Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0180(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0483/2018

Testi mressqa :

A8-0483/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.17
CRE 26/03/2019 - 7.17

Testi adottati :

P8_TA(2019)0237

Testi adottati
PDF 227kWORD 70k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv ***I
P8_TA-PROV(2019)0237A8-0483/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b'livell baxx ta' karbonju u parametri referenzjarji b'livell ta' karbonju b'impatt pożittiv (COM(2018)0355 – C8-0209/2018 – 2018/0180(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0355),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0209/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Diċembru 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0483/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi(1)
P8_TC1-COD(2018)0180

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(4),

Billi:

(1)  Fil-25 ta' Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli torbot l-SDGs mal-qafas ta' politika tal-Unjoni biex ikun żġurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta' politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fuq livell dinji, jieħdu inkonsiderazzjoni l-SDGs mill-bidu nett. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2017 ikkonfermaw l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b'mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effikaċi u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab u ma' partijiet ikkonċernati oħra.

(2)  Fl-2015, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima(5). L-Artikolu 2(c) ta' dak il-Ftehim jistabbilixxi l-objettiv li tissaħħaħ ir-reazzjoni għat-tibdil fil-klima, fost mezzi oħra billi l-flussi ta' finanzjament isiru konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(3)   Fl-2018, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblika r-Rapport Speċjali dwar Tisħin Globali ta' 1,5°C li ddikjara li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C tkun tirrikjedi bidliet rapidi, ta' importanza kbira u bla preċedent fl-aspetti kollha tas-soċjetà u li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C meta mqabbel ma' 2°C tista' tkun assoċjata mill-qrib mal-iżgurar ta' soċjetà aktar sostenibbli u ekwa.

(4)  Is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sostenibbiltà ilha żmien twil essenzjali għall-proġett tal-Unjoni u t-Trattati ▌jirrikonoxxu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha. Iż-żmien huwa limitat biex il-kultura fis-settur finanzjarju tiġi ttrasformata f'waħda favur is-sostenibbiltà biex jiġi żgurat li ż-żieda fit-temperatura medja globali tibqa' ferm taħt 2ºC. Huwa għalhekk essenzjali li l-investimenti fl-infrastruttura ġdida jkunu sostenibbli fit-tul.

(5)  F'Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni tagħha "Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli"(6), li jvara strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi ta' dak il-Pjan ta' Azzjoni huwa li jirriorjenta l-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Enfasi akbar fuq il-limitazzjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima hija kruċjali billi d-diżastri kkawżati mill-imprevedibbiltà tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi żdiedu b'mod drammatiku.

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) appellat għal żieda fil-finanzjament tas-settur privat għan-nefqa ambjentali u relatata mal-klima, b'mod partikolari billi jinħolqu inċentivi u metodoloġiji li jistimulaw lill-kumpaniji biex ikejlu l-kostijiet ambjentali tan-negozju u l-qligħ tagħhom derivati​mill-użu ta' servizz ambjentali.

(7)  L-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-Unjoni jirrikjedi t-trasferiment ta' flussi ta' kapital lejn investimenti sostenibbli. Huwa importanti li jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq intern biex dawk l-għanijiet jintlaħqu. F'dak il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-moviment effiċjenti ta' kapital lejn investimenti sostenibbli fis-suq intern u li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli mistennija bħal dawn.

(8)  Sabiex jintlaħqu l-miri fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi u biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima, l-objettiv globali jenħtieġ li jkun li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) jistabbilixxi regoli uniformi għal parametri referenzjarji fl-Unjoni u jaħseb għal tipi differenti ta' parametri referenzjarji. Għadd jiżdied ta' investituri jippruvaw jimplimentaw strateġiji ta' investiment b'livell baxx ta' karbonju u jirrikorru għal parametri referenzjarji b'livell baxx ta' karbonju biex iqabblu jew ikejlu il-prestazzjoni ta' portafolji ta' investiment. L-istabbiliment ta' Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u ta' Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, ibbażati fuq metodoloġija marbuta mal-impenji fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, jikkontribwixxi għal trasparenza aħjar u jgħin biex jipprevjeni l-greenwashing.

(10)  Varjetà wiesgħa ta' indiċijiet hija attwalment miġbura flimkien bħala indiċijiet b'livell baxx ta' karbonju. Dawk l-indiċijiet b'livell baxx ta' karbonju jintużaw bħala parametri referenzjarji għal portafolji u prodotti ta' investiment li jinbiegħu lil hinn mill-fruntieri. Il-kwalità u l-integrità tal-parametri referenzjarji b'livell baxx ta' karbonju jaffettwaw il-funzjonament effikaċi tas-suq intern f'varjetà wiesgħa ta' portafolji ta' investiment individwali u kollettivi. Ħafna indiċijiet b'livell baxx ta' karbonju użati bħala miżuri ta' prestazzjoni għal portafolji ta' investiment, b'mod partikolari għal kontijiet ta' investiment segregati u għal skemi ta' investiment kollettivi, huma fornuti fi Stat Membru wieħed iżda jintużaw minn maniġers tal-assi u ta' portafolji fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-maniġers tal-assi u ta' portafolji ta' spiss jiħħeġġjaw ir-riskji tal-esponiment għall-karbonju tagħhom billi jużaw parametri referenzjarji prodotti fi Stati Membri oħra.

(11)  Tfaċċaw fis-suq kategoriji differenti ta' indiċijiet b'livell baxx ta' karbonju b'livelli differenti ta' ambizzjoni. Filwaqt li xi parametri referenzjarji għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju ta' portafoll ta' investiment standard, oħrajn għandhom l-għan li jagħżlu biss komponenti li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ta' 2°C kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Minkejja d-differenzi fl-objettivi u fl-istrateġiji, bosta minn dawn il-parametri referenzjarji ▌huma ta' spiss promossi bħala parametri referenzjarji b'livell baxx ta' karbonju. Standards minimi u metodoloġija komuni għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi jgħinu biex jiġi evitat il-greenwashing.

(12)  L-approċċi diverġenti għal metodoloġiji ta' parametri referenzjarji jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq intern billi l-utenti tal-parametri referenzjarji ma jkollhomx ċarezza dwar jekk indiċi partikolari b'livell baxx ta' karbonju huwiex parametru referenzjarju allinjat mal-objettiv ta' 2 C jew sempliċement parametru referenzjarju li għandu l-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju ta' portafoll ta' investiment standard. Biex jindirizzaw talbiet potenzjalment illeġittimi minn amministraturi dwar in-natura b'livell baxx ta' karbonju tal-parametri referenzjarji tagħhom, l-Istati Membri x'aktarx li jadottaw regoli differenti biex jevitaw ▌konfużjoni fost l-investituri u ambigwità għall-investituri dwar l-għanijiet u l-livell ta' ambizzjoni li jirfdu l-kategoriji differenti tal-hekk imsejħa indiċijiet b'livell baxx ta' karbonju użati bħala parametri referenzjarji għal portafolji ta' investiment b'livell baxx ta' karbonju.

(13)  Fin-nuqqas ta' qafas armonizzat biex jiżgura l-preċiżjoni u l-integrità tal-kategoriji prinċipali ta' parametri referenzjarji b'livell baxx ta' karbonju użati fil-portafolji ta' investiment individwali jew kollettivi, huwa probabbli li d-differenzi fl-approċċi tal-Istati Membri joħolqu ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(14)  Sabiex jinżamm il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-benefiċċju tal-investitur aħħari, biex jitjiebu aktar il-kundizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu, u biex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, huwa għalhekk xieraq li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat bl-introduzzjoni ta' qafas regolatorju li jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi fil-livell tal-Unjoni. F'dak ir-rigward, huwa ta' importanza partikolari li tali parametri referenzjarji ma jkunux ta' dannu sinifikanti għal objettivi ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) oħra.

(15)  L-introduzzjoni ta' distinzjoni ċara bejn il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi u l-iżvilupp ta' standards minimi għal kull wieħed minnhom jikkontribwixxu għal konsistenza fost dawk il-parametri referenzjarji. Il-Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi jenħtieġ li, fil-livell tal-indiċijiet, ikun konformi mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

(16)  Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjonijiet "Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE" u "Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi" jkunu affidabbli u faċilment rikonoxxibbli għall-investituri fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li dawk l-amministraturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament biss ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjonijiet meta jikkummerċjalizzaw dawk il-parametri referenzjarji fl-Unjoni.

(17)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għall-parametri referenzjarji li jużaw id-denominazzjoni "Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE" jew "Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi".

(18)  Sabiex il-kumpaniji jiġu mħeġġa jiddivulgaw objettivi kredibbli ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-amministratur ta' Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, fl-għażla jew fil-ponderazzjoni tal-assi sottostanti, jenħtieġ li jqis il-kumpaniji li għandhom objettiv li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom lejn allinjament ġenerali mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Tali objettiv jenħtieġ li jkun pubbliku u kredibbli fis-sens li jenħtieġ li jirrappreżenta impenn ġenwin favur id-dekarbonizzazzjoni u jenħtieġ li jkun dettaljat biżżejjed u fattibbli teknikament.

(19)  ▌L-utenti ta' parametri referenzjarji madankollu mhux dejjem ikollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar sa liema punt il-metodoloġija tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji tikkunsidra l-fatturi ESG. L-informazzjoni eżistenti ħafna drabi tkun mifruxa, jew tkun noneżistenti, u ma tagħtix lok għat-tqabbil effettiv għal skopijiet ta' investimenti transfruntieri. Biex tippermetti lill-parteċipanti tas-suq jagħmlu għażliet informati tajjeb, l-amministraturi kollha tal-parametri referenzjarji bl-eċċezzjoni tal-amministraturi ta' parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, jenħtieġ li jintalbu jiddivulgaw ▌fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju, jekk il-parametri referenzjarji jew il-familji ta' parametri referenzjarji tagħhom jippruvawx jilħqu l-objettivi ESG jew le, u jekk l-amministratur tal-parametru referenzjarju joffrix tali parametri referenzjarji jew le.

(20)  Sabiex l-investituri jiġu infurmati dwar il-livell ta' konformità mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, għall-parametri referenzjarji ta' ekwità u bonds sinifikanti, kif ukoll għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, l-amministratur tal-parametri referenzjarji jenħtieġ li jippubblika informazzjoni dettaljata dwar jekk u sa liema punt huwa żgurat livell ġenerali ta' allinjament mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, jew ta' lħuq tal-għanijiet fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

(21)  Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi jippubblikaw ugwalment il-metodoloġija tagħhom użata għall-kalkolu tagħhom. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiddeskrivi kif l-assi sottostanti kienu magħżula u ponderati u liema assi kienu esklużi u għal liema raġuni. ▌Biex jivvaluta kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali, jenħtieġ li l-amministratur tal-parametru referenzjarju jiddivulga kif l-emissjonijiet tal-karbonju ▌tal-assi sottostanti kienu mkejla, il-valuri rispettivi tagħhom, inkluża l-impronta tal-karbonju totali tal-parametru referenzjarju, u t-tip u s-sors ta' data użata. Sabiex il-maniġers tal-assi jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar parametru referenzjarju xieraq għall-istrateġija ta' investiment tagħhom, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispjegaw ir-raġuni wara l-parametri tal-metodoloġija tagħhom u jispjegaw kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali ▌. L-informazzjoni ppubblikata jenħtieġ li tinkludi wkoll dettalji dwar il-frekwenza tar-rieżamijiet u l-proċedura segwita.

(22)  Il-metodoloġiji użati għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi jenħtieġ li jkunu msejsa fuq trajettorji ta' dekarbonizzazzjoni bbażati fuq ix-xjenza, jew allinjament ġenerali mal-miri fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

(23)  Biex tiġi żgurata konformità kontinwa mal-objettiv għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima magħżul, jenħtieġ li l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi jirrieżaminaw regolarment il-metodoloġiji tagħhom u jinfurmaw lill-utenti dwar il-proċeduri applikabbli għal kull bidla materjali. Meta jintroduċu bidla materjali, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiddivulgaw ir-raġunijiet għal dik il-bidla u jispjegaw kif dik il-bidla hija konsistenti mal-objettivi inizjali tal-parametri referenzjarji.

(24)  Il-parametri referenzjarji li ma jkollhom ebda assi sottostanti li jkollhom impatt fuq it-tibdil fil-klima, bħal pereżempju l-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, jenħtieġ li jkunu eżenti milli jiddivulgaw fid-dikjarazzjoni tal-parametri referenzjarji tagħhom jekk u sa liema punt huwa żgurat livell ġenerali ta' allinjament mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew ta' lħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun biżżejjed għal dawk il-parametri referenzjarji jew il-familji ta' parametri referenzjarji, li mhumiex qed jippruvaw jilħqu l-għanijiet tal-emissjonijiet tal-karbonju, li jiddikjaraw b'mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-parametri referenzjarji li mhumiex qed jippruvaw jilħqu tali objettivi.

(25)  Sabiex tittejjeb it-trasparenza u jiġi żgurat livell xieraq ta' armonizzazzjoni, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika ▌l-kontenut minimu tal-obbligi ta' divulgazzjoni li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi jenħtieġ li jkunu suġġetti għalihom, u biex tispeċifika l-istandards minimi għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġija tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż il-metodu għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-karbonju ▌assoċjati mal-assi sottostanti, filwaqt li jitqiesu l-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjoni kif definit fil-punti (a) u (b) tal-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE(9) u l-ħidma tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi dwar il-Finanzjament Sostenibbli (TEG). Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, miftuħa u pubbliċi matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha dwar kull wieħed minn dawk l-atti delegati, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ▌. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati, u jingħataw il-minuti tal-laqgħat kollha tal-grupp ta' esperti tekniċi tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament sostenibbli.

(26)  L-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 introduċa perjodu tranżitorju fejn fornitur tal-indiċi li jforni parametru referenzjarju fit-30 ta' Ġunju 2016 japplika għal awtorizzazzjoni sal-1 ta' Jannar 2020. Il-waqfien ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika jista' jkollu impatt fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali jew il-finanzjament ta' unitajiet domestiċi u ta' negozji fl-Istati Membri. Il-waqfien ta' parametru referenzjarju ta' importanza kritika minn amministratur jista' jaffettwa l-validità ta' kuntratti finanzjarji jew strumenti finanzjarji. Il-waqfien ta' tali parametru referenzjarju ta' importanza kritika jista' jikkawża tfixkil kemm għall-investituri kif ukoll għall-konsumaturi, b'riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, jekk id-data tal-input għal parametri referenzjarji ta' importanza kritika tieqaf, dan jista' jdgħajjef in-natura rappreżentattiva ta' tali parametri referenzjarji u jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-parametri referenzjarji li jirriflettu r-realtà sottostanti tas-suq jew ekonomika tagħha. Il-possibbiltà li l-amministrazzjoni ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika ssir obbligatorja, kif ukoll il-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet għal tali parametri referenzjarji jsiru obbligatorji, għalhekk jenħtieġ li tiġi żgurata għal perjodu globali totali ta' 5 snin. Il-parametri referenzjarji ta' importanza kritika jinsabu fi proċess ta' riforma. Il-bidla minn parametru referenzjarju ta' importanza kritika diġà eżistenti għal rata suċċessur adegwata tirrikjedi perjodu ta' tranżizzjoni sabiex l-arranġamenti legali u tekniċi neċessarji kollha għal din bidla jkunu jistgħu jitlestew mingħajr tfixkil. Matul dan il-perjodu tranżitorju, il-parametru referenzjarju ta' importanza kritika diġà eżistenti jeħtieġ li jiġi ppubblikat flimkien mar-rata suċċessur aħħarija tiegħu. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi estiż il-perjodu li matulu parametru referenzjarju ta' importanza kritika diġà eżistenti jista' jiġi ppubblikat u użat mingħajr ma l-amministratur ikun applika għal awtorizzazzjoni.

(27)  Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2016/1011

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa emendat kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 3(1), jiddaħħlu l-punti ▌li ġejjin:"

"(23a) "Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE" tfisser parametru referenzjarju kklassifikat bħala Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE fejn l-assi sottostanti, għall-finijiet tal-punt 1(b)(ii) ta' dan il-paragrafu, jintgħażlu, jiġu ponderati jew jiġi esklużi b'tali mod li l-portafoll tal-parametru referenzjarju li jirriżulta jkun fuq trajettorja ta' dekarbonizzazzjoni u li huwa mibni wkoll skont l-istandards minimi stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19a(2).

Il-fornituri tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE għandhom jagħżlu, jipponderaw jew jeskludu l-assi sottostanti maħruġa minn kumpaniji li jsegwu trajettorja ta' dekarbonizzazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2022 skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

   (i) il-kumpaniji jiddivulgaw objettivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jitkejlu u bi skadenza;
   (ii) il-kumpaniji jiddivulgaw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju li jkun diżaggregat sal-livell tas-sussidjarji operattivi rilevanti;
   (iii) il-kumpaniji jiddivulgaw informazzjoni annwali dwar il-progress li jkun sar biex dawk l-objettivi jintlaħqu;
   (iv) l-attivitajiet tal-assi sottostanti m'għandhomx ikunu ta' dannu sinifikanti għal objettivi ESG oħra.
   (23b) "Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi" tfisser parametru referenzjarju kklassifikat bħala parametru referenzjarju allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi fejn l-assi sottostanti, għall-finijiet tal-punt 1(b)(ii) ta' dan il-paragrafu, jintgħażlu b'tali mod li l-emissjonijiet ta' karbonju tal-portafoll tal-parametru referenzjarju li jirriżulta huma allinjati mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u li huwa mibni wkoll skont l-istandards minimi stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19a(2).

L-attivitajiet tal-assi sottostanti m'għandhomx ikunu ta' dannu sinifikanti għal objettivi ESG oħra.

Sal-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 19a(2) li jikkonċerna l-istandards minimi previsti mill-punt 23b tal-Artikolu 3(1) li jidentifika setturi li għandhom jiġu esklużi għaliex m'għandhomx objettivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jitkejlu u bi skadenza allinjati mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

Il-Kummissjoni għandha tqis, meta tfassal l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1, il-ħidma tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi dwar il-Finanzjament Sostenibbli.

Kull tliet snin wara dik id-data, l-att delegat għandu jiġi aġġornat.

   (23c) "trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni" tfisser trajettorja li tista' titkejjel, ibbażata fuq ix-xjenza u limitata fiż-żmien biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kategorija 1, 2 u 3 u l-emissjonijiet tal-karbonju bil-għan tal-allinjament mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima."

"

(2)  L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt ▌li ġej:"

"(d) spjegazzjoni dwar kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija stabbilita fil-punt (a) jirriflettu fatturi ambjentali, soċjali jew ta' governanza ("ESG") għal kull parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji bl-eċċezzjoni tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju".

"

(b)  jiddaħħal il-paragrafu ▌li ġej:"

"2a. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar il-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu kif ukoll il-format standard li għandu jintuża.";

"

(3)  fit-Titolu III, jiddaħħal il-Kapitolu ▌li ġej:"

"KAPITOLU 3a

Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi

Artikolu 19a

Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi

1.  Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għandhom japplikaw sabiex ikun hemm, u jingħata kontribut għall-parametri referenzjarji kklassifikati bħala Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, flimkien mar-rekwiżiti tat-Titoli II, III u IV jew bħala sostitut għalihom.

2.  Il-Kummissjoni ▌tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar l-istandards minimi għal parametri referenzjarji kklassifikati bħala Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi biex tispeċifika:

   (a) il-kriterji għall-għażla tal-assi sottostanti, inklużi, fejn applikabbli, kwalunkwe kriterju tal-esklużjoni għall-assi;
   (b) il-kriterji u l-metodu għall-ponderazzjoni tal-assi sottostanti fil-parametru referenzjarju;
   (c) id-determinazzjoni tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE.

3.  Amministratur ta' parametru referenzjarju li jipprovdi Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi għandu jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 sat-30 ta' April 2020;

Artikolu 19b

Sal-1 ta' Jannar 2022, l-amministraturi li jinsabu fl-Unjoni li jipprovdu parametri referenzjarji sinifikanti determinati abbażi tal-valur ta' assi sottostanti wieħed jew aktar għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkummerċjalizzaw wieħed jew aktar mill-Parametri Referenza tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE.

"

(4)  Fl-Artikolu 21(3), l-aħħar subparagrafu huwa emendat kif ġej:"

"Sa tmiem dak il-perjodu, l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tobbliga lill-amministratur ikompli jippubblika l-parametru referenzjarju u tista', meta jkun meħtieġ, testendi l-perjodu ta' żmien b'perjodu xieraq li ma jaqbiżx 12-il xahar ieħor. Il-perjodu massimu ta' amministrazzjoni obbligatorja m'għandux jaqbeż total ta' 5 snin.";

"

(5)  Fl-Artikolu 23(6), l-aħħar subparagrafu huwa emendat kif ġej:"

"Il-perjodu massimu ta' kontribuzzjoni obbligatorja taħt il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu m'għandux jaqbeż total ta' 5 snin.";

"

(6)  Fl-Artikolu 27, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:"

"2a. Għal kull rekwiżit fil-paragrafu 2, dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju għandha tinkludi spjegazzjoni dwar kif il-fatturi ESG huma riflessi f'kull parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji pprovduti u ppubblikati. Għal dawk il-parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji, li ma jkunux qed jippruvaw jilħqu l-objettivi ESG, għandu jkun biżżejjed għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji li jiddikjaraw b'mod ċar, fid-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju, li ma jippruvawx jilħqu tali objettivi.

Meta ebda parametru referenzjarju skont il-punti 23a u 23b tal-Artikolu 3(1) ma jkun disponibbli fil-portafoll ta' dak l-amministratur individwali ta' parametri referenzjarji, jew ma jkollu ebda parametru referenzjarju li jipprova jilħaq jew iqis l-objettivi ESG, dan għandu jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjonijiet tal-parametri referenzjarji tal-parametri referenzjarji kollha pprovduti mill-amministratur. Għall-parametri referenzjarji ta' ekwità u bonds sinifikanti tiegħu, l-amministratur ta' parametri referenzjarji għandu jiddivulga dikjarazzjoni dettaljata ta' parametru referenzjarju dwar jekk u sa liema punt huwa żgurat livell ġenerali ta' allinjament mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew l-ilħuq tal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, skont ir-regoli ta' divulgazzjoni għall-prodotti finanzjarji fl-Artikolu 5(3) ta' [UP: daħħal ir-referenza għar-Regolament dwar divulgazzjonijiet relatati ma' investimenti sostenibbli u riskji għas-sostenibbiltà].

Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-parametri referenzjarji jew il-familji ta' parametri referenzjarji kollha, bl-eċċezzjoni tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, fid-dikjarazzjoni ta' parametru referenzjarju tagħhom, għandhom jinkludu spjegazzjoni ta' kif il-metodoloġija tagħhom tkun allinjata mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tilħaq il-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima."

2b.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2a ta' dan l-Artikolu, kif ukoll il-format standard li għandu jintuża għar-referenzi għall-fatturi ESG, bil-ħsieb li l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu għażliet tassew informati u li tkun żgurata l-fattibbiltà teknika tal-konformità ma' dak il-paragrafu."

"

(7)  L-Artikolu 49 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), 13(2a), 19(2a), 20(6), 24(2), 27(2), 33(7), 51(6) u 54(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn ... [UP: id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att emendatorju]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), 13(2a), 19(2a), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) u 54(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), 13(2a), 19(2a), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) u 54(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

"

(8)  Fl-Artikolu 51, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:"

"4a. Fornitur tal-indiċi jista' jkompli jipprovdi parametru referenzjarju eżistenti deżinjat bħala ta' importanza kritika permezz ta' att ta' implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 sal-31 ta' Diċembru 2021.

4b.  Parametru referenzjarju eżistenti deżinjat bħala ta' importanza kritika permezz ta' att ta' implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 jista' jintuża għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji eżistenti u ġodda, jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment sal-31 ta' Diċembru 2021.

4c.  Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni ta' ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 30(2) jew (3) jew sakemm amministratur ma jkunx ġie rikonoxxut skont l-Artikolu 32, jew parametru referenzjarju ma jkunx ġie approvat skont l-Artikolu 33, l-użu fl-Unjoni minn entitajiet taħt superviżjoni ta' parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz fejn il-parametru referenzjarju diġà jintuża fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment, għandu jiġi permess biss għal tali strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji u għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fond ta' investiment li diġà jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju fl-Unjoni fi, jew li jżidu referenza għal tali parametru referenzjarju qabel, il-31 ta' Diċembru 2021.";

3a.  Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-istandards minimi tal-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 23a u 23b sabiex tiżgura li l-għażla tal-assi sottostanti tkun koerenti ma' investimenti ambjentalment sostenibbli kif definiti f'qafas għall-Unjoni kollha.

4.  Qabel il-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament u l-fattibbiltà ta' "parametri referenzjarji ESG", b'kont meħud tan-natura li qed tevolvi tal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-metodi użati biex jitkejlu. Dak ir-rapport, meta jkun xieraq, għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva."

"

(9)  Fl-Artikolu 54, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"1a. Sal-1 ta' April 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt fuq kif id-dispożizzjonijiet relatati mat-tħaddim ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi fl-UE ġew implimentati fil-prattika, inkluż ir-rikors minn amministraturi ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terz għall-approvazzjoni, ir-rikonoxximent jew l-ekwivalenza, u n-nuqqasijiet potenzjali tal-qafas kurrenti. Ir-rapport għandu janalizza wkoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(4a) sa 4c għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji tal-UE u ta' pajjiżi terzi, anke f'termini ta' kundizzjonijiet ekwi. Dak ir-rapport għandu jivvaluta b'mod partikolari jekk hemmx bżonn li dan ir-Regolament jiġi emendat, u għandu jiġi akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq."

"

(10)  L-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Amministratur ta' parametri referenzjarji li jipprovdi Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi skont l-Artikolu 19a għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament sat-30 ta' April 2020. L-amministraturi ta' parametri referenzjarji għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 13(1), il-punt (d), l-Artikolu 27(1a), (1b) u (2a) sat-30 ta' April 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Jiżdied l-Anness li ġej:

"ANNESS III

Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi

Il-metodoloġija għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE

1.  L-amministratur ta' Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE għandu jifformalizza, jiddokumenta, u jippubblika kwalunkwe metodoloġija użata għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju, u jiddeskrivi dan li ġej, filwaqt li jiżgura l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kif definiti fid-Direttiva UE 2016/943:

(a)  il-lista tal-kostitwenti ewlenin tal-parametru referenzjarju ▌;

(b)  il-kriterji u l-metodi kollha, inklużi l-fatturi ta' għażla u ta' ponderazzjoni, il-metrika u l-indikaturi użati fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju;

(c)  il-kriterji applikati biex jeskludu assi jew kumpaniji li huma assoċjati ma' livell ta' marka tal-karbonju jew livell ta' riżervi ta' fjuwils fossili li huma inkompatibbli mal-inklużjoni fil-parametru referenzjarju;

(d)  il-kriterji għad-determinazzjoni tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni;

(e)  it-tip u s-sors ta' data ▌użata għad-determinazzjoni tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni, inklużi:

(i)  l-emissjonijiet iġġenerati minn sorsi li huma kkontrollati mill-impriża li toħroġ l-assi sottostanti "kategorija 1";

(ii)  l-emissjonijiet mill-konsum ta' xiri ta' elettriku, fwar, jew sorsi oħra ta' enerġija ġġenerata upstream mill-kumpanija li toħroġ l-assi sottostanti "kategorija 2";

(iii)  l-emissjonijiet indiretti kollha li mhumiex koperti fil-punt (h)(ii) li jseħħu fil-katina tal-valur tal-kumpanija li tirrapporta, inklużi kemm l-emissjonijiet upstream kif ukoll dawk downstream "kategorija 3", b'mod partikolari għal setturi b'impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

(iv)  jekk id-data ▌tużax il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet kif definit fil-punti (a) u (b) tal-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE, jew, standards globali bħat-Taskforce dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja;

(f)  it-total tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-portafoll ta' indiċi ▌;

Meta indiċi prinċipali jintuża għat-tiswir ta' Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, it-tracking error bejn il-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-indiċi prinċipali għandu jiġi ddivulgat.

Meta indiċi prinċipali jintuża għat-tiswir ta' Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, il-proporzjon bejn il-valur tas-suq tat-titoli li huma fil-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-valur tas-suq tat-titoli fl-indiċi prinċipali għandu jiġi ddivulgat.

Il-metodoloġija għal Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi

2.   Minbarra l-punti (1)(a), (b) u (c), l-amministratur tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi, għandhom jispeċifikaw il-formula jew il-kalkolu li jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk l-emissjonijiet humiex konformi mal-mira fit-tul dwar it-tisħin globali tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, filwaqt li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kif definit fid-Direttiva 2016/943.

Bidliet fil-metodoloġija

3.  L-amministraturi ta' Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi għandhom jadottaw u jippubblikaw għall-utenti l-proċeduri u r-raġunijiet għal kull bidla materjali proposta fil-metodoloġija tagħhom. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-għan prevalenti li l-kalkoli tal-parametri referenzjarji jaderixxu b'mod kontinwu mal-objettivi tat-Tranżizzjoni Klimatika jew tal-Allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi. Dawk il-proċeduri għandhom jipprevedu:

(a)  avviż bil-quddiem f'perjodu ta' żmien ċar li jagħti lill-utenti opportunità biżżejjed biex janalizzaw u jikkummentaw dwar l-impatt ta' dawn il-bidliet proposti, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kumplessivi tal-kalkolu tal-amministratur;

(b)  il-possibbiltà għall-utenti li jikkummentaw dwar dawk il-bidliet u għall-amministraturi biex iwieġbu għal dawk il-kummenti, filwaqt li dawk il-kummenti għandhom ikunu aċċessibbli għall-utenti kollha tas-suq wara kull perjodu ta' konsultazzjoni, ħlief jekk il-kummentatur ikun talab il-kunfidenzjalità.

4.  L-amministraturi ta' Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi għandhom jeżaminaw regolarment, u tal-anqas kull sena, il-metodoloġiji tagħhom biex jiżguraw li dawn jirriflettu b'mod affidabbli l-objettivi ddikjarati u għandu jkollhom proċess fis-seħħ li jikkunsidra l-opinjonijiet tal-utenti rilevanti kollha.".

(1)* IL-FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA TA' DAN IT-TEST GĦADHA MA SARITX.
(2) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103.
(3) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24.
(4) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019.
(5) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(6) COM(2018)0097 final.
(7) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta' April 2013 dwar l-użu ta' metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali