Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2120(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0162/2019

Testi mressqa :

A8-0162/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 17
CRE 13/03/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.14
CRE 13/03/2019 - 19.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0202

Testi adottati
PDF 181kWORD 66k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019
P8_TA-PROV(2019)0202A8-0162/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (2018/2120(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali" (COM(2018)0770),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati mill-mexxejja dinjija f'Settembru 2015 u approvati mill-Kunsill, li esprima l-impenn tiegħu għall-implimentazzjoni tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2018 li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (COM(2017)0761),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2018)0759),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2019" (COM(2018)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2019: Valutazzjoni Ġenerali" (COM(2018)0807),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Id-disparità diġitali bejn is-sessi";

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0162/2019),

A.  billi fl-2017 ir-rata ta' impjieg għal dawk ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 73,2 %, li tindika li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv tar-rata ta' impjieg ta' 75 % speċifikata fl-istrateġija Ewropa 2020;

B.  billi x-xogħlijiet deċenti li jiżguraw sigurtà tal-impjieg huma fattur importanti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u għandhom jiġu promossi biex jgħinu ħalli jiġi indirizzat il-qgħad fl-UE kollha, kif ukoll biex tiżdied id-domanda interna u jiġi stimolat it-tkabbir; billi, meta mqabbel man-numru totali ta' ħaddiema, il-perċentwal ta' ħaddiema part-time żdied minn 16,8 % fl-2008 għal 18,7 % fl-2017, b'livelli ogħla u b'żieda akbar fil-każ taż-żgħażagħ iż-żgħar;

C.  billi jeżistu disparitajiet sostanzjali fir-rati ta' impjieg fl-UE kollha bejn l-Istati Membri iżda wkoll fi ħdanhom kif ukoll disparitajiet fil-kwalità tal-impjiegi;

D.  billi, filwaqt li r-rati ta' qgħad fit-tul u ta' qgħad fost iż-żgħażagħ qegħdin jonqsu fil-livell tal-UE, dawn għadhom għoljin f'għadd ta' Stati Membri;

E.  billi r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE hija ta' 18,6 % u li għadha ogħla meta mqabbla mal-2008; billi, skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), huwa stmat li ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) lill-UE jiswewlha EUR 153 biljun fis-sena, filwaqt li l-kostijiet totali stmati għall-istabbiliment tal-garanzija għaż-żgħażagħ jammontaw għal EUR 21 biljun fis-sena; billi għall-perjodu 2017-2020 hemm allokata bħalissa somma ta' EUR 2 biljun għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

F.  billi peress li qegħdin jinbtu u jiġu żviluppati forom ġodda ta' xogħol, inkluż ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali u x-xogħol indipendenti, se jkun neċessarju li tiġi modernizzata u adattata l-protezzjoni soċjali tradizzjonalment orjentata biex tħares lill-ħaddiema full-time b'kuntratti indefiniti;

G.  billi ż-żieda fir-rata ta' impjieg fl-Istati Membri kienet akkumpanjata miż-żieda fil-forom ta' impjieg atipiċi, prekarji u mhux formali, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, mid-dgħajfien tad-djalogu soċjali, u, f'ċerti Stati Membri, mid-deċentralizzazzjoni tal-konsultazzjoni kollettiva, b'riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet tal-ħaddiema;

H.  billi l-aktar xogħol prekarju huwa dak li fih l-individwi ma jkunux jistgħu jinfurzaw drittijiethom, li fih il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tkun assenti, li fih is-saħħa u s-sikurezza jkunu jinsabu f'riskju u li fih ix-xogħol ma jipprovdix biżżejjed introjtu biex tgħix ħajja dinjituża; billi l-insigurtà hija element fundamentali ieħor tal-prekarjetà u tħaddan fiha l-inċertezza tax-xogħol, l-insuffiċjenza tal-introjtu, in-nuqqas ta' protezzjoni kontra s-sensja kif ukoll l-inċertezza fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-impjieg u tal-prospettivi ta' xogħol fil-ġejjieni;

I.  billi, minkejja l-inugwaljanza fl-introjtu fl-UE naqset kemxejn fl-2017, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu f'livelli inaċċettabbilment għoljin, li jlaħħqu d-9,6 % tal-popolazzjoni attiva u tolqot l-aktar lin-nisa;

J.  billi l-għadd totali ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali (AROPE) huwa ta' 22,5 % u li, avolja dan il-perċentwal huwa aktar baxx mil-livelli ta' qabel il-kriżi, l-objettiv ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 li jnaqqas b'20 miljun l-għadd ta' dawn il-persuni għadu ferm 'il bogħod milli jintlaħaq; billi r-rata AROPE għat-tfal kompliet tonqos iżda għadha għolja b'mod inaċċettabbli; billi r-rata AROPE għat-tfal li jgħixu f'unitajiet familjari b'ġenitur wieħed hija d-doppju tal-medja għat-tfal b'mod ġenerali; billi livelli għoljin ta' inugwaljanza jnaqqsu l-produzzjoni ekonomika u l-potenzjal ta' tkabbir sostenibbli;

K.  billi l-globalizzazzjoni għenet biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku iżda l-benefiċċji tagħha mhumiex imqassma b'mod ugwali kemm bejn kif ukoll fl-Istati Membri; billi l-inklużività tal-mudell ta' tkabbir Ewropew għandha terġa' tiġi eżaminata u jeħtieġ li tissaħħaħ, b'mod partikolari f'termini ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali;

L.  billi r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jenfasizza l-urġenza tal-azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, li jista' jsir irreversibbli fi żmien tliet snin; billi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjonijiet allokazzjonijiet baġitarji fil-livelli kollha tal-governanza (tal-investiment kemm pubbliku kif ukoll privat) għall-modernizzazzjoni u għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur industrijali, enerġetiku u tat-trasport;

M.  billi l-ekonomija tal-UE dieħla fis-sitt sena ta' tkabbir kontinwu, irkupru tal-investimenti, żieda fid-domanda tal-konsumaturi, żieda fil-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li d-dispersjoni tar-rati ta' tkabbir fiż-żona tal-euro tinsab fil-livell l-aktar baxx fl-istorja tal-UEM; billi madankollu huwa spjaċevoli li l-benefiċċji tat-tkabbir mhumiex maqsumin b'mod indaqs;

N.  billi l-introjtu tal-familji żdied aktar bil-mod mill-PDG u dan iqajjem dubji dwar l-inklużività tat-tkabbir reċenti;

O.  billi l-bidla demografika u ż-żieda fl-istennija tal-għomor jippreżentaw lis-sistemi tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa u tal-indukrar fit-tul sfidi sinifikanti ħafna relatati mas-sostenibbiltà u mal-adegwatezza;

P.  billi djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb huwa element fundamentali tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jnaqqas il-kunflitti fis-soċjetà, għall-ġid reċiproku tal-ħaddiema, ta' min iħaddem u tal-gvernijiet;

Q.  billi l-inklużjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-Semestru Ewropew mill-2018 għenet biex jitrawmu t-tkabbir inklużiv u l-impjiegi u biex jonqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi;

R.  billi s-Semestru Ewropew għandu jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jiġi żgurat trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll biex jiġi appoġġat id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel u d-dritt ta' aċċess għal kura tas-saħħa ekonomikament aċċessibbli u ta' kwalità tajba;

S.  billi t-80 miljun Ewropew b'diżabbiltà, kif ukoll għadd ta' gruppi speċifiċi fosthom iż-żgħażagħ u l-komunitajiet emarġinati, il-persuni li jbatu minn mard kroniku u l-membri tal-komunitajiet minoritarji jiltaqgħu ma' ostakli speċifiċi fl-aċċess għall-impjiegi u huma aktar esposti għar-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu kontribut essenzjali billi jfornu servizzi favur l-inklużjoni u jiżguraw ir-rappreżentazzjoni fit-tfassil tal-politiki;

T.  billi l-inugwaljanzi fis-saħħa u l-piż dejjem akbar tal-mard kroniku qegħdin iwasslu għal livelli għoljin ta' mortalità prematura fl-UE kollha u fl-istess ħin jaffettwaw il-forza tax-xogħol, il-produttività u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali;

U.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa valur fundamentali tal-UE u huwa minqux fl-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-obbligu tal-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi, tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kif ukoll tal-iżgurar tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-UE;

V.  billi fl-2017 ir-rata ta' impjieg fost in-nisa kienet ta' 66,5 %, iżda li d-differenza bejn r-rati ta' impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, li hija ta' 12 %, għadha konsiderevoli, bħad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, b'konsegwenza ta' hekk, id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel; billi huma aktar in-nisa milli l-irġiel li jbatu l-faqar u huma n-nisa dawk l-aktar esposti għar-riskju ta' esklużjoni soċjali fix-xjuħija, b'introjtu mill-pensjoni anqas minn kważi 40 % minħabba l-akkumulu ta' inugwaljanzi bejn is-sessi matul ħajjithom, u dan jirrappreżenta sfida għal ħafna nisa u għas-soċjetà; billi l-parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa tista' tkun iffaċilitata permezz tal-aċċess għal servizzi ta' indukrar bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità tajba;

W.  billi l-preżenza ta' aktar nisa f'pożizzjonijiet deċiżjonali ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi;

X.  billi dawk il-persuni li jindukraw b'mod informali jew li jduru bi qrabathom jinsabu f'riskju akbar li jesperjenzaw il-faqar, kemm matul il-perjodu tal-indukrar kif ukoll meta jaċċedu għad-drittijiet tal-pensjoni; billi huma prevalentement in-nisa dawk li jduru bi qrabathom; billi 80 % tal-indukrar fl-UE jingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali u mingħajr ħlas, u li 75 % minnhom huma nisa;

Y.  billi l-kwalità tas-servizzi ta' indukrar tvarja ħafna fl-Istati Membri u minn Stat Membru għal ieħor, u bejn il-faċilitajiet privati u pubbliċi, iż-żoni rurali u urbani, u bejn faxex differenti tal-età; billi n-nisa huma milquta minn tnaqqis fis-servizzi pubbliċi, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u s-settur tal-alloġġi, kemm direttament bħala utenti u impjegati, kif ukoll indirettament permezz tas-sostenn tagħhom lill-membri tal-familja li jiddependu minn servizzi pubbliċi ċentrali;

Z.  billi n-nisa għandhom aktar ċans li jieqfu mill-karriera minħabba r-rwol tagħhom fil-familja, u billi spiss huma n-nisa li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal jew iduru bil-qraba morda; billi dan ir-rwol li għandhom in-nisa jista' jxekkel il-karrieri tagħhom; billi għaddejjin diskussjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

AA.  billi sar progress sinifikanti biex jintlaħaq l-objettiv ewlieni għall-2020 ta' rata ta' tluq bikri mill-iskola ta' 10 % u biex jintlaħaq l-objettiv ta' 40 % għall-ksib ta' edukazzjoni terzjarja, iżda għadhom jippersistu disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri; billi l-Istati Membri għandhom ikunu inkoraġġiti jżidu l-aċċessibbiltà u l-aċċettazzjoni pubblika tat-taħriġ vokazzjonali filwaqt li jiżguraw li l-kwalità tal-edukazzjoni terzjarja tibqa' prijorità huma u jiksbu l-objettivi ewlenin għall-2020;

AB.  billi, fl-era diġitali, minkejja li l-ħiliet diġitali huma essenzjali għall-kompiti personali jew professjonali kollha, aktar minn 40 % tal-adulti fl-UE ma għandux ħiliet diġitali bażiċi; billi 60 miljun adult ma għandhomx il-ħiliet ta' litteriżmu u numeriżmu; billi d-disparità bejn is-sessi fil-kejl tal-ħiliet diġitali 'l fuq mil-livell bażiku hija ta' 12,9 %;

AC.  billi l-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u dawk aktar anzjani huma ferm inqas probabbli li jipparteċipaw fi programmi ta' taħriġ mill-ġdid u ta' taħriġ; billi l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) spiss ma għandhomx riżorsi biex jorganizzaw taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-impjegati tagħhom;

AD.  billi l-esklużjoni mill-alloġġi, il-kundizzjoni li persuna tkun mingħajr dar u l-aċċessibbiltà ekonomika tal-alloġġi jirrappreżentaw sfida importanti f'ħafna Stati Membri u li f'mill-anqas għaxra minn fosthom ġew irreġistrati rati ta' affollament eċċessiv ogħla mill-medja Ewropea; billi għall-Ewropej id-dar tikkostitwixxi n-nefqa l-aktar qawwija u li l-prezzijiet tad-djar qegħdin jiżdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel mill-introjti fil-maġġor parti tal-Istati Membri; billi l-inugwaljanza u l-esklużjoni mill-alloġġi jsaħħu lil xulxin u n-nisa, it-tfal u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni mill-alloġġi u għall-kundizzjoni li jkunu mingħajr dar;

AE.  billi għadhom pressanti l-isfidi fit-tul bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq ix-xogħol, it-tibdil fil-klima u l-użu insostenibbli tar-riżorsi naturali;

1.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fir-rigward tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, iżda jinnota li l-maġġoranza tal-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma' sfidi f'mill-anqas indikatur ewlieni wieħed u li 10 % tal-valutazzjonijiet kollha huma identifikati bħala "sitwazzjonijiet kritiċi";

2.  Jenfasizza li l-għanijiet u l-impenji soċjali tal-UE huma importanti daqs l-għanijiet ekonomiċi tagħha; jenfasizza li l-ħtieġa ta' investiment fl-iżvilupp soċjali mhijiex biss mezz biex jiġi garantit li t-tkabbir u l-konverġenza ekonomiċi jkunu jistgħu jinkisbu, iżda għandha tkun ukoll objettiv speċifiku fih innifsu; jilqa' pożittivament ir-rikonoxximent tal-importanza tal-pilastru soċjali u l-bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE kif ukoll li tingħata tweġiba lill-inugwaljanzi fi ħdan ir-reġjuni u bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet soċjali billi jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) b'tali mod li tinbena dimensjoni soċjali reali għall-UE, anki billi jieħdu nota tal-istudji reċenti(5) u jtejbu l-viżibbiltà u l-impatt politiċi tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi soċjali u tal-impjiegi ewlenin, filwaqt li jfornu għall-indikaturi kollha rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi dawk immirati li jippromwovu azzjonijiet trasformattivi lejn Unjoni aktar sostenibbli mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-20 prinċipju tal-EPSR bħala markaturi għall-valutazzjoni tas-suċċess tal-pajjiżi fl-integrazzjoni tal-impenn tagħhom fir-rigward tal-EPSR fil-politiki ekonomiċi tagħhom, kif ukoll issaħħaħ il-kapaċità ta' monitoraġġ tagħha tas-sitwazzjoni soċjali;;

3.  Jitlob li s-Semestru Ewropew jintrabat b'mod sħiħ mal-EPSR, billi jiġu enfasizzati t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, id-dritt għall-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali u d-dritt għal servizzi ta' indukrar ta' kwalità għolja u ekonomikament aċċessibbli;

4.  Jirrimarka li l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħal parteċipazzjoni skarsa, is-segmentazzjoni tiegħu kif ukoll l-asimmetrija bejn il-ħiliet u l-kwalifiki; jinnota l-ħtieġa dejjem akbar ta' miżuri effikaċi għall-integrazzjoni jew għar-reintegrazzjoni tal-forza tax-xogħol inattiva, inklużi l-migranti, fis-suq tax-xogħol;

5.  Jitlob aktar konsistenza fis-Semestru Ewropew, inkluż billi jiġi żgurat li l-kwistjonijiet enfasizzati fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jitqiesu b'mod adegwat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u li l-prijoritajiet jiġu sostnuti minn sena għall-oħra, sakemm ma jitqisux solvuti;

6.  Jinnota li hemm imbassar li l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha se jkomplu jikbru iżda b'ritmu aktar bil-mod; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eliminata d-diskrepanza fl-investiment fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-infrastruttura, inklużi s-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-indukrar kif ukoll il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u d-djar deċenti u effiċjenti fl-enerġija, kif ukoll fil-kapital uman; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex jinvestu f'edukazzjoni u f'taħriġ ekonomikament raġonevoli, aċċessibbli, immirati u ta' kwalità għolja, billi jsaħħu l-miżuri maħsuba għat-titijb tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid, inklużi l-ħiliet diġitali u trasferibbli, u biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati miżuri partikolari għan-nisa u l-bniet, li għad mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-setturi diġitali, xjentifiku, teknoloġiku, tal-inġinerija u matematiku (STEM), u li jissaħħu t-taħriġ inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u ta' dawk li jħarrġu; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' edukazzjoni, apprendistat u taħriġ vokazzjonali tagħhom, kif ukoll it-tagħlim ibbażat fuq sitwazzjonijiet reali, billi jallinjawhom aktar mal-bżonnijiet attwali u previsti tas-suq tax-xogħol; jinnota, barra minn hekk, l-importanza tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba f'kuntesti ta' tagħlim informali u jistieden lill-Istati Membri joħolqu sistemi ta' konvalidazzjoni tal-ħiliet informali, b'mod partikolari ta' dawk li jinkisbu bis-saħħa tal-attivitajiet tal-volontarjat;

7.  Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni skont liema t-tkabbir ekonomiku attwali għandu jissarraf fil-konċentrazzjoni mill-bidu ta' investimenti favur id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi industrijali, enerġetiċi u tat-trasport tal-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex ifornu taħriġ adegwat u aċċessibbli ħalli jiġi żviluppat is-sett ta' ħiliet it-tajjeb, inkluż l-appoġġ lill-impriżi f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ, mat-taħriġ mill-ġdid u mat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol kif ukoll l-adattament mill-ġdid tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

8.  Jinnota li f'ċerti Stati Membri l-qgħad għadu għoli minħabba n-nuqqas ta' tkabbir u ta' dgħufija strutturali li ġejjin fil-biċċa l-kbira minn oqfsa regolatorji għas-suq tax-xogħol ineffikaċi u f'ħafna każijiet riġidi;

9.  Jinnota li minkejja t-titjib, għad hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni f'termini ta' progress u rpiljar ekonomiċi minħabba dgħufija strutturali preeżistenti fid-diversi Stati Membri, b'mod partikolari fis-settur tal-impjiegi u tal-produttività; jemmen f'dan ir-rigward li l-konverġenza gradwali fl-UE kollha teħtieġ ukoll tindirizza d-diverġenza fl-Istati Membri, minħabba li d-disparitajiet f'livell reġjonali għandhom impatt fuq il-potenzjal tat-tkabbir Ewropew, peress li ħafna politiki u servizzi huma attwati fuq livell reġjonali;

10.  Iqis li, minbarra li tintuża bħala gwida għar-rakkomandazzjonijiet politiċi, it-tabella ta' valutazzjoni mehmuża mal-pilastru soċjali għandha tintuża bħala eżempju għal analiżijiet simili tal-prestazzjoni ta' pajjiżi individwali fil-konfront ta' politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati f'livell simili ta' rigorożità;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw bir-reqqa l-kwistjoni tal-faqar fost dawk li jaħdmu u jipproponu soluzzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali biex jindirizzaw din il-kwistjoni mill-aktar insidjuża; jemmen li trid tittieħed azzjoni immedjata u kkoordinata biex titreġġa' lura din ix-xejra, li thedded li tifframmenta l-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà interġenerazzjonali; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għadd għoli ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali minkejja x-xejra ta' tnaqqis; huwa partikolarment imħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar fost it-tfal, il-faqar fiż-żoni rurali kif ukoll il-faqar fix-xjuħija li huma ddominati b'mod qawwi min-nisa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-faqar, b'mod partikolari l-faqar fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu aħjar il-ħidma u l-għarfien espert tal-NGOs, tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra l-faqar u favur l-inklużjoni soċjali u tal-persuni li huma stess qed jesperjenzaw il-faqar fl-iskambju ta' prattiki tajba; jirrimarka li l-livelli għolja ta' inugwaljanza jnaqqsu l-produzzjoni ekonomika u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

12.  Ifakkar li pagi deċenti huma importanti mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha u ta' forza tax-xogħol produttiva; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi u jnaqqsu d-dispersjoni tal-pagi, inkluż billi jgħollu l-pagi minimi anke, meta applikabbli, fil-forma ta' pagi minimi stabbiliti f'livelli deċenti; F'dan il-kuntest, jappella għal politiki li jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi peress li jiżvolġu rwol kritiku fil-ksib ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ta' standard għoli; jemmen li dan kollu għandu jsir bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej iridu jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tat-trade unions, jikkonformaw mal-ftehimiet kollettivi u jiddefendu t-trattament ugwali tal-ħaddiema;

13.  Jenfasizza li filwaqt li r-rati tal-qgħad fl-UE jinsabu fl-aktar livell baxx tagħhom, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala fl-Unjoni kienet ta' 2,2 % fl-2018, żieda minn 1,9 % fl-2017; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet huwa konsiderevoli; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri huwa li jiggarantixxu l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment pubbliku sabiex jiżguraw li kulħadd ikun jista' jgawdi d-dritt tiegħu għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi; jemmen li l-gwida għall-karriera u t-taħriġ jistgħu jaġixxu bħala xprunatur ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv; jenfasizza li l-konverġenza bejn il-kwalifiki u l-ħiliet mal-opportunitajiet ta' xogħol hija prekundizzjoni għall-ħolqien ta' suq tax-xogħol tal-UE kompetittiv u għandha tiġi indirizzata billi tiġi faċilitata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u n-negozji u t-trade unions, pereżempju billi jiġu promossi l-edukazzjoni doppja, l-apprendistati, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim imsejjes fuq ir-realtà fil-forom kollha u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar il-portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol u programmi oħra li jiffaċilitaw il-mobbiltà tat-tagħlim u tat-taħriġ; jinnota li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki jtejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg, speċjalment f'pajjiżi b'rata għolja ta' postijiet tax-xogħol battala;

15.  Jissottolinja li l-integrazzjoni tal-individwi qiegħda fit-tul permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali u li fl-aħħar mill-aħħar se tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jitlob, b'rabta ma' dan, li jsir sforz akbar biex jiġu kkultivati ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, kif ukoll li jiżdied b'mod sinifikanti s-sehem tat-taħriġ orjentat lejn il-prattika, sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-impjegabbiltà; iqis li huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom, partikolarment f'termini ta' dħul suffiċjenti, djar adegwati, trasport pubbliku, saħħa u indukrar tat-tfal, kif ukoll jiġi żgurat monitoraġġ aħjar fuq livell Ewropew tal-politiki implimentati fil-livell nazzjonali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-NEETs, inklużi żgħażagħ b'diżabbiltà u dawk bi bżonnijiet kumplessi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ikunu jistgħu jisfruttaw u jibbenefikaw mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod reali u sinifikanti; jirrileva l-importanza tal-indirizzar tan-nuqqasijiet attwali li qed jaffettwaw il-kwalità tal-offerti u s-sensibilizzazzjoni tal-iskema; jemmen li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu stabbiliti standards ta' kwalità, jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju kontinwu u miżjud kemm permezz ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE kif ukoll ta' baġits nazzjonali, u jiġi żgurat l-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' miżuri taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut li minħabba l-kriterji tal-età għadd tal-persuni qiegħda, jew li xogħolhom ma kienx jisfrutta l-kapaċitajiet tagħhom meta kienu żgħażagħ, ma ġewx inklużi f'miżuri speċifikament immirati lejn ħaddiema żgħażagħ u għalhekk jeħtieġu l-opportunità li jaġġornaw il-ħiliet tagħhom; jenfasizza li l-edukazzjoni hija l-ilqugħ ewlieni kontra l-faqar; iqis li żieda fit-taħriġ ta' ħiliet diġitali bażiċi, bħall-użu tal-midja diġitali u għarfien bażiku tal-ipprogrammar, hija essenzjali fl-istituzzjonijiet edukattivi; jenfasizza, b'rabta ma' dan, il-ħtieġa għal tagħmir tekniku adegwat fi stabbilimenti edukattivi b'infrastruttura diġitali xierqa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw is-sistema ta' taħriġ doppju li hija stabbilita fl-UE bħala mudell ta' gwida mingħajr aktar dewmien filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jadattawha għas-sistemi proprji tal-Istati Membri;

17.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-perċentwali tal-popolazzjoni totali bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena meqjus NEET, kif ukoll indikaturi awżiljarji oħra, u li ssir enfasi b'mod partikolari fuq it-tfajliet u l-bniet peress li hemm differenza kbira bejn is-sessi f'dak li jikkonċerna l-proporzjon ta' żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ;

18.  Jinnota li l-UE għadha ġġarrab problemi strutturali li jeħtieġ jiġu indirizzati; jissottolinja l-ħtieġa kruċjali li tingħata spinta lid-domanda domestika billi jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat kif ukoll riformi strutturali soċjalment u ekonomikament bilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu impjiegi ta' kwalità u inklużivi, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment soċjali u konsolidament fiskali responsabbli, biex b'hekk tissaħħaħ mogħdija favorevoli lejn aktar koeżjoni u ambjent ta' konverġenza soċjali 'l fuq għan-negozji u għas-servizzi pubbliċi bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità filwaqt li jiġu bilanċjati d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi; jenfasizza li dawk il-prijoritajiet se jinkisbu biss jekk l-investiment fil-kapital uman jiġi prijoritizzat bħala strateġija komuni;

19.  Jirrileva li riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid biex b'hekk jinħoloq mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu orjentati mill-ġdid il-politiki ekonomiċi tal-Unjoni lejn ekonomija soċjali tas-suq;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-riformi strutturali fir-rigward tas-sessi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jniedu u/jew isaħħu r-regolamentazzjoni ta' forom ġodda ta' xogħol; jesprimi tħassib, f'dan il-kuntest, dwar il-kopertura tal-ħaddiema atipiċi u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li ta' spiss ma jkollhomx aċċess sħiħ għas-sistema tal-protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu miżuri li jkunu taw prova li huma effikaċi biex inaqqsu x-xogħol mhux iddikjarat, li jippermettu r-rikonoxximent tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u tal-indukrar kif ukoll itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprojbixxu kuntratti ta’ żero sigħat;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, inkluż billi jagħmluhom aktar orjentati lejn ir-riżultati u billi jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi pubbliċi tal-impjieg, mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluża s-soċjetà ċivili meta jkun xieraq;

23.  Jirrileva l-importanza tad-dimensjoni tal-istabbilizzazzjoni awtomatika tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jiġi assorbit ix-xokk soċjali kkawżat minn fatturi esterni bħal reċessjonijiet; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintroduċu politiki biex terġa' tiġi stabbilita s-sigurtà fl-impjiegi permezz tal-provvista ta' protezzjoni proattiva, inkluż f'każijiet ta' sensji; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO li tiddefinixxi l-protezzjoni soċjali bażika, biex jiżguraw u jżidu l-investiment fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex tiġi garantita l-prestazzjoni tagħhom fl-indirizzar u fil-prevenzjoni tal-faqar u tal-inugwaljanzi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-persuni b'diżabbiltà jiġu inklużi aktar fis-suq tax-xogħol billi jitneħħew l-ostakoli leġiżlattivi biex jinħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom u tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-postijiet tax-xogħol b'użu akbar ta' teknoloġiji ta' assistenza ġodda biex jiġu abilitati, pereżempju, il-komunikazzjoni u l-mobbiltà ta' persuni b'diżabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw aktar inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li huma l-aktar 'il bogħod minnu, bħal ġenituri waħedhom, persuni li jindukraw b'mod informali, persuni b'mard fit-tul, diżabbiltà, problemi tas-saħħa jew mard kroniku kumpless, migranti u rifuġjati u nies minn minoranzi etniċi u reliġjużi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u jippromwovu impjiegi deċenti li jwasslu għal impjiegi ta' kwalità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonijiet kollha dwar l-inklużjoni tar-Rom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom miftiehma;

26.  Jinnota li l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) huma estremament importanti għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jitlob aktar appoġġ biex l-MSMEs ikunu jistgħu jorganizzaw taħriġ rilevanti għall-impjegati tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni akbar u aħjar lill-interessi tal-MSMEs fil-proċess tat-tfassil ta' politika billi joħolqu l-qafas regolatorju t-tajjeb għan-negozji, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, biex joħolqu l-impjiegi, pereżempju billi jimplimentaw regolamentazzjoni intelliġenti;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw tassazzjoni aktar ġusta, inkluż fl-ekonomija diġitali, peress li hija prerekwiżit għall-promozzjoni ta' inklużjoni aktar favorevoli;

28.  Huwa mħasseb bil-fatt li ftit li xejn ingħatat attenzjoni lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob li jiġu żviluppati servizzi ta' indukrar ta' kwalità għolja aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli matul iċ-ċiklu tal-ħajja, kif ukoll servizzi ta' indukrar tat-tfal u edukazzjoni bikrija, filwaqt li jitkompla t-twettiq tal-objettivi ta' Barċellona tal-2002 għall-indukrar tat-tfal u tiġi żgurata leġiżlazzjoni li tippromwovi arranġamenti tax-xogħol flessibbli; jitlob ir-rikonoxximent ta' persuni li jindukraw b'mod informali, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, u forom adegwati ta' appoġġ u rikonoxximent tal-ħidma importanti ta' dawk li jindukraw il-familja, li jagħtu l-akbar sehem ta' indukrar fl-UE, billi, pereżempju, joffru kopertura tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali kif ukoll rikonoxximent ta' taħriġ u ħiliet informali; jitlob li jiġu promossi arranġamenti flessibbli tax-xogħol u l-użu ta' liv vantaġġjuż tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw; jirrikonoxxi l-fatt li din il-kwistjoni tirrikjedi rispons multidimensjonali u jistieden lill-Istati Membri jindirizzawha bħala kwistjoni urġenti; jinsab ferm konvint li l-adozzjoni rapida tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw hija pass neċessarju lejn titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'setturi rilevanti u fin-negozji filwaqt li jagħmlu enfasi speċjali fuq in-nisa b'diżabbiltà, peress li huma partikolarment vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;

30.  Jinsab imħasseb li s-suq tax-xogħol huwa segregat b'mod vertikali u orizzontali fl-UE, li jeżistu differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, u li ftit nisa huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li r-rata tal-impjieg tan-nisa għadha aktar baxxa minn dik tal-irġiel; jenfasizza, barra minn hekk, li din id-diverġenza fir-rata ta' impjieg hija partikolarment evidenti fost l-ommijiet u n-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi aktar fl-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza u fil-programmi nazzjonali ta' riforma, billi jintroduċu objettivi kwalitattivi u miżuri li jindirizzaw diskrepanzi persistenti bejn is-sessi, u jitlobhom japplikaw b'mod sistematiku l-prinċipju tal-ibbaġitjar skont is-sess;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi kwantitattivi speċifiċi fil-programmi nazzjonali ta' riforma (PNR) tagħhom rigward l-impjieg tan-nisa b'mod ġenerali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintroduċu pilastru ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istrateġija 2020, kif ukoll objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala waħda mill-għodod tas-Semestru Ewropew għall-monitoraġġ tal-progress fil-qasam tal-impjiegi u tal-objettivi soċjali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet;

36.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jneħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq in-nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jeliminaw il-preġudizzji kollha relatati mas-sessi b'rabta mat-taxxa u ma' inċentivi oħra li jipperpetwaw ir-rwoli mhux ugwali tal-irġiel u n-nisa;

37.  Jitlob li jiġu stabbiliti politiki li jappoġġaw l-intraprenditorija fost in-nisa, li jagħtuhom aċċess għal finanzjament u opportunitajiet ta' negozju billi jipprovdulhom taħriġ personalizzat u billi jintroduċu miżuri li jiżguraw bilanċ ġust bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

38.  Jirrileva l-fatt li d-diskriminazzjoni bejn is-sessi għadha problema persistenti, kif jidher mid-differenza fil-pagi bejn is-sessi (bil-medja tal-qligħ gross fis-siegħa tal-impjegati rġiel madwar 16 % ogħla minn dik tal-impjegati nisa) u d-differenza fil-pensjonijiet ta' 37 %; jenfasizza li d-differenza fil-pensjonijiet, li hija l-aktar indikatur importanti tal-inugwaljanza bejn is-sessi, hija dovuta għas-sottorappreżentanza tan-nisa f'setturi mħallsa tajjeb, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u r-rata għolja ta' nisa f'xogħol part-time, kif ukoll nuqqas ta' mekkaniżmi adegwati għar-rikonċiljazzjoni tal-obbligi tal-familja u dawk relatati max-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

39.  Ifakkar li l-bidla fil-kompożizzjoni tal-età u ż-żieda fl-istennija tal-għomor tal-popolazzjoni tirrikjedi l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet u, f'xi Stati Membri, l-implimentazzjoni ta' riformi xierqa f'ċerti Stati Membri, sabiex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli u xierqa; itenni l-appell tiegħu għal "care credits" (krediti għall-indukrar) fis-sistemi tal-pensjonijiet li jikkumpensaw għall-kontribuzzjonijiet li bosta nisa u rġiel ikunu tilfu minħabba responsabbiltajiet tal-indukrar tat-tfal u l-indukrar fit-tul bħala għodda biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn is-sessi u biex tiġi salvagwardata l-ekwità intergenerazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi; ifakkar lill-Kunsill Ewropew jikkunsidra l-użu tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

40.  Jirrileva li l-aċċess universali għal pensjonijiet tal-irtirar u tax-xjuħija pubbliċi, adegwati u bbażati fuq is-solidarjetà jridu jingħataw lil kulħadd; jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex isaħħu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni, iżda jenfasizza l-importanza li tiġi salvagwardata s-solidarjetà f'dawk is-sistemi; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi u jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità għall-etajiet kollha, jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u li jiġi allokat l-infiq pubbliku supplimentari meħtieġ; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom jiffokaw, fost affarijiet oħrajn, fuq l-età effettiva tal-irtirar u għandhom jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija; iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li jsofru minn impjiegi mhux sikuri u atipiċi, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas;

41.  Jinnota li s-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu investiment u spazju fiskali biex jiżviluppaw dawk is-servizzi biex jiżguraw li jkunu bi prezzijiet raġonevoli, aċċessibbli, u ta' kwalità għolja;

42.  Jiddeplora l-fatt li l-kriżi tad-djar ma ġietx inkluża fost il-prijoritajiet ta' politika ewlenin għall-2019, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mis-Semestru biex jimmonitorjaw u jappoġġaw il-progress fl-aċċessibbiltà ekonomika tad-djar u l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar bħala kwistjonijiet fundamentali ta' tħassib; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-ewwel pass, tinkludi l-indikatur tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali f'konformità mal-prinċipju 19 tal-EPSR; jenfasizza li r-rati għoljin ta' affollament eċċessiv fost iż-żgħażagħ (dawk bejn il-15 u d-29 sena) għandhom effett ħażin fuq l-edukazzjoni, l-iżvilupp personali u professjonali u fuq il-kwalità tal-ħajja; jemmen li għandha tingħata prijorità lill-allokazzjoni ta' finanzjament pubbliku liż-żgħażagħ li mhumiex jgħixu f'kundizzjonijiet diċenti;

43.  Huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni, bħala waħda mill-politiki ta' investiment ewlenin tal-Unjoni Ewropea, uriet l-effikaċja tagħha fiż-żieda tal-koeżjoni soċjali u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ il-finanzjament disponibbli għall-implimentazzjoni tal-EPSR;

44.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex hija tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mill-fondi strutturali għall-investiment fi strutturi tal-kura pubblika u f'servizzi għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni dipendenti oħra, sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

45.  Ifakkar li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiffavorixxi għadd ta' oqsma ta' investiment soċjali, inklużi s-saħħa, is-sistemi ta' kura fit-tul u d-djar tal-gvern; jenfasizza li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew argumenta favur il-ħafna effetti pożittivi ta' investiment soċjali orjentat lejn il-futur li jkun ippjanat sew, effettiv u effiċjenti;

46.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jirrikonoxxu aktar l-għarfien espert tal-NGOs fil-qasam soċjali billi jaħdmu lejn djalogu ċivili, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-proċess tas-Semestru;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0484.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0464.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0432.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0078.
(5) Ara r-rapporti tal-OECD ("In it together: why less inequality benefits all" (Kulħadd involut: għaliex anqas inugwaljanzi huma aħjar għal kulħadd), 2015 u tal-FMI ("Causes and consequences of income inequality" (Kawżi u konsegwenzi tal-inugwaljanza fl-introjtu), Ġunju 2015.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali