Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0031/2019

Testi mressqa :

A8-0031/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 20
CRE 12/03/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.23
CRE 13/03/2019 - 11.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0187

Testi adottati
PDF 186kWORD 59k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi
P8_TA-PROV(2019)0187A8-0031/2019

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (2018/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju u tat-18 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 bit-titlu "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew" (COM(2018)0236),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni madwar l-UE, ippubblikat fis-26 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 bit-titlu "Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2016 dwar l-Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016)0230),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija dwar Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, bit-titlu ''Bringing Plurality and Balance to the Russian Language Media Space'' (it-twassil tal-pluralità u tal-bilanċ fl-ispazju tal-midja bil-lingwa Russa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-18 ta' Mejju 2015 bit-titlu "L-Unjoni Ewropea f'ambjent globali jinbidel – dinja aktar konnessa, kontestata u kumplessa", u l-ħidma li għaddejja dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Globali l-ġdida tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titlu "Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE" (JOIN(2017)0450),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu ''Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipproteġi d-dritt ta' kulħadd li jkollu opinjoni mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat ta' kull tip, irrispettivament mill-fruntieri u minn kwalunkwe midja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-3 ta' Marzu 2017 dwar il-Libertà ta' Espressjoni u l-"Aħbarijiet Foloz", id-Diżinformazzjoni u l-Propaganda maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà ta' Opinjoni u Espressjoni, ir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) għal-Libertà tal-Media, ir-Rapporteur Speċjali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għal-Libertà ta' Espressjoni u r-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) għal-Libertà ta' Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-6 ta' April 2018 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-Europol tal-2018 dwar is-sitwazzjoni u x-xejra tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea, li enfasizza ż-żieda fl-attivitajiet ta' gruppi terroristiċi fiċ-ċiberspazju u l-konverġenza possibbli tagħhom ma' gruppi kriminali oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-5 ta' Diċembru 2018 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni" (JOIN(2018)0036) u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni bit-titlu "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew" (COM(2018)0794) tal-istess data,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kummissjoni Transatlantika dwar l-Integrità tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Santa Clara dwar it-Trasparenza u l-Obbligu ta' Rendikont tal-Prattiki ta' Moderazzjoni tal-Kontenut,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0031/2019),

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Is-sitwazzjoni attwali 2018 – L-indirizzar tal-gwerra ibrida

Tipi ta' informazzjoni ħażina, diżinformazzjoni u propaganda mmirati lejn l-UE u l-ġirien tagħha

L-industrija u l-midja soċjali

L-aħjar prattiki

Approċċ Ewropew

Salvagwardja tal-elezzjonijiet minn propaganda ostili

   (a) li jenfasizzaw li l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni kif ukoll il-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tas-soċjetajiet demokratiċi reżiljenti, u li jipprovdu l-aqwa salvagwardji kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-libertajiet tal-midja u tal-każijiet ta' ġurnalisti li qed ikunu fil-mira; jinnota li għandhom jittieħdu aktar passi mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex tiġi garantita t-trasparenza tas-sjieda tal-midja u tal-pluraliżmu tal-midja mingħajr ma tiġi infurzata skema ta' ċensura u biex jiġi protett ambjent favorevoli għal varjetà wiesgħa ta' informazzjoni, ideat, midja u kuntest tas-soċjetà ċivili differenti, kif ukoll sforzi li għandhom l-għan li jidentifikaw u jqajmu kuxjenza dwar id-diżinformazzjoni u l-propaganda; li jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha li jinkludu lill-aġenziji ewlenin tal-istampa u l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u tal-midja f'dawn il-proċessi; jissottolinja l-importanza ta' sistema ta' xandir pubbliku li tiffunzjona, li tistabbilixxi l-istandard ta' kif tingħata informazzjoni imparzjali u oġġettiva f'konformità mal-aħjar prattika u l-etika tal-ġurnaliżmu;
   (b) li jqisu li jiżviluppaw qafas legali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali biex jindirizzaw it-theddid ibridu, inkluża l-gwerra ċibernetika u tal-informazzjoni – dan il-qafas jippermetti rispons b'saħħtu mill-Unjoni u jkopri wkoll sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-kampanji, li ntweriet ħtieġa għalihom b'mod partikolari permezz tal-azzjonijiet ostili ta' atturi statali u mhux statali f'dawn l-oqsma;
   (c) li jikkunsidraw li d-Daesh qiegħed jibdel it-tattiċi tiegħu, billi jaqleb mis-siti elettroniċi għas-servizz ta' messaġġi kriptati magħrufa fost il-gruppi Iżlamisti;
   (d) li jappoġġjaw mhux biss in-numru dejjem jikber ta' istituzzjonijiet statali, gruppi ta' riflessjoni u NGOs li jindirizzaw il-propaganda u d-diżinformazzjoni, iżda anke l-attivitajiet ċibernetiċi ta' bażi; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib f'dan il-qasam billi jħejju valutazzjoni bir-reqqa tar-regolamenti l-ġodda, li jinkludu r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika li jmiss, bħala salvagwardja kontra l-użu malizzjuż tal-pjattaformi soċjali; li jiżguraw li l-komunikazzjoni strateġika tal-UE ssir kwistjoni ta' prijorità għolja fuq l-aġenda Ewropea u li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu id f'id dwar il-prevenzjoni ta' dawn il-fenomeni, filwaqt li jżommu f'moħħhom li d-diżinformazzjoni u l-propaganda jirnexxu f'ambjent polarizzat b'livelli aktar baxxi ta' fiduċja fil-midja;
   (e) li jħeġġu lill-Istati Membri li jkomplu jiċħdu li jeżistu d-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili, is-sorsi ewlenin ta' diżinformazzjoni fl-Ewropa u l-impatt tad-diżinformazzjoni u tal-propaganda fuq l-opinjoni pubblika biex jirrikonoxxuhom, u li jħeġġu lil dawn l-Istati Membri jieħdu miżuri proattivi sabiex jikkontrobattu u jwaqqfu tali propaganda, inklużi l-każijiet ippruvati ta' spjunaġġ minn pajjiżi terzi; li jistiednu lill-Istati Membri kollha jevalwaw is-sitwazzjoni fit-territorju tagħhom u jagħmlu l-investimenti rilevanti fil-kapaċità tagħhom stess biex jiġġieldu l-komunikazzjoni strateġika minn partijiet terzi ostili u jtejbu l-kapaċità taċ-ċittadini li jidentifikaw diżinformazzjoni, kif ukoll li jħeġġu lill-Istati Membri jiżguraw skambju effettiv ta' informazzjoni dwar din il-kwistjoni; li jitolbu lill-mexxejja Ewropej li għadhom ma ddedikawx biżżejjed attenzjoni għal din it-theddida biex jirrikonoxxu l-ħtieġa imminenti ta' qawmien strateġiku sabiex jiġġieldu l-gwerra ta' informazzjoni ostili;
   (f) li jħeġġu lill-Istati Membri jinvestu b'mod proattiv f'miżuri edukattivi li jispjegaw il-modi differenti ta' kif tiġi prodotta u mxerrda d-diżinformazzjoni sabiex titjieb il-kapaċità taċ-ċittadini li jidentifikaw u jwieġbu għad-diżinformazzjoni;
   (g) li jħeġġu lill-Istati Membri jiżguraw skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha tagħhom biex jindirizzaw il-propaganda, il-manipulazzjoni u d-diżinformazzjoni, inkluża l-gwerra ċibernetika u tal-informazzjoni;
   (h) li jqajmu kuxjenza dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni tar-Russja, peress li jikkostitwixxu s-sors ewlieni tad-diżinformazzjoni fl-Ewropa;
   (i) li jirrikonoxxu x-xogħol magħmul f'diversi livelli biex jiġu identifikati t-tipi ta' influwenza u għodod użati kontra l-UE u l-viċinat tagħha; li jqajmu kuxjenza dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni li għaddejjin bħalissa u li jibdlu l-attenzjoni għall-analiżi u r-riċerka fil-fond dwar l-impatt u l-effikaċja tagħhom sabiex jiżviluppaw miżuri biex jiġġieldulhom b'mod proattiv u rapidu; li jħeġġu lill-Istati Membri jistabbilixxu strutturi permanenti biex jidentifikaw, jimpedixxu u jikkontrobattu d-diżinformazzjoni; jissottolinja li l-kampanji ta' diżinformazzjoni huma parti minn strateġija usa' u huma ġeneralment akkumpanjati minn attivitajiet ostili oħra u li b'mod partikolari l-gwerer tal-informazzjoni li jakkumpanjaw l-offensivi militari għandhom jittieħdu bis-serjetà u jiġu kontrobilanċjati b'determinazzjoni, unità u saħħa;
   (j) li jwissu dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-iżvilupp rapidu tagħha fit-tixrid tal-aħbarijiet foloz, u jinnota bi tħassib li l-IA dalwaqt se tkun tista' toħloq aktar kapaċitajiet tal-IA ulterjuri b'mod indipendenti; li għalhekk jimpenjaw finanzjament sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp fl-intersezzjoni tal-IA u l-gwerra tal-informazzjoni fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-IA li qed jikbru b'rata mgħaġġla fil-qasam tat-tixrid tal-propaganda u d-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta', inter alia, vidjows deep fake;
   (k) li jiffokaw fuq l-użu li qed isir mid-diżinformazzjoni min-naħa ta' atturi awtoritarji bħall-Iran, li t-tixrid tiegħu ta' aħbarijiet foloz jinstiga u jqabbad tensjonijiet ulterjuri f'żoni ta' kunflitt volatili, filwaqt li fl-istess ħin jimmira lejn il-popolazzjonijiet Ewropej biex jaħbi l-intenzjoni kefrija; li jħeġġu lill-Istati Membri jikkontrobattu azzjonijiet bħal dawn billi jsaħħu l-kooperazzjoni u jużaw it-tagħlimiet meħuda minn pajjiżi li jaħsbuha bl-istess mod u mill-NGOs;
   (l) li jiffokaw fuq ir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri u jadattawh għas-sofistikazzjoni li dejjem qed tikber tal-għodod li jintużaw biex joħolqu u jxerrdu d-diżinformazzjoni, inklużi l-modi ġodda ta' tixrid ta' propaganda billi jintużaw siti web ta' livell baxx, apps ta' messaġġi privati, ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix, ħsejjes, stampi jew vidjows manipulati, IA, portali tal-aħbarijiet online u stazzjonijiet tat-TV biex ixerrdu n-narrattivi ewlenin, speċjalment minn dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet u istituzzjonijiet ikkontrollati jew iffinanzjati mill-istat li jwasslu messaġġi u narrattivi ewlenin li jappellaw lill-atturi awtoritarji; jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet dejjem aktar aggressivi tar-Russja, taċ-Ċina, tal-Iran, tal-Korea ta' Fuq u ta' oħrajn f'dan il-kuntest, li jfittxu li jimminaw jew jissospendu l-pedamenti u l-prinċipji normattivi tad-demokraziji Ewropej u s-sovranità tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet u jappoġġjaw movimenti estremisti, filwaqt li jqisu li l-iskala ta' attakki ċibernetiċi qed tikber b'mod kostanti;
   (m) li jagħtu attenzjoni speċjali lill-messaġġi u lill-kontenut li apertament għandhom l-għan li jħeġġu l-vjolenza, ir-razziżmu, l-attakki suwiċida, ir-reklutaġġ ta' "ġellieda barranin", diversi reati jew inċitament ċar għal wieħed jew aktar minn dawn l-attivitajiet;
   (n) filwaqt li jirrikonoxxu investiment ġdid ta' sforz minn kumpaniji tal-midja soċjali biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, jagħtu attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, filwaqt li jistiednu wkoll lill-ġirien tal-UE u lill-pajjiżi sħab jiffirmaw il-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, u jagħtu attenzjoni speċjali lit-tattika l-ġdida tal-użu ta' servizzi ta' messaġġi kriptati u l-midja soċjali li, minkejja l-isforzi tagħhom għall-kuntrarju, huma meqjusa bħala l-aktar għodda komuni għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, propaganda ostili u kontenut li jinċita l-mibegħda u l-vjolenza;
   (o) li, flimkien mal-Istati Membri, jirregolaw l-azzjonijiet ta' kumpaniji tal-midja soċjali, servizzi ta' messaġġiera u fornituri ta' magni tat-tiftix u jiżguraw it-trasparenza sħiħa tagħhom u, b'mod partikolari, l-obbligu ta' rendikont, l-adozzjoni ta' approċċ mifrux mal-UE kollha, u li jkun possibbli li jinkixfu l-identità u l-post mhux biss tal-awturi, iżda anke tal-isponsors tal-kontenut politiku ppreżentat, u li l-kumpaniji jinżammu responsabbli għall-impatt soċjali ta' sistemi ta' rakkomandazzjonijiet awtomatizzati li jippromwovu d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi enfasizzat li l-kumpaniji għandhom responsabbiltà li jneħħu malajr l-aħbarijiet sistemiċi foloz; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi assoċjati jadottaw leġiżlazzjoni effettiva u ċara li tiżgura t-trasparenza tas-sjieda tal-midja; li jagħtu attenzjoni partikolari lill-finanzjament, lit-trasparenza u lill-objettivi tal-NGOs b'rabtiet ma' stati awtoritarji li joperaw fl-UE u fil-pajjiżi sħab tagħha;
   (p) li jiżguraw li l-industrija u l-pjattaformi online jwettqu l-impenji li ħadu fil-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u jindirizzaw b'mod effettiv il-problema tad-diżinformazzjoni billi: (i) jiżguraw it-trasparenza tar-reklamar politiku abbażi ta' kontrolli effettivi tad-diliġenza dovuta tal-identità tal-isponsors, (ii) jieħdu azzjoni deċiżiva kontra l-kontijiet foloz li huma attivi fuq is-servizzi tagħhom, (iii) jidentifikaw l-użu ħażin tal-bots awtomatiċi, u (iv) jikkooperaw b'mod effettiv mal-verifikaturi tal-fatti indipendenti;
   (q) li jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali u lill-fornituri tas-servizzi ta' messaġġiera jiżguraw konformità sħiħa mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u ma' regolamenti oħra, jirreaġixxu f'ħin reali u jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjonijiet kollha dwar l-użu allegat tal-pjattaformi tagħhom għal finijiet ostili, u jwettqu awditi trasparenti ta' entitajiet suspettati li jxerrdu informazzjoni ħażina; jistieden lill-kumpaniji tat-teknoloġija jinvestu aktar f'għodod li jidentifikaw il-propaganda, fit-titjib tar-responsabbiltà online u fl-iżgurar ta' kontrolli tal-identità aħjar tal-utenti qabel ma jingħaqdu mal-pjattaformi rispettivi sabiex jiġu eliminati l-botnets, kif ukoll biex jitnaqqsu l-inċentivi finanzjarji għal dawk li japprofittaw mid-diżinformazzjoni; li jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jirreaġixxu b'mod urġenti meta jinxtered kontenut suspettuż ta' natura politika, speċjalment jekk jinċita l-mibegħda jew il-kriminalità;
   (r) li jżommu f'moħħhom li l-projbizzjoni ta' kontijiet suspettużi tista' titqies bħala ċensura, u għalhekk jiżguraw li tali azzjonijiet huma ġġustifikati jekk jiġu preskritti bil-liġi u mwettqa b'mod trasparenti, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, u b'għarfien sħiħ dwar ir-raġunijiet għal dan, inkluż billi jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jipprovdu avviż ċar lill-utenti kollha dwar liema tipi ta' kontenut huma pprojbiti, u b'avviż ċar lil kull utent affettwat dwar ir-raġuni għat-tneħħija tal-kontenut tagħhom jew is-sospensjoni tal-kont tagħhom; jitlob l-allinjament ta' sett intern mill-midja soċjali għall-utenti tagħhom b'ordni legali tal-pajjiż li joperaw fih;
   (s) li jkomplu jiżviluppaw reżiljenza akbar abbażi tal-approċċi globali fil-livell tal-gvern u tas-soċjetà, u l-kapaċità li jirrispondu għat-theddid f'ħin reali, jiżviluppaw miżuri preventivi u jaħsbu pass 'l quddiem, aktar milli sempliċiment jirreaġixxu u janalizzaw l-attakki li diġà seħħew fil-qasam ċibernetiku u f'dak tal-informazzjoni; li jiġbdu l-attenzjoni għall-progress tekniku f'dan il-qasam u jaqsmu eżempji tal-aħjar prattika fil-forma ta' miżuri diġà meħuda minn Stati Membri individwali, inkluż li jwettqu rieżami tal-funzjonament ta' Approċċi Nazzjonali introdotti mill-Istati Membri, filwaqt li jiġu żviluppati modi ta' trawwim ta' kooperazzjoni mill-qrib mar-Renju Unit wara l-Brexit, u li jaħdmu f'kooperazzjoni mal-komunità tal-intelligence u alleati bħall-Istati Uniti u l-Kanada, in-NATO u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN);
   (t) li jagħtu attenzjoni speċjali lit-titjib fl-isforzi tal-investigazzjoni fil-proċess attwali tal-esternalizzazzjoni tal-propaganda u tal-użu ta' sett ta' għodod li jimmultiplikaw is-saħħa minn partijiet terzi ostili, kif ukoll lill-importanza li dawn l-attakki mhux biss jinkixfu, jiġu żvelati u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' attribuzzjoni, iżda jiżguraw ukoll l-attribuzzjoni ċara ta' dawn l-attakki, inkluż billi jissemmew pubblikament l-awturi, l-isponsors tagħhom u l-għanijiet li huma jfittxu li jiksbu, filwaqt li jitkejlu l-effetti ta' dawn l-attakki fuq l-udjenza fil-mira; li jippubbliċizzaw il-każijiet magħrufa kollha ta' propaganda ostili akkumpanjati minn skeda informattiva dettaljata fi sforz biex iwissu lill-pubbliku b'mod li jilħaq lill-udjenza fil-mira bil-każ speċifiku ta' propaganda ostili;
   (u) li jappoġġjaw u jinvolvu lis-soċjetà ċivili, lill-komunità ta' esperti, lill-istituzzjonijiet privati, lill-akkademja, lill-attivisti ċibernetiċi tal-massa, lill-istampa ġenerali, lill-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u tal-midja u n-numru dejjem jikber ta' atturi fil-mira u affettwati f'aktar tisħiħ ta' miżuri mmirati lejn il-verifika tal-fatti u l-esponiment tad-diżinformazzjoni, l-approfondiment tar-riċerka, inklużi studji profondi u riċerka soċjoloġika, u li janalizzaw b'mod aktar effettiv il-manipulazzjoni tal-informazzjoni; li jappoġġjaw lill-ġurnaliżmu professjonali, ir-rapportar investigattiv u l-proġetti li jaħdmu fuq l-iżvelar ta' diżinformazzjoni kif ukoll lil start-ups ta' teknoloġija avvanzata li joħolqu għodod diġitali li jipprovdu armi lill-udjenza kontra attakki ta' diżinformazzjoni; li jenfasizzaw l-importanza u l-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi u edukazzjoni, inklużi seminars u korsijiet ta' taħriġ b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili, bħal librerija online ta' litteriżmu medjatiku u ċentru ta' tagħlim, immirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u ż-żieda tal-litteriżmu medjatiku;
   (v) li jilqgħu s-sett ta' miżuri adottati min-NATO li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra tipi ġodda ta' theddid ibridu u komunikazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO dwar din il-kwistjoni; li jappellaw lill-UE biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u rapida ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, anke fil-livell tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);
   (w) li jilqgħu l-istabbiliment tat-Task Forces il-ġodda għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE li jikkonsistu minn esperti b'ħiliet u għarfien lingwistiċi xierqa, jiġifieri t-Task Force għall-Balkani tal-Punent u t-Task Force għan-Nofsinhar għall-pajjiżi fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u r-reġjun tal-Golf, li għandhom il-kompitu li jiżguraw komunikazzjoni tal-UE koordinata u konsistenti fir-reġjuni u li jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda kontra l-UE;
   (x) li jirrikonoxxu r-riżultati tanġibbli miksuba mit-Task Force East StratCom, inkluż il-ħolqien ta' euvsdisinfo.eu u l-kont @EUmythbuster fuq Twitter; jissottolinja li, minn mindu nħolqot it-Task Force, hija kixfet aktar minn 4 000 każ ta' kampanji ta' diżinformazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' suġġetti; li jkomplu jappoġġjaw l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni u tas-SEAE u tat-Task Force East StratCom tal-UE wara analiżi tal-vantaġġi u d-dgħufijiet tagħha u tat-titjib meħtieġ, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet tagħha biex tidentifika, tanalizza u tiżvela d-diżinformazzjoni billi tarma l-Forzi Tematiċi tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-viċinat b'persunal, għodod u ħiliet ġodda, li jinkludu għodod ġodda għall-analiżi tad-data, ir-reklutaġġ ta' xjentisti tad-data addizzjonali u ta' esperti tad-diżinformazzjoni, filwaqt li tkopri firxa usa' ta' sorsi u lingwi dwar il-firxa u l-impatt tad-diżinformazzjoni;
   (y) li b'mod urġenti jbiddlu t-Task Force East StratCom f'unità kompluta jew saħansitra struttura akbar fi ħdan is-SEAE, u li, permezz tal-allokazzjoni li jmiss ta' finanzjament mill-Parlament Ewropew, jappoġġjaw it-tliet forzi tat-Task Forces Strateġiċi tal-Komunikazzjoni tas-SEAE kollha billi jipprovduhom b'riżorsi finanzjarji u tal-persunal adegwati, li għadhom meħtieġa, immirati lejn iż-żieda sinifikanti tal-potenzjal, l-effikaċja, il-professjonaliżmu, il-kontinwità istituzzjonali u l-kwalità tax-xogħol tagħhom, filwaqt li jissalvagwardjawhom kontra l-indħil politiku mill-uffiċjali u l-pajjiżi li jappoġġjaw id-diżinformazzjoni Russa;
   (z) li jindirizzaw in-nuqqasijiet kurrenti fit-Task Force East StratCom, inkluż in-nuqqas ta' għarfien espert reġjonali, ċaqliq kbir tal-persunal u nuqqas ta' kontinwità istituzzjonali, u jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati u struttura organizzattiva adegwata, peress li dan huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati l-professjonaliżmu sħiħ, l-effikaċja u r-riżultati;
   (aa) li jistiednu lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jassenjaw l-Esperti Nazzjonali Sekondati tagħhom stess, filwaqt li jiżguraw li l-esperti mqabbda mill-UE biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni ma jkunux parteċipanti politikament preġudikati jew attivi f'tilwim politiku intern fi ħdan il-pajjiż partikolari, għat-tliet Task Forces StratCom; li jistiednu wkoll pajjiżi sħab mill-qrib biex jagħtu pariri dwar it-task force dwar it-tattiċi użati mill-avversarji statali u mhux statali komuni, u li jirrikonoxxu l-importanza u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-UE;
   (ab) li jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn it-Task Force East StratCom u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri u s-sħab tal-istess fehma; li jħeġġu lir-Rappreżentanzi tal-UE ġewwa l-UE, u lid-Delegazzjonijiet tal-UE barra mill-UE, fl-appoġġ għall-ħidma tat-Task Force East StratCom, tat-Task Force South u tat-Task Force għall-Balkani tal-Punent, inkluż billi jaqsmu l-esperjenzi internazzjonali u l-aħjar prattiki u jipprovdu traduzzjonijiet tal-pubblikazzjonijiet tagħhom bil-lingwi lokali; jitlob li jkun hemm aktar persunal iddedikat biex jaħdem fuq komunikazzjoni strateġika, b'mod partikolari fid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent;
   (ac) li jiffokaw fuq il-pajjiżi tal-adeżjoni u s-sħab fil-viċinat tal-UE billi jgħinuhom fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra propaganda ostili u attivitajiet ta' diżinformazzjoni u jinkludu esperti minn pajjiżi terzi fil-viċinat tal-UE li huma soġġetti għall-istess theddid, filwaqt li jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' approċċ strateġiku fit-tul u lill-attività ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant b'mod partikolari; li jsaħħu l-kapaċitajiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE barra mill-pajjiż u r-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità lokali biex tinkixef u tiġi żvelata d-diżinformazzjoni u jiġu kkomunikati b'mod effettiv il-valuri u l-politiki tal-UE u tiġi estiża l-komunikazzjoni bbażata fuq il-kampanji u jiġu amplifikati narrattivi pożittivi fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri; li jikkunsidraw il-proliferazzjoni kurrenti u t-theddid futur tad-diżinformazzjoni li għandhom l-għan li jheddu l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment; li jagħtu prijorità b'mod partikolari lill-iżvilupp ta' approċċ strateġiku fit-tul u lill-attività ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jiffokaw fuq l-iskambji interpersonali, u l-ħidma ma' netwerks eżistenti tas-soċjetà ċivili li diġà jirrappreżentaw sors ta' reżiljenza bbażata fil-komunità;
   (ad) li jagħtu prijorità lill-komunikazzjonijiet strateġiċi, u li jwettqu rieżami perjodiku tal-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni; li jkomplu bl-appoġġ għall-ħidma tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) favur soluzzjonijiet prattiċi biex tiġi appoġġjata u msaħħa l-midja demokratika, indipendenti u diversa bil-lingwa Russa fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lil hinn minnhom; li jistiednu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha u lill- pajjiżi bl-istess fehma jinvolvu ruħhom b'mod pożittiv f'dan il-proġett u jappoġġjawh; li jagħtu attenzjoni lil kwalunkwe attur internazzjonali li attwalment iġib ruħu bl-istess mod;
   (ae) li jipproponu lill-Kunsill Ewropew jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili permezz ta' riżorsi u strumenti suffiċjenti sabiex jiġu ssalvagwardjati r-rappurtar oġġettiv u t-tixrid tal-informazzjoni;
   (af) li jikkollegaw liċ-ċentri speċjalizzati nazzjonali u lokali eżistenti, il-mezzi tax-xandir, il-gruppi ta' riflessjoni, l-NGOs u atturi u istituzzjonijiet oħra, partikolarment in-NATO, li jindirizzaw il-gwerra ibrida f'netwerk mifrux mal-UE kollha li jgħin jikkoordina l-azzjonijiet tagħhom u jiġbor is-sejbiet tagħhom; li jassenjaw riżorsi adegwati għal dan l-impenn; jenfasizza li dan in-netwerk għandu jkun miftuħ għal sħab tal-UE bl-istess fehma, li jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom meta kienu fil-mira tad-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili u li ġġieldu kontriha; li jiżguraw implimentazzjoni effettiva u rapida tar-rakkomandazzjonijiet UE-NATO dwar il-ġlieda kontra tipi ġodda ta' theddid ibridu, anke fil-livell tal-PSDK, u li jintroduċu s-suġġett tal-ġlieda kontra l-propaganda strateġika fil-kurrikulu tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża u n-netwerk tiegħu;
   (ag) li jikkundannaw bil-qawwa l-interferenza ta' partijiet terzi ta' kwalunkwe tip, inklużi kumpaniji privati, f'elezzjonijiet u referenda, u l-użu malizzjuż ta' bots, algoritmi, intelliġenza artifiċjali, trolls, deep fakes u kontijiet foloz f'kampanji politiċi u li jistiednu lill-Istati Membri affettwati biex b'mod urġenti, iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa dwar dawn il-kampanji ostili; jinsab imħasseb dwar l-iżviluppi reċenti fl-algoritmi tan-netwerks soċjali kbar u r-rwol potenzjalment ta' ħsara tagħhom fl-enfasizzar tal-kontenut li jkun fih informazzjoni falza jew diskors ta' mibegħda; li jisħqu fuq il-kapaċità tas-soċjetajiet demokratiċi indipendenti biex jagħmlu l-għażliet politiċi sovrani tagħhom li huwa fatt leġittimu;
   (ah) li jistiednu lill-Istati Membri u lill-pajjiżi bl-istess fehma jaqsmu d-data dwar kwalunkwe interferenza barranija jew interna fil-proċessi elettorali u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-ġlieda kontriha sabiex iżidu r-reżiljenza għal tali interferenza;
   (ai) li jistiednu lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet elettorali jqisu t-theddid possibbli li jirriżulta mill-kampanji ta' diżinformazzjoni, iċ-ċiberattakki, iċ-ċiberkriminalità u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni meta wieħed jivvota, u jisħaq li dawn il-liġijiet għandhom jiġu emendati b'mod adegwat biex jippermettu lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod effettiv u proattiv theddid bħal dan; ifaħħar, f'dan ir-rigward, inizjattivi bħall-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili; li jappoġġjaw lill-pajjiżi assoċjati mal-UE u l-Balkani tal-Punent bl-aħjar prattiki kif ukoll riżorsi umani u teknoloġija biex tiġi żgurata difiża robusta tal-proċessi elettorali tagħhom minn attivitajiet malizzjużi ċibernetiċi, ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda li joriġinaw mir-Russja u minn atturi ostili oħrajn;
   (aj) li jistiednu lill-Istati Membri jadattaw ir-regoli elettorali tagħhom dwar il-kampanji online, u jimmonitorjaw u jevalwaw il-karatteristiċi ta' trasparenza fir-rigward tar-reklamar politiku introdott mill-pjattaformi online;
   (ak) li jipproponu leġiżlazzjoni biex tindirizza l-użu tad-data f'kampanji elettorali, wara li ġie żvelat l-użu ħażin tad-data minn Cambridge Analytica fil-kampanja tar-referendum tar-Renju Unit tal-2016, sabiex il-kampanji elettorali futuri jiġu ssalvagwardjati aktar minn influwenzi mhux xierqa;
   (al) li jieħdu kont tal-inizjattivi tal-Kummissjoni Transatlantika dwar l-Integrità Elettorali ta' żewġ partiti, li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti mill-oqsma tal-politika, it-teknoloġija, il-midja u n-negozju bil-għan li l-proċess elettorali jkun protett minn interferenza barranija;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lis-SEAE u lin-NATO, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Russja.

(1) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.
(2) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0483.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali