Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2520(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0138/2019

Testi mressqa :

B8-0138/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.7
CRE 13/03/2019 - 19.7

Testi adottati :

P8_TA(2019)0195

Testi adottati
PDF 154kWORD 54k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: Livelli massimi ta' residwi għal ħafna sustanzi inkluż il-klotijanidin
P8_TA-PROV(2019)0195B8-0138/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-livelli massimi tar-residwi tal-klotijanidin, taċ-ċiklossidim, tal-epossikonażol, tal-flonikamid, tal-alossifop, tal-mandestrobin, tal-mepikwat, tar-razza NRRL Y-27328 tal-Metschnikowia fructicola u tal-proeżadjon f'ċerti prodotti jew fuqhom (D059754/02 – 2019/2520(RPS))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(1),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-livelli massimi tar-residwi tal-klotijanidin, taċ-ċiklossidim, tal-epossikonażol, tal-flonikamid, tal-alossifop, tal-mandestrobin, tal-mepikwat, tar-razza NRRL Y-27328 tal-Metschnikowia fructicola u tal-proeżadjon f'ċerti prodotti jew fuqhom (D059754/02),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 14(1)(a) tiegħu(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata tal-25 ta' Novembru 2014 tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar ir-reviżjoni tal-livelli massimi ta' residwu eżistenti (MRLs) għall-klotijanidin u għat-tijametoksam skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, ippubblikata fl-4 ta' Diċembru 2014(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata tal-EFSA tat-30 ta' Awwissu 2018 dwar il-modifika tal-livell massimu ta' residwu eżistenti għall-klotijanidin fil-patata, ippubblikata fl-20 ta' Settembru 2018(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fis-27 ta' Novembru 2018 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) u l-Artikolu 5a(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3), u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-klotijanidin huwa insettiċida neonikotinojd u metabolit ewlieni ta' neonikotinojd ieħor, it-tijametoksam, li jolqot firxa ta' insetti, fosthom pollinaturi;

B.  billi, fil-21 ta' Settembru 2017, l-EFSA adottat opinjoni dwar it-tossiċità tan-neonikotinojdi;

C.  billi, fit-28 ta' Frar 2018, l-EFSA ppubblikat valutazzjonijiet tar-riskju aġġornati għal tliet neonikotinojdi – il-klotijanidin, l-imidakloprid u t-tijametoksam – u b'hekk ikkonfermat li l-biċċa l-kbira tal-użi tal-pestiċidi neonikotinojdi jirrappreżentaw riskju għan-naħal selvaġġi u għan-naħal tal-għasel(6);

D.  billi l-klotijanidin huwa wieħed mit-tliet neonikotinojdi li huma pprojbiti fl-Unjoni;

E.  billi diversi studji jissuġġerixxu li l-klotijanidin għandu impatt fuq il-metaboliżmu epatiku u renali, u għandu effetti immunotossiċi fuq il-mammiferi(7);

F.  billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

G.  billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jiddisponi li "livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni";

H.  billi d-Direttiva 2009/128/KE għandha l-għan li jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-Unjoni billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u billi jiġi promoss l-użu ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) u ta' approċċi jew tekniki alternattivi, bħall-alternattivi mhux kimiċi għall-pestiċidi;

I.  billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet għal tolleranzi ta' importazzjoni ppreżentati dwar il-klotijanidin użat fuq il-patata fl-Istati Uniti, iqis li livell ogħla ta' MRLs huwa neċessarju sabiex jiġu evitati ostakoli għall-kummmerċ ta' tali għelejjel;

J.  billi l-proposta tal-Kummissjoni li żżid l-MRLs għall-klotijanidin qajmet dubji, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni, fid-dawl tal-lakuni fid-data u inċertezza persistenti dwar l-effetti tal-klotijanidin fuq is-saħħa pubblika, il-mammiferi żgħar u l-ambjent;

K.  billi l-EFSA tiddikjara, fir-rigward tat-talba sabiex jiżdied il-livell ta' MRLs, li l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin bħala sustanza attiva skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784(8) sa mhux aktar tard mid-19 ta' Settembru 2018; billi tali restrizzjonijiet tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-klotijanidin mhumiex relevanti peress li l-applikazzjoni għal MRL tikkonċerna prodott importat;

L.  billi fl-opinjoni tagħha tat-30 ta' Awwissu 2018, l-EFSA innotat li: "Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, Bayer CropScience AG ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti fil-Ġermanja (l-Istat Membru li jevalwa (EMS)) sabiex tiġi stabbilita tolleranza għall-importazzjoni għas-sustanza attiva tal-klotijanidin fil-patata importata mill-Kanada. L-EMS abbozza rapport ta' evalwazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, li ġie ppreżentat lil-Kummissjoni Ewropea u mgħoddi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' April 2018. L-EMS ippropona li tiġi stabbilita tolleranza fuq il-patata importata mill-Kanada fil-livell ta' 0.3 mg/kg";

M.  billi l-konklużjonijiet li waslet għalihom l-EFSA fl-opinjoni tagħha tat-30 ta' Awwissu 2018 jiġġustifikaw iż-żieda tal-MRL tal-klotijanidin biss fuq il-bażi tal-bżonn ta' konformità mal-valuri normattivi Kanadiżi, u jibqgħu għalkollox lura milli janalizzaw l-impatt kumulattiv ambjentali tan-neonikotinojdi u tal-użu tagħhom;

N.  billi l-konklużjonijiet tal-EFSA kienu fformulati fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet teoretiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istima tal-konsum massimu ta' kuljum f'relazzjoni mar-riskju fi żmien qasir; billi n-natura teoretika ta' xi aspetti tal-analiżi tal-EFSA tqajjem dubji dwar il-kapaċità tagħha li sserraħ fuq fatti empiriċi u, b'konsegwenza, li tirrappreżenta r-realtà fir-riżultati tagħha;

O.  billi l-EFSA kkonkludiet li żieda fl-MRLs tal-klotijanidin "aktarx li ma kenitx" toħloq riskju għas-saħħa tal-konsumatur; billi, madankollu, dan il-verdett jinvolvi grad ta' probabbiltà, u għalhekk iħalli xi dubji rigward is-sikurezza effettiva tal-valuri l-ġodda tal-MRLs;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005;

3.  Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u mal-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;

4.  Jinnota li, skont l-abbozz ta' regolament, l-MRL eżistenti tal-klotijanidin jiżdied minn 0,03 għal 0,3 mg/kg;

5.  Jissuġġerixxi li l-MRL tal-klotijanidin għandu jibqa' 0,03 mg/kg;

6.  Iqis li d-deċiżjoni li l-klotijanidin jiġi rreġistrat ma tistax tiġi ġġustifikata, peress li m'hemmx biżżejjed evidenza li turi li se jiġu evitati riskji inaċċettabbli għall-annimali, għas-sikurezza tal-ikel u għall-pollinaturi;

7.  Jinnota li, anke li kieku l-proċedura kienet issegwi d-Direttiva 2009/128/KE eżistenti dwar il-pestiċidi, il-fatt li l-kumpanija rikorrenti Ġermaniża għażlet bħala Stat Membru evalwattiv lill-awtorità nazzjonali kompetenti Ġermaniża jirrifletti t-tħassib dwar il-proċess ta' evalwazzjonji dwar il-pestiċidi li tqajjem minn diversi partijiet interessati, kif imsemmi fil-premessi AJ u AK tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta'Jannar 2019 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi(9);

8.  Ifakkar li l-użu tal-klotijanidin bħala pestiċida jaffettwa lill-pollinaturi fuq skala globali(10);

9.  Iqis li l-opinjoni tal-EFSA ma kkunsidratx ir-riskju kumulattiv għas-saħħa tal-bniedem u għan-naħal; jemmen li l-effetti fuq il-pollinaturi u l-ambjent għandhom jitqiesu meta ssir evalwazzjoni tal-MRLs; jitlob li l-Istati Membri u l-EFSA jeżerċitaw viġilanza akbar fir-rigward tas-saħħa tan-nies u tal-pollinaturi meta jevalwaw l-applikazzjonijiet għall-MRLs;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta att ġdid, abbażi tat-TFUE, li jirrispetta l-prinċipju ta' prekawzjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(2) ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.
(3) DOI: 10.2903/j.efsa.2014.3918, EFSA Journal 2014;12(12):3918.
(4) DOI: 10.2903/j.efsa.2018.5413, EFSA Journal 2018;16(9):5413.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(6) DOI: 10.2903/sp.efsa.2018.EN-1378.
(7) Bal R. Et al., "Effects of clothianidin exposure on sperm quality, testicular apoptosis and fatty acid composition in developing male rats" (L-effetti tal-esponiment għall-klotijanidin fuq il-kwalità tal-isperma, l-apoptożi testikolari u l-kompożizzjoni tal-aċidu xaħmi fuq il-firien maskili li jkunu qed jiżviluppaw), Cell Biol Toxicol, Vol. 28, Nru 3, 2012, pp. 187-200; Tokumoto J. et al., "Effects of exposure to clothianidin on the reproductive system of male quails" (L-effetti tal-esponiment tal-klotijanidin fuq is-sistema riproduttiva tas-summien maskili), J. Vet. Med. Sci., Vol. 75, Nru 6, 2013, pp. 755–760; Wang Y. et al., "Metabolism distribution and effect of thiamethoxam after oral exposure in Mongolian racerunner (Eremias argus)" (Id-distribuzzjoni tal-metaboliżmu u l-effett tat-tijametoksam wara esponiment orali fir-racerunner Mongoljan (Eremias argus)), J. Agric. Food Chem., Vol. 66, Nru 28, 2018, pp. 7376-7383; Wang X. et al., "Mechanism of neonicotinoid toxicity: Impact on oxidative stress and metabolism" (Il-mekkaniżmu tat-tossiċità tan-neonikotinojd: L-impatt fuq l-istress ossidattiv u l-metaboliżmu), Annu. Rev. Pharmacol. Toxicol., Vol. 58, Nru 1, 2018, pp. 471-507.
(8) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU L 132, 30.5 35, p. 35).
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0023
(10) El Hassani, A. K., Dacher, M., Gary, V., Lambin, M., Gauthier, M. u Armengaud, C., "Effets sublétaux de l'Acétamipride et du Thiamethoxam sur le comportement de l'abeille (Apis mellifera)" (Effetti subletali tal-Aċetamiprid u tat-Tiajametoksam fuq l-imġiba tan-naħal tal-għasel", 23 ta' Mejju 2014, https://www.researchgate.net/publication/255636607_Effets_subletaux_de_l%27Acetamipride_et_du_Thiamethoxam_sur_le_comportement_de_l%27abeille_Apis_mellifera

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali