Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2159(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0075/2019

Testi mressqa :

A8-0075/2019

Dibattiti :

PV 11/03/2019 - 24
CRE 11/03/2019 - 24

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.24
CRE 12/03/2019 - 9.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0158

Testi adottati
PDF 173kWORD 57k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti
P8_TA-PROV(2019)0158A8-0075/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti (2018/2159(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-prinċipji kollha tiegħu, bħala dokument fundamentali għall-ordni ta' sigurtà reġjonali Ewropea u lil hinn minnha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti, kif ukoll dawk dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u ta' Djalogu tal-UE, adottat fl-10 ta' Novembru 2009 (15779/09),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini fit-28 ta' Ġunju 2016, kif ukoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha intitolat "Minn Viżjoni Kondiviża għal Azzjoni Komuni: L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali", ippubblikat fit-18 ta' Ġunju 2017,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi(3),

–  wara li kkunsidra l-Proposta tat-13 ta' Ġunju 2018 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (HR(2018)94),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0075/2019),

A.  billi l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali hija parti mir-raison d'être tal-UE, kif rikonoxxut mill-Premju Nobel għall-Paċi fl-2012, u hija fundamentali għat-Trattat ta' Lisbona;

B.  billi l-UE hija impenjata li timplimenta l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-aġġornamenti sussegwenti, u l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2250 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-aġġornamenti sussegwenti;

C.  billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi permezz tal-istrumenti ta' assistenza esterna tagħha;

D.  billi l-UE, bħala kontributur ewlieni għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, donatur ewlieni tal-għajnuna u l-akbar sieħeb kummerċjali fid-dinja, għandha tieħu rwol ewlieni fil-bini tal-paċi fid-dinja, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; billi l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni għandhom jiġu artikolati bħala parti minn approċċ komprensiv li jikkombina s-sigurtà, id-diplomazija u l-iżvilupp;

E.  billi l-kooperazzjoni hija meħtieġa ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-OSCE, li, fl-Att Finali ta' Ħelsinki tagħha tal-1975, jistipula, fost l-oħrajn, il-prinċipji li ma tintużax il-forza, l-integrità territorjali tal-istati, l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, u billi dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

F.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti vjolenti hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Ewropa u l-viċinat tagħha u biex isir avvanz politiku u soċjali; billi huwa wkoll element essenzjali ta' multilateraliżmu effikaċi u huwa strumentali biex jintlaħqu l-SDGs, speċifikament l-Għan 16 dwar soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u istituzzjonijiet effikaċi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha;

G.  billi l-appoġġ kontinwu tal-UE għal atturi ċivili u militari f'pajjiżi terzi huwa fattur importanti fil-prevenzjoni ta' kunflitti vjolenti rikorrenti; billi l-paċi u s-sigurtà sostenibbli u dejjiema huma inseparabbli mill-iżvilupp sostenibbli;

H.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni għandhom jiżguraw iż-żamma tal-istabbiltà u l-iżvilupp f'dawk l-istati u ż-żoni ġeografiċi li s-sitwazzjoni tagħhom tirrappreżenta kwistjoni ta' sigurtà diretta għall-Unjoni;

I.  billi l-prevenzjoni hija funzjoni strateġika li għandha l-għan li tiżgura azzjoni effikaċi qabel il-kriżijiet; billi l-medjazzjoni hija għodda oħra ta' diplomazija li tista' tintuża biex tipprevjeni, trażżan jew issolvi kunflitt;

J.  billi s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar marbuta b'mod inseparabbli u n-natura kumplessa tal-isfidi globali teħtieġ approċċ tal-UE komprensiv u integrat għal kunflitti u kriżijiet esterni;

K.  billi huwa meħtieġ approċċ interistituzzjonali aktar b'saħħtu sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun kapaċi tiżviluppa u timplimenta bis-sħiħ il-kapaċitajiet tagħha;

L.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE, id-dikjarazzjonijiet politiċi u l-iżviluppi istituzzjonali huma sinjali pożittivi tal-impenn tal-VP/RGħ li tingħata prijorità lill-prevenzjoni ta' kunflitti u lill-medjazzjoni;

M.  billi l-istrumenti ta' finanzjament estern jipprovdu kontribut sinifikanti fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi;

N.  billi l-ġustizzja tranżitorja hija sett importanti ta' mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji li jiffokaw fuq ir-responsabbiltà għal abbużi tal-passat kif ukoll it-twaqqif ta' futur sostenibbli, ġust u paċifiku;

O.  billi l-Parlament ħa rwol prominenti fid-diplomazija parlamentari, inklużi l-proċessi ta' medjazzjoni u ta' djalogu, abbażi tal-kultura profonda tagħha ta' djalogu u ta' bini ta' kunsens;

P.  billi l-kunflitt u l-gwerra vjolenti għandhom impatt sproporzjonat fuq iċ-ċivili, b'mod partikolari fuq in-nisa u t-tfal, u jpoġġu lin-nisa f'riskju akbar mill-irġiel ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, xogħol furzat, spostament, detenzjoni u vjolenza sesswali bħall-istupru, li jintużaw bħala tattika tal-gwerra; billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa u ż-żgħażagħ hija importanti għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi kif ukoll fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali u sessista;

Q.  billi huwa essenzjali li tiġi inkluża u appoġġjata l-parteċipazzjoni attiva u sinifikattiva tas-soċjetà ċivili u tal-atturi lokali, kemm ċivili kif ukoll militari, inklużi n-nisa, il-minoranzi, il-popli indiġeni u ż-żgħażagħ, meta jiġu promossi u ffaċilitati l-bini tal-kapaċità u tal-fiduċja fil-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni;

R.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-isforzi għaż-żamma tal-paċi huma ta' spiss nieqsa mill-fondi, minkejja l-impenji tal-politika fil-livell tal-UE, li għandhom effetti indiretti fuq il-kapaċità biex tiġi promossa u ffaċilitata l-azzjoni f'dawn l-oqsma;

1.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tkompli tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-kunflitti u lill-medjazzjoni fil-qafas jew bħala appoġġ tal-formati u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti maqbula; jissottolinja li tali approċċ qed jagħti livell għoli ta' valur miżjud tal-UE f'termini politiċi, soċjali, ekonomiċi u ta' sigurtà tal-bniedem fil-livell globali; ifakkar li l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-azzjonijiet ta' medjazzjoni jikkontribwixxu biex tiġi ddikjarata l-preżenza u l-kredibilità tal-Unjoni fix-xena internazzjonali;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol li jwettqu l-missjonijiet ċivili u militari permezz tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) fiż-żamma tal-paċi, l-evitar ta' kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-President tal-Kummissjoni u lill-President tal-Parlament Ewropew jistabbilixxu prijoritajiet konġunti fit-tul fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni, li għandhom isiru parti minn eżerċizzju regolari ta' programmazzjoni strateġika;

4.  Jitlob il-bini tal-paċi fuq terminu twil biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-kunflitt;

5.  Jitlob li tissaħħaħ l-arkitettura kurrenti biex tappoġġja l-prijoritajiet tal-UE kif deskritti hawn taħt;

6.  Jitlob approċċi li huma sensittivi għall-kunflitti u li jiffokaw fuq in-nies li jpoġġu s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tal-impenn tal-UE sabiex jinkisbu riżultati pożittivi u sostenibbli fuq il-post;

7.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lis-servizzi tal-Kummissjoni li jittrattaw l-azzjoni esterna jippreżentaw rapport annwali lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

Dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni

8.  Jappoġġja l-involviment aktar koerenti u olistiku tal-UE fil-kunflitti u l-kriżijiet esterni, iqis li l-approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni jikkostitwixxi l-valur miżjud tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u li kull mezz irid jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu ċċarati r-reazzjonijiet tal-UE f'kull stadju tal-kunflitt u sabiex dan l-approċċ integrat isir aktar operazzjonali u aktar effikaċi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fin-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-oqfsa, l-approċċi u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti; itenni li kull kunflitt għandu jitqies b'mod separat;

9.  Jenfasizza li dan il-bini ta' kapaċità għandu jippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw żoni ġeografiċi ta' prijorità għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u ta' medjazzjoni ta' kunflitti, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bilaterali bejn il-pajjiżi Ewropej;

10.  Jitlob l-istabbiliment, taħt l-awtorità tal-VP/RGħ, ta' bord konsultattiv ta' livell għoli tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni bil-għan li jitwaqqaf grupp komprensiv ta' medjaturi politiċi għolja b'esperjenza u esperti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti biex jagħmlu disponibbli għarfien espert politiku u tekniku fi żmien qasir; jemmen li huwa meħtieġ ukoll grupp ta' esperti li jkopri r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja tranżizzjonali; jitlob li jinħolqu mekkaniżmi ta' rikonċiljazzjoni u obbligu ta' rendikont li għandhom jiġu mħeġġa b'mod sistematiku fiż-żoni kollha li jkunu għadhom kemm għaddew minn kunflitt sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-delitti tal-passat, kif ukoll għall-prevenzjoni u d-deterrenza ta' delitti fil-futur;

11.  Jitlob li jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-paċi biex jippresjedi l-bord konsultattiv ta' livell għoli tal-UE, sabiex jippromwovi l-koerenza u l-koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha, inkluż fl-impenn tagħhom mas-soċjetà ċivili, itejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u jwassal għal aktar azzjoni u għal azzjoni aktar bikrija;

12.  Jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmi interistituzzjonali oħra bħal task forces għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta' prevenzjoni ta' kunflitti;

13.  Jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma tal-Kunsill iddedikat għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni, li jenfasizza l-impenn qawwi tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjuni ġirien tagħha;

Dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

14.  Jilqa' l-istabbiliment ta' "Diviżjoni tal-Istrumenti għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-medjazzjoni" tas-SEAE u l-iżvilupp ta' għodod bħalma huma s-Sistema ta' Twissija Bikrija u l-analiżi prospettiva; jitlob li jsiru investimenti biex dawn l-għodod jiġu żviluppati aktar;

15.  Jitlob li jkun hemm ġbir, ġestjoni u tixrid b'mod aktar sistematiku ta' għarfien rilevanti f'formati li jkunu aċċessibbli, prattiċi u operazzjonalment rilevanti għall-persunal fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

16.  Jappella għal aktar bini ta' kapaċità dwar l-analiżi ta' kunflitti sensittivi għall-ġeneru, it-twissija bikrija, ir-rikonċiljazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti għall-persunal intern, il-medjaturi u esperti oħra, kif ukoll għall-partijiet terzi, li jinvolvu ruħhom mas-SEAE u inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Dwar il-Kummissjoni Ewropea

17.  Ifakkar fil-ħtieġa dejjem tikber għall-prevenzjoni tal-kunflitti fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti u fl-ilħuq tal-SDGs, b'enfasi partikolari fuq id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, ir-riforma ġudizzjarja u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-interventi kollha tal-UE f'żoni vjolenti u affettwati minn kunflitti jeħtieġ li jkunu sensittivi għall-kunflitti u għall-ġeneru; jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata biex dawn l-aspetti jiddaħħlu fil-politiki, l-istrateġiji, l-azzjonijiet u l-operazzjonijiet kollha rilevanti, b'enfasi akbar fuq l-evitar li jsir dannu, filwaqt li jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi fuq terminu twil ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' bini tal-paċi;

Dwar il-Parlament Ewropew

19.  Jissottolinja r-rwol tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet u tal-Membri tal-PE ewlenin tiegħu bħala l-korp operattiv għall-koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u djalogu, u jilqa' l-inizjattivi ġodda bħad-Djalogu Jean Monnet għall-paċi u d-demokrazija (bl-użu tad-Dar storika Jean Monnet f'Bazoches, Franza), l-attivitajiet dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, u d-djalogu u l-bini ta' kunsens bejn il-partiti, kif ukoll il-programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ, u jirrakkomanda li dawn għandhom jiġu żviluppati aktar bħala strumenti ewlenin tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-medjazzjoni, il-faċilitazzjoni u d-djalogu; jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet li jibni fuq is-suċċess tal-proċess tad-Djalogu Jean Monnet ma' Sobranie tal-Maċedonja bl-estensjoni tal-metodoloġija tad-Djalogu Jean Monnet fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sħubija mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna fil-qafas tad-Djalogi Jean Monnet, li għandha l-għan li tibni kunsens fost il-fazzjonijiet u l-partiti politiċi fil-Verkhovna Rada u, l-aktar importanti, li tittrasforma l-kultura politika lejn approċċ parlamentari Ewropew modern ibbażat fuq id-djalogu demokratiku u l-bini ta' kunsens;

21.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-ħames Djalogu Jean Monnet, li sar bejn il-11 u t-13 ta' Ottubru 2018 u fejn ittieħdu passi rigward l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jirrikonoxxi t-talba li l-Parlament Ewropew jaħdem mal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw djalogu mal-partijiet interessati ewlenin mill-Verkhovna Rada u l-Gvern tal-Ukrajna dwar it-titjib tal-effikaċja tal-Verkhovna Rada fir-rwol tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

22.  Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tripartitika tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia biex jistabbilixxu assemblea parlamentari reġjonali bħala pjattaforma importanti għad-djalogu reġjonali dwar kwistjonijiet strateġiċi inkluża l-implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u biex jirrispondu għal sfidi għas-sigurtà ewlenin, inklużi gwerra ibrida u diżinformazzjoni; iqis li l-appoġġ tal-Parlament għal dan id-djalogu parlamentari reġjonali huwa sinjal importanti tal-impenn tiegħu fir-reġjun quddiem l-isfidi għas-sigurtà reġjonali komuni;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol dejjem akbar tiegħu fil-proċessi ta' medjazzjoni politika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir u tliet medjaturi tal-Parlament Ewropew, is-Sur Kukan, is-Sur Vajgl u s-Sur Fleckenstein, fl-appoġġ tal-mexxejja tal-partiti fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex tingħeleb il-kriżi politika permezz tal-adozzjoni tal-Ftehim ta' Przino tal-2015; jikkonferma r-rieda tiegħu li jibni fuq dan l-eżempju ta' kooperazzjoni interistituzzjonali mill-qrib mal-Kummissjoni u s-SEAE billi jżid l-impenn tiegħu biex jissaħħu d-djalogi politiċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat usa';

24.  Jappella għal aktar żvilupp tal-programm tal-Mexxejja Politiċi Żgħażagħ fil-kuntest tal-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà, ibbażat fuq ir-Riżoluzzjoni 2250 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll għat-tkomplija tal-kooperazzjoni eċċellenti mal-inizjattiva reġjonali tal-VP/RGħ għall-Mediterran fl-ambitu tal-programm "Young Med Voices";

25.  Iqis li d-Djalogu ta' Livell Għoli taż-Żgħażagħ "Tnaqqis tad-diskrepanzi" jipprovdi spazju għal djalogu fost ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-membri żgħażagħ tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, li huwa importanti fl-appoġġ ta' kultura ta' djalogu bejn il-partiti u rikonċiljazzjoni kif ukoll fit-trawwim tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi fir-reġjun;

26.  Jirrakkomanda li jiġu żviluppati aktar il-programmi eżistenti ta' taħriġ u kkowċjar fl-ambitu parlamentari disponibbli għall-Membri tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari dawk maħtura bħala medjaturi jew Osservaturi Prinċipali, kif ukoll il-programmi ta' taħriġ għall-membri parlamentari, il-partiti politiċi u l-persunal tal-pajjiżi terzi, inklużi dawk dwar l-aspetti tal-ġeneru u taż-żgħażagħ, kif ukoll f'koordinazzjoni mal-istrutturi fl-Istati Membri li żviluppaw għarfien espert f'dan il-qasam;

27.  Iqis li l-kapaċitajiet tal-Parlament jistgħu jiġu żviluppati aktar permezz tal-ħatra ta' Viċi President responsabbli għall-koordinazzjoni tal-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta' djalogu, li jaġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet; jitlob li jinħoloq grupp ta' Membri attwali u ex Membri tal-Parlament Ewropew;

28.  Jissottolinja r-rwol tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kunflitti madwar id-dinja; jitlob żieda fil-flus tal-premju fil-leġiżlatura li jmiss;

29.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Parlament, b'appoġġ għall-isforzi ġenerali tal-UE, jistituzzjonalizza l-proċeduri tiegħu dwar il-medjazzjoni; jitlob li jissaħħu d-diplomazija parlamentari u l-attivitajiet ta' skambju, fosthom permezz tal-ħidma tad-delegazzjonijiet parlamentari;

30.  Jissottolinja l-kooperazzjoni mill-qrib li ilha għaddejja bejn il-Parlament u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE fil-qasam tal-elezzjonijiet u l-appoġġ għad-demokrazija; jitlob l-estensjoni ta' din il-kooperazzjoni fil-qasam tal-medjazzjoni u d-djalogu;

Dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà – it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġeneru fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-medjazzjoni tal-UE

31.  Jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u l-inkorporazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fihom fl-istadji kollha tal-attivitajiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

32.  Jappella għall-implimentazzjoni ta' ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri u għal sforzi partikolari biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni tan-nisa, tal-bniet u taż-żgħażagħ u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom tul iċ-ċiklu ta' kunflitt, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sar-rikostruzzjoni wara l-kunflitt, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

33.  Jitlob li l-eżerċizzji kollha ta' kooperazzjoni, taħriġ u intervent ikunu sensittivi għall-ġeneru; jilqa' l-inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward, kif ukoll il-kontribut attiv tagħha għall-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jmiss, u l-Approċċ Strateġiku l-ġdid tal-UE għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà;

34.  Jitlob l-inklużjoni ta' għarfien espert dwar il-ġeneru, inklużi l-vjolenza abbażi ta' ġeneru u l-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitt, fl-istadji kollha tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-proċess ta' medjazzjoni u l-bini tal-paċi;

35.  Jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà, u l-integrazzjoni tal-prinċipji minquxa fihom fl-attivitajiet tal-UE tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-medjazzjoni;

36.  Jitlob li l-kooperazzjoni, it-taħriġ u l-interventi kollha jkunu sensittivi għall-bżonnijiet u għall-aspirazzjonijiet tan-nisa u l-irġiel żgħażagħ u infurmati minnhom, filwaqt li jitqiesu l-modi differenzjati li bihom il-kunflitti vjolenti jħallu impatt fuq il-ħajja u l-futur tagħhom u l-kontributi siewja li jistgħu jagħtu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti vjolenti;

Dwar it-tisħiħ tar-rwol u tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-approċċ tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni

37.  Iqis li r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jitqies fl-approċċ ġenerali tal-UE u fil-prijoritajiet tagħha għall-bini ta' kapaċità;

38.  Jissottolinja l-importanza ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja u ta' kuntatti bejn il-persuni fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

39.  Jitlob li jsiru konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li huma speċjalizzati fid-drittijiet tan-nisa u fid-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi, meta jiġu stabbiliti u implimentati programmi u politiki tal-UE dwar il-paċi, is-sigurtà u l-medjazzjoni;

Dwar ir-riżorsi finanzjarji u baġitarji disponibbli għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni tal-UE

40.  Huwa tal-fehma li l-isfidi li qed jikbru jitolbu approprjazzjonijiet ogħla għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-provvista ta' persunal iddedikat għall-kapaċità;

41.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji suffiċjenti u allokati għall-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027);

42.  Jistieden lill-VP/RGħ tipprovdi lill-Parlament aġġornament dwar il-linja baġitarja tas-SEAE ddedikata għall-analiżi tal-kunflitti u għas-sensittività għall-kunflitti, għat-twissija bikrija, għall-appoġġ tal-medjazzjoni u għall-prijoritajiet futuri f'dan il-qasam;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni, lill-OSKE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0312.
(3) ĠU L 335, 15.12.2017, p. 6.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali