Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2610(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0204/2019

Dibattiti :

PV 14/03/2019 - 8.1
CRE 14/03/2019 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0203

Testi adottati
PDF 148kWORD 56k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan
P8_TA-PROV(2019)0203RC-B8-0204/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2019/2610(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra(1), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tat-18 ta' April 2013(4) u tal-15 ta' Marzu 2012(5), u dik tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) iffirmat f'Astana fil-21 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(7), u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 u tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra d-Djalogi annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) maħsub biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku u kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, kif ukoll f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika pubblika;

B.  billi l-Każakistan issieħeb fil-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta' Venezja), f'Marzu 2012;

C.  billi jidher li l-gvern tal-Każakistan ma ħa ebda pass biex jirrevedi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali, li huma fformulati b'mod wiesa'u li jipprojbixxi "l-inċitament" ta' diżgwid soċjali, nazzjonali jew ta' xorta oħra, u tal-Artikolu 274, li jipprojbixxi "t-tixrid ta' informazzjoni li hija magħrufa li hija falza", iżda għadu juża dawk id-dispożizzjonijiet bħala bażi biex jixli lil attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti u jibgħathom il-ħabs;

D.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi li qed jinżammu fil-Każakistan kiber; billi fl-2016 f'reġjuni differenti tal-Każakistan saru dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra bidliet fil-Kodiċi tal-Art, li wasslu għad-detenzjoni ta' aktar minn 1 000 parteċipant (fosthom 55 ġurnalist), li minnhom aktar minn 30 persuna sussegwentement ġew arrestati; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rrikonoxxa n-natura arbitrarja tad-detenzjoni, in-nuqqas ta' proċess ġust u vjolazzjonijiet goffi tad-drittijiet f'xi każijiet; billi l-attivist tas-soċjetà ċivili Maks Bokayev qed jiskonta sentenza ta' ħabs għall-parteċipazzjoni leġittima tiegħu f'din id-dimostrazzjoni paċifika tal-massa;

E.  billi l-gvern tal-Każakistan ikkoopera mal-missjoni ta' livell għoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u kkommetta ruħu li jimplimenta l-pjan direzzjonali biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet tal-ILO, iżda ma ħa ebda pass sinifikanti biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-pjan direzzjonali, bħal emendar tal-Liġi dwar it-Trade Unions; billi, bl-istess mod, ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni ta' Standards, jiġifieri li jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions u l-Kodiċi tax-Xogħol u li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Indipendenti tal-Każakistan (CITUK) u l-affiljati tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ drittijiethom bħala trade unions;

F.  billi l-attivisti tat-trade unions Nurbek Kushakbaev u Amin Eleusinov inħelsu fuq libertà kondizzjonali f'Mejju 2018, iżda għad għandhom projbizzjoni li jieħdu sehem f'attivitajiet tat-trade unions; billi l-attivista Larisa Kharkova qed tiffaċċja restrizzjonijiet simili, kif ukoll fastidju ġudizzjarju kontinwu, u Erlan Baltabay, attivist ta' trade union oħra minn Shymkent, jinsab taħt investigazzjoni kriminali fuq akkużi dubjużi;

G.  billi leġiżlazzjoni ġdida dwar l-NGOs issikkat ir-regoli tal-kontabilità għas-soċjetà ċivili; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem huma soġġetti għal pressjoni fiskali b'rabta ma' għotjiet li jirċievu minn donaturi internazzjonali;

H.  billi l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin ġiet imminata b'mod gravi; billi t-twemmin reliġjuż jintuża mill-awtoritajiet bħala skuża għal detenzjoni arbitrarja; billi Saken Tulbayev intbagħat il-ħabs wara li ġie akkużat li kien wettaq "inċitament għall-mibegħda reliġjuża";

I.  billi, fit-13 ta' Marzu 2018, l-awtoritajiet ipprojbew il-moviment ta' oppożizzjoni paċifika Għażla Demokratika tal-Każakistan (DCK) u aktar minn 500 persuna li wrew forom differenti ta' appoġġ għad-DCK; billi l-attivisti ċivili Almat Zhumagulov u l-poeta Kenzhebek Abishev saru vittmi tal-ġlieda tal-awtoritajiet tal-Każakistan kontra d-DCK u ġew ikkundannati għal 8 snin u 7 snin ħabs rispettivament; billi Ablovas Dzhumayev ġie kkundannat għal tliet snin ħabs u Aset Abishev għal erba' snin ħabs talli kkritikaw lill-awtoritajiet online u talli appoġġjaw lid-DRK;

J.  billi d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, minkejja li huwa protett fil-kostituzzjoni tal-Każakistan, fil-parti l-kbira għadu ristrett fil-pajjiż, u billi l-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika għadha tirrikjedi li l-assoċjazzjonijiet pubbliċi jirreġistraw mal-Ministeru tal-Ġustizzja; billi, f'Diċembru 2015, emendi ġodda għal dik il-liġi imponew obbligi ta' rappurtar onerużi u regolazzjoni statali tal-finanzjament permezz ta' korp maħtur mill-gvern; billi min jieħu sehem f'attivitajiet f'organizzazzjonijiet mhux reġistrati jista' jiffaċċja sanzjonijiet amministrattivi u kriminali;

K.  billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jiffaċċjaw rappreżalji u restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom, fost l-oħrajn Elena Semenova, li tinsab taħt projbizzjoni tal-ivvjaġġar talli "xerrdet informazzjoni li kienet taf li ma kenitx minnha", u Ardak Ashim, attivista ibbażata fi Shykment, li ġiet mixlija li "inċitat id-diżgwid" għall-kontribuzzjonijiet kritiċi tagħha fil-media u ntbagħtet f'detenzjoni psikjatrika furzata; billi, fl-10 ta' Mejju 2018, matul iż-żjara ta' delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Każakistan, il-pulizija rrikorriet għall-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi li kienu qed jippruvaw jiltaqgħu ma' Membri tal-Parlament Ewropew; billi aktar minn 150 ruħ inżammu mill-pulizija, u aktar minn 30 dimostrant tqiegħdu taħt arrest amministrattiv; billi, fis-17 u t-18 ta' Settembru 2018, il-pulizija tal-Każakistan żammew diversi attivisti li riedu jiltaqgħu ma' membri tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew;

L.  billi emendi restrittivi ġodda għal-Liġi dwar il-Media u l-Informazzjoni daħlu fis-seħħ f'April 2018, filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni fil-media soċjali għadu bblukkat u Forbes Kazakhstan u Ratel.kz qed jiffaċċjaw investigazzjoni kriminali li nfetħet kontrihom fuq akkużi li "xerrdu informazzjoni li kienu jafu li ma kenitx minnha"; billi l-użu ta' networks soċjali huwa kkontrollat u ristrett mill-awtoritajiet; billi bloggers u utenti ta' networks soċjali, fosthom Ruslan Ginatullin, Igor Chupina u Igor Sychev, ingħataw sentenzi ta' priġunerija; Billi l-blogger Muratbek Tungishbayev ġie estradit mill-Kirgiżistan għal-Każakistan bi ksur flagranti tal-liġi, u ġie soġġett għal maltrattament fil-Każakistan;

M.  billi l-impunità għat-tortura u għall-maltrattament ta' priġunieri u ta' persuni suspettati għadha n-norma, minkejja li l-gvern ikkommetta ruħu favur tolleranza żero għat-tortura; billi l-awtoritajiet naqsu milli jwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura matul l-istrajk estiż fis-settur taż-żejt f'Zhanaozen fl-2011;

N.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur f'Almaty ma sab ebda evidenza kredibbli li tirfed l-allegazzjonijiet ta' tortura fir-rigward tan-negozjant Iskander Yerimbetov, li ġie kkundannat għal seba' snin ħabs fuq akkużi li wettaq frodi fuq skala kbira f'Ottubru 2018; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fl-2018 ikkonkluda li l-arrest u d-detenzjoni tiegħu kienu arbitrarji, talab li jinħeles, u esprima tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura matul id-detenzjoni tiegħu qabel il-proċess;

O.  billi livelli għoljin ta' vjolenza kontra n-nisa u normi u sterjotipi patrijarkali tradizzjonali jirrappreżentaw ostakli maġġuri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Każakistan; billi NGOs jistqarru li l-vjolenza kontra n-nisa hija sottorappurtata, u li hemm rata baxxa ta' prosekuzzjonijiet f'każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa kif ukoll f'każijiet ta' fastidju sesswali;

P.  billi l-persuni LGBTI fil-Każakistan jiffaċċjaw sfidi legali u diskriminazzjoni; billi l-attività sesswali bejn persuni tal-istess sess, kemm bejn in-nisa kif ukoll bejn l-irġiel, hija legali fil-Każakistan, iżda koppji tal-istess sess u unitajiet domestiċi mmexxija minn koppji tal-istess sess mhumiex eliġibbli għall-istess protezzjonijiet legali li huma disponibbli għal koppji miżżewġa ta' sessi opposti;

Q.  billi l-Każakistan huwa kklassifikat fil-143 post minn 167 pajjiż fl-Indiċi Dinji tad-Demokrazija, hekk li l-pajjiż huwa ddefinit bħala reġim awtoritarju;

1.  Iħeġġeġ lill-Każakistan biex iżomm mal-obbligi internazzjonali tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jitlob l l-awtoritajiet tal-Każakistan itemmu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u kull forma ta' repressjoni politika, fi qbil mal-prinċipji tal-Artikoli 1, 4, 5 u 235 tal-EPCA;

2.  Jenfasizza li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn l-UE u l-Każakistan irid ikun ibbażat fuq impenji komuni favur valuri universali, b'mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, jistenna li l-EPCA jippromwovi tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-parteċipazzjoni demokratika miċ-ċittadini kollha, pajsaġġ politiku aktar varjat, ġudikatura indipendenti u imparzjali li taħdem aħjar, aktar trasparenza u responsabbiltà tal-gvern, u titjib tal-liġijiet tax-xogħol;

3.  Jilqa' r-rilaxx ta' għadd ta' priġunieri politiċi, jiġifieri: Vladimir Kozlov, Gyuzyal Baydalinova, Seytkazy Matayev, Edige Batyrov, Yerzhan Orazalinov, Sayat Ibrayev, Aset Matayev, Zinaida Mukhortova, Talgat Ayan u l-ħaddiema taż-żejt ta' Zhanaozen, kif ukoll l-uffiċjali tat-trade unions Amin Eleusinov u Nurbek Kushakbayev, li l-libertà tagħhom, madankollu, għadha soġġetta għal restrizzjonijiet; jilqa' d-deċiżjoni li Ardak Ashim tinħeles mill-klinika psikjatrika; jikkundanna miżura hekk brutali bħall-psikjatrija punittiva, u jitlob li Ashim ma tibqax soġġetta għal kura psikjatrika ambulatorja obbligatorja, u l-irtirar tal-miżuri mediċi obbligatorji kollha kontra l-attivista Natalia Ulasik;

4.  Jitlob li l-attivisti u l-priġunieri politiċi li jinsabu l-ħabs bħalissa, b'mod partikolari Mukhtar Dzhakishev, Maks Bokayev, Iskander Yerimbetov, Aron Atabek, Sanat Bukenov, Makhambet Abzhan u Saken Tulbayev, jiġu riabilitati bis-sħiħ u jinħelsu minnufih, u wkoll li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-movimenti ta' persuni oħra;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jemenda l-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali dwar "l-inċitament tad-diżgwid soċjali, nazzjonali, razzjali, reliġjuż, bejn il-clans jew bejn il-klassijiet" billi jirrestrinġih aktar ħalli jipprevjeni prosekuzzjonijiet arbitrarji li jiksru n-normi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-Artikolu 274 tal-Kodiċi Kriminali, li jipprojbixxi b'mod wiesa' "t-tixrid ta' informazzjoni li tkun magħrufa li mhijiex minnha", u biex jeħles lill-attivisti, il-ġurnalisti u l-individwi kritiċi oħra li bħalissa qed jinżammu fuq akkużi taħt dawk l-artikoli;

6.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex itemm ir-repressjoni tat-trade unions indipendenti u jneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tagħhom, itemm il-prosekuzzjonijiet kriminali ta' mexxejja ta' trade unions għal raġunijiet politiċi, u jħassar il-kundanni ta' Larissa Kharkova, Nurbek Kushakbaev u Amin Eleusinov u jħalli lil dawn il-persuni jerġgħu jqbdu l-attivitajiet tagħhom fil-unions mingħajr indħil jew fastidju; iħeġġeġ ukoll lill-gvern biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward l-investigazzjoni kriminali kontra Erlan Baltabay, u jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions tal-2014 u l-Kodiċi tax-Xogħol tal-2015 biex jagħmilhom konformi mal-istandards tal-ILO;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni, u biex jirrevedi l-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament;

8.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex itemm kull forma ta' detenzjoni arbitrarja, ta' rappreżalji u ta' fastidju kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u movimenti tal-oppożizzjoni politika, inkluż kontra partitarji reali jew perċepiti tad-DVK;

9.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex jirrevedi l-emendi għal-Liġi dwar il-Media u l-Informazzjoni li daħlet fis-seħħ din is-sena, jimponi moratorju fuq il-libell kriminali, jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrevoka l-artikoli rilevanti fil-Kodiċi Kriminali l-ġdid li huma relatati mal-libell kriminali, jistabbilixxi limitu massimu fuq danni f'każijiet ta' malafama ċivili, itemm il-fastidju u r-rappreżalji kontra l-ġurnalisti li jikkritikaw il-gvern, u jtemm l-imblukkar tal-aċċess għal informazzjoni kemm online u kemm offline;

10.  Jitlob li tittieħed azzjoni dwar il-komunikazzjonijiet mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tortura; jitlob li l-vittmi ta' tortura jiġu protetti, li jingħataw kura medika tajba u li l-inċidenti ta' tortura jiġu investigati sewwa; jitlob li jintemm l-abbuż mill-proċeduri ta' estradizzjoni tal-Interpol u li l-fastidju tal-oppożizzjoni politika jieqaf; iħeġġeġ lill-gvern tal-Każakistan biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu ta' tolleranza żero għat-tortura u biex jiżgura li l-allegazzjonijiet ta' tortura, inklużi dawk li saru fil-kuntest tal-ġrajjiet ta' Zhanaozen, jiġu investigati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrevedi l-każ ta' Iskander Yerimbetov fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, u jiżgura li l-allegazzjonijiet ta' tortura jiġu investigati debitament;

11.  Josserva n-natura multietnika u multireliġjuża tal-Każakistan, u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-minoranzi u ta' drittijiethom, partikolarment fir-rigward tal-użu tal-lingwi, tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet; jilqa' l-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet differenti fil-Każakistan; iħeġġeġ lill-Każakistan biex ma jibqax jippersegwita lin-nies talli jeżerċitaw b'mod leġittimu l-libertà tagħhom ta' kuxjenza u ta' reliġjon; jesiġi li l-persuni kkundannati għax iħaddnu twemmin jinħelsu minnufih;

12.  Jitlob li l-awtoritajiet jikkumbattu kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; jitlob, barra minn hekk, li tittieħed azzjoni li tiżgura li jkun hemm kanali effikaċi u aċċessibbli ta' rapportar kif ukoll miżuri ta' protezzjoni li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet u għall-kunfidenzjalità tal-vittmi; iħeġġeġ li tintemm l-impunità u li tittieħed azzjoni li tiżgura sanzjonijiet kriminali adatti kontra l-awturi tar-reati;

13.  Jinsisti li d-drittijiet tal-komunità LGBTI jiġu rispettati bis-sħiħ; jitlob li l-gvern tal-Każakistan jiggarantixxi li l-komunità LGBTI ma tħabbat wiċċha ma' ebda diskriminazzjoni ;

14.  Jitlob li l-Każakistan jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet tal-20 ta' Marzu 2016, skont liema l-pajjiż għad fadallu ħafna biex jissodisfa l-impenji mal-OSKE rigward elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jevitaw li jirrestrinġu l-attività ta' kandidati indipendenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini jiġu rispettati;

15.  Itenni li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-OSKE fit-titjib tal-prattiki tajba ta' governanza demokratika fil-pajjiż huma importanti, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan, għalhekk, biex jespandu l-mandat tal-OSKE fil-pajjiż, u b'mod partikolari biex iroddu liċ-Ċentru tal-OSKE f'Astana l-mandat tiegħu, bħala kundizzjoni importanti għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan;

16.  Jitlob li l-UE u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'mod partikolari jwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-Każakistan, iqajmu kwistjonijiet ta' tħassib mal-awtoritajiet tal-Każakistan fejn ikun meħtieġ, joffru assistenza, u jirrapportaw regolarment lill-Parlament; jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE f'Astana tkompli taqdi rwol attiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u li tqajjem il-kwistjoni tal-libertà ta' espressjoni fil-laqgħat bilaterali kollha rilevanti mal-Każakistan; iħeġġeġ lis-SEAE biex jinvolvi ruħu b'mod proattiv f'missjonijiet ta' osservazzjoni tal-proċessi, bil-għan li jissorvelja proċessi politikament sensittivi u prosekuzzjonijiet politikament motivati u jivverifika li d-dritt għal proċess ġust japplika għal kulħadd;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan.

(1) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 2.
(2) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 38.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 179.
(4) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.
(5) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.
(6) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.
(7) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
(8) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali