Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2119(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0159/2019

Testi mressqa :

A8-0159/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 17
CRE 13/03/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0201

Testi adottati
PDF 169kWORD 56k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019
P8_TA-PROV(2019)0201A8-0159/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (2018/2119(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 126 u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali" (COM(2018)0770), u għar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2019 (COM(2018)0758),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Bord Fiskali Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra t-Tbassiriet Ekonomiċi Ewropej tal-Kummissjoni (Ħarifa 2018 u Xitwa 2019),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013(9),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018, ippubblikat mill-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2018 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2018)0759),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(10),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, il-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa, u d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja tal-4 ta' Diċembru 2018 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika Monetarja (UEM),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2018 dwar il-politiki ekonomiċi għaż-żona tal-euro u b'kunsiderazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0159/2019),

A.  billi l-ekonomija Ewropea issa qed tidħol fis-seba' sena tagħha ta' tkabbir mingħajr waqfien; billi r-rati tat-tkabbir tal-PDG taż-żona tal-euro u tal-UE ġew aġġustati 'l isfel, bi tkabbir rispettiv ta' 1.3 % u 1.5 % fl-2019 u 1.6 % u 1.8 % (UE27) fl-2020; billi r-rata tat-tkabbir hija mistennija li tkompli timmodera, parzjalment minħabba t-tħassib dejjem jikber fir-rigward tal-prospettiva tat-tkabbir globali; billi għadhom jippersistu diverġenzi bejn l-Istati Membri fil-prestazzjonijiet ekonomiċi u tal-impjieg;

B.  billi l-qgħad fiż-żona tal-euro u fl-UE kien 7.9 % u 6.6 % rispettivament f'Diċembru 2018; billi r-rata tal-qgħad f'diversi Stati Membri għadha ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi, b'mod partikolari fil-każ tal-qgħad fit-tul, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli f'għadd ta' Stati Membri;

C.  billi r-rata tal-impjieg fl-UE qiegħda tikber, minkejja li mhux b'mod uniformi bejn l-Istati Membri; billi l-għadd ta' persuni li għandhom impjieg laħaq l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat fiż-żona tal-euro, li kien 146 miljun fit-tielet trimestru tal-2018; billi l-biċċa l-kbira tal-impjiegi ġodda li nħolqu huma part-time;

D.  billi t-tkabbir ekonomiku għadu vulnerabbli u jvarja bejn l-Istati Membri fost it-tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi, li għandhom impatt fuq il-kummerċ globali, u l-inċertezzi persistenti b'rabta mar-relazzjonijiet futuri tal-Unjoni mar-Renju Unit;

E.  billi l-Ewropa għadha qed tiffaċċja diskrepanza fl-investiment, għalkemm ilha bosta snin tibbenefika minn rati ta' interess eċċezzjonalment baxxi u mill-fatt li l-kundizzjonijiet ta' finanzjament għadhom favorevoli;

F.  billi, skont il-Eurostat, il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata fl-UE huwa previst li jiżdied, fin-nuqqas ta' bidliet ta' politika, minn 29,3 % fl-2016 għal 52,3 % sal-2080, li jammonta għal inqas minn żewġ persuni fl-età tax-xogħol għal kull persuna anzjana; billi hemm differenzi vasti fost l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

G.  billi matul l-aħħar żewġ deċennji, il-produttività tal-fattur totali fiż-żona tal-euro waqgħet lura minn dik tal-ekonomiji globali ewlenin;

H.  billi l-proporzjon tad-dejn għall-PDG taż-żona tal-euro huwa mistenni li jkompli x-xejra ta' tnaqqis tas-snin reċenti u jonqos minn madwar 87 % fl-2018 għal madwar 85 % fl-2019; billi, madankollu, skont it-tbassir tal-Kummissjoni, għaxar Stati Membri huma mistennija li jkollhom proporzjonijiet ta' dejn mal-PDG ta' aktar minn 60 % fl-2019 u f'seba' Stati Membri l-proporzjon se jibqa' aktar minn 90 %; billi l-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn kienu kajmani f'xi Stati Membri; billi ħames Stati Membri fiż-żona tal-euro bi proporzjonijiet ta' dejn mal-PDG għoljin huma mbassra li se jkollhom defiċit strutturali mdaqqas fl-2019;

I.  billi l-ebda Stat Membru fiż-żona tal-euro mhuwa mbassar li se jkollu defiċit ta' aktar mil-limitu ta' 3 % tal-PDG u d-defiċit nominali aggregat taż-żona tal-euro huwa mistenni li naqas għal 0,6 % tal-PDG fl-2018, li se jitla' ftit għal 0,8 % tal-PDG fl-2019;

J.  billi s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE hija kwistjoni ta' tħassib għall-ġustizzja interġenerazzjonali;

K.  billi s-surplus tal-kont kurrenti laħaq l-ogħla livell fl-2017 u huwa mistenni li se jonqos biex bejn wieħed u ieħor jistabbilizza għal madwar 3.6 % tal-PDG fiż-żona tal-euro u 2.3 % tal-PDG fl-UE fl-2019 u fl-2020, u għaldaqstant huwa fost l-ogħla fid-dinja;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 tal-Kummissjoni, li jafferma mill-ġdid l-importanza ta': (a) żieda fl-investimenti ta' kwalità għolja;

   (b) riformi li jżidu t-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali; u
   (c) stabbiltà makrofinanzjarja u finanzi pubbliċi sodi;

2.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni deċiżiva u kkoordinata biex jilħqu l-għan tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri, u biex jiżguraw ġustizzja interġenerazzjonali permezz tas-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-finanzi pubbliċi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħna u, bl-istess mod, jiżguraw il-futur tal-istati tagħna ta' għajnuna soċjali;

3.  Jinnota li r-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 tal-Kummissjoni juri li mingħajr tibdil fil-politika, il-kostijiet fiskali marbuta mal-pensjonijiet, mal-kura tas-saħħa u mal-perjodu fit-tul huma mistennija li jiżdiedu matul id-deċennji li ġejjin, hekk kif il-popolazzjoni tal-Ewropa tkompli tixjieħ b'mod sinifikanti;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippreparaw għal dawn l-iżviluppi demografiċi billi:

   (a) jimplimentaw riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati biex jitnaqqsu tali spejjeż;
   (b) itejbu t-tkabbir tal-produttività, li huwa essenzjali biex jiġi żgurat tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-futur, u
   (c) jibnu l-buffers fiskali xierqa biex jegħlbu l-ispejjeż fiskali li qed jiżdiedu;

5.  Jilqa' l-fatt li r-rata tal-impjieg fl-UE qiegħda tikber, minkejja li mhux b'mod uniformi bejn l-Istati Membri; jinnota li l-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin f'xi Stati Membri, li jeħtieġu riformi u investimenti kontinwi biex jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ u tal-qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), f'konformità mal-pjan direzzjonali miftiehem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi t-tlestija tas-suq uniku fil-quċċata tal-aġenda tagħha;

It-twassil ta' investiment ta' kwalità għolja

8.  Jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja interġenerazzjonali fit-tul, l-Istati Membri jeħtiġilhom iżidu l-produttività permezz ta' investimenti produttivi, bħal fi proġetti ta' infrastruttura sostenibbli li jtejbu t-tkabbir, b'mod konsistenti mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, sabiex jgħinu jistimolaw it-tkabbir ekonomiku potenzjali tant meħtieġ;

9.  Jilqa' l-kontribut pożittiv tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja l-fatt li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu dwar il-programm InvestEU u jħeġġeġ biex jintlaħaq ftehim politiku interistituzzjonali mill-aktar fis possibbli; jinnota s-suġġeriment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar it-titjib fil-firxa ġeografika ta' investimenti appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

10.  Jinnota li għad hemm diskrepanza fl-investiment fiż-żona tal-euro, minkejja r-riżultati pożittivi tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa; jirrimarka li fil-kuntest attwali tas-sinjali ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u ż-żieda tar-riskji u l-isfidi esterni, l-investiment pubbliku u privat għandhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tat-tkabbir u tal-konverġenza fil-livell Ewropew;

11.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-Istati Membri jiddistingwu bejn l-investiment pubbliku produttiv fit-tul u n-nefqa kurrenti meta jkunu qed jużaw l-ispazju baġitarju;

12.  Jenfasizza li ż-żieda fit-tkabbir tal-produttività tirrikjedi investiment fil-ħiliet, l-innovazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni ir-riċerka u l-iżvilupp, il-mobbiltà sostenibbli u l-infrastruttura, f'konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment kemm fil-kapital fiżiku kif ukoll dak tal-bniedem, u b'hekk jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

13.  Iqis li r-riformi li jneħħu burokrazija sproporzjonata għall-investimenti kemm jiffaċilitaw l-attività ekonomika kif ukoll joħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għat-tkabbir fit-tul;

14.  Jenfasizza li l-investiment dirett barrani intra-Ewropew jista' jwassal għal żidiet fil-produttività kemm għall-intrapriża li qed tinvesti kif ukoll għall-intrapriżi lokali fir-reġjuni ospitanti, u jgħin biex tiġi ġġenerata konverġenza ekonomika fl-Ewropa; iqis li regoli ċari u infurzabbli, kundizzjonijiet ekwi u tnaqqis fl-ispejjeż ta' konformità huma fatturi kruċjali biex jiġi attirat l-investiment;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' unjoni sħiħa tas-swieq kapitali, peress li swieq finanzjarji integrati aħjar jistgħu jipprovdu mekkaniżmi privati ta' kondiviżjoni tar-riskju u ta' tnaqqis tar-riskju ulterjuri, jiffaċilitaw l-investimenti transkonfinali u l-aċċess għal finanzjament għall-ekonomija reali, u jippromwovu l-investimenti privati sostenibbli;

L-iffokar tal-isforzi tar-riformi fuq it-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali

16.  Ifakkar li forza tax-xogħol li qed tixjieħ tista' tkun ta' xkiel għat-tkabbir tal-produttività Ewropea matul il-ftit deċennji li ġejjin, jekk kollox jibqa' l-istess; jibqa' mħasseb dwar il-livell baxx ta' kompetittività u ta' tkabbir tal-produttività tal-UE, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jimplimentaw riformi strutturali li jtejbu l-produttività u li jkunu soċjalment ibbilanċjati;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu riveduti kemm l-adegwatezza kif ukoll is-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tal-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu riformati s-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kkonċernati biex tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul;

18.  Jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li tkabbir akbar fil-produttività u l-inklużività għandhom ikunu għan importanti tar-riformi nazzjonali;

19.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol sabiex, fost l-oħrajn, is-sistemi tas-sigurtà soċjali jinżammu sostenibbli, b'mod partikolari fil-kuntest ta' proporzjon ta' dipendenza dejjem jiżdied; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jadottaw miżuri li jħeġġu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u r-rifuġjati;

20.  Jinnota li livelli eċċessivi ta' tassazzjoni jistgħu jkunu ta' xkiel għall-investimenti u għall-impjiegi; jitlob li jkun hemm bidla fit-taxxa mill-piż tat-taxxa għoli fuq ix-xogħol fl-Ewropa; barra minn hekk, iqis li t-tnaqqis tal-piż tat-taxxa għad-dħul baxx u medju x'aktarx se jżid id-domanda u jagħti spinta lit-tkabbir; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u jiġu kkoordinati aħjar il-prattiki amministrattivi fil-qasam tat-tassazzjoni, u jilqa' l-isforzi ta' dawk l-Istati Membri li jimplimentaw tali riformi;

21.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni u l-bidla teknoloġika joffru potenzjal kbir ta' tkabbir, qed jittrasformaw b'mod radikali s-swieq tax-xogħol tagħna, u qed jaffettwaw id-dinamika tat-tkabbir tal-ekonomiji Ewropej;

22.  Jenfasizza l-fatt li l-mobilizzazzjoni ta' popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tiċkien se tirrikjedi impjegati aktar versatili u mħarrġa, swieq tax-xogħol aktar dinamiċi, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, tagħlim u taħriġ tul il-ħajja, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, u rabtiet aktar b'saħħithom bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u n-negozji, flimkien ma' sistemi ta' sigurtà soċjali aċċessibbli; jinsisti li dawn il-prinċipji għandhom jitqiesu b'mod xieraq bl-għan li jiġu appoġġjati swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u tiġi promossa l-kwalità tal-impjiegi, kif deskritt fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

23.  Jenfasizza l-fatt li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li huma mutur importanti tal-impjiegi, ma jistgħux jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku Ewropew minħabba l-ostakoli leġiżlattivi u amministrattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas dawn l-ostakoli; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kompetizzjoni u t-tassazzjoni inġusti bejn l-SMEs u l-korporazzjonijiet multinazzjonali; jenfasizza l-importanza li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

24.  Ifakkar fl-importanza ta' ambjent amministrattiv u regolatorju li jiffavorixxi n-negozju filwaqt li titqies protezzjoni tal-konsumatur suffiċjenti, biex ikun aktar faċli għall-kumpaniji jaċċessaw il-finanzi u jiġbru fondi bejn il-fruntieri; jilqa' l-enfasi tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir fuq il-ħtieġa li tittejjeb l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, li għandha tinvolvi l-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli mhux meħtieġa għall-investiment privat u pubbliku fil-livell lokali u reġjonali;

25.  Jenfasizza li l-indirizzar ta' xokkijiet futuri potenzjali jirrikjedi progress fl-approfondiment tal-UEM; ifakkar li l-approfondiment tal-UEM se jirrikjedi impenn politiku b'saħħtu, governanza effiċjenti u obbligu ta' rendikont demokratiku; ifakkar fl-importanza ta' settur bankarju reżiljenti u r-regolamentazzjoni effiċjenti u xierqa tiegħu biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja; jitlob li jkun hemm it-tlestija pass pass tal-unjoni bankarja, bi skema Ewropea kredibbli ta' assigurazzjoni tad-depożiti u sforzi kontinwi biex jitnaqqas is-self mhux produttiv; jinnota l-mandat mogħti mis-Summit taż-Żona tal-Euro biex il-Grupp tal-Euro jaħdem fuq strument baġitarju għall-konverġenza u għall-kompetittività;

L-iżgurar ta' stabbiltà makroekonomika u finanzi pubbliċi sodi

26.   Jirrimarka li l-istabbiltà makrofinanzjarja u l-finanzi pubbliċi sodi jibqgħu prekondizzjoni tat-tkabbir sostenibbli;

27.  Jinnota li proporzjon ogħla ta' anzjani jinvolvi aktar infiq fuq il-kura tas-saħħa, il-kura ta' età avvanzata u l-pensjoni; jinnota wkoll li f'soċjetà li qed tixjieħ, jekk kollox jibqa' l-istess, il-proporzjon ta' nies fl-età tax-xogħol qed jonqos meta mqabbel mal-proporzjon ta' anzjani, li jfisser li hemm anqas kontributuri fl-età tax-xogħol għal kull persuna anzjana; jenfasizza li dan iqiegħed piż enormi fuq il-finanzi pubbliċi ta' dawk l-Istati Membri li ma implimentawx ir-riformi meħtieġa, li joħloq sfida għas-sostenibbiltà tagħhom;

28.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom livelli għolja ta' defiċits u dejn pubbliku jagħmlu sforzi kontinwi biex inaqqsuhom; jirrikonoxxi l-isforzi li saru minn għadd ta' Stati Membri biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom, iżda jiddispjaċih mill-fatt li xi ftit minnhom tilfu l-opportunità li jwettqu r-riformi meħtieġa; jirrimarka li xi Stati Membri bi spazju fiskali tajjeb komplew jikkonsolidaw, biex b'hekk ikkontribwew għas-surplus tal-kont kurrenti taż-żona tal-euro;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri b'defiċits ta' kont kurrenti jew dejn estern għoli biex itejbu l-kompetittività tagħhom, u lil dawk b'surpluses kbar fil-kont kurrenti biex jippromwovu d-domanda billi jżidu t-tkabbir tal-pagi f'konformità mat-tkabbir tal-produttività u biex irawmu t-tkabbir tal-produttività billi jippromwovu l-investiment;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jibnu l-buffers fiskali xierqa għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni konsistenti u konformità mal-Pjan ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), inklużi l-klawżoli ta' flessibbiltà tiegħu, sabiex jiġu salvagwardjati l-finanzi pubbliċi responsabbli; ifakkar fl-importanza ta' implimentazzjoni konsistenti ta' regoli fiskali biex tiġi żgurata l-fiduċja tas-swieq finanzjarji, li hija fundamentali biex jiġi attirat l-investiment;

31.  Jilqa' l-proposta tal-Bord Fiskali Ewropew għal simplifikazzjoni radikali tar-regoli baġitarji biex ikompli jitjieb il-qafas fiskali attwali tal-UE; jenfasizza li l-flessibbiltà, kif inkorporata fir-regoli tal-PST, tippermetti lill-Istati Membri jsibu bilanċ tajjeb bejn l-għan li tiġi żgurata politika fiskali prudenti u li jiġu ffaċilitati investimenti produttivi; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-fatturi kollha speċifiċi għall-pajjiż għall-finijiet tal-analiżijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn tagħha;

Sjieda nazzjonali

32.  Ifakkar li l-grad ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż huwa baxx wisq; jemmen li l-fokus tas-Semestru Ewropew għandu jkun fuq is-sjieda nazzjonali; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali biex jiddibattu r-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jaħdmu mal-atturi rilevanti; jirrimarka li Semestru Ewropew aktar simplifikat u aktar iffukat jista' jżid is-sjieda;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1.
(10) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(11) ĠU C 461, 21.12.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali