Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0130(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0042/2019

Testi mressqa :

A8-0042/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0236

Testi adottati
PDF 157kWORD 53k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Regoli speċjali dwar it-tul massimu fil-każ ta' kabini ***I
P8_TA-PROV(2019)0236A8-0042/2019
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu fil-każ ta' kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba (COM(2018)0275 – C8-0195/2018 – 2018/0130(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0275),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0195/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0042/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62,15.2.2019, p. 286.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu għall-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba
P8_TC1-COD(2018)0130

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE(3) ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) bil-għan li jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex il-leġislazzjoni tiġi adattata għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fil-bżonnijiet tas-suq u biex jiġi ffaċilitat it-trasport intermodali.

(2)  L-ajrudinamika mtejba tal-kabini tal-vetturi bil-mutur tkun tippermetti titjib sinifikanti fil-prestazzjoni enerġetika tal-vetturi. Madankollu, bir-restrizzjonijiet tat-tul massimu stipulati fid-Direttiva 96/53/KE, dan it-titjib kien impossibbli mingħajr it-tnaqqis tal-kapaċità tat-tagħbija tal-vettura. Għaldaqstant iddaħħlet deroga mir-restrizzjonijiet tat-tul massimu bid-Direttiva (UE) 2015/719.

(3)  Id-deroga mir-restrizzjonijiet tat-tulijiet massimi introdotta mid-Direttiva (UE) 2015/719 għandha tapplika mid-data li taħbat tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni jew ta' applikazzjoni tal-emendi meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi tal-approvazzjoni tat-tip.

(4)  Sabiex iseħħu mill-iktar fis possibbli l-benefiċċji tal-kabini ajrudinamiċi, f'termini ta' prestazzjoni enerġetika tal-vetturi tqal tal-merkanzija, iżda wkoll f'termini ta' viżibbiltà aħjar għas-sewwieqa, ta' sikurezza għall-ħaddieħor li jkun qed juża t-triq kif ukoll ta' sikurezza u kumdità għas-sewwieqa, jenħtieġ li jiġi żgurat li tali kabini ajrudinamiċi jkunu jistgħu jiġu introdotti mingħajr dewmien żejjed, hekk kif ikunu fis-seħħ ir-rekwiżiti meħtieġa tal-approvazzjoni tat-tip.

(5)  Is-settur tat-trasport u l-manifatturi tat-tagħmir jeħtieġu biżżejjed żmien biex jiżviluppaw servizzi u prodotti ġodda. Sabiex igawdu l-benefiċċji ta' regoli aktar flessibbli dwar id-disinn ta' kabini, huwa importanti li l-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa jkunu jistgħu jiġu adottati mill-iktar fis possibbli biex fis-swieq tkun tista' tidħol, bla xkiel u malajr, ġenerazzjoni ġdida ta' kabini. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fir-rwoli rispettivi tagħhom fil-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur, stabbilit mid-Direttiva 2007/46/KE(5), jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li tingħata opinjoni malajr. Jekk il-miżuri maħsuba mill-Kummissjoni ma jkunux konformi mal-opinjoni ta' dak il-kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi mingħajr dewmien skont l-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE(6).

(6)  Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 96/53/KE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 9a tad-Direttiva (UE) 96/53/KE huwa emendat kif ġej:

(1)  fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, wara l-punt (d), huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa, fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE, biex tipprovdi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sal-1 ta' Novembru 2019.";

"

(2)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"3. Il-paragrafu 1 għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2020."

"

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)ĠU C 62,15.2.2019, p. 286.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019.
(3)Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).
(4)Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1).
(5) Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1)
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' April 2019Avviż legali