Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0074/2019

Testi mressqa :

A8-0074/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 22
CRE 12/03/2019 - 22

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.24
CRE 13/03/2019 - 11.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0188

Testi adottati
PDF 150kWORD 55k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u Monaco, Andorra u San Marino
P8_TA-PROV(2019)0188A8-0074/2019

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u Monaco, Andorra u San Marino (2018/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2014/... tat-22 ta' Diċembru 2014 li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta' wieħed jew diversi Ftehim(iet) ta' Assoċjazzjoni mal-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li "l-Unjoni ser tqis is-sitwazzjoni partikolari ta' pajjiżi ta' daqs territorjali żgħir li jżommu magħha relazzjonijiet speċifiċi mill-qrib",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titlu "Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino" (COM(2012)0680),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Ostakli għall-aċċess minn Andorra, Monaco u San Marino għas-Suq intern tal-UE u l-Kooperazzjoni f'oqsma oħra" (SWD(2012)0388),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2013 bit-titlu "Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino: Opzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-Suq Intern (COM(2013)0793),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar suq intern estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi tal-Ewropa tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0074/2019),

A.  billi l-Prinċipat ta' Andorra (Andorra), il-Prinċipat ta' Monaco (Monaco) u r-Repubblika ta' San Marino (San Marino) għandhom Storja twila ta' sovranità; billi dejjem kienu fil-qalba tal-istorja Ewropea u għandhom relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali li huma profondi u ilhom għaddejjin żmien twil mal-Istati Membri fil-prossimità immedjata tagħhom u mal-UE b'mod ġenerali; billi s-sħubija tal-UE ma' dawn il-pajjiżi hija msejsa fuq il-ġabra komuni ta' valuri politiċi u kulturali tagħna;

B.  billi Andorra, Monaco u San Marino wrew rieda politika, ekonomika u kulturali Ewropea b'saħħitha u xewqa kbira li jkun hemm relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea; billi fl-interess ta' Andorra, Monaco u San Marino, minn naħa, u tal-UE, min-naħa l-oħra, huwa importanti li jkun hemm rispons pożittiv f'waqtu għal din ir-rieda u li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid, li ser ikun il-qafas ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u dawn il-pajjiżi;

C.  billi huwa wkoll fl-interess tal-Istati Membri li tradizzjonalment għandhom rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi ma' Andorra, Monaco u San Marino sabiex irawmu l-approfondiment u l-ispeċifikazzjoni tar-relazzjonijiet ma' dawn l-istati mal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali; billi għaldaqstant huwa essenzjali li titqies ir-relazzjoni bilaterali speċjali li dawn l-Istati Membri diġà jgawdu ma' Andorra, Monaco u San Marino, b'mod partikolari għall-finijiet ta' ċertezza legali;

D.  billi Andorra, Monaco u San Marino ilhom żmien twil jappoġġaw il-pożizzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea fin-Nazzjonijiet Uniti;

E.  billi Andorra, Monaco u San Marino huma, b'mod individwali, sħab ekonomiċi rilevanti għall-Istati Membri fil-prossimità immedjata tagħhom u jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għal għadd konsiderevoli ta' ċittadini tal-UE; billi jekk ir-relazzjoni ta' Andorra, Monaco u San Marino mal-UE tkun waħda aktar mill-qrib din tipprovdi lill-partijiet kollha opportunità importanti għal aktar żvilupp ekonomiku li l-effett konsegwenzjali ekonomiku tiegħu jkun pożittiv fuq ir-reġjuni tal-Istati Membri li jinsabu qrib ħafna, inkluż permezz ta' aktar opportunitajiet ta' impjieg u t-titjib tal-ħiliet professjonali internazzjonali;

F.  billi waqt in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni huwa importanti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' Andorra, Monaco u San Marino bħala stati ta' daqs żgħir skont id-Dikjarazzjoni 3 tal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi huwa għaldaqstant importanti li jiġu rikonoxxuti d-dimensjonijiet territorjali żgħar u l-għadd ta' abitanti ta' Andorra, Monaco u San Marino flimkien mal-implikazzjonijiet rilevanti tagħhom f'termini tal-preservazzjoni tal-adegwatezza ta' aċċess soċjoekonomiku u inklużjoni għaċ-ċittadini ta' dawn l-istati; billi l-aċċess u l-inklużjoni tagħhom huma essenzjali għall-preservazzjoni tal-kultura, it-tradizzjonijiet u l-valuri speċifiċi għat-tliet komunitajiet; billi mingħajr dawn il-mekkaniżmi ta' aċċess u inklużjoni dedikati xi ċittadini jistgħu jsibuha diffiċli biex isibu l-mezzi meħtieġa biex jgħixu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; billi għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi preservata, inkluż permezz ta' dispożizzjonijiet adegwati fil-ftehim ta' assoċjazzjoni, l-għamla politika, soċjoekonomika, kulturali u tal-identità ta' Andorra, Monaco u San Marino u dawn jiġu adattati għar-realtajiet tal-integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi Andorra, Monaco u San Marino kollha għandhom ftehimiet bilaterali li ilhom żmien twil mal-pajjiżi ġirien rispettivi tagħhom, li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tħassib reċiproku, iqisu l-ispeċifiċitajiet u s-sensittivitajiet tat-tliet pajjiżi u jirriflettu l-ħtieġa li tiġi preservata il-vijabbiltà ta' dawn l-istati; billi dawn l-ispeċifiċitajiet u s-sensittivitajiet ġew rikonoxxuti mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;

H.  billi Andorra, Monaco u San Marino, kollha kemm huma, fittxew li jkun hemm riformi importanti u konverġenza regolatorja mal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-settur bankarju u dak finanzjarju;

I.  billi, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill iddeċieda li jneħħi lil Andorra u San Marino mill-Anness II għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017, sabiex b'hekk jikkonferma li huma konformi mal-impenji kollha pendenti relatati mat-trasparenza, it-tassazzjoni ġusta u l-miżuri kontra l-BEPS (erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt); billi Monaco qatt ma kien inkluż f'dan l-anness u l-Kunsill innota li sa mill-5 ta' Diċembru 2017 Monaco kien kompletament konformi ma' dawn l-impenji; billi fil-laqgħat tiegħu ta' April u Lulju 2018, il-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Finijiet ta' Taxxa ddikjara lil Andorra, Monaco u San Marino bħala "konformi" mal-istandard internazzjonali dwar l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba;

J.  billi għandhom jiġu mfaħħra r-riformi importanti u l-allinjament progressiv ta' Andorra mal-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tar-regolamentazzjoni finanzjarja; billi l-UE u Andorra laħqu ftehim siewi dwar it-tabakk u billi Andorra issa ser ikun jista' jintensifika aktar id-direzzjoni tiegħu lejn ekonomija aktar diversifikata; billi dan il-proċess fit-tul ser jippreżenta sfidi rilevanti, u għalhekk ser ikun hemm bżonn ta' protezzjoni adegwata għall-ħaddiema f'Andorra hekk kif dan jgħaddi lejn ekonomija aktar diversifikata; billi aċċess akbar għas-suq intern ser jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fit-tul u ser joħloq opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjiegi ġodda f'Andorra;

K.  billi San Marino bħalissa qiegħed jesperjenza diffikultajiet biex jesporta lejn Stati Membri oħra, minbarra l-Italja, bħala riżultat tad-dokumentazzjoni addizzjonali tal-VAT meħtieġa (T2); billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni għandu joffri opportunità ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni madwar l-UE, li jkunu ta' valur prezzjuż għall-esportaturi ta' San Marino; billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni għandu jagħti lill-banek ta' Andorra u San Marino aċċess sħiħ għas-sistema tal-passaporti tal-UE għall-banek u l-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji;

L.  billi ċ-ċittadini ta' Monaco huma minoranza f'pajjiżhom stess u billi s-swieq tal-akkomodazzjoni u tal-impjiegi huma b'tali mod li l-appoġġ attiv liċ-ċittadini ta' Monaco huwa essenzjali sabiex tiġi ppreservata l-kapaċità tagħhom li jkomplu jgħixu fil-pajjiż; billi d-dispożizzjonijiet dwar aċċess iffaċilitat għall-impjiegi japplikaw b'mod ugwali għaċ-ċittadini ta' Monaco u r-residenti tal-irħula fl-inħawi immedjati ta' Monaco; billi 92 % tal-ħaddiema f'Monaco huma ċittadini tal-UE;

M.  billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE joffri l-possibbiltà li tiġi żviluppata kooperazzjoni f'oqsma ta' interess komuni u parteċipazzjoni f'uħud mill-politiki orizzontali tal-UE dwar kwistjonijiet bħar-riċerka, l-ambjent u l-edukazzjoni (Erasmus+);

N.  billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni ser jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament sabiex jidħol fis-seħħ;

1.  Jirrakkomanda li l-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) jieħdu l-opportunità ppreżentata min-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni biex jintwera l-valur ta' relazzjonijiet aktar mill-qrib u integrazzjoni mal-UE – b'kunsiderazzjoni tal-opinjoni pubblika kemm f'Andorra, Monaco u San Marino kif ukoll fl-UE – u biex jirriaffermaw aktar l-importanza, fuq perjodu twil, tal-inklużjoni fil-korpi tal-UE u tal-politiki għal dawn il-pajjiżi;
   (b) jevitaw ir-riskju li l-ftehim ta' assoċjazzjoni jiġi rrifjutat ladarba n-negozjati jkunu ġew iffinalizzati u jinvolvu ruħhom f'aktar sforzi sabiex il-membri tal-pubbliku f'Andorra, Monaco u San Marino li jħossuhom aktar vulnerabbli jingħataw informazzjoni dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni u jiġi spjegat lilhom, b'trasparenza sħiħa u f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-tliet stati, l-ambitu, il-merti u n-nuqqasijiet possibbli tal-ftehim, bil-ħsieb li jkun hemm unità politika u l-akbar appoġġ pubbliku possibbli f'kull wieħed mit-tliet stati; jinkoraġġixxu lil Andorra, Monaco u San Marino jagħmlu l-istess, u jappoġġawhom f'dan l-isforz;
   (c) iqisu bis-sħiħ id-dimensjonijiet territorjali żgħar u r-riżorsi amministrattivi limitati, f'termini relattivi, ta' Andorra, Monaco u San Marino u, fil-proċess tan-negozjati, jaġġustaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni meħtieġa tal-acquis communautaire kif xieraq sabiex titnaqqas il-pressjoni baġitarja eċċessiva, li sussegwentement ikollha implikazzjonijiet negattivi fuq l-opinjoni pubblika u r-riżorsi baġitarji disponibbli; jipprovdu assistenza, fejn meħtieġ, lil Andorra, Monaco u San Marino biex tiġi prevista l-kapaċità amministrattiva meħtieġa sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni rapida, dinamika u uniformi tal-acquis communautaire;
   (d) jappellaw għall-ħolqien, f'kull wieħed mit-tliet stati, ta' qafas istituzzjonali koerenti, effiċjenti u effikaċi li permezz tiegħu jiġi implimentat il-ftehim ta' assoċjazzjoni sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni dinamika tal-acquis communautaire mit-tliet pajjiżi u l-applikazzjoni uniformi u l-interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li għandu jinkludi forum għal konsultazzjoni u mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim;
   (e) jenfasizzaw lil Andorra, Monaco u San Marino l-importanza tal-integrità u tal-omoġeneità ġenerali tas-suq intern u tar-rispett għall-aspetti fundamentali tal-erba' libertajiet kollha tas-suq intern; ifakkar fil-merti u l-benefiċċji ekonomiċi ta' aċċess sħiħ, inkluż għall-prodotti u s-servizzi, għas-suq intern u l-ħtieġa li fi ħdanu jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u sisien istituzzjonali b'saħħithom, reżiljenti u effettivi għall-benefiċċju ta' kulħadd;
   (f) jipprovdu appoġġ adegwat tal-UE lil Andorra, Monaco u San Marino fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jadottaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis communautaire fuq perjodu fit-tul, inkluż permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonali aktar mill-qrib mal-Istati Membri li jinsabu fil-prossimità; jipprovdu aċċess għall-finanzjament tal-UE għal proġetti partikolari u għall-possibbiltà ta' dipendenza fuq korpi amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri ddedikati għall-implimentazzjoni tal-acquis communautaire;
   (g) irawmu żieda fil-kapaċità għal adozzjoni u implimentazzjoni adegwati tal-acquis communautaire permezz tas-sekondar ta' uffiċjali mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' Andorra, Monaco u San Marino fl-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE u dawk tal-Istati Membri tagħhom;
   (h) jikkunsidraw – fid-dawl tal-ħtieġa li l-libertà tal-istabbiliment prevista fl-ambitu tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tiġi rikonċiljata mad-dispożizzjonijiet nazzjonali f'Andorra, Monaco u San Marino li jfittxu li jżommu l-inklużjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini tagħhom – il-possibbiltà ta' derogi temporanji bbażati fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet reali tat-tliet stati, soġġetti għal klawżoli ta' rieżami, marbuta ma' kriterji soċjoekonomiċi speċifiċi għal kull stat fin-negozjati u aġġustati għall-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiżguraw, f'kull stat u permezz ta' approċċ gradwali, kundizzjonijiet ekwivalenti reali ta' kompetizzjoni u kapaċità kompetittiva adegwata għall-ħaddiema u l-kumpaniji; jieħdu nota tal-fatt li d-daqs żgħir ħafna ta' dawn il-pajjiżi huwa jwassal biex l-impatt ta' derogi temporanji negozjati fuq l-acquis communautaire ikun wieħed negliġibbli;
   (i) jieħdu l-opportunità tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għal aktar kooperazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu(1);
   (j) jaġġustaw ir-rekwiżiti relatati mal-għoti ta' data statistika fi ħdan il-ftehim ta' assoċjazzjoni dwar id-daqs ta' Andorra, Monaco u San Marino;
   (k) jesploraw il-possibbiltà u l-fattibbiltà, fl-istess waqt tan-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni, li jiżguraw li Andorra u San Marino jkollhom aċċess għal-likwidità tal-Eurosistema, bil-ħsieb li jrawmu l-kapaċità ta' reżiljenza u l-istabbiltà tas-sistemi nazzjonali tal-banek rispettivi tagħhom f'każ ta' xokk sistemiku intern jew estern, filwaqt li tiġi żgurata sorveljanza adegwata mill-Bank Ċentrali Ewropew; jinkoraġġixxu lil Andorra u Monaco jsiru membri tal-Fond Monetarju Internazzjonali u jingħataw, jekk meħtieġ, assistenza teknika għal dan il-għan; jinkoraġġixxu lil Andorra, Monaco u San Marino jkomplu bl-isforzi tajba tagħhom fir-rigward tal-konverġenza mal-UE fir-rigward tar-regolamentazzjoni finanzjarja, il-governanza fiskali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;
   (l) javvanzaw in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino u jipprovdu lill-partijiet li qegħdin jinnegozjaw l-appoġġ kollu meħtieġ mil-lat istituzzjonali kif ukoll minn dak politiku b'mod f'waqtu, inkluż il-valutazzjonijiet u l-għarfien espert mid-Direttorati Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni, sabiex in-negozjati jkunu jistgħu jitlestew mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fis-sentejn li ġejjin;
   (m) jikkonkludu qabel tmiem il-mandat attwali dikjarazzjoni politiku konġunta ma' Andorra, Monaco u San Marino dwar il-qafas tal-ftehim ta' assoċjazzjoni sabiex jiġi evalwat u preservat il-progress li nkiseb s'issa fin-negozjati sabiex il-Kummissjoni l-ġdida u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkunu jistgħu jevalwaw u jibnu fuq dan il-fehim komuni u javvanzaw aktar in-negozjati;
   (n) iqisu n-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bħala opportunità biex jittieħdu miżuri għal investimenti konġunti fl-infrastruttura li hija ta' interess komuni, kif ukoll miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu r-riċerka akkademika konġunta bejn Andorra, Monaco, San Marino u l-Istati Membri tal-UE;

2.  Huwa tal-fehma li l-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament Ewropew tista' sservi bħala opportunità prezzjuża biex tiġi stabbilita delegazzjoni interparlamentari ġdida dedikata għad-djalogu interparlamentari u l-kooperazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino; jemmen, barra minn hekk, li l-Parlament għandu jfittex li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tiegħu u s-servizzi rilevanti tal-Parlamenti ta' Andorra, Monaco u San Marino u jospita b'mod regolari mexxejja żgħażagħ minn dawn it-tliet pajjiżi li huma involuti fil-politika, fil-kummerċ u fis-soċjetà ċivili sabiex tissaħħaħ in-narrattiva pożittiva ta' relazzjoni aktar mill-qrib mal-UE fir-rigward tal-politika, l-ekonomija u l-politiki fil-qafas tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; huwa tal-fehma li l-Parlament għandu jrawwem skambji perjodiċi ta' fehmiet mad-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali ta' Andorra, Monaco u San Marino matul in-negozjati; jemmen li għandhom isiru wkoll skambji ta' fehmiet bejn il-Parlament Ewropew u d-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali ta' Andorra, Monaco u San Marino dwar kwistjonijiet trattati mill-Parlament u li jistgħu jkollhom effett dirett fuq l-ekonomija ta' dawn il-pajjiżi, ir-relazzjoni tagħhom mal-UE jew l-effettività tal-ftehim ta' assoċjazzjoni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Koprinċpijiet, lill-Gvern u lill-Kunsill Ġenerali ta' Andorra, lill-Prinċep, lill-Ministru tal-Istat u lill-Kunsill Nazzjonali ta' Monaco, u lill-Kaptan Reġġenti, lill-Kungress tal-Istat u lill-Gran Kunsill u l-Kunsill Ġenerali ta' San Marino.

(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali