Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0091/2019

Testi mressqa :

A8-0091/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 16
CRE 12/03/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.12
CRE 13/03/2019 - 19.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0200

Testi adottati
PDF 177kWORD 64k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Rapport tal-2018 dwar it-Turkija
P8_TA-PROV(2019)0200A8-0091/2019

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija (2018/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2), u tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2018)0450), ir-Rapport tal-2018 dwar it-Turkija (SWD(2018)0153), u d-dokument ta' strateġija indikattiv rivedut għat-Turkija (2014-2020) adottat f'Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005 u l-fatt li, kif inhu l-każ għall-pajjiżi kollha ta' adeżjoni, l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ("is-Sħubija għall-Adeżjoni")(4), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015, u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, li tinkludi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tan-negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara fir-rigward tal-Istati Membri kollha, billi tneħħi l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, mingħajr restrizzjonijiet jew diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti minnu, u, għaldaqstant, l-obbligu li t-Turkija timplimenta s-sentenzi kollha tal-QEDB;

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 ippubblikat mir-Reporters mingħajr fruntieri, li jikklassifika lit-Turkija fil-157 post minn fost 180 pajjiż;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1625(2008) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-proprjetà u tal-wirt tal-popolazzjoni Griega Ortodossa u l-fondazzjonijiet tagħha fuq il-gżejjer ta' Gökçeada (Imbros) u Bozcaada (Tenedos),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(6),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk tal-10-11 ta' Marzu 2017 dwar l-emendi għall-kostituzzjoni li għandhom jiġu sottoposti għal referendum nazzjonali, dwar il-miżuri previsti fid-Digrieti-Liġi ta' Emerġenza reċenti fir-rigward tal-libertà tal-midja u d-dmirijiet, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-ġudikaturi tal-paċi fid-dritt kriminali, tas-6-7 ta' Ottubru 2017 dwar id-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 674 dwar l-eżerċizzju tad-demokrazija lokali, tad-9-10 ta' Diċembru 2016 dwar id-Digrieti-Liġi ta' Emerġenza Nri 667-676 adottati wara l-kolp ta' stat li ma rnexxiex fil-15 ta' Lulju 2016, u tal-14-15 ta' Ottubru 2016 dwar is-sospensjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 83 tal-Kostituzzjoni, b'enfasi fuq l-invjolabbiltà parlamentari,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bikrin tal-24 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tal-25 ta' April 2017, intitolata "Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija" u li wasslet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' monitoraġġ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2017)0130), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 dwar it-Tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2018)0091), u l-Ħames Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (COM(2017)0204),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mat-Turkija dwar ftehim dwar l-estensjoni tal-ambitu tar-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ preferenzjali u dwar l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar il-fatt li mhuwa previst l-ebda xogħol ieħor favur l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta' Marzu 2018 bl-isem "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE lit-Turkija: Ir-riżultati li nkisbu sa issa għadhom limitati",

–  wara li kkunsidra l-baġit 2019 li taħtu l-fondi tal-IPA II għat-Turkija se jitnaqqsu b'EUR 146.7 miljun minħabba s-sitwazzjoni fit-Turkija fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Marzu 2018 dwar l-impatt tal-istat ta' emerġenza fuq id-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija b'referenza partikolari għax-Xlokk tal-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Riammissjoni UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0091/2019),

A.  billi l-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u t-Turkija kellu s-77 laqgħa tiegħu tant mistennija fi Brussell fit-28 ta' April 2018, wara tliet snin ta' stall fir-relazzjonijiet interparlamentari;

B.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), it-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, b'aktar minn tliet miljun rifuġjat irreġistrati mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan;

C.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi s-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża, il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal protesta paċifika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni kontra l-gruppi vulnerabbli huma fil-qalba tal-proċess ta' negozjati;

D.  billi, f'Novembru 2016, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew l-iffriżar temporanju tan-negozjati tal-adeżjoni li kienu għaddejjin mat-Turkija u impenja ruħu li jirrieżamina l-pożizzjoni tiegħu ladarba jitneħħew il-miżuri sproporzjonati fil-qafas tal-istat ta' emerġenza fit-Turkija;

E.  billi f'Lulju 2017 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-Qafas ta' Negozjar, biex b'mod formali jissospendu n-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija mingħajr dewmien jekk il-pakkett ta' riforma kostituzzjonali jiġi implimentat mingħajr tibdil;

1.  Jinnota li l-istat ta' emerġenza li ġie introdott wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat tal-2016 ġie estiż seba' darbiet; jilqa' d-deċiżjoni tad-19 ta' Lulju 2018 biex jitneħħa l-istat ta' emerġenza; jiddispjaċih, madankollu, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida introdotta f'Lulju 2018, b'mod partikolari l-Liġi Nru 7145, tippreserva ħafna mis-setgħat mogħtija lill-President u lill-Eżekuttiv fl-ambitu tal-istat ta' emerġenza u bażikament tippermetti li jkompli, bil-limitazzjonijiet kollha li dan jinvolvi fuq il-libertajiet u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem; jisħaq li dan jagħmel ħsara lil kwalunkwe effett pożittiv li l-waqfien tiegħu jkollu; jinnota li l-istat ta' emerġenza fit-tul wassal għal erożjoni tal-istat tad-dritt u għal deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, li jista' jkollu implikazzjonijiet dejjiema għan-nisġa istituzzjonali u soċjoekonomika tal-pajjiż; jinsab imħasseb li ħafna mill-proċeduri fis-seħħ waqt l-istat ta' emerġenza għadhom qed jiġu applikati mill-forzi tal-pulizija u l-amministrazzjonijiet lokali; jinsab imħasseb ukoll dwar ir-rigress serju fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet proċedurali u tal-proprjetà;

2.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-fatt li aktar minn 150 000 ruħ ġew arrestati fir-repressjoni wara l-kolp ta' stat u 78 000 ġew arrestati abbażi ta' akkużi ta' terroriżmu, filwaqt li aktar minn 50 000 ruħ għadhom il-ħabs, u fil-maġġoranza tal-każijiet mingħajr evidenza konklużiva; jesprimi tħassib dwar iż-żamma taħt arrest qabel il-kawża u l-proċedimenti ġudizzjarji eċċessivament twal, il-fatt li f'bosta każijiet ma nħareġ l-ebda att ta' akkuża, u dwar il-ħruxija tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; jesprimi wkoll tħassib dwar il-prattika mifruxa ta' kanċellazzjoni tal-passaporti tal-qraba ta' detenuti u suspettati, u jisħaq fuq il-ħtieġa għal proċess ġust u rimedju amministrattiv fejn il-kanċellazzjoni ma tkunx ġustifikata sew; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li dawn l-arresti jidhru li jimmiraw ukoll ilħna leġittimi ta' dissens, li jinkludu dawk ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti jew membri tal-oppożizzjoni; jinsab ferm inkwetat dwar l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin u tortura ta' detenuti, kif irrappurtat minn diversi organizzazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li jindikaw li r-reklużjoni fit-tul qed tiġi applikata b'mod wiesa', u li qed issir piena oħra għad-detenuti; iwissi kontra l-abbuż ta' miżuri kontra t-terroriżmu għal-leġittimizzazzjoni tar-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lit-Turkija tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità fil-miżuri tagħha għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u trendi l-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jiddispjaċih dwar l-azzjonijiet li l-gvern Tork ħa kontra ċittadini Torok f'pajjiżi terzi, inklużi fastidju u ħtif u sorveljanza bil-moħbi, kif ukoll il-prattika ta' hotlines li permezz tagħhom in-nies huma mħeġġa jirrappurtaw ċittadini oħra lill-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħtif u l-estradizzjoni illegali ta' 101 ċittadin Tork li seħħew fi 18-il pajjiż, kif ikkonfermat id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Torok tas-16 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipproċessaw kwalunkwe talba għall-estradizzjoni mit-Turkija b'mod trasparenti, filwaqt li jsegwu l-proċeduri ġudizzjarji b'mod sħiħ u konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li l-mandati ta' arrest tal-Interpol ma jistgħux jintużaw ħażin biex jiġu indirizzati dissidenti Torok, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u dawk li jikkritikaw il-gvern, bħall-ex finalist tal-Premju Sakharov, is-Sur Can Dündar;

4.  Jinnota li mill-introduzzjoni tal-istat ta' emerġenza aktar minn 152 000 ħaddiem taċ-ċivil – inklużi għalliema, tobba, akkademiċi (tal-paċi), avukati, imħallfin u prosekuturi – tkeċċew; jinnota li 125 000 persuna applikaw mal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Miżuri tal-Istat ta' Emerġenza (COSEM), li għandha l-kompitu li tirrieżamina u tiddeċiedi, fi żmien sentejn, dwar ilmenti kontra miżuri meħuda taħt l-istat ta' emerġenza u d-digrieti relatati, u li 81 000 minn dawn l-ilmenti għadhom qed jistennew deċiżjoni; jinnota r-rata baxxa ħafna (7 %) ta' riżultati favorevoli li wasslu biex l-applikanti ngħataw lura l-postijiet tax-xogħol tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-kamp ta' applikazzjoni ristrett tal-mandat ta' din il-kummissjoni, in-nuqqas ta' indipendenza tagħha u l-fatt li l-eżamijiet isiru fuq il-bażi unika ta' dokumenti fil-fajl tal-każ, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata; jinnota li dawn it-tkeċċijiet kellhom impatt aħrax ħafna fuq l-individwi kkonċernati u fuq il-familji tagħhom, inkluż f'termini ekonomiċi, u li ġabu magħhom stigma soċjali u professjonali dejjiema; jistieden lill-gvern Tork jiżgura li l-individwi kollha jkollhom id-dritt għall-proċess ġust u li l-każijiet tagħhom jiġu rieżaminati minn qorti ġudizzjarja indipendenti f'konformità ma' standards internazzjonali li tkun tista' tiżgura kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati mit-tkeċċija arbitrarja tagħhom; jistieden lit-Turkija tiżgura l-indipendenza operattiva, strutturali u finanzjarja tal-Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Ugwaljanza u tal-Istituzzjoni tal-Ombudsman sabiex tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jipprovdu opportunitajiet ta' rieżami u rimedju ġenwini;

5.  Jinsab imħasseb ħafna bir-rapporti li d-Direttorat tal-Affarijiet Reliġjużi (Diyanet) qed jiġi sfruttat mill-aġenzija tal-intelligence Torka biex jippersegwita lil mexxejja tal-oppożizzjoni mill-moviment Gülen jew minn kwalunkwe avversarju ieħor, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jinvestigaw dan il-ksur serju tas-sovranità u l-ordni pubbliku;

6.  Jikkundanna ż-żieda fis-sorveljanza eżekuttiva u l-pressjoni politika li jaffettwaw ix-xogħol tal-imħallfin u l-prosekuturi; jisħaq li riforma serja tal-fergħat leġiżlattivi u ġudizzjarji tas-setgħa hija meħtieġa għat-Turkija sabiex ittejjeb l-aċċess għas-sistema ġudizzjarja, iżżid l-effettività tagħha u tipprovdi protezzjoni aħjar għad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli; jisħaq li dawn ir-riformi huma meħtieġa wkoll jekk it-Turkija trid tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb li t-tkeċċija ta' aktar minn 4 000 imħallef u prosekutur hija theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura; iqis ukoll li l-arrest ta' aktar minn 570 avukat huwa ostaklu għad-dritt tad-difiża u jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal proċess ġust; jikkundanna wkoll id-detenzjoni u l-fastidju ġudizzjarju għall-avukati tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Grupp ta' Azzjoni għar-Riforma jagħmel rieżami tal-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja u jagħmilha konformi mal-istandards meħtieġa tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lit-Turkija, matul il-proċess ta' riforma, tiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha u b'mod partikolari tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-użu xieraq tal-finanzjament tal-UE għat-taħriġ tal-ġudikatura u tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, li m'għandhomx jintużaw biex jilleġittimizzaw l-imġiba ripressiva;

7.  Jinnota bi tħassib li minn mindu ġie introdott l-istat ta' emerġenza, l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Torok żdied b'mod drammatiku, bir-riżultat li, skont l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, it-Turkija issa tokkupa l-ħames post f'termini ta' għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati fl-Istati Membri tal-UE; jissottolinja li f'Settembru 2018 aktar minn 16 000 applikazzjoni kienu għadhom qed jistennew deċiżjoni tal-ewwel istanza;

8.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar il-miżuri sproporzjonati u arbitrarji li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-aċċess għall-informazzjoni; jikkundanna l-għeluq ta' aktar minn 160 stabbiliment tal-midja, l-għadd kbir ta' arresti ta' ġurnalisti u ta' ħaddiema tal-midja wara l-attentat ta' kolp ta' stat, is-sentenzi mhux sostanzjati u sproporzjonati mogħtija, u l-imblukkar ta' aktar minn 114 000 sit web fit-Turkija sas-sena li għaddiet, inkluż dak ta' Wikipedia; jiġbed l-attenzjoni għar-restrizzjonijiet stabbiliti fuq id-drittijiet tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jaħdmu fuq il-kwistjoni Kurda; iħeġġeġ lit-Turkija tiggarantixxi l-libertà tal-midja bħala kwistjoni ta' prijorità u tirrilaxxa u tillibera immedjatament lill-ġurnalisti kollha detenuti illegalment; jistieden lill-awtoritajiet Torok juru tolleranza żero lejn l-inċidenti kollha ta' abbuż fiżiku u verbali jew theddid kontra l-ġurnalisti, u jippermettu lill-mezzi tax-xandir li ġew magħluqa b'mod arbitrarju biex jerġgħu jiftħu;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-ispazju dejjem aktar ristrett għas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jisħaq li numru kbir ta' attivisti, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġew arrestati u d-dimostrazzjonijiet ġew ipprojbiti b'mod rikorrenti matul l-istat ta' emerġenza; jistieden lit-Turkija teħles lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs, lill-ġurnalisti u lil oħrajn li ġew detenuti fuq akkużi mhux sostanzjati, kif ukoll tneħħi dawk l-akkużi u tippermettilhom iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr theddid jew impediment fiċ-ċirkostanzi kollha; jistieden lit-Turkija tħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali; ifakkar li l-leġiżlazzjoni fit-Turkija dwar id-diskors ta' mibegħda mhijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-QEDB; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija jadottaw liġi dwar ir-reati ta' mibegħda li tkun tista' tħares lill-membri kollha tal-minoranzi minn attakki fiżiċi u verbali u tissodisfa l-kriterji ta' Copenhagen għall-pajjiżi tal-adeżjoni fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fit-Turkija, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza;

10.  Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta' Osman Kavala, esponent prominenti u rispettat tas-soċjetà ċivili fit-Turkija, li ilu detenut għal aktar minn sena u nofs; jinsab imwaħħax bil-fatt reċenti li Osman Kavala u 15 oħra ntbagħtu biex jitqiegħdu taħt att ta' akkuża, u qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kundanna għal għomorhom il-ħabs talli "ppruvaw iwaqqgħu l-gvern" għall-allegati rwoli tagħhom waqt il-protesti ta' Gezi tal-2013;; jitlob li jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u jitlob lid-delegazzjoni tal-UE fit-Turkija ssegwi l-każ tagħhom mill-qrib ħafna; jitlob, barra minn hekk, li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tkun preżenti fl-iżvolġiment tal-proċess; ma japprovax id-detenzjoni ta' 13-il akkademiku u attivist fis-16 ta' Novembru 2018, b'rabta mal-każ ta' Osman Kavala; jinnota li 12 minnhom ġew rilaxxati wara li taw id-depożizzjoni tagħhom u li persuna waħda għadha detenuta; jitlob li din il-persuna tiġi rilaxxata sakemm ikunu għaddejjin il-proċedimenti u li titneħħa l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq l-oħrajn;

11.  Huwa serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà tar-reliġjon, id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Kristjani u l-Alevi, u l-vjolenza mwettqa għal raġunijiet reliġjużi; jisħaq li l-knejjes għadhom jiffaċċjaw problemi dwar l-istabbiliment jew il-kontinwazzjoni tal-użu tal-bini bħala postijiet ta' qima; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippromwovu riformi pożittivi u effettivi fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, billi jagħtu lok lill-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità legali, jippermettu lill-fondazzjonijiet tal-karità jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom, jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, jikkonformaw mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u billi jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ostakli bbażati fuq ir-reliġjon; jistieden lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jingħata l-permess għal ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u li jitneħħew l-ostakli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu; jappella għall-pubblikazzjoni tar-regolamenti elettorali għall-fondazzjonijiet mhux Musulmani; jilqa' l-fatt li l-gvern Tork irritorna 50 knisja, monasteri u ċimiterji Aramej f'Mardin, u jistieden lill-awtoritajiet Torok iroddu lura wkoll l-art rispettiva lis-sidien leġittimi tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-miżuri ta' sigurtà fuq il-popolazzjoni f'Tur Abdin u jistieden lit-Turkija tiżgura li jiġi ppreservat l-aċċess tal-abitanti għall-edukazzjoni, l-attivitajiet ekonomiċi u s-siti reliġjużi; iħeġġeġ lit-Turkija tagħmel l-almu tagħha biex tevita li jinqered il-wirt kulturali Aramej mix-xogħol preparatorju li għaddej bħalissa fuq il-proġett tad-diga Ilisiu; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija jieħdu azzjoni serja biex jiġġieldu serjament kontra kull manifestazzjoni ta' anti-Semitiżmu fis-soċjetà;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, b'mod partikolari l-projbizzjonijiet ripetuti fuq Pride marches u avvenimenti relatati mal-LGBTI fil-pajjiż kollu li għadhom qed jiġu imposti minkejja t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza, u jitlob li dawn il-projbizzjonijiet diskriminatorji jitneħħew immedjatament; jistieden lit-Turkija tieħu miżuri adegwati biex timpedixxi u tikkastiga d-diskors ta' mibegħda jew reati mmirati lejn gruppi żvantaġġati bħar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil Rom u Sirjani, u jitlob għal sforzi sostnuti biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom; jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ il-Pjan Strateġiku għall-Integrazzjoni tar-Rom għall-2016-2021, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, tiggarantixxi l-aċċess tar-Rom għal akkomodazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd, tissalvagwardja l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u tieħu miżuri biex timpedixxi t-tluq bikri mill-iskola, tiġġieled kontra s-segregazzjoni, u żżid ir-rata tal-impjiegi fost ir-Rom; jinnota bi tħassib iż-żieda fl-hekk imsejjaħ "qtil tal-unur"; jitlob lit-Turkija tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lit-Turkija tiżgura ugwaljanza sħiħa għaċ-ċittadini kollha u tindirizza l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-minoranzi, b'mod partikolari rigward id-drittijiet għall-edukazzjoni u l-proprjetà; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-gżejjer ta' Imbros u Tenedos, u jistieden lit-Turkija tgħin ir-ripatrijazzjoni tal-familji ta' minoranzi li jixtiequ jmorru lura lejn dawn il-gżejjer; jilqa' l-ftuħ ta' skola għal minoranza Griega f'Imbros, li jikkostitwixxi pass pożittiv;

13.  Jinsab imħasseb bil-prevalenza u bil-gravità tal-vjolenza fuq in-nisa fis-soċjetà Torka, inklużi qtil tal-unur, żwieġ ta' minuri mhux legali u l-abbuż sesswali, u bil-fatt li l-awtoritajiet Torok isibuha bi tqila jikkastigaw lill-awturi tal-vjolenza sessista; jisħaq fuq il-fatt li l-vjolenza domestika wasslet għall-mewt ta' 440 mara fl-2018, żieda mis-snin preċedenti, u li l-proċedimenti kriminali spiss huma twal u suġġetti għal ittardjar; jistieden lill-Gvern Tork jadotta u jimplimenta politika ta' tolleranza żero dwar dan is-suġġett;

14.  Jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta u jimplimenta għalkollox l-obbligi legali li impenja ruħu għalihom fir-rigward tal-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, ifassal, in buona fede, inventarju integrat tal-wirt kulturali Grieg, Armen, Assir u wirt kulturali oħra li safa meqrud jew irrovinat tul is-seklu li għadda; jopponi, f'dan il-kuntest, kwalunkwe pożizzjoni estrema li tippromwovi l-modifika tad-dehra tal-monument storiku-reliġjuż ta' Hagia Sophia u l-konverżjoni tiegħu f'moskea; jistieden lit-Turkija tirratifika l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jistieden lit-Turkija tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-qerda intenzjonata tal-wirt kulturali;

15.  Jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija u l-allegazzjonijiet serji ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-użu eċċessiv tal-forza, it-tortura u t-tnaqqis serju tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni politika fix-Xlokk, speċjalment minn mindu kkollassa l-proċess ta' riżoluzzjoni Kurd fl-2015, kif iddokumentaw l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-vjolenza min-naħa tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li ilu fuq il-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE mill-2002; jisħaq fuq l-urġenza li jerġa' jinbeda proċess politiku kredibbli li jwassal għal soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Kurda; jistieden lit-Turkija tinvestiga minnufih l-allegazzjonijiet serji kollha ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u qtil, u tippermetti lill-osservaturi internazzjonali jwettqu attivitajiet ta' monitoraġġ indipendenti; jinsab imħasseb dwar il-qerda ta' siti ta' wirt storiku fix-Xlokk, inkluż dak tas-sit antik Sur f'Diyarbakir, li kien inkluż fil-Lista ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO, att li jipperikola l-preservazzjoni tal-identità Kurda u l-kultura Torka fit-Turkija;

16.  Jinnota bi tħassib li matul l-istat ta' emerġenza numru kbir ħafna ta' sindki u viċi sindki fix-Xlokk tkeċċew u/jew ġew arrestati u li l-Gvern ħatar lil persuni ta' fiduċja biex jissostitwuhom; jisħaq li, riżultat ta' dan, parti kbira tal-popolazzjoni tat-Turkija ma kinitx rappreżentata b'mod demokratiku fil-livell lokali; huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet muniċipali li għandhom isiru f'Marzu 2019 iridu jiġu kkunsidrati bħala okkażjoni li tagħti opportunità importanti biex jerġa' jiddaħħal għalkollox il-prinċipju ta' mandat demokratiku dirett;

17.  Jinnota bi tħassib li l-istat ta' emerġenza u ċerti dispożizzjonijiet skont il-pakkett ta' riforma kostituzzjonali komplew jillimitaw il-Gran Assemblea Nazzjonali fil-kapaċità tagħha li twettaq ir-rwol fundamentali tagħha li tiżgura skrutinju u responsabbiltà demokratiċi; jinnota bi tħassib kbir l-arrest ta' żewġ membri mill-Partit Popolari Repubblikan, u l-mod kif il-Partit Demokratiku Popolari ġie partikolarment emarġinat, fejn ħafna leġiżlaturi tiegħu qed jiġu arrestati abbażi ta' allegat appoġġ għal attivitajiet terroristiċi; jappella li jinħelsu l-membri kollha tal-Gran Assemblea Nazzjonali detenuti minħabba d-diskorsi li għamlu u l-azzjonijiet li ħadu waqt il-ħidma parlamentari tagħhom; jissottolinja li l-Gran Assemblea Nazzjonali għandha tkun l-istituzzjoni ċentrali tad-demokrazija Torka, u għandha tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha fuq termini ugwali; jiddispjaċih dwar il-livell limitu elettorali għoli, li jillimita r-rappreżentanza politika reali u ma jirriflettix is-soċjetà pluralistika tat-Turkija;

18.  Jikkundanna l-arrest kontinwu ta' Selahattin Demirtaș, mexxej tal-oppożizzjoni u kandidat presidenzjali; jilqa' s-sentenza tal-QEDB dwar il-każ tiegħu, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsuh minnufih; jisħaq li l-QEDB iddeċidiet ukoll li d-detenzjoni tas-Sur Demirtaş segwiet l-għan ulterjuri predominanti li toħnoq il-pluraliżmu u tillimita l-libertà tad-dibattitu politiku; jikkundanna l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Torok kontra din is-sentenza; jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsegwu dan il-każ mill-qrib ħafna, u jitlob li s-Sur Demirtaş jinħeles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet;

19.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tar-Rapport 2018 dwar it-Turkija li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja; jinsab imħasseb li r-riżultati tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna f'każijiet ta' korruzzjoni għadhom dgħajfin, b'mod partikolari f'każijiet ta' livell għoli;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni ta' Venezja vvalutat l-emendi kostituzzjonali relatati mal-introduzzjoni ta' sistema presidenzjali li m'għandhomx sistema ta' kontrokontrolli suffiċjenti kif ukoll jipperikolaw is-separazzjoni tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura; ifakkar ukoll li l-Parlament Ewropew kien stieden lill-Gvern tat-Turkija jimplimenta bidliet u riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja, u s-sena li għaddiet talab ukoll is-sospensjoni formali tan-negozjati tal-adeżjoni jekk ir-riforma kostituzzjonali tiġi implimentata mingħajr tibdil, peress li din tkun inkompatibbli mal-kriterji ta' Copenhagen;

21.  Meta jitqies dan kollu ta' hawn fuq, jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont il-Qafas ta' Negozjar, formalment jissospendu n-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija; jibqa', madankollu, impenjat favur djalogu demokratiku u politiku mat-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi attwalment allokati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II u l-IPA III tal-futur) biex tappoġġja, permezz ta' pakkett apposta ġestit direttament mill-UE, lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti tat-Turkija, u żżid l-opportunitajiet għal kuntatti interpersonali, djalogu akkademiku, aċċess għall-istudenti Torok għall-universitajiet Ewropej u pjattaformi tal-midja għall-ġurnalisti bl-għan li tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jistenna li r-relazzjoni bejn it-Turkija u l-UE tkun definita mill-ġdid f'termini ta' sħubija effettiva; jissottolinja li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun mibni fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

22.  Jinnota li filwaqt li l-proċess ta' adeżjoni mal-UE fil-bidu kien motivazzjoni qawwija għal riformi fit-Turkija, kien hemm regressjoni qawwija fl-oqsma tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-aħħar ftit snin;

23.  Jisħaq li l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet li huma diġà b'saħħithom bejn it-Turkija u l-UE u żżomm lit-Turkija ekonomikament ankrata mal-UE; jemmen għaldaqstant li bieb għandu jitħalla miftuħ għall-modernizzazzjoni u l-aġġornament tal-Unjoni Doganali tal-1995 bejn l-UE u t-Turkija, biex jiġu inklużi oqsma rilevanti bħall-agrikoltura, is-servizzi u l-akkwist pubbliku, li bħalissa mhumiex koperti; ifakkar li t-Turkija hija l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, filwaqt li l-UE hija l-akbar sieħeb tat-Turkija, li żewġ terzi tal-Investiment Dirett Barrani (IDB) fit-Turkija jiġu minn Stati Membri tal-UE u li t-Turkija hija suq ta' tkabbir importanti għall-UE; jemmen li l-aġġornament jipprovdi opportunità siewja għal kundizzjonalità demokratika, ingranaġġ pożittiv u l-possibbiltà ta' pjan direzzjonali fejn l-aġġornament tal-Unjoni Doganali jmur id f'id ma' titjib konkret mit-Turkija fir-riformi demokratiċi fl-oqsma tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-istat tad-dritt u lejn spazju veru u miftuħ għas-soċjetà ċivili u l-pluraliżmu; jemmen ukoll li l-aġġornament tal-Unjoni Doganali jipprovdi opportunità importanti għal djalogu politiku dwar l-iżvilupp ekonomiku soċjalment u ambjentalment sostenibbli u t-tibdil fil-klima kif ukoll dwar id-drittijiet tax-xogħol fit-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni tibda ħidma preparatorja għall-aġġornament tal-Unjoni Doganali hekk kif il-Gvern Tork jaċċerta d-disponibbiltà tiegħu għal riformi serji; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni Doganali aġġornata li tagħmel id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kundizzjonalità ewlenija; ifakkar li l-Unjoni Doganali attwali ma tistax tilħaq il-potenzjal kollu tagħha sakemm it-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha;

24.  Jirrimarka li l-libertà tat-trade unions u d-djalogu soċjali huma essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà pluralistika; jiddispjaċih għan-nuqqasijiet leġiżlattivi dwar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions u jisħaq li d-dritt għall-organizzazzjoni, id-dritt għal negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk huma drittijiet fundamentali tal-ħaddiema; jiddispjaċih ferm li s-sħubija ta' trade union spiss ġiet ikkunsidrata bħala evidenza kriminali fil-kawżi ġudizzjarji; jemmen li din il-pożizzjoni tista' tipperikola aktar l-istatus tat-trade unions fil-pajjiż; jinsab serjament imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fil-bini tal-ajruport il-ġdid ta' Istanbul, minħabba li, skont ir-rapporti, 38 ħaddiem mietu f'inċidenti relatati max-xogħol mill-bidu tal-bini f'Mejju 2015 filwaqt li 31 persuna, inkluż mexxej ta' trade union, attwalment jinsabu l-ħabs talli pprotestaw kontra l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u s-salarji baxxi u mħallsa b'mod irregolari; jistieden lill-awtoritajiet Torok jikkonsultaw mill-qrib mat-trade unions rilevanti dwar il-kwistjoni tas-salvagwardji meħtieġa għall-ħaddiema fuq il-post, iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-imwiet u l-korrimenti, u jippermettu lill-unions aċċess sħiħ għall-ħaddiema kkonċernati; jesprimi tħassib dwar il-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal, speċjalment f'setturi bħall-agrikoltura u x-xogħol staġjonali; jinnota l-isforzi tal-gvern Tork bil-għan li jagħti lir-rifuġjati li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fit-Turkija d-dritt li jaħdmu, soġġett għal awtorizzazzjoni xierqa; jinnota li aktar minn 20 000 permess tax-xogħol ingħataw lil Sirjani u li dawn jinkludu ċerti kundizzjonijiet rigward il-livelli tal-paga minima u s-sigurtà soċjali; jirrimarka li minkejja dawn l-isforzi, ħafna Sirjani għadhom jaħdmu mingħajr awtorizzazzjoni f'għadd ta' setturi u ħafna mill-provinċji tat-Turkija; jisħaq li l-lingwa għadha waħda mill-aktar ostakli importanti għall-ħaddiema Sirjani;

25.  Jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jistieden lit-Turkija taderixxi mal-Konvenzjoni Espoo; jitlob lill-Gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, jew għall-anqas jikkonsulta magħhom rigward kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;

26.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija ta' importanza kbira għaċ-ċittadini Torok, b'mod partikolari għal studenti, akkademiċi, rappreżentanti tan-negozju u persuni b'rabtiet familjari fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jikkonforma bis-sħiħ mat-72 kriterju identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża; jisħaq li r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu tat-Turkija hija kundizzjoni ewlenija biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lit-Turkija tagħmel l-isforzi meħtieġa biex tissodisfa l-parametri referenzjarji li għad fadal; jisħaq li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tkun possibbli ladarba l-kriterji kollha jkunu ġew issodisfati b'mod sħiħ, effettiv u mhux diskriminatorju;

27.  Ifakkar fir-rwol importanti li għandha t-Turkija bħala reazzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni li rriżultat mill-gwerra fis-Sirja; huwa tal-fehma li t-Turkija u l-popolazzjoni tagħha wrew ospitalità kbira billi offrew kenn lil aktar minn 3.5 miljun rifuġjat Sirjan; jissottolinja li hemm madwar miljun tifel u tifla Sirjani tal-età tal-iskola fit-Turkija, li minnhom 60 % huma rreġistrati fi skejjel Torok; jieħu nota tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, iħeġġeġ lit-Turkija tirrispetta l-prinċipju ta' non-refoulement; jiddeplora l-fatt li taħt il-programm IPA 2011/2012, l-UE ffinanzjat l-akkwist ta' vetturi ta' sorveljanza blindati Cobra II, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu ta' tagħmir (ko)finanzjat taħt il-programmi tal-UE u l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' non-refoulement, b'mod partikolari fil-fruntiera Sirjana; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu l-wegħdiet tagħhom fir-rigward ta' risistemazzjoni fuq skala kbira, u jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati għall-appoġġ fit-tul tar-rifuġjati Sirjani fit-Turkija; jirrikonoxxi r-Rapport Speċjali tal-2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jitlob li jkun hemm effiċjenzi akbar u aktar trasparenza fl-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tal-finanzjament; jindika l-inċertezza dejjem akbar għar-rifuġjati Sirjani dwar il-prospetti għall-protezzjoni temporanja tagħhom fit-Turkija, u jitlob lit-Turkija tikkunsidra strateġiji għal aktar koeżjoni soċjali f'żoni b'komunitajiet kbar ta' rifuġjati Sirjani, kif ukoll għal inklużjoni soċjoekonomika u kulturali aktar fit-tul u aċċess adegwat u effettiv għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti u tiżgura li fejn jintużaw il-fondi tal-UE id-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati kif suppost u li tittieħed azzjoni biex jiġi evitat it-tħaddim tat-tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

28.  Jinnota l-importanza kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha u għat-Turkija li jżommu djalogu u kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà; iħeġġeġ il-kooperazzjoni u aktar allinjament dwar kwistjonijiet ta' politika barranija, ta' difiża u ta' sigurtà, inkluża l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; ifakkar li t-Turkija hija wkoll membru storiku tal-alleanza tan-NATO u tinsab f'post ġeostrateġiku ewlieni għaż-żamma tas-sigurtà reġjonali u Ewropea; jinnota li l-UE u t-Turkija għadhom jikkooperaw fi kwistjonijiet ta' importanza strateġika (militari) fi ħdan il-qafas tan-NATO; jistieden, għalhekk, lit-Turkija tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-membri tan-NATO fl-UE skont il-programm kontinwu tan-NATO ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE;

29.  Ifaħħar lit-Turkija għan-negozjati tal-Memorandum dwar Idlib; jiddispjaċih dwar il-fatt li gruppi armati appoġġjati mit-Turkija fl-"Armata Sirjana Ħielsa" allegatament ħatfu, serqu u qerdu l-proprjetà taċ-ċivili Kurdi fid-distrett ta' Afrin fit-Tramuntana tas-Sirja; jinsisti li t-Turkija u l-gruppi tal-Armata Sirjana Ħielsa f'Afrin għandhom jikkumpensaw lir-residenti spostati li l-proprjetà tagħhom inħatfet, inqerdet jew ġiet misruqa u m'għandhomx iċaħħdu b'mod permanenti lir-residenti mill-proprjetà tagħhom; jinsab imħasseb dwar rapporti ta' firxa wiesgħa ta' ksur li qed iseħħ f'Afrin l-aktar f'idejn il-gruppi armati Sirjani, mgħammra u armati mit-Turkija, kif ukoll mill-forzi armati Torok, li allegatament ħadu f'idejhom għadd ta' skejjel, u b'hekk fixklu l-edukazzjoni tat-tfal; huwa mħasseb li t-Turkija tfittex ukoll li tbiddel il-bilanċ demografiku fil-Kanton ta' Afrin billi tirrisistema rifuġjati mis-Sunniti Għarab Sirjani mit-Turkija għar-reġjun b'popolazzjoni Kurda; jitlob lill-Gvern Tork jirtira l-akkużi kontra dawk iċ-ċittadini kollha li kkritikaw l-azzjonijiet militari tat-Turkija fis-Sirja u b'hekk jirrispetta d-dritt tal-libertà tal-kelma;

30.  Itenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat; jistieden lit-Turkija, f'dan ir-rigward, tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi l-obbligi ġuridiċi pendenti u t-tilwimiet mhux riżolti mal-ġirien immedjati tagħha dwar fruntieri tal-art u tal-baħar u dwar l-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex itemm il-vjolazzjonijiet ripetuti tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi, u biex jirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità ta' kull pajjiż ġar tat-Turkija; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata;

31.  Jilqa' l-isforzi taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jerġgħu jinbdew in-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru; itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli bbażata fuq federazzjoni bikomunali u biżonali, b'personalità legali internazzjonali waħda, sovranità waħda u ċittadinanza waħda b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-Qafas imressaq mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-appell tiegħu biex jitkomplew in-negozjati, abbażi tal-ftehimiet li diġà ntlaħqu fil-proċess ta' Crans-Montana tal-2017; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol aktar attiv biex iwasslu n-negozjati għal konklużjoni b'suċċess; itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikolari lit-Turkija, biex jimpenjaw ruħhom u jikkontribwixxu għal soluzzjoni komprensiva; jistieden lit-Turkija tibda tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU skont ir-Riżoluzzjoni 550 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u ma tiħux azzjonijiet li jibdlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz tal-politika tagħha ta' insedjamenti illegali; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fuq il-gżira kollha; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-kumitat bikomunali ad hoc dwar it-tħejjija tal-UE; jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu ta' involviment mal-komunità Ċiprijotta Torka fit-tħejjija tagħha għal integrazzjoni sħiħa fl-UE, wara li tinstab soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-istess; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Kumitat bikomunali għal Persuni Nieqsa, li jittratta każijiet ta' persuni nieqsa Ċiprijotti Torok kif ukoll Ċiprijotti Griegi, u jfaħħar il-fatt li ngħata aċċess aħjar għas-siti rilevanti, inklużi ż-żoni militari; jistieden lit-Turkija tgħin lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa billi tipprovdi informazzjoni mill-arkivji militari tagħha; jirrikonoxxi d-dritt tar-Repubblika ta' Ċipru li tikkonkludi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta għalkollox id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk id-drittijiet relatati mat-tiftix tar-riżorsi naturali u mal-isfruttament tagħhom f'konformità mal-acquis tal-UE u mad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, u żżomm lura minn kwalunkwe theddida jew azzjoni li jista' jkollhom effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet tajbin mal-viċinat;

32.  Jitlob lit-Turkija u lill-Armenja jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jisħaq li l-ftuħ tal-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-integrazzjoni ekonomika;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-Gvern tat-Turkija u lill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija, u jitlob li dan ir-rapport jiġi tradott għat-Tork.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0450.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0040.
(4) ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.
(5) Testi adottati, P8_TA(2014)0052.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0094.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali