Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/0030(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0082/2019

Testi mressqa :

A8-0082/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2019)0167

Testi adottati
PDF 181kWORD 56k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
It-tkomplija tal-attivitajiet tal-mobbiltà għat-tagħlim li huma għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ("ir-Renju Unit") mill-Unjoni Ewropea ***I
P8_TA-PROV(2019)0167A8-0082/2019
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tkomplija tal-attivitajiet tal-mobbiltà għat-tagħlim li huma għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ("ir-Renju Unit") mill-Unjoni Ewropea. (COM(2019)0065 – C8-0040/2019 – 2019/0030(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2019)0065),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0040/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta’ Frar 2019(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0082/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta' attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
P8_TC1-COD(2019)0030

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati se jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, jekk dan ma jintlaħaqx, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)  Il-ħruġ iseħħ matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-programm Erasmus+ li fih qed jipparteċipa r-Renju Unit.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) jistabbilixxi u jirregola l-programm Erasmus+. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi regoli għall-kontinwazzjoni tal-impenji legali li diġà ttieħdu, skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, fir-rigward tal-attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin u li jinvolvu lir-Renju Unit, wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

(4)  Mid-data li fiha t-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit, ir-Renju Unit ma jibqax pajjiż fil-programm fis-sens tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013. Sabiex jiġi evitat li l-parteċipanti attwali tal-Erasmus+ jkunu meħtieġa jinterrompu l-attivitajiet tagħhom ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin, jenħtieġ li jiġu adattati r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim għaddejjin taħt il-programm l-Erasmus+.

(5)  Għall-finijiet tal-kontinwazzjoni tal-finanzjament, mill-baġit tal-Unjoni, tal-attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin, jenħtieġ li l-Kummissjoni u r-Renju Unit jiftiehmu biex jippermettu l-eżerċizzju tal-kontrolli u tal-awditjar ta’ dawk l-attivitajiet. Jekk ma jkunux jistgħu jsiru l-kontrolli u l-awditjar meħtieġa, dan jenħtieġ li jitqies bħala defiċjenza serja fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

(6)  Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin, li jinvolvu lir-Renju Unit u li jkunu bdew l-aktar tard fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(7)  Fid-dawl tal-fatt li, fin-nuqqas ta' ftehim ta' ħruġ jew ta' estensjoni tal-perjodu ta' sentejn wara n-notifika tar-Renju Unit, it-Trattati ma jibqgħux, mit-30 ta' Marzu 2019 'il quddiem, japplikaw għar-Renju Unit u minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata, qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin taħt il-programm Erasmus+, tqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(8)   Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta' attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim, kif imsemmija fl-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, li jsiru fir-Renju Unit jew li jinvolvu entitajiet jew parteċipanti mir-Renju Unit u li jkunu bdew l-aktar tard fid-data li fiha jieqfu japplikaw it-Trattati għar-Renju Unit.

Artikolu 2

Eliġibbiltà

1.  L-attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikomplu jkunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.  Għall-iskop tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 u l-atti li jimplimentaw dak ir-Regolament li huma meħtieġa biex jagħtu effett lill-paragrafu 1, ir-Renju Unit għandu jiġi trattat bħala Stat Membru, soġġett għal dan ir-Regolament.

Madankollu, ir-rappreżentanti tar-Renju Unit ma għandhomx jipparteċipaw fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

Artikolu 3

Kontrolli u awditjar

L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kontrolli u l-awditjar tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim imsemmijin fl-Artikolu 1 għandha tiġi miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit. Il-kontrolli u l-awditjar għandhom ikopru l-perjodu kollu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim u s-segwitu relatat.

Jekk il-kontrolli u l-awditjar tal-programm Erasmus+ meħtieġa ma jkunux jistgħu jitwettqu fir-Renju Unit, dan għandu jikkostitwixxi defiċjenza serja fil-konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-impenn legali bejn il-Kummissjoni u l-aġenzija nazzjonali tar-Renju Unit.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk ftehim ta’ ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)Opinjoni tal-20 ta’ Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019.
(3)Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali