Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2792(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0156/2019

Testi mressqa :

B8-0156/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0186

Testi adottati
PDF 192kWORD 68k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd
P8_TA-PROV(2019)0186B8-0156/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd (2018/2792(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija(3) u l-obbligi tagħha favur ambjent ta' ġewwa tajjeb għas-saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar mobilità urbana sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed"(9), ippubblikat fil-11 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-aġġornament tal-2018 tad-database tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja ta' ġewwa,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Settembru 2018 bit-titlu "Air Quality and urban traffic in the EU: best practices and possible solutions"(10),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Diċembru 2018 fil-Kawżi T-339/16 (Ville de Paris vs il-Kummissjoni), T-352/16 (Ville de Bruxelles vs il-Kummissjoni) u T-391/16 (Ville de Madrid vs il-Kummissjoni);

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' informazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-7 ta' Frar 2019 dwar ir-rispons tal-UE għall-iskandlu "dieselgate"(11);

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd (O-000138/2018 – B8-0009/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-limiti tal-emissjonijiet legali tal-UE għadhom 'il fuq minn dawk irrikkmandati mid-WHO, u billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tikkalkula li, fl-UE, aktar minn 400 000 persuna fis-sena jmutu qabel iż-żmien minħabba t-tniġġis tal-arja; billi 98 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE hija esposta għal livelli ta' ożonu li jaqbżu l-linji gwida tad-WHO;

B.  billi l-kwalità tal-arja fl-Ewropa esperjenzat titjib gradwali iżda kostanti f'dawn l-aħħar deċennji u l-leġiżlazzjoni Ewropea kienet l-ixprun ewlieni għal dan l-iżvilupp ta' benefiċċju;

C.  billi l-aktar stimi riċenti tal-EEA dwar l-effetti fuq is-saħħa attribwibbli għat-tniġġis tal-arja jindikaw li l-konċentrazzjonijiet ta' materja partikolata (PM2.5) fl-2014 kienu responsabbli għall-mewt prematura – ikkawżata minn esponiment fit-tul – ta' madwar 399 000 persuna fl-UE-28; billi hu stmat li, fl-UE, l-esponiment għall-konċentrazzjonijiet ta' NO2 u O3 fl-2014 wassal għall-mewt prematura ta' 75 000 u 13 600 persuna rispettivament f'sena waħda;

D.  billi l-kwalità ħażina tal-arja tħalli impatt enormi fuq is-saħħa, u billi l-aktar f'riskju huma n-nisa tqal, it-tfal u l-anzjani;

E.  billi l-livelli ta' tniġġis tal-arja li huma esposti għalihom madwar 90 % tal-Ewropej li jgħixu fl-ibliet huma meqjusa dannużi għas-saħħa tal-bniedem;

F.  billi t-traffiku fit-toroq jipproduċi madwar 40 % tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) fl-UE u billi madwar 80 % tal-NOx totali mit-traffiku fit-toroq huma ġġenerati minn vetturi li jaħdmu bid-diżil; billi l-emissjonijiet iġġenerati mill-karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil u li qabżu l-limiti tat-tniġġis tal-UE kienu responsabbli għall-mewt prematura ta' 6 800 Ewropew fl-2015;

G.  billi hu kkalkulat li l-konsegwenzi ekonomiċi tal-effetti tal-kwalità ħażina tal-arja fuq is-saħħa jfissru telf ta' bejn 3 u 9 % tal-PDG tal-UE;

H.  billi n-negliġenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani u fl-isforzi biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja ta' ġewwa hija partikolarment inkwetanti u tagħmilha diffiċli li jintlaħaq l-Objettiv Prijoritarju 3 tas-Seba' Pjan ta' Azzjoni Ambjentali, li jgħid li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikunu mħarsa minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u mir-riskji għas-saħħa u l-benessri;

I.  billi s-sistemi agroalimentari attwali huma responsabbli għal emissjonijiet eċċessivi ta' ammonijaka, ossidu nitruż u metan; billi 94 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka u 40 % tal-emissjonijiet tal-metan joriġinaw minn attivitajiet agrikoli; billi, fuq skala globali, it-trobbija intensiva tal-bhejjem tipproduċi aktar emissjonijiet ta' gassijiet serra minn kemm jiġġenera t-trasport;

J.  billi l-kwalità ħażina tal-arja tirrappreżenta sfida dejjem akbar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, u billi huwa ta' importanza kruċjali li jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 fl-Ewropa u lil hinn minnha;

K.  billi, fis-sena 2000, id-WHO adottat sett ta' prinċipji li jistabbilixxu d-dritt għal arja ta' ġewwa tajba għas-saħħa, li fih innutat li "skont il-prinċipji tad-dritt tal-bniedem għas-saħħa, kulħadd għandu d-dritt għal arja ta' ġewwa tajba għas-saħħa";

L.  billi l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tippromwovi azzjoni fil-livell globali sabiex jitrażżan it-tniġġis tal-arja;

M.  billi l-karbonju iswed (BC), prodott minn kombustjoni mhux kompleta tal-karbonju organiku li joħroġ mit-traffiku, mill-karburanti fossili, mill-ħruq tal-bijomassa u mill-industrija, huwa wieħed mill-kostitwenti tal-materja partikolata fina u jikkontribwixxi għat-tisħin globali;

Rimarki ġenerali

1.  Jinnota li, fl-2018, sitt Stati Membri tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jirrispettaw l-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja; ifakkar, barra minn hekk, li bħalissa għaddejjin 29 każ ta' ksur għal nuqqas ta' konformità mal-limiti tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja f'20 Stat Membru u li, fil-preżent, madwar żewġ terzi tal-Istati Membri mhumiex konformi mal-valuri ta' limitu għall-PM10 u l-NO2 u wieħed minn kull ħamsa jaqbżu l-valur fil-mira għall-PM2.5;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni mingħajr dewmien fuq il-PM2.5 billi tipproponi l-introduzzjoni ta' valuri ta' konformità aktar stretti għal dawn il-partikuli fil-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tal-UE, kif irrikkmandat mid-WHO;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw u jirrieżaminaw il-politiki abbażi biss ta' evidenza xjentifika soda, aġġornata, indipendenti u rieżaminata bejn il-pari;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u politiki koordinati fil-livelli u s-setturi kollha biex titjieb il-kwalità tal-arja fl-ibliet u fiż-żoni urbani, b'tali mod li jintlaħqu l-għanijiet tal-kwalità tal-arja, u dan filwaqt li jitqiesu l-effetti tas-sustanzi niġġiesa fuq il-klima u l-ekosistemi; ifakkar li t-tniġġis tal-arja u l-mard u l-imwiet assoċjati miegħu jikkawżaw spejjeż konsiderevoli mil-lat soċjali u tas-saħħa u jqiegħdu piż sinifikanti fuq il-baġits pubbliċi fl-Unjoni kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe miżura biex tittejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja fiż-żoni tal-madwar, bħal żoni suburbani u agglomerazzjonijiet akbar;

5.  Jissottolinja, għal darb'oħra, li t-tniġġis tal-arja għandu dimensjoni lokali, reġjonali, nazzjonali u transfruntiera u jirrikjedi azzjoni f'kull livell ta' governanza; jitlob, għaldaqstant, li jissaħħaħ l-approċċ ta' governanza f'diversi livelli b'tali mod li l-atturi kollha jassumu r-responsabbiltà għall-miżuri li jistgħu u għandhom jittieħdu fil-livell tagħhom; iqis, bl-istess mod, li t-tfassil tal-politika fil-Kummissjoni għandu jkun aktar integrat u koerenti, bl-involviment tad-Direttorati Ġenerali kollha kkonċernati; jiddispjaċih li l-politiki u l-interessi ta' dipartimenti oħra sikwit jimminaw l-objettivi tad-DĠ Ambjent, minkejja li t-tniġġis tal-arja hija kompetenza tiegħu;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jieħdu approċċ komprensiv u inklużiv għat-tniġġis tal-arja, inkluż it-tniġġis tal-arja ta' ġewwa, filwaqt li jqisu d-diversi oqsma involuti u affettwati, bħas-sistemi agrikoli u tal-produzzjoni tal-ikel, il-konservazzjoni tan-natura, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-enerġija, il-mobilità u l-ippjanar urban, u jagħtu prijorità lil approċċi ta' mitigazzjoni tat-tniġġis li jġibu magħhom benefiċċji f'oqsma oħra wkoll; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni dwar l-arja nadifa li jinkludu miżuri kredibbli li jindirizzaw kull sors ta' tniġġis tal-arja u s-setturi kollha tal-ekonomija; jinkoraġġixxi l-ibliet u l-awtoritajiet kompetenti jibdew jaħdmu fil-livelli kollha fuq patt ta' arja nadifa għal kulħadd;

7.  Jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-hekk imsejħa "Djalogi dwar Arja Nadifa" bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li għandhom jindirizzaw id-diskrepanzi kollha fl-implimentazzjoni abbażi ta' approċċ olistiku;

8.  Jenfasizza li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn il-kwalità tal-arja tkun ħażina minħabba livelli persistenti ta' sustanzi niġġiesa li jaqbżu l-valuri ta' limitu stabbiliti fil-livell tal-UE għandhom jeliminaw l-eċċedenzi kemm jista' jkun malajr, kif mitlub legalment mid-Direttiva 2008/50/KE u kif ikkonfermat b'mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(12),(13);

9.  Jirrimarka l-ħtieġa ta' approċċ olistiku għat-tniġġis tal-arja fl-ibliet Ewropej li jqis is-sorsi differenti ta' dan it-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aġġornament ambizzjuż tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent biex jintlaħqu l-aktar valuri ta' limitu u fil-mira riċenti tad-WHO għall-PM, l-SO2 u l-O3) u tistabbilixxi valur fuq żmien qasir għall-PM2.5, tressaq miżuri effikaċi li jippermettu lill-Istati Membri jkunu konformi mad-Direttiva 2008/50/KE, tagħti prijorità lill-valutazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri bil-ħsieb li titjieb il-kwalità tal-arja fil-kuntest tal-proċeduri ta' ksur, u żżid l-isforzi tagħha biex tiġi vverifikata l-konformità fil-livell tal-Istati Membri, inkluż bl-istandards tal-proċedura ta' ttestjar tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi(14);

10.  Jiddeplora l-mekkaniżmu ta' flessibbiltà introdott fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/2284; jirrimarka li, fl-2018, ħdax-il Stat Membru talbu aġġustamenti għal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tillimita kemm jista' jkun l-użu tal-aġġustament tal-inventarju tal-emissjonijiet u tara jekk l-Istati Membri jkunux ħadu azzjoni biex jikkumpensaw għal emissjonijiet mhux mistennija minn ċerti setturi qabel ma jkunu applikaw għal kwalunkwe aġġustament;

11.  Jiddispjaċih li l-kriterji għal-lokalizzazzjoni tal-punti għat-teħid ta' kampjuni ta' sustanzi niġġiesa skont id-Direttiva 2008/50/KE jħallu ċertu ammont ta' libertà lill-Istati Membri, bir-riskju li l-mira tar-rappreżentattività ma tintlaħaqx; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt ta' din il-libertà fuq il-komparabbiltà tal-kampjuni u l-konsegwenzi diretti tagħha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni tagħha, tqis it-tniġġis tal-arja transfruntier li joriġina f'dawk il-pajjiżi u l-fatt li l-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni tal-UE ma' dawk il-pajjiżi jistgħu jħallu impatt fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja u, bħala prijorità, tiffoka l-programmi ta' għajnuna tagħha b'tali mod li jiġu indirizzati l-kawżi ta' dan it-tniġġis;

13.  Jissottolinja l-fatt li, skont id-WHO, il-kwalità ħażina tal-arja taffettwa d-determinanti soċjali u ambjentali tas-saħħa, bħall-ilma tax-xorb u l-provvista tal-ikel;

14.  Ifakkar fir-rabta bejn it-tniġġis tal-arja u l-inugwaljanza, billi l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà jkunu ġeneralment esposti aktar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforzi biex jimpedixxu l-akkumulazzjoni ta' żvantaġġi ambjentali, soċjodemografiċi u ekonomiċi, anke billi jieħdu miżuri biex jillimitaw it-tniġġis fl-aktar postijiet vulnerabbli, bħall-faċilitajiet soċjali, edukattivi u tal-kura tas-saħħa, kif ukoll l-ibliet u ċ-ċentri urbani;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ammont dejjem akbar ta' evidenza xjentifika li turi l-impatt tat-tniġġis tal-arja relatat mat-traffiku fuq ir-rendiment u l-iżvilupp konjittiv fit-tfal u f'sezzjonijiet oħra tal-popolazzjoni;

16.  Ifakkar li l-applikazzjoni uniformi u l-aġġornament tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) biex jiġi kkontrollat ir-rilaxx ta' sustanzi niġġiesa fl-arja huma ta' importanza kruċjali biex tiġi żgurata ż-żamma ta' livell adegwat ta' protezzjoni ambjentali fl-UE kollha;

17.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku fir-rigward ta' kwalunkwe skandlu futur dwar l-emissjonijiet, u jappella lill-koleġiżlaturi jiżviluppaw proċeduri ta' rimedju kollettiv abbażi tal-"Patt Ġdid għall-Konsumaturi" propost mill-Kummissjoni f'April 2018;

It-trasport

18.  Ifakkar li t-trażżin tat-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mis-settur tat-trasport huma sfidi relatati mill-qrib ma' xulxin fiż-żoni urbani, li l-karozzi, il-vannijiet u x-xarabanks b'emissjonijiet żero u baxxi huma essenzjali għal mobilità nadifa, għall-but ta' kulħadd u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għaċ-ċittadini kollha, u li huwa kruċjali li jitħaffef l-iżvilupp ta' suq tal-massa għal dawn il-vetturi billi tiżdied id-disponibbiltà tagħhom fl-Unjoni biex il-prezzijiet jonqsu għall-benefiċċju tal-konsumaturi, l-operaturi tal-flotot, l-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku u s-soċjetà Ewropea kollha kemm hi;

19.  Jissottolinja li huwa kruċjali li s-suq tal-vetturi elettriċi jingħata inċentivi u li l-Istati Membri jingħataw rakkomandazzjonijiet li jiggwidawhom u jħeġġuhom jimplimentaw inċentivi fiskali għall-vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi; jenfasizza li d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, inkluż fil-bini privat u pubbliku f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD)(15), kif ukoll il-kompetittività tal-vetturi elettriċi, huma essenzjali biex il-konsumaturi jaċċettawhom aktar; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-elettriku ġġenerat għall-vetturi elettriċi jiġi minn sorsi ta' enerġija sostenibbli; jappella, f'dan ir-rigward, għal inizjattiva Ewropea fit-tul dwar il-batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss;

20.  Ifakkar fir-riżultati pożittivi li ġew irrappurtati b'rabta ma' diversi miżuri implimentati fl-Istati Membri sabiex jitnaqqas l-aċċess tal-karozzi privati għaċ-ċentri urbani, isir investiment fit-trasport pubbliku u jiġi ffaċilitat l-aċċess għal mezzi oħra ta' trasport, bħar-roti;

21.  Jissottolinja li l-promozzjoni ta' modi ta' trasport attivi, bħaċ-ċikliżmu u l-mixi, hija ta' importanza kruċjali biex titjieb il-kwalità tal-arja billi titnaqqas id-dipendenza qawwija fuq il-vetturi bil-mutur privati fil-bliet u fiż-żoni urbani; jikkunsidra li għaldaqstant modi ta' trasport attivi jenħtieġ li jiġu appoġġjati permezz ta' infrastruttura estensiva u ta' kwalità għolja, ikkomplementati permezz ta' trasport pubbliku affidabbli fil-livell tal-bliet u reġjonali u mħeġġa permezz tal-ġestjoni tat-territorju;

22.  Josserva, barra minn hekk, li peress li l-vjaġġi ta' kuljum ġeneralment isiru fuq distanzi qosra ħafna, huwa essenzjali li tinħoloq infrastruttura għall-mobilità mingħajr karozzi (il-mixi, iċ-ċikliżmu, eċċ.) sabiex il-persuni jingħataw alternattiva għat-trasport bit-triq;

23.  Ifakkar li, jekk it-tniġġis tal-arja ser biex jitnaqqas, huwa kruċjali li jingħataw inċentivi lil trakkijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'emissjonijiet żero filwaqt li jiġi stimulat is-suq u l-użu tagħhom;

24.  Jissottolinja mill-ġdid l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) fit-tul u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu SUMPs li jagħtu prijorità lil modi ta' trasport b'emissjonijiet żero u b'livell baxx ta' emissjonijiet sabiex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-konsum tal-enerġija; jappoġġja l-istabbiliment ta' żoni ta' traffiku u pjattaformi intermodali fejn tingħata prijorità lill-użu tat-trasport pubbliku; jisħaq fuq li hija meħtieġa informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli dwar l-iskemi ta' regolamentazzjoni għall-aċċess tal-vetturi urbani u reġjonali u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' għodda ta' informazzjoni diġitali Ewropea;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni fuq diversi livelli li tinsab għaddejja mal-Istati Membri u mal-bliet Ewropej fil-kuntest tal-Aġenda Urbana tal-UE, tiffinalizza l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana tal-2018 tagħha(16), li jenħtieġ li jidentifika b'mod ċar soluzzjonijiet biex it-tniġġis tal-arja jiġi indirizzat fil-livell muniċipali, u tkompli tappoġġja l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana (ELTIS)(17), li jxerred informazzjoni utli dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament, studji tal-każijiet u l-aħjar prattiki dwar kif titjieb il-kwalità tal-arja permezz tal-adozzjoni ta' soluzzjonijiet aħjar għall-mobilità urbana;

26.  Jappoġġja ż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji diġitali fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", bħalma huma pedaġġ-e u biljetti-e bbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi; jisħaq li qafas armonizzat għas-sistemi tal-pedaġġi jenħtieġ li jikkunsidra kemm l-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll dawk tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali sabiex jingħataw sinjali ċari u bbilanċjati għall-iżvilupp ta' vetturi ġodda; jenfasizza, madankollu, li dawn ir-regoli jridu jkunu ċari u trasparenti għall-utenti tat-triq; jissottolinja li l-effetti ambjentali u ta' sikurezza ta' benefiċċju tas-soluzzjonijiet ta' mobilità konnessa u ta' trasport awtomatizzat f'żoni urbani, bħal flussi tat-traffiku ottimizzati u t-tnaqqis tat-traffiku li jirriżulta mill-karozzi li jfittxu parkeġġ; jappella għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-bliet biex jadottaw it-teknoloġija meħtieġa;

27.  Jisħaq fuq li l-akkwist pubbliku ekoloġiku permezz tax-xiri ta' vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'emissjonijiet żero mill-awtoritajiet pubbliċi għall-flotot tagħhom stess jew għal programmi (semi) pubbliċi ta' car-sharing huwa element ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq kif ukoll għat-titjib tal-kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha;

28.  Jilqa' l-wegħdiet li saru minn diversi bliet madwar l-Ewropa dwar it-tindif tal-flotot tat-trasport pubbliċi tagħhom billi jistabbilixxu rekwiżiti għall-akkwist ta' karozzi tal-linja elettriċi u jistieden aktar bliet biex isegwu l-eżempju ta' xi membri Ewropej(18) tan-netwerk C40 Cities li ffirmaw id-Dikjarazzjoni Favur it-Toroq Mingħajr Karburanti Fossili(19) fejn qablu li mill-2025 jakkwistaw biss karozzi tal-linja elettroniċi u li sal-2030 jiżguraw il-ħolqien ta' żoni urbani prinċipali b'emissjonijiet żero;

29.  Jenfasizza li d-diskrepanzi bejn iċ-ċifri uffiċjali tal-emissjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip u l-livell fid-dinja reali ta' emissjonijiet ta' NOx minn karozzi Euro 3-6 huma l-kawża ewlenija tad-dewmien fit-titjib tal-kwalità tal-arja fil-bliet u fiż-żoni urbani, li jimminaw serjament l-iskemi lokali u l-miżuri mfassla biex jirrestrinġu l-vetturi li jniġġsu l-aktar;

30.  Jinnota li bħalissa teżisti teknoloġija biex jintlaħqu l-istandards Euro 6 tal-NOx għall-vetturi li jaħdmu bid-diżil, inkluż fir-rigward ta' kundizzjonijiet reali tas-sewqan u mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-emissjonijiet tas-CO2;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-manifatturi tal-karozzi jikkoordinaw modifiki retroattivi obbligatorji għall-vetturi diżil li ma jkunux konformi – inkluż permezz tar-riduzzjoni katalitika selettiva (SCR) – biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), titnaddaf il-flotta eżistenti u b'hekk jiġu evitati l-projbizzjonijiet fuq il-karozzi diżil; iqis li l-ispejjeż ta' dawn il-modifiki għandhom jitħallsu mill-manifatturi tal-karozzi responsabbli;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-NOx mill-flotta tal-karozzi fl-UE billi tirrieżamina l-fattur ta' konformità, kif previst mit-tieni pakkett tal-RDE, kull sena u skont l-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex dan jitnaqqas għal 1 mill-aktar fis possibbli, u sa mhux aktar tard mill-2021;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża s-setgħat delegati tagħha skont id-Direttiva 2014/45/UE dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom(20) biex taġġorna l-proċedura tat-test sabiex l-Istati Membri kollha jkollhom jittestjaw il-konformità tal-karozzi fl-użu mal-istandards tal-emissjonijiet tal-NOx waqt l-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standard wara l-Euro 6 għall-karozzi li jkun newtrali fir-rigward tal-fjuwil, tat-teknoloġija u tal-applikazzjoni u li jallinja, tal-anqas, mal-istandards tal-NOx tal-California/tal-Istati Uniti (Grad 3 u LEV III) u mar-rekwiżiti tal-konformità u tad-durabbiltà fl-użu;

35.  Jappella lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha biex ittejjeb il-prestazzjoni tas-Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS) sabiex titjieb il-preċiżjoni tagħhom u jitnaqqas il-marġni tal-iżball tagħhom; jikkunsidra li fil-każ tal-materja partikolata, it-teknoloġija tal-PEMS jenħtieġ li tkun tista' tqis il-partiċelli li d-daqs tagħhom ikun iżgħar minn 23 nanometru u li jkunu l-aktar perikolużi għas-saħħa tal-pubbliku;

36.  Jikkundanna bil-qawwi l-esperimenti li ġew ikkummissjonati mill-Grupp Ewropew tar-Riċerka dwar l-Ambjent u s-Saħħa fis-Settur tat-Trasport (EUGT) u li twettqu bejn l-2014 u l-2015 fuq il-bnedmin u fuq ix-xadini bħala tentattiv biex jintwera li d-dħaħen tal-egżost mill-magni tad-diżil ta' vetturi ġodda ma jippreżentawx theddida għas-saħħa;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li esperimenti ta' dan it-tip, li etikament huma ta' stmerrija u mhux ġustifikabbli minn kull aspett, qatt ma jiġu ripetuti fit-territorju tal-Unjoni;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tintroduċi standards biex tindirizza l-emissjonijiet mhux tal-egżost tal-vetturi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-emissjonijiet mill-makkinarju tas-siti tal-kostruzzjoni lil hinn mir-Regolament NRMM(21) billi twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-potenzjal tal-makkinarju tal-kostruzzjoni b'emissjonijiet żero biex jitnaqqsu l-livelli tat-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku, u, barra minn hekk, l-inklużjoni possibbli tiegħu f'reviżjonijiet futuri tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

40.  Jemmen li ż-żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet (ECAs) jistgħu jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-arja fil-bliet kostali u l-irħula milquta minn livelli għolja ta' tniġġis tal-kubrit u tal-ossidi tan-nitroġenu mit-tbaħħir; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri rilevanti jimpenjaw ruħhom fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) bil-għan li tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-ECAs fl-ilmijiet tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja kull sforz f'dan ir-rigward;

L-agrikoltura

41.  Jirrikonoxxi li s-sistemi attwali tal-ikel u tal-biedja huma responsabbli għal emissjonijiet żejda tal-ammonijaka (NH3), tal-ossidu nitruż (N2O) u tal-metan (CH4), filwaqt li 94 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka u 40 % tal-emissjonijiet tal-metan jirriżultaw minn attivitajiet agrikoli;

42.  Jaċċentwa li l-agrikoltura hija t-tielet l-akbar sors ta' emissjonijiet primarji tal-PM10 fl-UE, kif saħqet l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

43.  Ifakkar fis-sejbiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li fl-2017 iddikjarat li l-emissjonijiet tal-NH3 mill-agrikoltura jikkontribwixxu għal episodji ta' konċentrazzjonijiet għoljin ta' PM preżenti fl-Ewropa kollha kull rebbiegħa, u jikkonkludi li l-emissjonijiet tal-NH3 jikkontribwixxu għal impatti negattivi fuq is-saħħa fuq perjodu kemm qasir kif ukoll twil;

44.  Jaċċentwa li fiż-żoni urbani l-emissjonijiet tal-ammonijaka jammontaw għal madwar 50 % tal-impatti fuq is-saħħa mit-tniġġis tal-arja, peress li l-ammonijaka hija prekursur ewlieni tal-materja partikolata; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE bħala opportunità biex jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja mis-settur agrikolu;

45.  Jissottolinja l-fatt li jeżistu miżuri tekniċi biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-ammonijaka, iżda s'issa dawn jintużaw minn ftit Stati Membri biss; ifakkar li dawn jinkludu: il-ġestjoni tan-nitroġenu, billi jitqies iċ-ċiklu kollu tan-nitroġenu; strateġiji għall-għalf tal-annimali biex titnaqqas l-eskrezzjoni ta' nitroġenu mill-bhejjem tal-ifrat, il-ħnieżer u t-tjur; l-applikazzjoni tad-demel u l-fertilizzant fuq l-art b'livell baxx ta' emissjonijiet; sistemi ta' ħżin tad-demel b'livell baxx ta' emissjonijiet; sistemi ta' pproċessar u kkompostjar tad-demel b'livell baxx ta' emissjonijiet; sistemi ta' alloġġ tal-annimali b'livell baxx ta' emissjonijiet u approċċi b'livell baxx ta' emissjonijiet għall-applikazzjoni ta' fertilizzanti minerali;

46.  Jappella lill-koleġiżlaturi biex fil-PAK tal-futur jinkludu miżuri biex jippermettu lill-bdiewa jnaqqsu l-emissjonijiet ġenerali tas-sustanzi li jniġġsu l-arja tas-settur agrikolu, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha fl-Unjoni;

47.  Jissottolinja li qiegħda tiżdied evidenza xjentifika dwar l-impatti negattivi fuq is-saħħa u fuq l-ambjent ikkawżati mit-trobbija intensiva tal-bhejjem, kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja;

48.  Ifakkar li l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura huma prekursur importanti tal-ożonu fil-livell tal-art, li għandu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u li 98 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE huma esposti għal livelli ta' ożonu li jaqbżu l-linji gwida tad-WHO;

49.  Jaċċentwa li l-emissjonijiet tal-metan mhumiex irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja u mhumiex irregolati speċifikament mill-politika tal-UE dwar il-klima;

50.  Jenfasizza d-diversi modi kosteffikaċi ta' kif jistgħu jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan mingħajr ma jiġi affettwat il-konsum tal-laħam u l-ħalib; iqis li l-ġestjoni tad-demel toffri l-potenzjal li jitnaqqsu l-emissjonijiet, permezz tal-adozzjoni ta' miżuri sempliċi u kosteffiċjenti li jvarjaw mill-ħżin għat-tekniki tat-tifrix; iqis ukoll li jekk jinbidlu l-istrateġiji tal-għalf (pereżempju jiżdiedu elementi leguminużi bħall-alfalfa u l-kittien), jonqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-metan enteriċi; ifakkar li l-materjal li jifdal wara d-diġestjoni anaerobika, li permezz tagħha l-materjal tal-iskart organiku jinqasam mill-mikroorganiżmi u jinbidel f'bijogass, fih ħafna nutrijenti u jista' jintuża bħala fertilizzant naturali;

51.  Jaċċentwa li l-ispejjeż tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa huma ferm anqas fis-settur agrikolu milli f'setturi oħra li fihom diġà ġew implementati kontrolli tal-emissjonijiet aktar stretti;

52.  Jikkunsidra li l-finanzjament tal-PAK tal-futur jenħtieġ li jkun marbut ma' miżuri obbligatorji biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja;

Enerġija

53.  Ifakkar li s-settur tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija huwa responsabbli għal aktar minn nofs l-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit (SOx) u għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) fit-33 pajjiż membru tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

54.  Jaċċentwa l-kontribuzzjoni sinifikanti mill-impjanti tal-faħam u tal-linjite għall-emissjonijiet tal-merkurju fl-UE u li 62 % tal-emissjonijiet tal-merkurju mill-industrija tal-UE huma ġejjin minn impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam;

55.  Ifakkar li l-merkurju huwa newrotossina perikoluża li tagħmel ħsara lis-sistema nervuża anke f'livelli ta' esponiment relattivament baxxi;

56.  Jilqa' l-impenji li saru minn tal-anqas għaxar Stat Membri tal-UE biex jeliminaw b'mod gradwali l-faħam; jappella lill-Istati Membri l-oħra jeliminaw b'mod gradwali l-faħam bħala sors tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2030;

57.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tat-tisħin distrettwali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u jenfasizza li installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali żviluppati sew huma wieħed mill-fatturi ewlenin li jistgħu jillimitaw it-tniġġis tal-arja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li ma għandhomx tisħin distrettwali jikkunsidraw il-benefiċċji li jintroduċu sistema bħal din;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' tisħin domestiku bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli sabiex jikkontribwixxu biex jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu l-arja mill-unitajiet domestiċi fl-Unjoni kollha;

It-tniġġis tal-arja ta' ġewwa

59.  Jissottolinja l-fatt li n-nies iqattgħu kważi 90 % tal-ħin tagħhom ġewwa, fejn l-arja tista' tkun ferm aktar imniġġsa mill-arja ta' barra;

60.  Ifakkar li kwalità ħażina tal-arja ta' ġewwa hija responsabbli għal 10 % tal-mard li ma jitteħidx globalment u li kwalità ħażina tal-arja ta' ġewwa fl-uffiċċji hija marbuta wkoll ma' tnaqqis tal-produttività; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi standards armonizzati ta' ttestjar biex jitkejjel it-tniġġis tal-arja ta' ambjenti ta' ġewwa;

61.  Iqis li l-għoti obbligatorju ta' ċertifikat tal-kwalità tal-arja ta' ġewwa għandu japplika għall-bini ġdid u rinnovat kollu fl-Unjoni u għandu jqis l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-metodi ta' ttestjar eżistenti bbażati fuq l-istandard EN 16798-1 kif ukoll il-linji gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja ta' ġewwa;

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw u jimplimentaw miżuri biex jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja fis-sors, filwaqt li jqisu d-differenza bejn is-sorsi tat-tniġġis tal-arja ta' ġewwa u ta' barra;

Ix-xjenza , il-monitoraġġ u r-riċerka tat-tniġġis tal-arja

63.  Jirrikonoxxi l-kumplessità u l-inċertezzi inerenti għax-xjenza tat-tniġġis tal-arja, u għalhekk jippromwovi l-użu ta' forom differenti ta' għarfien inkluża x-xjenza taċ-ċittadini(22), fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u fl-evalwazzjoni tal-politika; jenfasizza l-importanza li jittejbu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-informazzjoni billi ċ-ċittadini jiġu involuti fi kwistjonijiet dwar il-kwalità tal-arja;

64.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE għal sistemi intelliġenti innovattivi b'aktar minn sensur wieħed għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fuq ġewwa kif ukoll fuq barra; jisħaq fuq li sistemi intelliġenti ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja jistgħu jkunu għodda vijabbli għax-xjenza taċ-ċittadini u wkoll ta' benefiċċju partikolari għall-persuni li jbatu mill-ażma u minn mard kardjovaskulari;

65.  Jappella lill-Istati Membri jiżguraw kejl u monitoraġġ adegwati, rappreżentattivi, eżatti u kontinwi tal-kwalità tal-arja; ifakkar fl-importanza ta' fejn jitqiegħdu l-istazzjonijiet użati fl-agglomerazzjonijiet urbani ewlenin bi problemi ta' kwalità tal-arja, meta jitqies il-fatt li postijiet mhux adatti ma jippermettux segwitu xieraq tar-riskji għas-saħħa pubblika;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu bordijiet indipendenti għall-kwalità tal-arja inkarigati mit-twettiq ta' analiżijiet dwar il-prestazzjoni tal-kwalità tal-arja u l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri adottati; iqis li dawn l-analiżijiet għandhom jiġu prodotti f'livell lokali kull xahar u għandhom jiġu ppubblikati;

67.  Iqis li hemm bżonn ta' aktar riċerka dwar l-effetti fuq is-saħħa ta' partiċelli iżgħar, fosthom il-PM1 u l-partiċelli ultrafini;

Kunsiderazzjonijiet finanzjarji

68.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe inċentiv fiskali, preferenza fiskali jew trasferiment baġitarju li, direttament jew indirettament, jiffavorixxu mezzi tat-trasport b'livell għoli ta' emissjonijiet skont il-prinċipju ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

69.  Ifakkar fil-prinċipju tal-"użu tad-dħul" f'dak li għandu x'jaqsam mal-pedaġġi tat-triq u, meta jkun xieraq, jitlob li proporzjon mid-dħul mill-użu tal-infrastruttura stradali jiġi allokat għal miżuri li jappoġġjaw it-titjib tal-kwalità tal-arja fil-bliet;

70.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-reġjuni affettwati mit-trasformazzjoni tal-enerġija, speċjalment iż-żoni ta' estrazzjoni, peress li t-tendenza hija li dawn huma reġjuni foqra li spiss ikunu kkaratterizzati minn livelli għoljin ta' sustanzi perikolużi fl-arja;

71.  Jistieden l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-karburanti fossili;

72.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka dwar l-impatt tal-kwalità tal-arja fuq is-saħħa pubblika, is-soċjetà u l-ekonomija, inkluża stima tal-esternalitajiet relatati, u għar-riċerka dwar strateġiji ta' kejl aktar komprensivi li jistgħu jaqbdu l-esponiment għat-tniġġis tal-arja filwaqt li jqisu t-trajettorji fil-ħin u fl-ispazju tal-individwi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-bliet u lill-muniċipalitajiet mezzi suffiċjenti biex jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.
(2) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1
(3) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75
(4) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.
(6) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 114.
(7) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 10.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0100.
(9) Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_23/SR_AIR_QUALITY_MT.pdf
(10) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604988/IPOL_STU(2018)604988_EN.pdf
(11) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/BRP_Vehicle_emissions/BRP_Vehicle_emissions_MT.pdf
(12) Sentenza tal-5 ta' April 2017, Il-Kummissjoni vs. Il-Bulgarija, C-488/15, ECLI:EU:C:2017:267.
(13) Sentenza tat-22 ta' Frar 2018, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-336/16, ECLI:EU:C:2018:94.
(14) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).
(16) https://ec.europa.eu/futurium/en/system/files/ged/pum_draft_action_plan.pdf
(17) http://www.eltis.org
(18) Pariġi, Londra, Barċellona, Heidelberg, Milan, Ruma, Rotterdam, Varsavja, Birmingham, Oxford u Manchester (mit-8 ta' Ottubru 2018).
(19) https://c40-production-images.s3.amazonaws.com/other_uploads/images/1579_3_FFFS_declaration_FINAL.original.pdf?1535129747
(20) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51.
(21) Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53.
(22) http://ec.europa.eu/environment/integration/research/newsalert/multimedia/citizen_science_en.htm

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali