Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0298(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0004/2019

Testi mressqa :

A8-0004/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.2

Testi adottati :

P8_TA(2019)0190

Testi adottati
PDF 174kWORD 53k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ***I
P8_TA-PROV(2019)0190A8-0004/2019
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-13 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (COM(2018)0567 – C8-0384/2018 – 2018/0298(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0567),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0384/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta' Jannar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, 27skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0004/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari minn hawn ‘l quddiem;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 298.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
P8_TC1-COD(2018)0298

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) u d-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) flimkien jikkostitwixxu l-qafas regolatorju għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għall-ispezzjoni, il-perizji u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri.

(3)  Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, l-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni, ▌il-perizji u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni (“organizzazzjonijiet rikonoxxuti”) għandhom jiġu vvalutati fuq bażi regolari u tal-anqas kull sentejn mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li jkun ressaq it-talba rilevanti għar-rikonoxximent tal-organizzazzjoni.

(4)  Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, organizzazzjonijiet li inizjalment kienu rikonoxxuti mill-Istat Membru rilevanti skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE(5) u li bħalissa jgawdu r-rikonoxximent tal-Unjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni flimkien mal-Istat Membru li inizjalment irrikonoxxa dawk l-organizzazzjonijiet.

(5)  F’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, sabiex ikomplu jibbenefikaw mir-rikonoxximent tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jridu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Dan huwa vverifikat permezz ta’ valutazzjoni kontinwa mwettqa mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru rilevanti, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, il-valutazzjonijiet regolari għandhom rwol importanti għar-rikonoxximent kontinwat tal-organizzazzjonijiet.

(6)  Wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ jkun jista’ jipparteċipa fil-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(7)  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li inizjalment kienu rikonoxxuti mir-Renju Unit bħalissa jgawdu mir-rikonoxximent tal-Unjoni u ġew fdati minn Stati Membri oħrajn bi dmirijiet fir-rigward tal-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE.▌L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat sabiex jiġi żgurat li dawk l-organizzazzjonijiet jibqgħu jkunu soġġetti għall-valutazzjoni skont ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

(8)  ▌L-obbligi ta’ monitoraġġ u sorveljanza li l-Istati Membri bħalissa jridu jissodisfaw skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/15/KE jenħtieġ li jitqiesu wkoll. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 titwettaq mill-Kummissjoni flimkien mal-Istat Membru jew l-Istati Membri li awtorizzaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta rilevanti skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE.

(9)  Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni fir-rigward tal-monitoraġġ ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta ma' esperti u li tidentifika u tiskambja prattiki tajbin biex jiġi evitat xogħol doppju u biex isir l-aħjar użu mill-kapaċitajiet u riżorsi eżistenti.

(10)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 ma jibqax japplika għar-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-paragrafu 1 huwa ssotitwit b’dan li ġej:"

“1. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri jew Stati Membri li jkunu awtorizzawhom skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE, fuq bażi regolari u tal-anqas kull sentejn, biex jiġi vverifikat li dawn jissodisfaw l-obbligi taħt dan ir-Regolament u li jissodisfaw il-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Il-valutazzjoni għandha tkun limitata għal dawk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.".

"

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)ĠU C 62, 15.2.2019, p. 298.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).
(4)Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47).
(5)Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti tal-amministrazzjoniet marittimi (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali