap tal-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fiċ-Ċeċenja jew il-każ ta' Yury Dmitriev mill-fergħa ta' Memorial tal-Karelian; l-istigmatizzazzjoni ta' attivisti tas-soċjetà ċivili permezz tat-tikkettar tagħhom bħala "Aġenti Barranin"; il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana, b'mod partikolari fir-Repubblika taċ-Ċeċenja (ħtif, tortura, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, manifattura ta' kawżi kriminali, eċċ.); id-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Tartara fil-Krimea okkupata, u l-persekuzzjoni politikament motivata ta' Alexei Navalny u ħafna oħrajn, kif ukoll qtil, l-aktar każijiet notevoli jkunu dawk ta' Boris Nemtsov u Sergei Magnitsky; l-attakki ċibernetiċi u ibridi u qtil fuq territorju Ewropew imwettaq minn aġenti tal-intelligence Russi bl-użu ta' armi kimiċi; l-intimidazzjoni, l-arrest u l-priġunerija ta' ċittadini barranin fir-Russja bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2018 Oleg Sentsov u ħafna oħrajn; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet illegali u illeġittimi fid-Donbas; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi li huma nieqsa minn kwalunkwe għażla reali u b'restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali; il-kampanji ta' diżinformazzjoni, il-bini illegali tal-Pont Kerch; il-militarizzazzjoni fuq skala kbira tal-Krimea okkupata u annessa illegalment, kif ukoll ta' partijiet tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar ta' Azov; ir-restrizzjonijiet fuq it-tbaħħir internazzjonali fil-Baħar ta' Azov u fil-Kanal ta' Kerch, inklużi l-bastimenti li jbaħħru taħt il-bnadar tal-Istati Membri tal-UE; l-attakk illegali fuq il-bastimenti navali tal-Ukrajna u l-qbid tagħhom u l-arrest ta' membri tas-servizzi Ukrajni fl-Istrett ta' Kerch; il-ksur ta' ftehimiet ta' kontroll tal-armi; il-klima oppressiva għall-ġurnalisti u l-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti b'detenzjonijiet kontinwi ta' ġurnalisti u bloggers; u l-klassifikazzjoni tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tar-Russja fil-post 148 minn 180 rigward il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni fl-2018;

J.  billi sal-1 ta' Marzu 2018, il-Memorial tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem kien irreġistra 143 każ ta' priġunieri politiċi, inklużi 97 persuna li kienu qed jiġu ppersegwitati minħabba raġunijiet reliġjużi; billi analiżi tal-lista ta' priġunieri politiċi tal-Memorial tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem turi li fl-2017, kien hemm 23 każ ta' prosekuzzjoni għal reati relatati ma' avvenimenti pubbliċi (rewwixti tal-massa, azzjonijiet vjolenti kontra awtorità pubblika), u kien hemm 21 każ, l-aktar marbuta mal-pubblikazzjoni ta' kummenti fuq l-Internet, ta' prosekuzzjonijiet li nbdew skont l-artikoli "kontra l-estremisti" tal-kodiċi kriminali;

K.  billi r-Russja hija direttament jew indirettament parti għal għadd ta' kunflitti mtawla fil-viċinat komuni – fit-Transnistrija, l-Ossezja tan-Nofsinhar, l-Abkażja, id-Donbas u Nagorno Karabakh – li jikkostitwixxu impediment serju għall-iżvilupp u l-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien ikkonċernati, jimminaw l-indipendenza tagħhom u jillimitaw l-għażliet sovrani ħielsa tagħhom;

L.  billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna tawwal aktar minn erba' snin u kkawża l-mewt ta' aktar minn 10 000 persuna, bi kważi terz minnhom ikunu ċivili, u eluf ta' korrimenti ċivili relatati mal-kunflitt;

M.  billi t-tensjonijiet u l-konfrontazzjonijiet persistenti kurrenti bejn l-UE u r-Russja mhumiex fl-interess ta' l-ebda waħda mill-partijiet; billi l-kanali ta' komunikazzjoni għandhom jibqgħu miftuħa minkejja r-riżultati diżappuntanti; billi d-diviżjoni l-ġdida tal-kontinent tipperikola s-sigurtà kemm tal-UE kif ukoll tar-Russja;

N.  billi bħalissa r-Russja hija l-fornitur estern l-aktar importanti tal-UE tal-gass naturali; billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi r-Russja tuża l-enerġija bħala mezz biex tipproteġi u tippromwovi l-interessi tal-politika barranija tagħha; billi d-dipendenza tal-UE mill-fornimenti ta' gass Russu żdiedet mill-2015; billi r-reżiljenza tal-UE għal pressjonijiet esterni tista' tinbena permezz ta' diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u ta' tnaqqis fid-dipendenza mir-Russja; billi l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà interna b'saħħitha fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija tagħha; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u bbażat fuq il-valuri fir-rigward tar-Russja; billi hemm bżonn ta' infrastruttura tal-enerġija aktar affidabbli u strateġika fl-UE, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-attività ibrida Russa;

O.  billi azzjonijiet irresponsabbli ta' ġettijiet tal-gwerra Russi qrib l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-Istati Membri tan-NATO jikkompromettu s-sikurezza ta' titjiriet ċivili u jistgħu jkunu ta' theddida għas-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ewropew; billi manuvri provokattivi militari fuq skala kbira twettqu mir-Russja fil-viċinanza immedjata tal-UE;

P.  billi r-Russja qed tkompli tinjora s-sentenzi tal-QEDB, kif ukoll l-għotjiet vinkolanti mill-Qorti Permanenti ta' Arbitraġġ bħal fil-każ ta' Naftogaz, li jdgħajjef il-mekkaniżmi internazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-kummerċ;

Q.  billi l-viżjoni poliċentrika tar-Russja tal-kunċert tal-potenzi tmur kontra dik tal-UE ta' ordni multilaterali u ta' ordni bbażat fuq ir-regoli; billi l-adeżjoni tar-Russja ma' u l-appoġġ għal ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli toħloq il-kundizzjonijiet għal relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE;

R.  billi l-awtoritajiet Russi jkomplu jittrattaw ir-reġjuni okkupati illegalment daqslikieku kienu parti interna tat-territorju Russu billi ppermettew il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' dawn it-territorji fil-korpi leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Federazzjoni Russa, li jikser id-dritt internazzjonali;

S.  billi fil-21 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill, wara li vvaluta l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, tawwal is-sanzjonijiet ekonomiċi mmirati lejn setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa sal-31 ta' Lulju 2019;

T.  billi l-azzjonijiet tar-Russja jiksru d-dritt internazzjonali u l-impenji u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

U.  billi fid-dokumenti strateġiċi tal-Federazzjoni Russa, l-UE u n-NATO huma ppreżentati bħala avversarji primarji tar-Russja;

Sfidi u interessi komuni

1.  Jissottolinja li l-okkupazzjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea, reġjun tal-Ukrajna, l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitti armati fil-parti tal-Lvant tal-Ukrajna u l-ksur kontinwu tal-integrità territorjali tal-Georgia u tal-Moldova jikkostitwixxu ksur intenzjonali tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji demokratiċi u tal-valuri fundamentali; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn rappreżentanti Russi fit-territorji okkupati;

2.  Jenfasizza li l-UE ma tistax tipprevedi ritorn gradwali għal "negozju bħas-soltu" sakemm ir-Russja timplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk u treġġa' lura l-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob, f'dan ir-rigward, għal rivalutazzjoni kritika u komprensiva mill-UE tar-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa;

3.  Jenfasizza li fiċ-ċirkostanzi preżenti, ir-Russja ma tistax tibqa' titqies bħala "sieħba strateġika"; huwa tal-fehma li l-prinċipji tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) m'għadhomx jiġu ssodisfati, u li l-FSK għandu għalhekk jerġa' jiġi kkunsidrat mill-ġdid; jemmen li kwalunkwe qafas għar-relazzjoni UE-Russja għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, il-prinċipji ta' Ħelsinki tal-OSKE, il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u jippermetti djalogu dwar il-ġestjoni tal-isfidi globali, it-tisħiħ tal-governanza globali u l-iżgurar tal-infurzar tar-regoli internazzjonali, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ggarantiti l-ordni tal-paċi Ewropea, u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE u fil-Balkani tal-Punent;

4.  Jemmen li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk tkun qed turi r-rieda tajba tar-Russja li tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u l-kapaċità tagħha li tiggarantixxi s-sigurtà Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jitmexxew 'il quddiem il-konsultazzjonijiet fi ħdan il-proċess tal-format tan-Normandija, inkluż rwol aktar b'saħħtu tal-UE; ittenni l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

5.  Jemmen fl-importanza li jitnaqqsu t-tensjonijiet kurrenti u li jsiru konsultazzjonijiet mar-Russja bil-għan li jiġu identifikati miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tar-riskju ta' nuqqas ta' fehim u ta' żbalji ta' kalkolu; jirrikonoxxi, madankollu, li l-UE għandha żżomm sod fir-rigward tal-aspettattivi tagħha dwar ir-Russja; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u ta' impenn pożittiv fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u multilaterali li r-Russja hija membru ta', b'mod partikolari fil-qafas tal-OSKE fir-rigward tal-kwistjonijiet u l-kriżijiet kontroversjali;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-involviment tar-Russja fil-kawża Skripal, u fil-kampanji ta' diżinformazzjoni u fl-attakki ċibernetiċi mwettqa mis-servizzi tal-intelligence Russi mmirati biex jiddestabbilizzaw l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet pubbliċi u privati u biex iżidu t-tensjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

7.  Huwa mħasseb ħafna dwar ir-rabtiet bejn il-Gvern Russu u l-partiti u l-gvernijiet populisti nazzjonalisti tal-lemin estrem fl-UE,li huma ta' theddida għall-valuri fundamentali tal-Unjoni, li huma minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-isforzi tar-Russja biex tiddestabilizza l-pajjiżi kandidati tal-UE fir-rigward, b'mod partikolari u pereżempju, tal-appoġġ mogħti minn Moska lill-organizzazzjonijiet u l-forzi politiċi li jopponu l-Ftehim ta' Prespa li għandu jtemm it-tilwima li ilha għaddejja dwar l-isem bejn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja;

9.  Jemmen li atturi statali Russi indaħlu fil-kampanja tar-referendum dwar il-Brexit permezz ta' mezzi aperti u moħbija, inklużi mezzi tax-xandir soċjali u appoġġ finanzjarju potenzjalment illegali, li bħalissa qed jiġi investigat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit;

10.  Jenfasizza li, biex ikunu evitati tensjonijiet ulterjuri, huwa importanti li tiżdied it-trasparenza reċiproka fl-attivitajiet militari u tal-gwardji tal-fruntiera; jiddenunzja bil-qawwa l-ksur min-naħa tar-Russja tal-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tal-UE; jitlob kodiċi ta' kondotta ċar fir-rigward tal-ispazju tal-ajru użat mill-inġenji tal-ajru militari u ċivili; jikkundanna bil-qawwa, f'dan il-kuntest, il-ksur ripetut tar-Russja tal-ilmijiet territorjali u tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jikkundanna lill-Federazzjoni Russa għar-responsabbiltà tagħha fit-twaqqigħ tat-titjira MH17 fuq il-Lvant tal-Ukrajna fl-2014, kif muri minn tim internazzjonali ta' investigaturi, u jitlob li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

11.  Jiddispjaċih għad-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għar-restrizzjonijiet mifruxa u mhux xierqa tad-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika fir-Russja, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-trażżin li għaddej bħalissa, u l-fastidju u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' attivisti ta' protesta u ta' kritiċi oħra;

12.  Huwa mħasseb ħafna li r-Russja tant turi biċ-ċar is-setgħat militari tagħha, tispjega t-theddid lejn pajjiżi oħra u timmanifesta r-rieda u r-rieda li tuża forza militari kontra nazzjonijiet oħra f'azzjonijiet reali, inklużi armi nukleari avvanzati, kif imtenni mill-President Putin f'diversi okkażjonijiet fl-2018;

13.  Jikkundanna t-trażżin persistenti tal-gvern kontra d-dissens u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, kif ukoll ir-repressjoni tal-attivisti, tal-avversarji politiċi u ta' dawk li jesprimu apertament in-nuqqas ta' qbil mal-gvern;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għal rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fiċ-Ċeċenja, u jikkundanna d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern taċ-Ċeċenja li jċaħħdu l-eżistenza tal-omosesswali f'pajjiżhom u li jinċitaw il-vjolenza kontra persuni LGBTI;

15.  Jenfasizza li l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, is-sigurtà tal-enerġija, id-diġitalizzazzjoni flimkien mat-teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiċi u l-intelliġenza artifiċjali, kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-iżviluppi fl-ambjent Artiku sensittiv, jitolbu impenn selettiv mar-Russja;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-potenzjal ta' mijiet ta' biljuni ta' euro maħsula fl-UE kull sena minn kumpaniji u individwi Russi li qed ifittxu li jilleġittimizzaw ir-rikavat tal-korruzzjoni, u jitlob li jsiru investigazzjonijiet dwar dawn ir-reati;

17.  Jissottolinja li l-ħasil tal-flus u l-attivitajiet finanzjarji tal-kriminalità organizzata mir-Russja qed jintużaw għal skopijiet politiċi sovversivi u huma ta' theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea; iqis li l-iskala ta' dan il-ħasil tal-flus huwa tali li jagħmel parti mill-attivitajiet ostili maħsuba biex idgħajfu, jgħarrfu ħażin u jiddestabbilizzaw, filwaqt li fl-istess ħin isostnu l-attivitajiet kriminali u l-korruzzjoni; jinnota li l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus Russi fi ħdan l-UE jikkostitwixxu theddida għas-sovranità u għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha fejn ir-Russja topera attivitajiet bħal dawn; jiddikjara li dan il-fatt hu ta' theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea, u ta' sfida ewlenija għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jikkundanna l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus, attivitajiet finanzjarji illegali u mezzi oħra ta' gwerra ekonomika mir-Russja; jitlob li l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti fl-UE jżidu l-kooperazzjoni kemm ma' xulxin kif ukoll mas-servizzi tal-intelligence u tas-sigurtà rilevanti, sabiex jiġu indirizzati l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus Russi;

19.  Itenni l-fatt li filwaqt li pożizzjoni tal-UE hija soda, koerenti u miftiehma fir-rigward tas-sanzjonijiet tal-UE fil-konfront tar-Russja, li se jibqgħu għaddejjin sakemm ir-Russja tibqa' għaddejja bil-ksur tad-dritt internazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm aktar koordinament u koerenza fl-approċċ tal-politika estera u ta' sigurtà tagħha fir-rigward tar-Russja; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jtemmu programmi ta' "viża/passport tad-deheb" li jibbenefikaw l-oligarki Russi li ta' spiss huma sostenituri tal-Kremlin, u li jistgħu jdgħajfu l-effettività tas-sanzjonijiet internazzjonali; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal Att Magnitsky Ewropew (ir-Reġim Globali tal-UE dwar is-Sanzjonijiet fuq id-Drittijiet tal-Bniedem), u jistieden lill-Kunsill ikompli bil-ħidma tiegħu dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ fil-livell Ewropew fir-rigward tal-politika tagħhom fir-rigward tar-Russja;

20.  Jenfasizza li l-miżuri restrittivi mmirati relatati mal-Ukrajna tal-Lvant u l-Krimea okkupata mhumiex diretti kontra l-poplu Russu iżda kontra ċerti individwi u intrapriżi konnessi mat-tmexxija Russa;

21.  Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha u l-koordinament aħjar ta' dawn tal-aħħar huwa essenzjali għal politika esterna u ta' sigurtà tal-UE aktar koerenti, effettiva u ta' suċċess, anki fil-konfront tar-Russja; jenfasizza li dan japplika b'mod partikolari għal oqsma politiċi bħall-Unjoni Ewropea tad-Difiża, l-Unjoni Ewropea għall-Enerġija, id-difiża ċibernetika u l-għodod ta' komunikazzjoni strateġika;

22.  Jikkundanna l-ksur min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali tal-pajjiżi ġirien permezz tal-ħtif illegali taċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jitressqu quddiem qorti Russa; jikkundanna wkoll l-abbuż tar-Russja tal-Interpol billi toħroġ "twissijiet ta' persuni mfittxija" – l-hekk imsejħa "avviżi ħomor" – għall-persekuzzjoni tal-avversarji politiċi;

23.  Jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov sa fejn dawn jikkostitwixxu ksur tal-liġi marittima internazzjonali u l-impenji internazzjonali tar-Russja, kif ukoll il-bini tal-Pont Kerch u t-tqegħid ta' kejbils taħt l-ilma lejn il-peniżola tal-Krimea annessa illegalment mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna; jibqa' mħasseb ħafna dwar il-militarizzazzjoni Russa tal-Baħar ta' Azov, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u d-Distrett ta' Kaliningrad, kif ukoll ix-xejra rikorrenti ta' ksur tal-ilmijiet territorjali tal-pajjiżi Ewropej fil-Baħar Baltiku;

24.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jitlob li l-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;

25.  Jenfasizza li l-ksur min-naħa tar-Russja tar-regoli internazzjonali – f'dan il-każ il-libertà tal-ibħra, il-ftehimiet bilaterali u l-annessjoni illegali tal-Krimea – huwa ta' theddida għall-ġirien tar-Russja fil-partijiet kollha tal-Ewropa, mhux biss fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, iżda wkoll fir-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Mediterran; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika soda fir-rigward tar-Russja f'dawn l-aspetti kollha;

26.  Jinnota li l-elezzjonijiet Presidenzjali tat-18 ta' Marzu 2018 kienu osservati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-ODIHR MOE u tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE); jinnota li r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni tal-ODIHR jiddikjara li l-elezzjonijiet saru f'ambjent legali u politiku kkontrollat b'mod eċċessiv u kkaratterizzat minn pressjoni kontinwa fuq ilħna kritiċi u restrizzjonijiet li tpoġġew fuq il-libertajiet fundamentali ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni, kif ukoll fuq ir-reġistrazzjoni ta' kandidati, u għalhekk ma kienx hemm kompetizzjoni ġenwina;

27.  Jinsab imħasseb dwar l-appoġġ kontinwu tar-Russja għal reġimi u pajjiżi awtoritarji bħall-Korea ta' Fuq, l-Iran, il-Venezwela, is-Sirja, Kuba, in-Nikaragwa u oħrajn, u l-prattika kontinwa tagħha li timblokka kwalunkwe azzjoni internazzjonali billi tuża s-setgħat tagħha ta' veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU);

Oqsma ta' interess komuni

28.  Itenni s-sostenn tiegħu favur il-ħames prinċipji li jiggwidaw il-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja, u jitlob definizzjoni ulterjuri tal-prinċipju tal-impenn selettiv; jirrakkomanda li l-enfasi titqiegħed fuq kwistjonijiet relatati mal-MENA u r-reġjun tat-Tramuntana u Artiku, it-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi, l-istabbiltà strateġika fil-qasam ċibernetiku, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima, inklużi l-isforzi konġunti biex jiġi salvagwardjat il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) tal-KSNU, u li tintemm il-gwerra fis-Sirja; itenni l-fatt li filwaqt li l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar iċ-ċiberterroriżmu u l-kriminalità organizzata jeħtieġ li jkomplu, it-theddid ibridu sistematiku tar-Russja jeħtieġ dissważjoni b'saħħitha; jappella, f'dan il-kuntest, għal djalogu dwar il-konnettività mal-Asja bejn l-UE u r-Russja;

29.  Jissottolinja li attwalment l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tar-Russja u se żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala sieħba ekonomika ewlenija għall-futur immedjat, iżda l-proġett Nord Stream 2 jsaħħaħ id-dipendenza tal-UE fuq il-fornimenti ta' gass Russu, jhedded is-suq intern tal-UE u mhuwiex konformi mal-politika enerġetika tal-UE jew mal-interessi strateġiċi tagħha, u għaldaqstant jeħtieġ li ma jitkompliex; jenfasizza li l-UE tibqa mpenjata li tikkompleta l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija u li tiddiversifika r-riżorsi tal-enerġija tagħha; jissottolinja li l-ebda proġett ġdid m'għandu jiġi implimentat mingħajr valutazzjoni legali minn qabel tal-konformità legali tiegħu mad-dritt tal-UE u mal-prijoritajiet politiċi miftiehma; jiddeplora l-politika tar-Russja li tuża r-riżorsi tal-enerġija tagħha bħala għodda politika biex teżerċita, iżżomm u żżid l-influwenza politika tagħha fuq l-isfera perċepita tagħha ta' influwenza u fuq il-konsumaturi aħħarin;

30.  Josserva li l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera UE-Russja jġibu magħhom benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini taż-żoni transfruntieri u jsostnu l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li jkomplu jitrawmu dawn l-oqsma pożittivi ta' kooperazzjoni kostruttiva;

31.  jinnota l-importanza tal-kuntatti bejn il-persuni, pereżempju permezz tal-edukazzjoni u l-kultura;

32.  jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom lejn riżoluzzjoni tal-hekk imsejħa "kunflitti ffriżati" fil-viċinat tal-Lvant, sabiex jiġu żgurati aktar sigurtà u stabbiltà għas-sħab tal-Lvant tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet

33.  Jisħaq fuq l-importanza ta' appoġġ politiku u finanzjarju kontinwu favur il-kuntatti bejn il-persuni b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-attivisti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers, il-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti, il-ġurnalisti investigattivi, l-akkademiċi apertament kritiċi u l-personalitajiet pubbliċi u l-NGOs; jistieden lill-Kummissjoni tipprogramma għajnuna finanzjarja, istituzzjonali u għall-bini tal-kapaċità aktar ambizzjuża u fit-tul għas-soċjetà ċivili Russa mill-istrumenti finanzjarji esterni eżistenti, u jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu aktar għal din l-assistenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod attiv il-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jipprovdu appoġġ u protezzjoni effikaċi u f'waqthom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti l-oħra; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Istati Membri biex joħorġu viżi fit-tul għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju u lill-membri tal-familja tagħhom; jappoġġja żieda fil-finanzjament għat-taħriġ tal-ġurnalisti u għal skambji ma' ġurnalisti Ewropej u favur strumenti li javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED);

34.  Jitlob li jkun hemm aktar kuntatti bejn il-persuni b'enfasi fuq iż-żgħażagħ, dwar it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-esperti, ir-riċerkaturi, is-soċjetajiet ċivili u l-awtoritajiet lokali tal-UE u r-Russja u għall-intensifikar tal-iskambji tal-istudenti, tat-taħriġ vokazzjonali u taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fil-qafas ta' Erasmus+; jappoġġja, f'dan il-kuntest, żieda fil-finanzjament għall-programmi ġodda Erasmus+ 2021-2027; josserva li l-UE toffri l-akbar numru ta' opportunitajiet ta' mobbiltà akkademika lir-Russja meta mqabbla ma' pajjiżi sħab internazzjonali oħrajn;

35.  Jitlob il-ħelsien inkondizzjonat tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u ta' persuni oħra detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inkluż id-Direttur ta' Memorial HRC fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, Oyub Titiev, li qed isir proċess fuqu abbażi ta' akkużi vvintati ta' pussess ta' droga; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ġuridiċi tagħhom, inkluż l-aċċess għal avukat u għall-kura medika, għall-integrità fiżika u d-dinjità u l-protezzjoni mill-intimidazzjoni ġudizzjarja, mill-kriminalizzazzjoni, u mill-arrest arbitrarju;

36.  Jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' spiss huma dgħajfa wisq biex ikollhom impatt sostanzjali fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Russja, filwaqt li l-NGOs huma sistematikament skoraġġuti milli jinvolvu ruħhom b'mod attiv fi kwalunkwe sforz kontra l-korruzzjoni jew milli jippromwovu l-integrità pubblika; jissottolinja li jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-monitoraġġ indipendenti tal-effikaċja tal-politiki kontra l-korruzzjoni; jistieden lir-Russja timplimenta b'mod korrett l-istandards internazzjonali kontra l-korruzzjoni li ġew ifformulati, pereżempju, fil-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali (il-Konvenzjoni Kontra t-Tixħim);

37.  Jissottolinja li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt iridu jkomplu jinżammu fil-qalba tal-involviment tal-UE mar-Russja. jistieden, għalhekk, li l-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsemmu kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem fil-kuntatti kollha ma' uffiċjali Russi; jinkoraġġixxi lill-UE biex kontinwament titlob lir-Russja tirrevoka jew temenda l-liġijiet u r-regolamenti kollha inkompatibbli mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dispożizzjonijiet li jillimitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

38.  Jesprimi ċ-ċertezza tiegħu li s-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa hija element importanti fil-kuntest preżenti tar-relazzjonijiet istituzzjonali fl-Ewropa; jittama li jinstabu modi biex jikkonvinċu lir-Russja ma’ tabbandunax is-sħubija tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa;

39.  Jikkundanna l-attentati mill-Gvern Russu biex iwaqqaf servizzi ta' messaġġi bl-internet u siti web; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-privatezza online kif ukoll offline;

40.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwettqu sforzi akbar biex jibnu r-reżiljenza, partikolarment fis-settur ċibernetiku u medjatiku, inklużi mekkaniżmi ta' detezzjoni u l-ġlieda kontra l-indħil fl-elezzjonijiet; jitlob li tiżdied ir-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-reazzjoni tal-UE u r-rispons għall-kampanja ta' propaganda Russa u għall-attakki diretti ta' diżinformazzjoni massiva ma kinux suffiċjenti u għandhom jissaħħu aktar, b'mod partikolari qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f'Mejju 2019; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-finanzjament tal-UE u r-riżorsi umani għat-Task Force East StratCom iridu jiżdiedu b'mod sostanzjali; jappella għal appoġġ fuq skala tal-UE favur l-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà, suq diġitali intern li jiffunzjona u għal involviment aktar b'saħħtu fir-riċerka; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-valuri Ewropej bir-Russu permezz tal-East StratCom; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra d-Disinformazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri u lill-atturi rilevanti kollha tal-UE jimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri tiegħu, b'mod partikolari fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss f'Mejju 2019;

41.  Jistieden lill-UE tikkunsidra l-iżvilupp ta' qafas legali vinkolanti, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali, li jitratta l-gwerra ibrida li jkun jippermetti reazzjoni qawwija mill-Unjoni għal kampanji ta' theddid tad-demokrazija jew tal-istat tad-dritt, inkluż bl-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-orkestrar u l-implimentar ta' dawn il-kampanji;

42.  Jemmen li djalogu sinifikanti jeħtieġ unità aktar soda fost l-Istati Membri u komunikazzjoni aktar ċara tal-linji ħomor fuq in-naħa tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li l-UE għandha tkun lesta tadotta aktar sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet personali mmirati, u tillimita l-aċċess għall-finanzi u t-teknoloġija, jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; jenfasizza, madankollu, li tali miżuri mhumiex kontra l-poplu Russu iżda huma mmirati lejn individwi; jistieden lill-Kunsill iwettaq analiżi fil-fond tal-effiċjenza u r-riġidità tas-sistema ta' sanzjonijiet li tinsab fis-seħħ; jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq kumpaniji Ewropej li huma involuti fil-bini illegali tal-Pont ta' Kerch; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-involviment ta' dawn il-kumpaniji li, permezz ta' din il-parteċipazzjoni, kemm konxjament u anke jekk le, dgħajfu r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tivvaluta u tivverifika l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ, u fuq l-Istati Membri rigward l-iskambjar ta' informazzjoni dwar kwalunkwe investigazzjoni doganali jew kriminali nazzjonali dwar każijiet fejn hemm possibbiltà ta' ksur;

43.  Jitlob għal mekkaniżmu mifrux mal-UE li jippermetti l-iskrinjar tal-finanzjament tal-partiti politiċi, u li jittieħdu miżuri sussegwenti biex jiġi evitat li xi partiti u movimenti jintużaw biex jiddistabbilizzaw il-proġett Ewropew minn ġewwa;

44.  Jikkundanna l-iskop u l-għadd ta' taħriġ militari Russu, li matulu l-forzi Russi jipprattikaw xenarji ta' attakk bl-użu ta' armi nukleari;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jħejju, mingħajr dewmien, proposta leġiżlattiva għal Att Magnitsky fl-UE kollha li jippermetti l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet ta' viża u sanzjonijiet immirati, bħall-imblukkar ta' proprjetà u ta' interessi fi proprjetà fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-UE fuq uffiċjali pubbliċi jew persuni individwali li jaġixxu f'kapaċità uffiċjali, li jkunu responsabbli għal atti ta' korruzzjoni jew ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza ta' lista immedjata ta' sanzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' Att Magnitsky Ewropew;

46.  Jistieden lill-UE tivverifika l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-azzjonijiet tar-Russja ma jiddgħajjifx, iżda jiġi applikat b'mod proporzjonali mat-theddid imressaq mir-Russja; jissottolinja l-periklu li jiġu mdgħajfa s-sanzjonijiet mingħajr ma r-Russja turi permezz ta' azzjonijiet ċari, mhux biss fi kliem, li tirrispetta l-fruntieri tal-Ewropa u s-sovranità tal-ġirien tagħha u ta' nazzjonijiet oħra, kif ukoll ir-regoli u l-ftehimiet internazzjonali; itenni li n-negozju bħas-soltu biss jista' jkun possibbli ladarba r-Russja tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli u tillimita ruħha li taġixxi b'mod paċifiku;

47.  itenni li r-Russja m'għandha l-ebda dritt ta' veto fuq l-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi tan-nazzjonijiet Ewropej;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-konsegwenzi tal-kontrosanzjonijiet Russi fuq l-atturi ekonomiċi u, jekk meħtieġ, tikkunsidra miżuri ta' kumpens;

49.  Jissottolinja li jista' jkun hemm biss soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna; jinkoraġġixxi t-teħid ta' miżuri ta' bini tal-fiduċja fir-reġjun ta' Donbas; jappoġġja mandat għall-iskjerament ta' forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi f'dan ir-reġjun tal-Lvant tal-Ukrajna; itenni t-talba tiegħu biex jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun ta' Donbas;

50.  Jikkundanna l-miżura arbitrarja ta' projbizzjoni ta' politiċi tal-UE, fosthom Membri tal-Parlament Ewropew u ex Membri, u ta' uffiċjali tal-UE milli jaċċedu għat-territorju Russu; jitlob it-tneħħija immedjata u inkundizzjonata tal-projbizzjoni ta' aċċess;

51.  Jappella lir-Russja teħles immedjatament lill-priġunieri politiċi, inklużi ċittadini barranin, u ġurnalisti;

52.  Jappella għall-kooperazzjoni sħiħa tar-Russja fir-rigward tal-investigazzjoni internazzjonali tat-twaqqigħ tat-titjira MH17, li jista' possibbilment jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jikkundanna kwalunkwe tentattiv jew deċiżjoni li tkun konċessa l-amnestija lil dawk identifikati bħala responsabbli, jew li tiddewwem il-prosekuzzjoni ta' dawn tal-aħħar, peress li l-awturi għandhom jagħtu kont ta' għemilhom;

53.  Jappella lill-Gvern Russu jżomm lura milli jimblokka riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja li jfittxu li jindirizzaw il-vjolenza kontinwa kontra persuni ċivili, inkluż l-użu ta' armi kimiċi, il-ksur gravi tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-ksur tad-drittijiet universali tal-bniedem;

54.  Isostni t-tlestija malajr ta' Unjoni Ewropea tal-Enerġija integrata li fil-ġejjien tkun tinkludi lis-Sħab tal-Lvant; jenfasizza r-rwol li tista' twettaq f'dan ir-rigward politika ambizzjuża dwar l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jikkundanna bil-qawwa l-pressjoni Russa fuq il-Belarussja biex essenzjalment din tirrinunzja għall-indipendenza tagħha; jissottolinja li indipendentement mill-avvanz ta' strateġija bejn l-UE u r-Russja, l-UE trid issaħħaħ l-impenn u l-appoġġ tagħha għall-Imsieħba tal-Lvant tagħha u tappoġġja riformi li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt;

55.  Jappoġġja ż-żieda fil-finanzjamenti tal-EED, tar-Russian Language News Exchange (RLNE) u ta' strumenti oħra għall-avvanz tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u wkoll f'postijiet oħra;

56.  Jappella lill-awtoritajiet Russi jikkundannaw il-Komuniżmu u r-reġim Sovjetiku, u jikkastigaw lill-awturi ta' delitti u reati mwettqa taħt dak ir-reġim;

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 35.
(2) "Protokoll dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali", iffirmat fil-5 ta' Settembru 2014, u "Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat fit-12 ta' Frar 2015.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0266.
(4) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 38.
(5) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0259.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0435.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali