Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/0302M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0058/2019

Testi mressqa :

A8-0058/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 21
CRE 12/03/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0170

Testi adottati
PDF 203kWORD 69k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Ftehim ta' Kooperazzjoni UE/Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (riżoluzzjoni)
P8_TA(2019)0170A8-0058/2019

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (15093/2016 – C8-0107/2018 – 2015/0302M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15093/2016),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra(1), iffirmat fit-18 ta' Frar 2017 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini,

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill fis-6 ta' Frar 2018 skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 207, 209, 218(6)(a), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C8-0107/2018),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni proviżorja tal-partijiet tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp (CAPD) taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE mill-1 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu relatati mal-Afganistan, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar strateġija ġdida għall-Afganistan(4), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan(5), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE(6), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(7), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-qtil fil-provinċja ta' Zabul(8), tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali(9), tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE(10), tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja(11), tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018 u tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2017 dwar Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan (JOIN(2017)0031),

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Afganistan, fi ħdan l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Pajjiż għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili fl-Afganistan  2018-2020,

—  wara li kkunsidra l-għeluq tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL Afganistan) fl-2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Settembru 2018 bit-titlu "is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali",

—  wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE, tat-2 ta' Ottubru 2016,

—  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2210 (2015) u 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spustati internament dwar il-missjoni tiegħu fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra t-talba tal-Kap Prosekutur tal-QKI Fatou Bensouda tat-3 ta' Novembru 2017 biex tinbeda investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu fl-Afganistan mill-1 ta' Mejju 2003,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali ta' Ġinevra dwar l-Afganistan tas-27-28 ta' Novembru 2018,

—  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016, kopreseduta mill-Unjoni Ewropea, u l-impenji reċiproċi fil-konferenzi internazzjonali dwar l-Afganistan li saru f'Bonn fil-5 ta' Diċembru 2011, f'Tokyo fit-8 ta' Lulju 2012, u f'Londra fl-4 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Tashkent dwar l-Afganistan tas-26-27 ta' Marzu 2018,

—  wara li kkunsidra l-proċess "Heart of Asia" imniedi f'Istanbul fit-2 ta' Novembru 2011,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kabul tat-22 ta' Diċembru 2002 dwar relazzjonijiet tajba ta' viċinat,

–  wara li kkunsidra l-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF) (2003-2014) b'mandat tan-NU u mmexxija min-NATO u l-konklużjonijiet tas-summit tan-NATO li sar fi Brussell fl-24 u l-25 ta' Mejju 2017, fir-rigward tat-tkomplija tal-missjoni ta' taħriġ, konsulenza u l-missjoni ta' assistenza għal Appoġġ Determinat (mill-2014 sal-lum),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rispons Umanitarju Afgan 2018-2021,

–  wara li kkunsidra l-Qafas għall-Awtonomija permezz ta' Responsabbiltà Reċiproka, maqbul fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-4-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0058/2019),

A.  billi fl-10 ta' Novembru 2011, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja CAPD bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan(13); billi l-CAPD ġie applikat b'mod proviżorju u parzjali mill-1 ta' Diċembru 2017, qabel ma l-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu;

B.  billi fit-13 ta' Jannar 2016, il-VP/RGħ u l-Kummissjoni ppreżentaw lill-Kunsill il-Proposta Konġunta għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-CAPD, bħala ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan ("UE-biss");

C.  billi filwaqt li qablu mas-sustanza tal-CAPD, l-Istati Membri esprimew preferenza għal ftehim "imħallat" b'applikazzjoni proviżorja, u għalhekk talbu lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jirrevedu l-proposti skont dan sabiex iqisu l-applikazzjoni mħallta u proviżorja;

D.  billi l-CAPD ġie ffirmat fit-18 ta' Frar 2017;

E.  billi l-CAPD se jifforma l-bażi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afganistan għall-10 snin li ġejjin u jista' jiġi estiż awtomatikament għal perjodi ta' ħames snin;

F.  billi l-Parlament kien parzjalment informat, iżda mhux kompletament, matul in-negozjati; billi l-Parlament irċieva d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biss fis-16 ta' Marzu 2018, minflok f'Novembru 2011 meta l-Parlament ġie infurmat dwar id-deċiżjoni biex jinfetħu n-negozjati;

G.  billi dan il-qafas legali jibni fuq l-Istrateġija attwali tal-UE dwar l-Afganistan kif ukoll fuq l-għajnuna finanzjarja esterna estensiva tal-UE;

H.  billi l-CAPD se jkun l-ewwel relazzjoni kuntrattwali bejn l-UE u l-Afganistan, li jikkonferma l-impenn tal-UE lejn l-iżvilupp futur tal-Afganistan matul l-"għaxar snin ta' trasformazzjoni" (2014-2024), filwaqt li jsaħħaħ ir-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ partijiet;

I.  billi l-CAPD jirrifletti l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li fuqhom se tkun ibbażata s-sħubija futura bejn l-UE u l-Afganistan (Titoli I u II), inklużi l-klawsoli ta' elementi essenzjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nonproliferazzjoni tal-arma ta' qerda massiva (AQM); billi l-CAPD jipprovdi għall-possibbiltà ta' kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inkluż l-iżvilupp (Titolu III), il-kummerċ u l-investiment (Titolu IV), il-ġustizzja u l-istat tad-dritt (Titolu V), inkluża l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra d-droga, il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u ftehim ta' riammissjoni potenzjali fil-ġejjieni, u l-kooperazzjoni settorjali (Titolu VI);

J.  billi l-CAPD se jippermetti wkoll lill-UE u l-Afganistan biex flimkien jindirizzaw sfidi globali bħas-sigurtà nukleari, in-nonproliferazzjoni u t-tibdil fil-klima;

K.  billi l-Afganistan jinsab f'punt kruċjali, li jfisser li jekk ma jittieħdux aktar sforzi, f'dak il-każ hemm ir-riskju li l-isforzi, il-progress u s-sagrifiċċji kollha li saru s'issa għall-iżvilupp tal-Afganistan jintilfu;

L.  billi t-tfaċċar tat-theddida terroristika mill-grupp marbut mad-Daesh magħruf bħala l-Provinċja ta' Khorasan tal-Istat Iżlamiku (IS-KP) ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għal aktar degradazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà; billi f'Mejju 2018 il-Gvern Afgan kellu kontroll ta' 56 % tad-distretti tal-Afganistan u 56 % tat-territorju, li fih 65 % tal-popolazzjoni, bi 32 % tad-distretti kkontestati u 12 % taħt il-kontroll tar-ribelli(14) (15);

M.  billi sa mill-2002, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kollettivament kienu l-akbar donatur internazzjonali għall-Afganistan u l-poplu tiegħu, u pprovdew aktar minn EUR 3,66 biljun għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; billi skont il-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Afganistan, fond ta' żvilupp ġdid ta' EUR 1,4 biljun huwa allokat għall-perjodu 2014-2020; billi l-PDG tal-Afganistan bħalissa huwa ta' USD 20 biljun u r-rata ta' tkabbir tiegħu naqset mill-2014; u billi l-ekonomija Afgana għadha qed tiffaċċja għadd ta' sfidi bħalma huma l-korruzzjoni, il-ġbir ta' dħul baxx, infrastruttura dgħajfa u ħolqien anemiku ta' impjiegi;

N.  billi mill-2001, ħafna Stati Membri tal-UE, sħab tan-NATO u pajjiżi alleati kkontribwixxew għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan b'riżorsi militari u ċivili, u sofrew bosta danni u telf kbir; billi Afganistan stabbli u indipendenti li jista' jipprovdi għalih innifsu u jiċħad rifuġju sikur lil gruppi terroristiċi għadu fl-interessi vitali tas-sigurtà tan-NATO, tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-Istati Membri tal-UE għad għandhom aktar minn 3 000 membru tal-persunal militari fl-Afganistan li jipparteċipaw fil-missjoni ta' Appoġġ Determinat tan-NATO;

O.  billi hemm 2,5 miljun rifuġjat irreġistrat, u bejn 2 u 3 miljun Afgan bla dokumenti fl-Iran u l-Pakistan; billi hemm aktar minn 2 miljun persuna spostati internament fl-Afganistan, li aktar minn 300 000 minnhom ġew spostati fl-2018; billi ħafna minn dawn l-individwi jsofru minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, kenn mhux adegwat, aċċess insuffiċjenti għal faċilitajiet sanitarji u tas-saħħa u nuqqas ta' protezzjoni, u billi ħafna minnhom huma tfal ikklassifikati bħala partikolarment vulnerabbli għar-riskju ta' tħaddim tat-tfal, abbuż sesswali jew reklutaġġ potenzjali għal gruppi kriminali; billi aktar minn 450 000 persuna Afgana rritornaw lejn l-Afganistan jew ġew deportati mill-Iran mill-bidu tal-2018; billi l-Gvern tal-Pakistan ħabbar li il-1,7 miljun rifuġjat Afgan irreġistrati fil-pajjiż jeħtieġ li jiġu rritornati bil-forza lejn l-Afganistan;

P.  billi, skont in-NU, il-korruzzjoni fl-Afganistan timmina l-leġittimità tal-istat, u dan joħloq theddida serja għall-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli billi jipprevjeni "ekonomija reali milli tiżviluppa";

Q.  billi l-Afganistan huwa pajjiż li għandu dħul baxx, għadda minn kunflitt u m'għandux kosta, li jirrappreżenta sfidi speċjali għall-komunità internazzjonali u l-istituzzjonijiet tagħha;

R.  billi skont l-Indiċi tal-Adattament Globali, l-Afganistan huwa wieħed mill-aktar pajjiżi vulnerabbli fid-dinja għat-tibdil fil-klima;

S.  billi qed jinħolqu theddidiet u kriżijiet internazzjonali ġodda, li qed iwasslu biex il-pubbliku jitlef il-fokus, l-appoġġ, u t-tħassib dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan;

T.  billi madwar 87 % tan-nisa Afgani huma vittmi ta' vjolenza relatata mal-ġeneru; billi l-Afganistan jinsab fil-153 post minn 160 pajjiż fl-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU tal-2017;

U.  billi fl-2017, il-kultivazzjoni tal-oppju fl-Afganistan laħqet rekord għoli, b'żieda ta' 63 % meta mqabbel mal-2016; billi t-traffikar illeċitu ta' opjati jkompli joħloq instabbiltà u ribelljoni u jżid il-finanzjament għall-gruppi terroristiċi fl-Afganistan;

V.  billi għall-ewwel darba l-baġit Afgan tal-2018 huwa konformi mal-istandards internazzjonali għall-projezzjonijiet u l-kontabbiltà;

W.  billi l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan intemmet fl-2016 wara disa' snin ta' progress;

Aspetti politiko-strateġiċi

1.  Jibqa' impenjat li jappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jibni futur sikur u stabbli għall-poplu tal-Afganistan billi jwettaq riformi ewlenin sabiex itejjeb il-governanza u l-istat tad-dritt, jiġġieled it-terroriżmu u l-estremiżmu, jikseb il-paċi u l-iżvilupp sostenibbli, jibni istituzzjonijiet leġittimi u demokratiċi, irawwem ir-reżiljenza fid-dawl tal-isfidi tas-sigurtà nazzjonali u reġjonali, jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, il-minoranzi etniċi u reliġjużi, jiġġieled il-korruzzjoni, jiġġieled id-droga, itejjeb is-sostenibbiltà fiskali u jrawwem tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli u l-iżvilupp soċjali u rurali, jipprovdi liż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw żewġ terzi tal-popolazzjoni, b'futur aħjar; jenfasizza li hija meħtieġa riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fl-Afganistan u li l-isforzi kollha għandhom jiġu diretti lejn dak l-objettiv l-aktar urġenti;

2.  Jenfasizza li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi fuq ir-responsabbiltà, il-governanza tajba, il-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol, l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi; jenfasizza l-ħtieġa li l-affarijiet jitmexxew b'mod li jiżgura tkabbir ekonomiku inklużiv u kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment barrani sostenibbli li jkun ta' benefiċċju għall-poplu tal-Afganistan, b'rispett sħiħ għall-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-fraġilità u l-instabbiltà tal-gvern ċentrali u n-nuqqas ta' kontroll li jeżerċita fil-biċċa l-kbira tal-pajjiż, qagħda li tiggrava l-impatt tal-kunflitt fuq il-popolazzjoni ċivili; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jiffaċilitaw il-medjazzjoni f'każijiet bħal kwistjonijiet postelettorali mhux solvuti;

4.  Jistieden lill-UE tgħin fl-isforzi kontra t-tendenza fit-tul ta' tensjonijiet interetniċi li jikkontribwixxu għad-diżintegrazzjoni tal-poter ċentrali u għall-appoġġ tan-nisġa multietnika tas-soċjetà Afgana;

5.  Jenfasizza l-appoġġ fit-tul tiegħu għal elezzjonijiet kredibbli, ħielsa, ġusti u trasparenti, f'konformità mal-istandards internazzjonali, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-osservazzjoni elettorali tal-UE fil-pajjiż, inkluża l-osservazzjoni tal-elezzjoni presidenzjali tal-2019; jenfasizza li minħabba rivalitajiet politiċi kroniċi r-riżultat ta' dawn l-elezzjonijiet se jkollu impatt tremend fuq l-istabbiltà futura tal-Gvern Afgan;

6.  Jenfasizza l-potenzjal ekonomiku kbir tal-pajjiż minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u r-riżorsi umani u naturali tiegħu;

7.  Jenfasizza l-appoġġ finanzjarju u politiku sostanzjali tal-UE għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Afganistan, l-għajnuna umanitarja u l-konnettività reġjonali; iħeġġeġ aktar sforzi lejn programmazzjoni konġunta bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

8.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni politika bejn l-UE u l-Istati Uniti u djalogu dwar l-Afganistan u kwistjonijiet reġjonali;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Konġunta adottata fil-Konferenza Ministerjali ta' Ġinevra, ospitata min-NU, dwar l-Afganistan tas-27-28 ta' Novembru 2018, bil-ħsieb tal-impenji li saru fil-Konferenza ta' Brussell tal-2016 dwar l-Afganistan;

Ir-rwol u r-responsabbiltà tal-atturi reġjonali

10.  Ifakkar li l-Afganistan huwa pajjiż mingħajr kosta li jinsab bejn l-Asja u l-Lvant Nofsani u jirrikonoxxi li appoġġ u kooperazzjoni pożittiva minn pajjiżi ġirien u setgħat reġjonali, b'mod partikolari ċ-Ċina, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan, huma essenzjali għall-istabilizzazzjoni, l-iżvilupp u l-vijabbiltà ekonomika tal-Afganistan; jiddispjaċih li Afganistan stabbli u li jirnexxi mhux dejjem l-għan aħħari ta' dawn l-atturi reġjonali u jenfasizza r-rwol kruċjali ta' dawn il-pajjiżi fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u paċi; jitlob lill-pajjiżi ġirien biex fil-futur iżommu lura milli jimblukkaw l-esportazzjonijiet Afgani, kif ġara fil-passat;

11.  Jenfasizza li l-mobbiltà u l-attività kontinwa ta' netwerks terroristiċi li joperaw fl-Afganistan, kif ukoll fil-Pakistan, jikkontribwixxu għall-instabbiltà tas-sitwazzjoni fir-reġjun kollu;

12.  Jenfasizza li l-Afganistan huwa ta' spiss soġġett għall-objettivi antagonistiċi ta' setgħat reġjonali; Iħeġġiġhom jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi favur il-paċi fl-Afganistan; jappoġġja forums ta' kooperazzjoni reġjonali, madankollu jinsab imħasseb dwar l-involviment parallel bi prokura ta' xi wħud mill-ġirien tal-Afganistan fil-kunflitt, li jdgħajjef l-isforzi favur il-paċi; jistieden lil dawn il-ġirien biex joqogħdu lura milli jinvolvu indikaturi fir-rivalitajiet tagħhom fl-Afganistan u jħeġġeġ kemm lill-ġirien kif ukoll lis-setgħat reġjonali jikkooperaw bis-sħiħ sabiex tinkiseb paċi dejjiema u sostenibbli fl-Afganistan;

13.  Iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha fid-djalogu u l-kooperazzjoni mas-sħab reġjonali biex jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin;

14.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-infrastruttura u l-iżvilupp reġjonali fl-Afganistan fit-titjib tal-kummerċ u l-konnettività bejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar, u bħala fattur ta' stabbilizzazzjoni fir-reġjun;

15.  Jistieden lill-UE tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni UE-Afganistan fl-istrateġiji tagħha għall-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar;

Is-sigurtà u l-bini tal-paċi

16.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan u l-gwadanji territorjali kontinwi tal-militanti tat-Taliban u l-gruppi terroristiċi varji, bħall-IS-KP, qagħda li tidher msaħħa ħafna bil-preżenza ta' ġellieda barranin; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kommessi minnhom kontra ċ-ċivili, il-forzi tas-sigurtà, l-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili Afgani; itenni l-impenn sħiħ tiegħu li jiġġieled kull forma ta' terroriżmu u jagħti ġieħ lill-forzi ta' koalizzjoni u Afgani kollha u liċ-ċivili li ħallsu l-ogħla prezz għal Afganistan demokratiku, inklużiv, għani, sigur u stabbli; jinnota li aktar minn nofs l-attakki kontra l-gvern fl-2018 ġew attribwiti lill-IS-KP, li għandhom l-għan li jfixklu u jxekklu l-proċess ta' rikonċiljazzjoni u paċi; jinnota bi tħassib li l-organizzazzjonijiet ġiħadisti attwali, IS-KP, Al Qaeda u d-diversi sussidjarji tagħhom, irnexxielhom jadattaw u jrabbu l-għeruq, sitwazzjoni li tirrappreżenta sfida kbira għas-sigurtà fl-Afganistan, fir-reġjun u fl-Ewropa;

17.  Jenfasizza l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni mmexxi mill-Afgani u bi sjieda Afgana, inkluża l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi miftiehem ma' Hezb-e-Islami; jinsab lest li jikkontribwixxi għal dan bl-istrumenti xierqa kollha tal-UE hekk kif ikun hemm proċess ta' paċi sinifikanti; jistieden lit-Talibani jiddenunzjaw il-vjolenza, jingħaqdu mal-proċess ta' paċi u jaċċettaw il-Kostituzzjoni Afgana; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-offerta ta' paċi komprensiva lit-Taliban magħmula ripetutament mill-gvern; jistieden lis-soċjetà ċivili tkun involuta bis-sħiħ f'dawn it-taħditiet; jirrikonoxxi li jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-preżenza tas-sigurtà internazzjonali u kkombinata fit-tul sabiex il-forzi tas-sigurtà Afgani jiġu assistiti biex jistabilizzaw il-pajjiż u jiġi evitat li jerġa' jsir rifuġju sikur għal gruppi terroristiċi u sors ta' instabbiltà reġjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali;

18.  Jilqa' l-ewwel perjodu ta' waqfien mill-ġlied mill-2001 'l hawn, Eid al-Fitr, li wera xewqa mifruxa għall-paċi fost l-Afgani; jistieden lit-Talibani jaderixxu mas-sejħiet tal-President Afgan għal perjodu ta' waqfien mill-ġlied ġdid;

19.  Jenfasizza li erba' deċennji ta' gwerra u kunflitt, li bdew bl-invażjoni Sovjetika tal-Afganistan fl-1979, wasslu għal ħafna mill-problemi mhux riżolti li l-Afganistan qed iħabbat wiċċu magħhom illum; f'dan ir-rigward jirrikonoxxi r-rwol taż-żgħażagħ u tad-dijaspora Afgana fil-proċess tal-bini ta' futur aktar sikur u aħjar għall-pajjiż; jistieden lill-UE tappoġġa l-ġustizzja tranżitorja għall-vittmi tal-vjolenza;

20.  Jinnota li wara l-għeluq tal-Missjoni ta' Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni EUPOL Afganistan f'Diċembru 2016, li pprovdiet taħriġ u pariri speċjalizzati lill-Pulizija Nazzjonali Afgana u lill-Ministeru tal-Intern, l-Unjoni kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-pulizija Afgana permezz tal-istrumenti esterni tal-UE, bħall-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), li jiffinanzja wkoll azzjonijiet ta' rikonċiljazzjoni;

21.  Jinnota li l-missjoni tal-ISAF irnexxielha tibni l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani mill-bidu nett f'forza kapaċi ta' 352 000 suldat u uffiċjal tal-pulizija b'infanterija, pulizija militari, intelligence, awtorizzazzjoni tar-rotot, appoġġ għall-ġlied, kapaċitajiet mediċi, tal-avjazzjoni u loġistiċi, u b'hekk tiġi miġġielda l-influwenza tar-ribelli fil-pajjiż;

22.  Jinnota li l-ISAF ħolqot ambjent sikur biex ittejjeb il-governanza u l-iżvilupp ekonomiku, li wassal għall-akbar persentaġġ ta' titjib ta' kwalunkwe pajjiż f'termini ta' indikaturi bażiċi tas-saħħa u l-iżvilupp; jinnota li s-suċċess tal-ISAF wassal ukoll għall-ħolqien ta' midja vibranti u li miljuni ta' Afgani issa jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw;

23.  Jinkoraġġixxi aktar il-missjoni ta' Appoġġ Determinat tan-NATO biex tkompli t-taħriġ u s-sorveljanza tal-armata Afgana; iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili lill-gvernijiet nazzjonali u lokali tal-Afganistan;

24.  Iħeġġeġ lin-NATO u lill-UE jaħdmu flimkien biex jiġbru intelligence dwar gruppi ribelli li jheddu lill-Afganistan u flimkien jikkoordinaw rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-forzi tas-sigurtà Afgani;

25.  Jiddispjaċih ħafna li l-gruppi ribelli Talibani u oħrajn jużaw il-preżenza tal-UE u tal-komunità internazzjonali fl-Afganistan, u l-iżviluppi li kisbu, għal skopijiet ta' propaganda, biex jippromwovu d-diskors li okkupanti barranin qed jimpedixxu lill-pajjiż u l-istil ta' ħajja Afgana; iħeġġeġ lill-UE u lill-Gvern Afgan jiġġieldu kontra din il-propaganda;

26.  Jenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu hija kruċjali għall-ħolqien ta' ambjent li jwassal għas-sigurtà fl-Afganistan; iħeġġeġ lis-sħab rilevanti kollha jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iżarmaw in-netwerks kollha ta' finanzjament tat-terroriżmu, inkluż it-tmiem tal-użu ħażin ta' netwerks ta' hawala u ta' donazzjonijiet internazzjonali għal dan il-għan, sabiex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u l-għodod ta' reklutaġġ fuq liema l-organizzazzjonijiet terroristiċi Afgani għadhom iserħu;

27.  Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ideoloġiji estremisti jkunu fost l-ogħla prijoritajiet tiegħu;

28.  Jappoġġa l-Programm ta' Paċi u Riintegrazzjoni tal-Afganistan, li jintegra mill-ġdid membri tat-Taliban li jċedu u jirrinunzjaw il-vjolenza lura fis-soċjetà; ifaħħar lir-Renju Unit talli diġà kkontribwixxa aktar minn GBP 9 miljun;

29.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jimplimenta bis-sħiħ ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u biex jiżgura l-parteċipazzjoni, il-protezzjoni u d-drittijiet tan-nisa tul iċ-ċiklu ta' kunflitt, mill-prevenzjoni ta' kunflitti sar-rikostruzzjoni wara l-kunflitt;

30.  Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jiżviluppa kontromiżuri kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tipprovdi appoġġ operattiv, tekniku u finanzjarju għall-bini ta' kapaċità CBRN;

31.  Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan isaħħaħ is-sistemi ta' kontroll domestiku tiegħu biex jiġġieled iċ-ċirkolazzjoni mifruxa ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) f'konformità mal-istandards internazzjonali eżistenti;

Il-bini tal-Istat

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern tal-Afganistan u l-komunità internazzjonali jintensifikaw l-isforzi biex jeqirdu l-korruzzjoni fil-pajjiż, kif ukoll li jsaħħu l-istituzzjonijiet reattivi u inklużivi u jtejbu l-governanza lokali bħala passi kritiċi fil-bini ta' stat leġittimu u stabbli li hu kapaċi jipprevjeni l-kunflitt u r-ribelljoni; jistieden lill-Gvern Afgan isaħħaħ il-kapaċità nazzjonali biex jirkupra l-assi misruqa permezz ta' programmi bħal Inizjattiva ta' Rkupru tal-Assi Misruqa mmexxija mill-Grupp tal-Bank Dinji u l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC);

33.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan iżid l-inklużività politika, isaħħaħ ir-responsabbiltà u jiġġieled b'mod attiv il-korruzzjoni;

34.  Jenfasizza li d-distakk bejn il-gvernijiet nazzjonali u lokali tal-Afganistan jeħtieġ li jitnaqqas; jirrikonoxxi li din il-problema tista' potenzjalment tittaffa jekk il-Gvern Afgan jinforza l-istatut li jirrikjedi li l-gvernaturi reġjonali jkunu preżenti fit-territorji li jirrappreżentaw;

35.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-fondi tal-UE jiġu investiti fi proġetti li jgħinu lill-popolazzjoni Afgana u li jingħata appoġġ adegwat lill-muniċipalitajiet fil-forniment tagħhom ta' servizzi essenzjali u fil-bini tal-governanza lokali, sabiex jiġu żgurati standards ta' għajxien bażiċi għall-popolazzjoni, biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-muniċipalitajiet lokali sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet ta' investiment, jissaħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, jiġi pprijoritizzat il-finanzjament għal proġetti li jappoġġaw atturi li jippromwovu r-responsabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi u li jrawmu mekkaniżmi ta' djalogu u ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti li huma inkorporati lokalment;

36.  Jitlob li l-UE tkompli bil-pjan tagħha ta' tneħħija gradwali wara l-għeluq tal-missjoni EUPOL, li jinkludi l-iżgurar ta' tranżizzjoni sostenibbli tal-attivitajiet lejn is-sħab lokali u internazzjonali tal-EUPOL; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-Pulizija Nazzjonali Afgana f'forza professjonali għas-sikurezza u s-sigurtà, isaħħu l-istituzzjonijiet kollha tal-infurzar tal-liġi, b'enfasi partikolari fuq l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, il-pulizija u fuq it-titjib tal-istat tal-ħabsijiet Afgani, filwaqt li jiġu rrispettari d-drittijiet tal-ħabsin;

37.  Jiddispjaċih li l-kampanji ta' ġlieda kontra d-droga fl-Afganistan mhux qed jirnexxu u li ma sarux biżżejjed sforzi mmirati lejn il-laboratorji tad-droga tat-Taliban u n-netwerks tal-kriminalità organizzata internazzjonali, li jinsabu fil-qalba tat-traffikar tad-drogi u jipprovdu finanzjament għat-Taliban u l-operazzjonijiet terroristiċi; jappoġġja u japprova l-istrateġija l-ġdida tal-Gvern tal-Afganistan għall-ġlieda kontra d-drogi, appoġġjata mill-UNODC; huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-kultivazzjoni tal-oppju fl-Afganistan(16) u jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jistabbilixxi politiki mmirati biex ireġġgħu lura din it-tendenza; jinnota li huwa kruċjali li jiġu ġġenerati alternattivi tanġibbli u sostenibbli għall-produzzjoni tal-pepprin u li dawn isiru disponibbli għall-produtturi;

38.  Jenfasizza li s-sorsi ewlenin tad-dħul tat-Taliban huma l-estrazzjoni illegali u l-produzzjoni tal-oppju; jinnota li bħalissa huwa stmat li t-Talibani jdaħħlu EUR 200-300 miljun fis-sena minn attivitajiet ta' estrazzjoni illegali;

39.  Jitlob żieda fil-kontrolli u bilanċi xierqa u żieda fit-trasparenza sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-ġestjoni finanzjarja, kif ukoll il-prevenzjoni ta' kwalunkwe użu ħażin ta' għajnuna barranija jew ta' żvilupp, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna;

40.  Jilqa' l-fatt li l-UE ffirmat Kuntratt għall-Bini tal-Istat (SBC) mal-Afganistan fl-2016, b'allokazzjoni ta' EUR 200 miljun fuq perjodu ta' sentejn f'appoġġ baġitarju sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-gvern u jiżdiedu r-riżorsi għall-prijoritajiet ta' żvilupp bħalma huma l-ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li r-riżorsi jridu jintużaw b'mod;

41.  Jinnota li l-SBC huwa ispirat minn rieżami ġenerali pożittiv tal-progress li sar mill-Afganistan dwar oqsma ewlenin ta' riforma; jirrikonoxxi l-importanza tat-tfassil tal-għanijiet li l-SBC ippreżenta u l-kundizzjonijiet għall-finanzjament; ikompli jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza u tal-monitoraġġ sistematiku biex jiġi evitat l-użu ħażin; jenfasizza l-importanza li l-Gvern Afgan jiffoka fuq l-iżvilupp u l-istabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-SBC u jenfasizza li s-sejbiet tiegħu f'dan ir-rigward jenħtieġ li jintużaw biex tiġi ppreparata l-kontinwazzjoni tal-operazzjoni ta' appoġġ baġitarju għall-perjodu 2018-2021;

Soċjetà ċivili u drittijiet tal-bniedem

42.  Jilqa' l-fatt li l-CAPD UE-Afganistan jenfasizza d-djalogu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi u reliġjużi sabiex jiġi żgurat l-aċċess għar-riżorsi u jiġi appoġġjat l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż billi jiġu impjegati aktar nisa fl-istrutturi governattivi tal-Afganistan, kif ukoll fis-sistema ta' sigurtà u dik ġudizzjarja; jistieden lill-Afganistan jaħdem lejn l-eradikazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar sforz fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-CAPD iddikjarati fit-Titoli I u II;

43.  Jinsisti li l-UE żżomm pożizzjoni soda dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza li l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi, u l-istat tad-dritt huma elementi essenzjali tal-Ftehim; jinsisti li l-UE tieħu miżuri speċifiċi jekk il-Gvern tal-Afganistan jikser elementi essenzjali tal-Ftehim;

44.  Ifakkar li l-UE hija partikolarment iffukata fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tan-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà l-persuni li jgħixu fil-faqar, u li dawn il-gruppi għandhom bżonn speċjali ta' assistenza, inkluż fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni;

45.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni prominenti ħafna mogħtija lill-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki relatati fil-Ftehim, u l-fokus qawwi tiegħu fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, permezz tal-isforzi tagħha għall-iżvilupp, filwaqt li żżomm f'moħħha li t-tibdil fl-attitudnijiet tas-soċjetà lejn ir-rwol soċjoekonomiku tan-nisa jappella għal miżuri korrispondenti fis-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u r-riforma tal-qafas regolatorju;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-protezzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi li huma mhedda jew li qed jiġu attakkati; jinnota li l-grupp etniku Shiite Hazara huwa mmirat aktar ta' spiss minn gruppi oħra u għalhekk jistħoqqlu attenzjoni partikolari;

47.  Jitlob it-tisħiħ u l-appoġġ ta' istituzzjonijiet nazzjonali u sottonazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-dinja akkademika; iħeġġeġ lill-kontropartijiet internazzjonali jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib u involviment ma' dawn is-sħab Afgani;

48.  Jappoġġja l-isforzi tal-QKI biex tiżgura r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu minn Mejju 2003;

49.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' attakki aktar vjolenti u deliberati fuq faċilitajiet tas-saħħa u ħaddiema tas-saħħa u l-immirar tal-infrastruttura ċivili; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, biex jipprevjenu attakki kontra persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili;

50.  Jistieden lill-Gvern Afgan jintroduċi moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha;

L-Iżvilupp u l-kummerċ

51.  Jirrikonoxxi li l-għan aħħari tal-għajnuna tal-UE lill-Afganistan huwa li jgħin lill-gvern u lill-ekonomija tal-pajjiż jeqirdu l-faqar u jiżviluppaw fi stat ta' indipendenza u tkabbir bi żvilupp intern u kooperazzjoni reġjonali permezz ta' kummerċ estern u investiment pubbliku sostenibbli, sabiex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq l-għajnuna barranija, billi ssir kontribuzzjoni għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-Afganistan;

52.  Jinnota li l-Afganistan huwa wieħed mill-akbar benefiċjarji tal-għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja u li l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw EUR 3,6 biljun f'għajnuna lill-pajjiż bejn l-2002 u l-2016; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proporzjon ta' Afgani li jgħixu fil-faqar żdied minn 38 % (2012) għal 55 % (2017) u jenfasizza l-fatt li l-pajjiż irreġistra tkabbir bil-mod mill-2014 bl-użu tal-forzi tas-sigurtà internazzjonali, it-tnaqqis riżultanti f'għotjiet internazzjonali u sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tmur għall-agħar;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata r-rata għolja ta' qgħad u l-ġlieda kontra l-faqar sabiex issir ħidma favur il-kisba tal-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż;

54.  Jenfasizza li aktar opportunitajiet ta' xogħol minbarra l-biedja u impjiegi mal-gvern huma meħtieġa sabiex jiġi evitat li l-irġiel żgħażagħ jiġu reklutati mit-Taliban u netwerks oħra ta' ribelli;

55.  Jilqa' l-Qafas Nazzjonali għall-Paċi u l-Iżvilupp fl-Afganistan (ANPDF) tal-2016 u l-Qafas ta' Awtodipendenza permezz tal-Qafas ta' Responsabbiltà Reċiproka (SMAF) adottat mill-Gvern Afgan; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw, permezz tal-CAPD, prijoritajiet ta' żvilupp li jappartjenu lill-Afgani f'konformità mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp;

56.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jevalwaw il-miżuri kollha tal-UE fl-Afganistan fuq bażi regolari billi jużaw indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi espliċiti, speċjalment fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp, il-governanza tajba inkluż is-settur tal-ġustizzja, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà; f'dan il-kuntest jistieden ukoll li ssir evalwazzjoni tal-impatt relattiv tal-miżuri tal-UE fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż u tal-livell ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-atturi tal-UE u missjonijiet u miżuri internazzjonali oħra, biex is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ppubblikati u rrappurtati lill-Parlament;

57.  Jiddispjaċih li minkejja l-għotjiet sinifikanti ta' għajnuna esterna, l-impatt kien limitat; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tfassal rapport speċjali dwar l-effikaċja tal-assistenza tal-UE lill-Afganistan matul l-aħħar għaxar snin;

58.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lil aġenziji internazzjonali oħrajn involuti fl-iżvilupp tal-Afganistan jaħdmu mal-midja Afgana biex jiżguraw il-komunikazzjoni strateġika tal-isforzi għall-iżvilupp, is-sorsi, l-għanijiet u l-impatti tagħhom, lill-poplu Afgan;

59.  Ifakkar li attwalment hemm nuqqas ta' esperti ċivili fl-Afganistan; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimpjegaw u jħarrġu b'mod xieraq esperti ċivili f'oqsma ewlenin kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u għall-ġlieda kontra d-droga biex tingħata assistenza u taħriġ lill-uffiċjali u lin-nies lokali Afgani;

60.  Jissottolinja l-ħtieġa li s-sistema ta' edukazzjoni tal-Afganistan tiġi appoġġata biex jiżdied in-numru ta' tfal li jsegwu l-klassijiet tal-iskola fil-livelli kollha;

61.  Jilqa' l-fatt li r-reġistrazzjoni fl-iskejjel żdiedet b'għaxar darbiet mill-2001, u l-bniet jammontaw għal 39 % tal-istudenti;

62.  Iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u jappella għall-użu sħiħ ta' programmi bħal Erasmus+ u Orizzont 2020 biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, id-dinja akkademika, is-setturi tar-riċerka u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

63.  Jappoġġja l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-Fond Fiduċjarju ta' Rikostruzzjoni tal-Afganistan, li huwa koġestit mill-Bank Dinji u l-Ministeru tal-Finanzi tal-Afganistan u jaħdem biex jipprovdi servizzi kritiċi bażiċi b'enfasi speċifika fuq is-saħħa u l-edukazzjoni;

64.  Jilqa' l-adeżjoni tal-Afganistan mad-WTO fl-2016 u jirrikonoxxi l-valur miżjud li se jġibu magħhom il-kummerċ u l-investiment barrani dirett għall-futur tal-Afganistan; jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li jista' jkollha s-sħubija fid-WTO fuq l-integrazzjoni tal-Afganistan fl-ekonomija dinjija;

65.  Jinnota li wara l-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO fl-2016, li żiedet ir-rabtiet tal-Afganistan mal-ekonomija globali, l-UE tat lill-Afganistan aċċess ħieles u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE, iżda jirrikonoxxi li huma meħtieġa aktar miżuri konkreti sabiex is-settur privat ikun jista' japprofitta minn dan ir-reġim u bħala tali jżid l-iżvilupp intern tiegħu;

66.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Afgani jenħtieġ li jiżviluppaw mudell ekonomiku sostenibbli bil-prinċipju tat-tqassim mill-ġdid fil-qalba tiegħu; jistieden lill-UE tappoġġa lill-Afganistan fit-tranżizzjoni tiegħu għall-iżvilupp u l-enerġija ambjentali, peress li d-dispożizzjonijiet għall-enerġija nadifa u sostenibbli huma essenzjali biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

67.  Jissottolinja li aktar sforzi huma meħtieġa sabiex tiżdied il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-gvern biex jifformulaw u jimplimentaw strateġiji u politiki kummerċjali, itejbu l-moviment transfruntier tal-merkanzija u jtejbu l-kwalità tal-prodotti biex jilħqu l-istandards internazzjonali;

68.  Jappella għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn in-negozji bejn il-kumpaniji bbażati fl-UE u s-settur privat Afgan; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tal-SMEs;

69.  Jappoġġja u jilqa' kwalunkwe programm ta' żvilupp imniedi mill-UE, Stat Membru individwali jew kwalunkwe membru tal-komunità internazzjonali, li għandu l-għan li jassisti sidien ta' negozji żgħar u intraprendituri fit-tmexxija ta' spejjeż legali, regolamenti, u ostakoli oħra għall-produzzjoni li altrimenti jaġixxu biex jiskoraġġixxu lin-negozji milli jidħlu fis-suq u/jew li jikbru fi ħdan is-suq;

70.  Jirrikonoxxi li r-riżervi minerali fl-Afganistan jipprovdu opportunità ekonomika biex il-pajjiż jiġġenera dħul u impjiegi; jinnota li ċ-Ċina wriet interess f'dawn ir-riżervi minerali, b'enfasi partikolari fuq elementi terrestri rari;

Migrazzjoni

71.  Jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija sfida kontinwa għall-Afganistan li tippreżenta kwistjonijiet għall-pajjiżi ġirien u għall-Istati Membri tal-UE; jinsab imħasseb dwar l-għadd bla preċedent ta' migranti li qed jirritornaw primarjament mill-Pakistan u l-Iran, u f'livell iktar baxx mill-Ewropa; jirrikonoxxi li kwistjonijiet relatati ma' persuni spostati internament u rifuġjati huma r-riżultat tat-theddida ta' vjolenza minn gruppi ribelli fl-Afganistan, kif ukoll fatturi ekonomiċi u ambjentali; jenfasizza li l-isforzi tal-UE u tal-komunità internazzjonali jenħtieġ li jkunu ffukati fuq il-prevenzjoni tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni tal-massa; jilqa' l-istrateġija nazzjonali Afgana għall-immaniġġjar tar-ritorn; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' politiki ta' integrazzjoni permanenti tal-awtoritajiet Afgani li jimmaniġġjaw il-persuni rimpatrijati attwali; jinsab konvint li l-integrazzjoni mill-ġdid xierqa tal-persuni rimpatrijati, speċjalment tat-tfal, li għandhom jiġu ggarantiti aċċess għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, hija kruċjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-pajjiż u li l-persuni li rritornaw ma kinux soġġetti għal vjolenza jew koerċizzjoni waqt proċeduri ta' ritorn;

72.  Jenfasizza l-fatt li skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), 5,5 miljun ruħ huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja fl-Afganistan, inklużi persuni spustati internament wara kunflitt jew nixfa, u jenfasizza li n-nixfa wasslet għall-ispostament sfurzat ta' aktar minn 250 000 persuna fit-Tramuntana u l-Punent tal-pajjiż; jinnota li l-Pjan ta' Rispons Umanitarju huwa ffinanzjat 33,5 % biss u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, għalhekk, iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi umanitarji ewlenin u l-ħtiġijiet umani u jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli, inklużi dawk li jinsabu f'żoni li huma diffiċli li jintlaħqu;

73.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja l-Artikolu 28(4) tal-CAPD, li jiddikjara li l-Partijiet għandhom jikkonkludu ftehim ta' riammissjoni, ma ntlaħaq l-ebda ftehim formali, iżda wieħed informali – it-Triq Konġunta 'l Quddiem; iqis li huwa importanti li kwalunkwe ftehim dwar ir-riammissjoni jenħtieġ li jiġi fformalizzat sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u kontroll demokratiku dwar il-konklużjoni tat-Triq Konġunta 'l Quddiem u jenfasizza l-importanza li jitwettaq djalogu kontinwu mal-atturi rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli dwar id-dimensjoni reġjonali tal-kwistjoni tar-rifuġjati Afgani;

74.  Jiddispjaċih dwar il-mewġa migratorja mill-Afganistan lejn il-Punent, speċjalment fost dawk b'edukazzjoni u ż-żgħażagħ, minħabba n-nuqqas ta' prospetti fil-pajjiż; jissottolinja l-assistenza tal-UE biex jitjiebu l-ħajjiet tal-emigranti Afgani li jinsabu fil-Pakistan u l-Iran; jitlob lil dawk il-pajjiżi ma jkeċċux lil dawk il-persuni, peress li dan jista' jkollu effett negattiv ħafna fuq l-istabbiltà u l-ekonomija tal-Afganistan; iħeġġeġ li r-ritorn tar-rifuġjati lejn djarhom jiġi organizzat b'mod sikur, ordnat u volontarju;

75.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli stabbiliet proġett kbir fl-2016 biex jiġu integrati aħjar il-migranti li jirritornaw lejn l-Afganistan, il-Bangladexx, u l-Pakistan b'EUR 72 miljun allokati speċifikament għall-Afganistan bejn l-2016 u l-2020;

76.  Jenfasizza li l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tal-Afganistan jenħtieġ li titqiesx esklużivament mill-perspettiva tal-migrazzjoni u l-objettivi tal-ġestjoni tal-fruntieri, u jqis li l-għajnuna għall-iżvilupp jenħtieġ li tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni b'mod effikaċi;

Kooperazzjoni settorjali

77.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġiji komprensivi għal kull settur bil-għan li jiġi żgurat żvilupp mifrux fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni mal-Afganistan;

78.  Jitlob li jsiru sforzi biex l-esperjenza tal-UE fil-bini tal-kapaċità u fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u s-servizz ċivili tintuża b'mod tajjeb; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittejjeb il-governanza fil-qasam tat-tassazzjoni; jitlob appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'rispett sħiħ tal-isfond etniku, reliġjuż, soċjali jew politiku differenti tagħhom;

79.  Jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura tipprovdi 50 % tal-introjtu tal-popolazzjoni tal-Afganistan u kwart tal-PDG tiegħu; jinnota li l-UE hija impenjata li tonfoq EUR 1,4 biljun bejn l-2014 u l-2020 fuq proġetti ta' żvilupp f'żoni rurali; jinnota wkoll li dawn il-proġetti huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-bdiewa ma jiċċaqalqux lejn l-ekonomija sewda;

80.  Jinnota li 80 % tal-popolazzjoni Afgana hija involuta f'agrikoltura ta' sussistenza f'ambjent ostili għall-agrikoltura, b'metodi ta' tisqija ħażina; jappoġġja t-tisħiħ tal-isforzi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel;

81.  Jinnota bi tħassib in-nixfa attwali fl-Afganistan, li hija l-agħar li seħħet f'għexieren ta' snin u tikkostitwixxi theddida għan-nies, il-bhejjem u l-agrikoltura; jinsab imħasseb ukoll dwar id-diżastri naturali frekwenti bħall-għargħar għall-għarrieda, it-terremoti, l-uqigħ tal-art u x-xtiewi ħorox;

82.  Jinnota bi tħassib li l-ħsara lill-prodotti agrikoli bħall-qamħ tista' twassal għall-ispostament, il-faqar, il-ġuħ, u f'xi każijiet il-movimenti lejn is-suq iswed, u li tliet miljun persuna jinsabu f'riskju għoli ħafna ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u ta' telf ta' għajxien;

83.  Jirrikonoxxi t-trasferiment ta' iżjed mill-katina tal-valur tal-ipproċessar tal-ikel lura fl-Afganistan jista' jżid l-introjtu għall-familji, iżid is-sigurtà tal-ikel, inaqqas l-ispejjeż tal-ikel u jipprovdi aktar opportunitajiet ta' impjieg;

84.  Jinkoraġġixxi lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kura tas-saħħa fl-Afganistan u jenfasizza l-importanza tat-tilqim għall-persuni kollha, iżda speċjalment dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-mard, bħat-tfal;

85.  Jilqa' l-fatt li l-aċċess primarju għall-kura tas-saħħa żdied minn 9 % għal aktar minn 57 %, li l-istennija tal-għomor żdiedet minn 44 għal 60 u li dan it-titjib sar possibbli permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-UE, l-Istati Membri individwali u l-komunità internazzjonali; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dawn il-kisbiet, li għad fadal ħafna xi jsir biex tkompli tiżdied l-istennija tal-għomor u titnaqqas ir-rata ta' mortalità tan-nisa li jkunu qed iwelldu, kif ukoll ta' tfal li jkunu għadhom kif jitwieldu;

86.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattiki korrotti fis-sistema tal-kura tas-saħħa Afgana, bħall-importazzjoni ta' farmaċewtiċi illegali, u jħeġġeġ lill-UE tkompli tapplika pressjoni fuq il-Gvern Afgan biex jagħmel aktar biex jipprevjeni tali prattiki korrotti;

87.  Itenni l-ħtieġa ta' professjonisti mħarrġa fil-qasam mediku fl-Afganistan u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jġibu lil professjonisti mediċi biex iħarrġu tobba u persunal mediku lokali;

88.  Jinnota li t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali jikkawża ħsara lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lis-soċjetà Afgana; jitlob l-implimentazzjoni rapida ta' ftehimiet eżistenti, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jiżżarmaw in-netwerkss kriminali transnazzjonali li jibbenefikaw mill-instabbiltà u l-istituzzjonijiet dgħajfa;

L-Implimentazzjoni tal-CAPD

89.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-CAPD bħala l-ewwel relazzjoni kuntrattwali bejn l-UE u l-Afganistan;

90.  Jinnota li l-CAPD jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet f'diversi oqsma bħall-istat tad-dritt, is-saħħa, l-iżvilupp rurali, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u d-drogi, il-migrazzjoni, is-sigurtà nukleari, in-nonproliferazzjoni tal-AQM u t-tibdil fil-klima;

91.  Jilqa' l-istabbiliment tal-korpi ta' kooperazzjoni konġunti fil-livell eżekuttiv, b'enfasi fuq l-organizzazzjoni ta' djalogi regolari dwar kwistjonijiet politiċi inklużi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, li huma elementi essenzjali ta' dan il-ftehim, u l-indirizzar ta' sfidi u l-ħolqien ta' opportunitajiet għal sħubija iktar b'saħħitha;

92.  Jesprimi tħassib li l-CAPD m'għandux dispożizzjonijiet dwar skrutinju parlamentari konġunt tal-implimentazzjoni tiegħu; jippromwovi r-rwol tal-Parlament Ewropew, il-parlamenti tal-Istati Membri u l-Parlament Afgan fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-CAPD;

93.  Jieħu nota tas-sostituzzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Afganistan minn Mibgħut Speċjali f'Settembru 2017, li ddaħħal fl-istruttura tas-SEAE;

94.  Jiddispjaċih li l-Kunsill ipproċeda b'deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżorja f'oqsma li huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Parlament, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment, li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi tal-UE, minflok ma talab ratifika kmieni fil-proċess, qabel ma jsir dan il-pass; iqis li din id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) tat-TUE u jippreġudika d-drittijiet u r-responsabbiltajiet legali;

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

(1) ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0169.
(3) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 133.
(4) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 108.
(5) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 55.
(6) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 73.
(7) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.
(8) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 129.
(9) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 17.
(10) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 39.
(11) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 48.
(12) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 85.
(13) Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2011 (16146/11 u 16147/11).
(14) Rapport ta' Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta' Oriġini mill-EASO, Is-sitwazzjoni tas-Sigurtà fl-Afganistan - Aġġornament, Mejju 2018, https://coi.easo.europa.eu/administration/easo/PLib/Afghanistan-security_situation_2018.pdf
(15) Spettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), Rapport ta' kull tliet xhur lill-Kungress tal-Istati Uniti, it-30 ta' Ottubru 2018, https://www.sigar.mil/pdf/quarterlyreports/2018-10-30qr.pdf
(16) https://www.unodc.org/unodc/en/frontpage/2018/May/last-years-record-opium-production-in-afghanistan-threatens-sustainable-development--latest-survey-reveals.html

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza