Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 185kWORD 55k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni
P8_TA-PROV(2019)0184
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni (COM(2019)0049 – C8-0036/2019 – 2019/0010(COD))

(Proċedura leġislattiva ordinarja: L-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0049),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0036/2019),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkonsulta l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, 27skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 154 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni
P8_TC1-COD(2019)0010

IL-PARLAMENT EWROPEW U IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(1),

Billi:

(1)  Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)  Il-ftehim dwar il-ħruġ ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Frar 2019(2) fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit wara d-data meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) tapplika għar-Renju Unit matul il-perjodu tat-tranżizzjoni b’konformità ma’ dak il-ftehim u tieqaf tapplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)  Meta l-PKS ma tibqax tapplika għar-Renju Unit, l-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva adjaċenti) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ, hemm ir-riskju li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u tar-Renju Unit ma jkollhomx il-possibbiltà li jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti għall-2019.

(4)  Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sajd, u minħabba l-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet fl-Unjoni u fir-Renju Unit, jenħtieġ li tinżamm, għal perjodu ta' żmien limitat, il-possibbiltà li jsiru arranġamenti għall-kontinwazzjoni tal-aċċess sħiħ reċiproku għas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u tar-Renju Unit fl-ilmijiet ta’ xulxin wara li l-PKS tieqaf tapplika għar-Renju Unit bħala Stat Membru. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq il-qafas legali xieraq għal tali aċċess reċiproku.

(5)  Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kull referenza fih għar-Renju Unit ma jinkludux il-Ġibiltà.

(6)  L-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2019 ġew miftehma skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2019/124(3) u (UE) 2018/2025(4), inkluż mir-Renju Unit, matul is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd kienu stabbilitib’konformità sħiħa mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 61 u 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Biex ikunu żgurati l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-istabbiltà fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit, l-allokazzjonijiet tal-kwoti u l-ishma lill-Istati Membri u lir-Renju Unit jenħtieġ li jibqgħu disponibbli b’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5).

(7)  Fid-dawl tad-drawwiet tas-sajd fuq żmien twil tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni u viċi versa, jenħtieġ li l-Unjoni tipprevedi mekkaniżmu biex il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit ikollhom aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni permezz ta' awtorizzazzjonijiet, biex ikunu jistgħu jistadu l-ishma tal-kwoti allokati lilhom stabbiliti skont ir-Regolamenti (UE) 2019/124 u (UE) 2018/2025 taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, għal perjodu ta’ żmien limitat. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jingħataw biss jekk u sa fejn ir-Renju Unit jibqa’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet biex il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkomplu jużaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom b’konformità mar-Regolamenti rilevanti dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ u għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti f’ilmijiet taħt is-sovrenità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz u għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz li iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 jistabbilixxi r-regoli għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz barra l-qafas ta’ ftehim dwar is-sajd, u jistipula li Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet direttament, u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex jingħataw dawn l-awtorizzazzjonijiet. Minħabba l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, dawk il-kondizzjonijiet u l-proċeduri jwasslu għal dewmien konsiderevoli u għal aktar piż amministrattiv jekk ma jkunx hemm ftehim dwar il-ħruġ jew ftehim dwar is-sajd. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu previsti kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet mir-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

(10)  Huwa neċessarju li jkun hemm deroga mir-regoli li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u li jiġu previsti kondizzjonijet u proċeduri speċifiċi li jippermettu li l-Unjoni toħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit biex dawn iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Istati Membri li jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom, jew partijiet minnhom. Kull sena jsir skambju ta’ madwar 1 000 kwota bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, hija meħtieġa sistema flessibbli wara d-data tal-ħruġ, li tkun tippermetti lill-UE tiskambja l-kwoti mar-Renju Unit. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddiskutu mar-Renju Unit u, skont il-bżonn, jistabbilixxu pjan ġenerali possibbli għat-trasferiment jew għall-iskambju maħsub tal-kwoti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mit-twettiq ta’ dan it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti. L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mir-Renju Unit jew ittrasferiti lilu fil-qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti jenħtieġ li jitqiesu bħala kwoti allokati lill-Istat Membru kkonċernat jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu.

(12)  Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2403 jiġi emendat skont dan.

(13)  Fid-dawl tal-ħtieġa li, qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jiġi pprovdut qafas legali bil-għan li tiġi evitata interruzzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni u minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li tista' tkun it-30 ta' Marzu 2019, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(14)  Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, sakemmma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data. Jenħtieġ li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(15)  Sabiex l-operaturi kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit ikunu jistgħu jibqgħu jistadu skont l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti allokati lilhom, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jenħtieġ li jingħataw lill-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit biss jekk u sa fejn il-Kummissjoni tkun sodisfatta li r-Renju Unit jagħti drittijiet tal-aċċess lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit fuq il-bażi tar-reċiproċità,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2403

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 huwa emendat kif ġej:

(1)  fil-Kapitolu II tat-Titolu II, tiżdied it-Taqsima li ġejja:"

Taqsima 4

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit

Artikolu 18a

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, b’deroga mit-Taqsima 3, għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

Artikolu 18b

Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ din it-Taqsima, “l-ilmijiet tar-Renju Unit” tfisser l-ilmijiet taħt is-sovrenità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit stabbiliti skont id-dritt internazzjonali.

Artikolu 18c

Proċedura biex jinkisbu awtorizzazzjonijiet tas-sajd mir-Renju Unit.

1.  Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 jkunu ssodisfati għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-applikazzjoni korrispondenti jew lista ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit.

2.  Kull applikazzjoni jew lista ta’ applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-informazzjoni mitluba mir-Renju Unit għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, fil-format meħtieġ, kif ikun ikkomunikat mir-Renju Unit lill-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bl-informazzjoni u l-format imsemmi fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni tista’ titlob mingħand l-Istat Membru tal-bandiera kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.  Malli tirċievi l-applikazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun intalbet skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat l-applikazzjoni lir-Renju Unit.

5.  Malli r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jagħti jew jirrifjuta awtorizzazzjoni għal xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera.

6.  Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti awtorizzazzjoni tas-sajd għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit biss wara li jkun tgħarraf li r-Renju Unit ikun iddeċieda li jagħti awtorizzazzjoni lill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni rilevanti.

7.  L-operazzjonijiet tas-sajd ma għandhomx jibdew qabel ma jkunu ħarġu awtorizzazzjoni tas-sajd kemm l-Istat Membru tal-bandiera kif ukoll ir-Renju Unit.

8.  Meta r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

9.  Meta r-Renju Unit jgħarraf direttament lill-Istat Membru tal-bandiera li jkun iddeċieda li jagħti, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu minnufih jinforma b’dan lill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

Artikolu 18d

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mir-Renju Unit għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.”;

"

(1)  Jiddaħħal it-Titolu li ġej:"

“TITOLU IIIa

“OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TAR-RENJU UNIT FL-ILMIJIET TAL-UNJONI

Artikolu 38a

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, b’deroga mit-Titolu III, għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 38b

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit

Il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni b’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2019/124* u (UE) 2018/2025** li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd.

_______________

* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.1.2019, p. 1).

** Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7).

Artikolu 38c

Prinċipji ġenerali

1.  Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni sakemm ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Kummissjoni. Dan jingħata din l-awtorizzazzjoni biss jekk jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fil-paragrafu 2.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni tas-sajd lil bastiment tas-sajd tar-Renju Unit jekk:

   (a) il-bastiment tas-sajd ikollu liċenzja tas-sajd valida maħruġa mill-awtorità tar-Renju Unit;
   (b) l-bastiment tas-sajd ikun elenkat mir-Renju Unit f’reġistru tal-flotta li jkun aċċessibbli għall-Kummissjoni;
   (c) il-bastiment tas-sajd u kull bastiment ta’ appoġġ assoċjat miegħu japplikaw l-iskema rilevanti tan-numri tal-identifikazzjoni tal-bastimenti tal-OMI sa fejn din hija meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni;
   (d) il-bastiment tas-sajd ma jkunx elenkat f’lista ta’ bastimenti IUU adottat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u/jew mill-Unjoni skont ir-Regolament IUU;
   (e) ir-Renju Unit ma jkunx elenkat bħala mhux kooperattiv skont ir-Regolament IUU, jew li jkun qed jippermetti l-opportunitajiet tas-sajd mhux sostenibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012;
   (f) ir-Renju Unit ikollu l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalih.

3.  Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

Artikolu 38d

Proċedura biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.  Ir-Renju Unit għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-applikazzjoni jew il-lista tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd tiegħu.

2.  Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38c(2) jkunu ntlaħqu, mingħand ir-Renju Unit.

3.  Meta jkun ġie vverifikat li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38c(2) jkunu ntlaħqu, il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni tas-sajd u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

Artikolu 38e

Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.  Jekk xi kondizzjonijiet fost dawk stipulati fl-Artikolu 38c(2) ma jibqgħux jintlaħqu, il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni xierqa, li jinkludi l-emendar jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tagħti awtorizzazzjonijiet jew tissospendi jew tirtira kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat lil bastiment tas-sajd tar-Renju Unit fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

   (a) fejn ikun sar tibdil fondamentali taċ-ċirkostanzi;
   (b) jekk ikun hemm theddida serja għall-isfruttament sostenibbli, għall-ġestjoni u għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi;
   (c) meta dan ikun essenzjali sabiex jiġi evitat jew jitwaqqaf is-sajd IUU;
   (d) meta l-Kummissjoni tkun tal-fehma li dan ikun xieraq abbażi tas-sejbiet tagħha li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha skont l-Artikolu 18d;
   (e) meta r-Renju Unit indebitament jirrifjuta, jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

3.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lir-Renju Unit jekk tirrifjuta, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni b’konformità mal-paragrafu 2.

Artikolu 38f

Għeluq ta' operazzjonijiet tas-sajd

1.  Meta l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħataw lir-Renju Unit jitqiesu li jkunu eżawriti, il-Kummissjoni minnufih għandha tinnotifika b’dan lir-Renju Unit u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ spezzjoni tal-Istati Membri. Bil-ħsieb li tiżgura t-tkomplija tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ opportunitajiet tas-sajd li ma jkunux eżawriti li jistgħu jaffettwaw ukoll l-opportunitajiet eżawriti, il-Kummissjoni għandha titlob lir-Renju Unit jikkomunikalha l-miżuri tekniċi li jimpedixxu li jkun hemm xi impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti.

2.  Mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjonijiet li jkunu ngħataw lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit jitqiesu li jkunu sospiżi għall-operazzjonijiet tas-sajd ikkonċernati u l-bastimenti ma jitqisux li għadhom awtorizzati jwettqu dawk l-operazzjonijiet tas-sajd.

3.  L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jitqiesu li jkunu rtirati meta sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd skont il-paragrafu 2 tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet tas-sajd kollha li jkunu ngħataw għalihom.

Artikolu 38g

Sajd żejjed ta’ kwoti fl-ilmijiet tal-Unjoni

Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li r-Renju Unit ikun qabeż il-kwoti li jkunu allokati lilu għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet, il-Kummissjoni għandha tagħmel tnaqqis mill-kwoti l-oħra allokati lir-Renju Unit. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura li l-ammont tat-tnaqqis ikun konsistenti mat-tnaqqis li jkun impost fuq l-Istati Membri f’ċirkostanzi simili.

Artikolu 38h

Kontroll u infurzar

1.  Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli tal-kontroll li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

2.  Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, u, fejn ikun rilevanti, lill-Istat Membru kostali, id-data li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni huma meħtieġa li jibagħtu lill-Istat Membru tal-bandiera skont ir-Regolament dwar il-Kontroll.

3.  Il-Kummissjoni, jew il-korp magħżul minnha, għandhom jibagħtu d-data li tkun waslet b’konformità mal-paragrafu 2 lill-Istat Membru kostali.

4.  Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu, meta jintalab jagħmel hekk, jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, ir-rapporti tal-osservaturi li jkunu saru skont il-programmi tal-osservaturi li japplikaw.

5.  Stat Membru kostali għandu jirreġistra kull ksur li jagħmlu l-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit, u s-sanzjonijiet marbutin magħhom fir-reġistru nazzjonali previst fl-Artikolu 93 tar-Regolament dwar il-Kontroll.

Artikolu 38i

Trasferimenti u skambji ta’ kwoti

1.  Stat Membru jistgħa jieħu sehem f’diskussjonijiet informali mar-Renju Unit u, skont il-bżonn, jistabbilixxi pjan ġenerali possibbli għat-trasferiment jew għall-iskambju maħsub tal-kwoti.

2.  Meta l-Kummissjoni tiġi nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat, hija tista’ twettaq it-trasferiment jew l-iskambju korrispondenti.

3.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri bit-trasferiment jew bl-iskambju miftiehem.

4.  L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mir-Renju Unit jew ittrasferiti lilu fil-qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti jitqiesu bħala kwoti allokati lill-Istat Membru kkonċernat jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu mill-mument li jseħħ it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti. Din l-allokazzjoni jew dan it-tnaqqis ma jibdlux il-gwida għat-tqassim li għandha l-iskop li talloka l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.”.

"

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE, sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Madankollu dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) TUE jkun daħal fis-seħħ sad-data wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jappika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019.
(2)ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.
(3)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.1.2019, p. 1).
(4)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7).
(5)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(6)Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali