Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0900(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0439/2018

Testi mressqa :

A8-0439/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.15

Testi adottati :

P8_TA(2019)0179

Testi adottati
PDF 184kWORD 54k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Emendi proposti għall-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ***I
P8_TA-PROV(2019)0179A8-0439/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (02360/2018 – C8-0132/2018 – 2018/0900(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba mill-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill, fil-verżjoni riveduta tagħha (02360/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 256(1) u it-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-abbozz ta' att ġie preżentat lill-Parlament (C8–0132/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2018)0534) u C(2018)7500),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-16 ta’ Jannar 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0439/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
P8_TC1-COD(2018)0900

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u ▌b'mod partikolari ▌l-Artikolu 256(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u ▌b'mod partikolari ▌l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea(1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  F'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) ▌, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, flimkien mal-Qorti Ġenerali, rieżami ġenerali tal-kompetenza eżerċitata minnhom u qieset jekk, minħabba r-riforma tal-istruttura tal-qrati tal-Unjoni li seħħet skont dak ir-Regolament, jenħtieġx li jsiru ċerti bidliet lid-distribuzzjoni ta' kompetenza bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jew lill-mod li bih jiġu trattati l-appelli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)  Kif iddikjarat fir-rapport li ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-14 ta' Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemm ebda ħtieġa, f'dan l-istadju, li jiġu proposti bidliet fir-rigward tal-mod li bih jiġu ttrattati r-rinviji għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxu l-element fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-▌Unjoni u jiġu ttrattati bla dewmien ▌ u konsegwentement bħalissa mhuwiex meħtieġ trasferiment lill-Qorti Ġenerali ta' kompetenza li tisma' u tiddetermina rinviji għal deċiżjoni preliminari, f'oqsma speċifiċi stipulati mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(3)  Ir-rieżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali madankollu kixef il-fatt li, meta tiddeċiedi dwar rikors għal annullament li jitressaq minn Stat Membru kontra att tal-Kummissjoni relatat ma' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) jew (3) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista' tiltaqa' ma' diffikultajiet serji fejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat ma jaqblux dwar l-adegwatezza tal-miżuri adottati minn dak l-Istat Membru biex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dawk ir-raġunijiet, jidher li hu meħtieġ li tiġi riżervata b'mod ▌ esklużiv għall-Qorti tal-Ġustizzja litigazzjoni dwar somma f'daqqa jew pagament ta' penali impost fuq Stat Membru skont l-Artikolu 206(2) jew (3) tat-TFUE.

(4)  Barra minn hekk, mir-rieżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huwa ċar li ħafna appelli huma relatati ma' kawżi li jkunu diġà ġew ikkunsidrati darbtejn, inizjalment minn bord ta' appell indipendenti, imbagħad mill-Qorti Ġenerali, u li ħafna minn dawk l-appelli jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex ikunu manifestament infondati ▌ jew għar-raġuni li jkunu manifestament inammissibbli. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tikkonċentra fuq il-kawżi li jirrikjedu l-attenzjoni sħiħa tagħha, huwa meħtieġ, fl-interessi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiġi introdotta, għal appelli relatati ma' tali kawżi, proċedura li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li appell ▌jipproċedi, kompletament jew parzjalment, biss fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni.

(5)  Fid-dawl taż-żieda kostanti fl-għadd ta' kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u f'konformità mal-ittra tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Lulju 2018, huwa meħtieġ, f'dan l-istadju, li tingħata prijorità lill-istabbiliment tal-proċedura msemmija hawn fuq li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk għandux jitħalla li jipproċedi appell. Il-komponent tat-talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Marzu 2018 relatat mat-trasferiment parzjali ta' proċeduri ta' ksur lill-Qorti Ġenerali għandu jiġi eżaminat fi stadju aktar tard, wara li jkun tfassal ir-rapport dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 ▌, f'Diċembru 2020. Huwa mfakkar li dan ir-rapport jenħtieġ li jiffoka b'mod partikolari fuq l-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali u n-neċessità u l-effikaċja taż-żieda fl-għadd ta' mħallfin għal 56, filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-objettiv tal-iżgurar tal-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-Qorti Ġenerali kif imsemmi fil-preambolu għar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422.

(6)  Konsegwentement, huwa meħtieġ li l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiġi emendat, filwaqt li jiġi żgurat, fl-istess ħin, li t-terminoloġija tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll u dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-TFUE jkunu allinjati bis-sħiħ, u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali adatti fir-rigward tal-eżitu ta' kawżi li jkunu pendenti fid-data ta' meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Protokoll Nru 3 ▌huwa emendat kif ġej:

(1)  L-Artikolu 51 huwa sostitwit b'dan li ġej ▌:"

''Artikolu 51

B’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, il-kompetenza għandha tiġi riżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja:

   (a) ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn Stat Membru u li jkunu indirizzati:
   (i) kontra att leġislattiv, att tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, jew kontra astensjoni milli tittieħed deċiżjoni minn waħda jew iktar minn dawn l-istituzzjonijiet, bl-esklużjoni:
   tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
   tal-atti tal-Kunsill adottati skont regolament tal-Kunsill dwar miżuri li jipproteġu l-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
   tal-atti tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni konformement mal-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
   (ii) kontra att, jew astensjoni li tieħu deċiżjoni, tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
   (b) ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn istituzzjoni tal-Unjoni kontra att leġislattiv, att tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew, jew kontra astensjoni milli tittieħed deċiżjoni minn waħda jew aktar minn dawk l-istituzzjonijiet;
   (c) ir-rikorsi, imsemmija fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiġu ppreżentati minn Stat Membru u li jkunu indirizzati kontra att tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(2), jew taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.'';

"

(2)  jiddaħħal l-Artikolu li ġej:"

''Artikolu 58a

Appell li jitressaq kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta' bord ta' appell indipendenti ta' wieħed mill-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li ġejjin ma għandux jipproċedi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ma tiddeċidix li dan ikun possibbli:

   (a) l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea;
   (b) l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti;
   (c) l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ▌;
   (d) l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Il-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tapplika wkoll għal appelli li jitressqu kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta' bord ta' appell indipendenti, stabbilit wara … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] fi ħdan kwalunkwe uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni, li għandha tiġi invokata qabel ma azzjoni tkun tista' titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali.

Appell għandu jitħalla jipproċedi, kompletament jew parzjalment, f'konformità mar-regoli dettaljati li jinsabu fir-Regoli ta' Proċedura, fejn iqajjem ▌ kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni.

Id-deċiżjoni dwar jekk l-appell għandux jitħalla jipproċedi jew le għandha tkun motivata, u għandha tiġi ppubblikata.''

"

Artikolu 2

Kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-Protokoll Nru 3 kif emendat minn dan ir-Regolament, li għalihom tkun invokata l-Qorti Ġenerali fi … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] iżda li fir-rigward tagħhom il-parti bil-miktub tal-proċedura għad trid tingħalaq f'dik id-data, għandhom jiġu assenjati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58a tal-Protokoll Nru 3 ma għandhiex tkun applikabbli għal appelli li għalihom tkun invokata l-Qorti tal-Ġustizzja fi … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju].

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ▌…,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)L-Opinjoni tal-11 ta' Lulju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Opinjoni tat-23 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2)Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019.
(3)Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali