Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0171/2019

Testi mressqa :

A8-0171/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.8

Testi adottati :

P8_TA(2019)0172

Testi adottati
PDF 168kWORD 57k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE
P8_TA-PROV(2019)0172A8-0171/2019

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (2018/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 21, 33 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-ħatra, il-mandat u l-finanzjament tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tad-9 ta' Lulju 2007 u n-Nota tal-Kunsill (7510/14) tal-11 ta' Marzu 2014;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(3),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-VP/RGħ fit-28 ta' Ġunju 2016, u r-rapporti ta' implimentazzjoni sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-prinċipji kollha tiegħu, bħala dokument fundamentali għall-ordni ta' sigurtà reġjonali Ewropea u lil hinn minnha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-talba tal-Ukrajna għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għall-Krimea u r-reġjun ta' Donbas,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110 u l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0171/2019),

A.  billi l-UE għandha l-ambizzjoni li tkun attur globali aktar b'saħħtu, mhux biss ekonomikament iżda wkoll politikament, billi tfittex li bl-azzjonijiet u l-politiki tagħha tikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u għall-ordni globali msejjes fuq ir-regoli;

B.  billi r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE) jinħatru mill-Kunsill fuq proposta mill-VP/RGħ, bil-mandat li jmexxu 'l quddiem għanijiet partikolari ta' natura politika jew ta' sigurtà tematika jew ġeografikament speċifika; billi wrew li huma strument siewi u flessibbli għad-diplomazija tal-UE, billi jistgħu jippersonalizzaw u jirrappreżentaw lill-UE f'postijiet u sitwazzjonijiet kruċjali, bl-appoġġ tal-Istati Membri kollha; billi l-flessibbiltà tal-mandati tar-RSUE tfisser li huma strumenti operazzjonali li jistgħu jintużaw malajr meta jinqala' tħassib f'ċerti pajjiżi jew dwar ċerti temi;

C.  billi, minħabba l-preżenza frekwenti tagħhom fil-post, ir-RSUE għandhom pożizzjoni privileġġjata biex jistabbilixxu djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-atturi lokali kif ukoll biex iwettqu riċerka fuq il-post; billi din l-esperjenza diretta tippermettilhom jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-formulazzjoni tal-politiki u tal-istrateġiji;

D.  billi attwalment hemm ħames RSUE reġjonali (għall-Qarn tal-Afrika, għas-Saħel, għall-Asja Ċentrali, għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, u għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia), żewġ RSUE speċifiċi għall-pajjiż (il-Kosovo u l-Bożnija-Ħerzegovina), u RSUE tematiku wieħed, responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi attwalment żewġ RSUE biss huma nisa;

F.  billi fil-każ ta' RSUE maħtura b'mandati għal pajjiżi speċifiċi, iż-"żewġ rwoli" li jġorr r-RSUE fl-istess ħin bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-pajjiż ikkonċernat, ikkontribwew għall-koerenza u l-effiċjenza tal-preżenza esterna tal-UE; billi l-użu ta' aktar RSUE speċifiċi għall-pajjiż jeħtieġ li jkun konsistenti mal-istrateġiji tal-azzjoni esterna tal-UE, minħabba t-tisħiħ tad-Delegazzjonijiet tal-UE permezz tat-Trattat ta' Lisbona, li permezz tiegħu akkwistaw responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-azzjoni kollha tal-UE fil-post, inklużi l-politiki PESK;

G.  billi hemm żoni u kunflitti oħra ta' prijorità għolja, inkluż fil-viċinat immedjat tal-UE, li jirrikjedu fokus speċjali, aktar involviment u viżibbiltà tal-UE, bħall-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna u l-okkupazzjoni illegali tal-Krimea;

H.  billi r-RSUE taw prova tal-utilità tagħhom, b'mod partikolari fit-twettiq ta' djalogi politiċi ta' livell għoli u fil-kapaċità tagħhom li jilħqu sħab ta' livell għoli f'ambjenti politiċi sensittivi ħafna;

I.  billi r-RSUE huma ffinanzjati mill-baġit tal-PESK, kif kodeċiż mill-Parlament, u huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit fil-konfront tal-Kummissjoni;

J.  billi l-VP/RGħ impenjat ruħha li twieġeb b'mod pożittiv għal talbiet mill-Parlament Ewropew biex jisma' lil RSUE li jkunu għadhom kif inħatru qabel jieħdu l-karigi tagħhom u biex tiffaċilita l-għoti regolari ta' informazzjoni mir-RSUE lill-Parlament;

K.  billi r-RSUE jintgħażlu minn fost individwi li preċedentement kellhom karigi diplomatiċi jew politiċi għolja f'pajjiżhom jew f'organizzazzjonijiet internazzjonali; billi huma jgawdu minn grad sostanzjali ta' flessibbiltà u diskrezzjoni fit-twettiq tal-mandat tagħhom, li jista' jwassal biex jintlaħqu miri stabbiliti, jiġu implimentati strateġiji u jingħata valur miżjud lill-UE;

L.  billi r-rwol ewlieni tar-RSUE huwa li jikkontribwixxi għall-unità, għall-konsistenza, għall-koerenza u għall-effikaċja tal-azzjoni esterna u tar-rappreżentanza tal-UE; billi huma juru l-interess tal-UE f'pajjiż, reġjun jew qasam tematiku partikolari u jsaħħu l-viżibbiltà tiegħu, u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' strateġija jew politika tal-UE partikolari lejn il-pajjiż, ir-reġjun jew il-kwistjoni tematika mandata;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Dwar il-mandat

Dwar l-għodod

Dwar il-profil personali

Dwar l-oqsma koperti

Dwar l-interazzjoni u l-kooperazzjoni

   (a) li jippreżenta riflessjoni strateġika dwar l-użu, ir-rwol, il-mandati u l-kontribut tar-RSUE fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE;
   (b) li jiżgura li r-RSUE jinħatru biss jekk ikun hemm valur miżjud ċar fl-użu ta' dan l-istrument, jiġifieri jekk il-kompiti tagħhom ma jistgħux jiġu ssodisfati bi strutturi eżistenti fi ħdan is-SEAE, inkluż mid-Delegazzjonijiet tal-UE, jew fi ħdan il-Kummissjoni;
   (c) li jiżgura li r-RSUE jintużaw primarjament biex iżidu l-isforzi tal-UE fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' medjazzjoni u tal-faċilitazzjoni tad-djalogu, u biex imexxu 'l quddiem l-objettivi ta' politika tal-UE f'oqsma tematiċi speċifiċi fi ħdan il-mandat tar-relazzjonijiet esterni u r-rispett tad-dritt internazzjonali;
   (d) li jevita l-proliferazzjoni tar-RSUE u l-frammentazzjoni tal-mandati tagħhom li jafu joħolqu duplikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE u jwasslu għal żieda fl-ispejjeż ta' koordinazzjoni;
   (e) li jiżgura li l-mandati u l-azzjonijiet tar-RSUE meta jindirizzaw is-sigurtà reġjonali u l-prevenzjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti jkunu ggwidati mill-prinċipji tal-liġi internazzjonali kif deskritt fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u normi kruċjali oħra tad-dritt internazzjonali, kif ukoll mis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, bħala element ewlieni tal-ordni Ewropew ta' sigurtà u kif enfasizzat fl-Istrateġija Globali tal-UE; u li jikkonforma mar-regoli u l-politiki kollha adottati mill-UE lejn ir-reġjun jew il-kunflitt kopert fi ħdan l-isfera ta' responsabbiltà tagħhom;
   (f) li jikkunsidra l-mezzi kollha possibbli biex jissaħħaħ ir-rwol tar-RSUE bħala għodda effettiva tal-politika esterna tal-UE, li kapaċi tiżviluppa u tavvanza l-inizjattivi tal-politika barranija tal-UE u tippromwovi s-sinerġija, b'mod partikolari billi tiżgura li r-RSUE jistgħu jivvjaġġaw b'mod liberu fiż-żona koperta mill-mandat tagħhom, inklużi ż-żoni ta' kunflitt, għall-fini tal-implimentazzjoni effettiva tal-kompiti tagħhom;
   (g) li jiżgura aktar trasparenza u viżibbiltà tax-xogħol tar-RSUE, inkluż permezz ta' rapportar pubbliku dwar iż-żjarat fil-pajjiż, il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet, kif ukoll il-ħolqien ta' paġni web individwali li jippermettu l-iskrutinju pubbliku tal-azzjonijiet tagħhom;
   (h) li jsaħħaħ l-assi li jikkostitwixxu l-valur miżjud tar-RSUE, jiġifieri l-leġittimità mibnija fuq l-appoġġ tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet reġjonali/tematiċi/tal-pajjiż, il-piż politiku, il-flessibbiltà u t-tisħiħ tal-preżenza tal-UE u l-viżibbiltà f'pajjiżi sħab, biex b'hekk jissaħħaħ il-profil tal-UE bħala attriċi internazzjonali effettiva;
   (i) li jippermetti t-tul adattat tal-mandat biex tinħoloq perspettiva li tiffaċilita l-ikkuntrattar ta' persunal ikkwalifikat bi grad għoli u jippermetti l-implimentazzjoni tal-mandat kif ukoll il-fiduċja fis-sħab, l-istabbiliment ta' netwerks u ta' proċessi ta' influwenzar; li jiżgura rieżami regolari f'konformità mal-iżviluppi fil-pajjiż/fir-reġjun jew fis-suġġett ikkonċernat u jippermetti wkoll li l-mandat jittawwal kif meħtieġ miċ-ċirkostanzi;
   (j) li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' politika jew strateġija tal-UE b'relazzjoni mal-qasam ta' mandat u għall-formulazzjoni jew għar-reviżjoni ta' strateġiji jew politiki;
   (k) li jiżgura li l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tad-djalogu, kif ukoll il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jitqiesu bħala prijoritajiet orizzontali u għaldaqstant bħala pedamenti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-mandati tar-RSUE, u jiġi żgurat rappurtar adegwat dwar l-azzjoni meħuda f'dawn l-oqsma;
   (l) li jitlob proċeduri ta' evalwazzjoni u monitoraġġ li jkopru r-riżultati li jintlaħqu, l-ostakoli li jinqalgħu, l-indikazzjoni ta' sfidi ewlenin, l-input għall-formulazzjoni tal-politika, u l-valutazzjoni tal-koordinazzjoni ta' attivitajiet tar-RSUE ma' atturi oħra tal-UE, biex isiru skambji tal-aħjar prattiki fost ir-RSUE kif ukoll tiġi vvalutata l-prestazzjoni u jiġi kkunsidrat it-tiġdid u r-rieżami tal-mandati;
   (m) li jiżgura l-koerenza tal-mandat għall-Asja Ċentrali mal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali tal-2007, li ġiet rieżaminata fl-2015 sabiex jittejbu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun;
   (n) li jintroduċi perjodu estensiv ta' preklużjoni għar-RSUE, bil-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' standards etiċi għall-każijiet ta' kunflitt ta' interess;
   (o) li jiżgura li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament ikun involut fl-abbozzar tal-mandati, ġodda u estiżi, tar-RSUE;
   (p) li jżomm il-flessibbiltà u l-awtonomija li attwalment igawdu r-RSUE bħala strument distintiv tal-PESK b'sors ta' finanzjament separat u relazzjoni privileġġjata mal-Kunsill; li jsaħħaħ fl-istess ħin, madankollu, ir-rabtiet ta' koordinazzjoni u tar-rappurtar mad-direttorati maniġerjali tas-SEAE relatati (reġjonali, tematiċi, PSDK u rispons għall-kriżijiet) u mad-DĠs relatati tal-Kummissjoni; li jiżgura proċess ta' nominazzjoni u konferma malajr u trasparenti;
   (q) li jindirizza n-nuqqasijiet fiż-żamma ta' memorja istituzzjonali u kontinwità bejn RSUE li jispiċċaw mill-kariga tagħhom u dawk ġodda billi jissaħħaħ l-appoġġ loġistiku u amministrattiv mis-SEAE, inkluż l-arkivjar, u billi primarjament jissekonda konsulenti tal-politika mis-SEAE u istituzzjonijiet oħra tal-UE kif xieraq biex jingħaqdu mat-timijiet tar-RSUE;
   (r) li l-persuni li jaħtar bħala RSUE jkollhom għarfien espert diplomatiku jew politiku estensiv u profil xieraq, u jiżgura b'mod partikolari li dawn ikollhom l-influwenza politika meħtieġa biex jistabbilixxu rabtiet u fiduċja reċiproka ma' interlokuturi ta' livell għoli; li japprofitta f'dan ir-rigward mill-ġabra eżistenti ta' persuni b'esperjenza politika u diplomatika madwar l-UE; li jirrispetta l-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku; li jkun żgur li d-deċiżjoni dwar il-ħatra ta' persuna speċifika ssir b'mod trasparenti u biss wara l-konferma tal-ammissibbiltà tal-kandidat, b'mod partikolari fir-rigward ta' xi kunflitt ta' interess potenzjali u li jiżgura li l-kandidat jissodisfa l-istandards ta' mġiba etika;
   (s) li jkun żgur li l-ħatra ta' RSUE tista' tiġi kkonfermata biss wara evalwazzjoni pożittiva mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament;
   (t) li jipprovdi aċċess aktar faċli għall-informazzjoni u għall-ġustifikazzjoni dwar il-kandidati magħżula;
   (u) li jiffoka fuq il-mandati tar-RSUE dwar it-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, speċjalment billi jiffaċilita d-djalogu u l-medjazzjoni fejn l-involviment tal-UE jista' jġib valur miżjud; li jiżgura li fil-każ ta' fokus tematiku, il-ħatra ta' RSUE ma tirdoppjax jew iddgħajjef ir-rwol tal-Kummissjoni u s-SEAE;
   (v) li jqis ir-rwol tar-RSUE bħala għodda diplomatika speċifika fl-azzjoni esterna tal-UE u jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat Ewropew, li jħeġġeġ lill-RSUE jiżviluppaw relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib ma' pajjiżi affettwati minn kunflitti mtawla, b'enfasi fuq il-ħtieġa qawwija li r-RSUE jikkontribwixxu għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti fil-viċinat tal-UE;
   (w) li jilqa' l-ħatra tal-RSUE l-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem u jirrikonoxxi x-xogħol tad-detentur preċedenti tal-post, li ssodisfa r-rwol tiegħu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE b'suċċess; jinnota li r-responsabbiltajiet ta' dan il-post ġew estiżi biex jinkludu l-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-promozzjoni ta' appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali;
   (x) li jsaħħaħ il-kapaċità u r-rwol tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jqis li din il-pożizzjoni għandha mandat dinji li għaldaqstant jirrikjedi u jimplika djalogu politiku ma' pajjiżi terzi, sħab rilevanti, negozji, soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u azzjoni f'fora internazzjonali rilevanti;
   (y) filwaqt li huwa konxju tal-importanza li l-għadd ta' RSUE ma jiżdiedx b'mod sinifikanti b'mod li jnaqqas min-natura speċjali tagħhom, li jneħħi gradwalment il-mandati speċifiċi għall-pajjiż tar-RSUE eżistenti u, sakemm jinqasmu r-responsabbiltajiet fil-Kummissjoni u s-SEAE li jmiss, tiġi kkunsidrata l-ħatra ta' RSUE reġjonali; li jikkunsidra li jaħtar RSUE tematiċi għall-koordinazzjoni internazzjonali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ġustizzja internazzjonali, u għad-diżarm u n-non-proliferazzjoni, fl-aħħar każ imsemmi fl-akkwiżizzjoni mingħand il-Mibgħut Speċjali tal-UE għal dan il-qasam;
   (z) li jaħtar RSUE ġdid għall-Ukrajna, li jiffoka b'mod partikolari fuq il-Krimea u Donbas, biex ikun responsabbli għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati, għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, għat-tnaqqis tat-tensjoni fil-Baħar ta' Azov u għas-segwitu tad-drittijiet ta' persuni spustati f'pajjiżhom (IDPs), kif kien mitlub preċedentement mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;
   (aa) li jsaħħaħ l-interazzjoni u l-koordinazzjoni tar-RSUE mal-istituzzjonijiet differenti tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata sinerġija massima u impenn koerenti mill-atturi kollha; li jsaħħaħ l-involviment tal-RSUE fis-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-UE għall-Konflitti; li jiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ma' figuri oħra diplomatiċi ta' livell għoli bħall-Mibgħuta Speċjali tal-UE; u li jiżgura l-kooperazzjoni ma' sħab u mibgħuta oħra li jaħsbuha bl-istess mod, inklużi dawk maħtura min-NU, min-NATO u mill-Istati Uniti;
   (ab) meta jitqies li l-Parlament Ewropew huwa koleġiżlatur għall-parti ċivili tal-baġit tal-PESK, li huwa amministrat mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI), li jsaħħaħ is-sorveljanza tal-Parlament tal-attivitajiet tar-RSUE u li jsaħħaħ il-livell ta' responsabbiltà tagħhom u t-trasparenza ta' ħidmiethom, filwaqt li jfakkar li dan l-għan jista' jinkiseb billi tinqasam l-informazzjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-RSUE tal-mandat tagħhom, ta' xogħolhom u l-kisbiet tagħhom flimkien mal-isfidi li jiffaċċjaw, permezz ta' laqgħat regolari u mill-inqas darba fis-sena u l-iskambji ta' opinjonijiet bejn ir-RSUE u l-korpi rilevanti tal-PE, b'mod partikolari l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitati tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sigurtà u d-Difiża, kif ukoll permezz ta' kondiviżjoni sistematika mal-PE ta' rapporti u strateġiji tal-pajjiżi mibgħuta mir-RSUE lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) fi ħdan il-Kunsill u s-SEAE; u, għal dan il-għan, li jinsisti li dawn id-dokumenti jiġu inklużi fil-Ftehim Interistituzzjonali fil-qasam tal-PESK;
   (ac) li jħeġġeġ l-interazzjoni mas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini u jiffaċilita d-djalogu magħhom, fir-reġjun koperti mir-RSUE, bħala parti mid-diplomazija preventiva u l-proċess ta' medjazzjoni, kif ukoll fl-interess tal-viżibbiltà tal-UE; li jiżgura, b'mod partikolari, li r-RSUE juru impenn proattiv lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew il-vuċijiet kuntrarji li jistgħu jkunu mhedda jew immirati mill-awtoritajiet lokali;

2.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew li jmiss għandu jirrikjedi impenn mill-VP/RGħ li jmiss, matul l-ewwel sitt xhur tal-mandat tiegħu jew tagħha, b'riflessjoni strateġika dwar l-użu tar-RSUE, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali u skont il-linji tal-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti hawn fuq;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE.

(1) ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.
(2) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.
(3) ĠU C 351E, 2.12.2011 p. 454.
(4) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 69.
(6) ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 114.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali