Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2173(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0101/2019

Testi mressqa :

A8-0101/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.9

Testi adottati :

P8_TA(2019)0250

Testi adottati
PDF 158kWORD 57k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Kumitat tar-Reġjuni
P8_TA-PROV(2019)0250A8-0101/2019
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2018/2173(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0324/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0101/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 28.2.2017.
(2) ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.
(3) ĠU C 357, 4.10.2018, p. 1.
(4) ĠU C 357, 4.10.2018, p. 9.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2018/2173(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0101/2019),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), ma identifikat ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-pagamenti globali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 għall-infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

3.  Jinnota li fl-2017, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 93 295 000 (meta mqabbel ma' EUR 90 500 000 fl-2016), li minnhom EUR 91,5 miljun (meta mqabbel ma' EUR 89,4 miljun fl-2016) kienu approprjazzjonijiet ta' impenn b'rata ta' implimentazzjoni ta' 98,0 % (98,7 % fl-2016) u li minnhom EUR 83,9 miljun kienu approprjazzjonijiet ta' pagament b'rata ta' implimentazzjoni ta' 89,9 %;

4.  Jinnota li l-baġit tal-Kumitat fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, b'ammont kbir minnu użat għall-infiq li jikkonċerna persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

5.  Jistieden lill-Kumitat jestendi l-metodoloġija tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni għal partijiet rilevanti tal-baġit tiegħu; jitlob li jiġi infurmat regolarment dwar il-kisbiet relatati mal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

6.  Jinnota l-fatt li r-rata ta' eżekuzzjoni globali għall-pagamenti fi tmiem Diċembru 2017 kienet 89,9 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni finali tal-pagamenti fi tmiem iċ-ċiklu baġitarju (wara l-pagament tar-riporti) se tkun ogħla u idealment għandha tkun viċin ir-rata tal-impenji;

7.  Jinnota li l-għodda analitika għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-baġit, Budget Watch, tintuża għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-impenji u l-pagamenti tal-linji baġitarji kollha ċentralment, u dan jikkontribwixxi għal ottimizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-baġit permezz ta' tħejjija aħjar għar-riallokazzjoni tar-riżorsi; jistieden lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu marbuta mar-rati ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti, b'mod partikolari għat-Titolu 2 tal-Baġit li jikkonċerna l-bini, it-tagħmir u l-infiq operattiv mixxellanju, fejn ir-rata ta' eżekuzzjoni kienet 77,1 %;

8.  Iħeġġeġ lill-Kumitat jippubblika r-Rapport ta' Attività Annwali tiegħu u l-Kontijiet Annwali tiegħu sal-31 ta' Marzu tas-sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni bil-għan tal-ottimizzazzjoni u t-tħaffif tal-proċedura ta' kwittanza;

9.  Jiddispjaċih li s-segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza 2016 jipprovdi biss tweġibiet indiretti għar-rimarki tal-Parlament billi jirreferi għar-Rapport ta' Attività Annwali f'diversi punti; jenfasizza li r-rapport ta' segwitu huwa essenzjali biex il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jiddetermina jekk il-Kumitat implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; jistieden lill-Kumitat jinkludi t-tweġibiet u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-rapport ta' segwitu li jmiss;

10.  Jinnota li l-Kumitat naqqas l-għadd ġenerali ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal tiegħu bi 48 minn 537 għal 489 bejn l-2013 u l-2017 l-aktar minħabba t-tnaqqis tal-persunal b'5 % u l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni konkluż fl-2014 mal-Parlament; jilqa' l-fatt li, minkejja it-tnaqqis tal-persunal, il-Kumitat irnexxielu jsaħħaħ il-ħidma politika tiegħu bir-riallokazzjoni ta' aktar riżorsi umani mis-servizzi ta' appoġġ għal-linji ta' azzjoni ewlenin relatati mal-attivitajiet politiċi u leġiżlattivi; jitlob li l-Kumitat jinfurmah dwar l-immappjar tad-distribuzzjoni tal-volum tax-xogħol fl-organizzazzjoni biex jiġi vverifikat li l-kompiti jkunu proporzjonati għar-riżorsi;

11.  Jinnota li l-għadd ta' postijiet ta' aġenti kuntrattwali żdied minn 34 post fl-2013 għal 54 fl-2017, filwaqt li l-aġenti temporanji żdiedu minn 64 post fl-2013 għal 71 fl-2017; jinnota li ż-żieda tal-aġenti temporanji u kuntrattwali hija primarjament marbuta ma' kwistjonijiet ta' sigurtà minħabba s-sitwazzjoni fi Brussell; huwa mħasseb li parti minn din iż-żieda tirriżulta mill-ħtieġa li jiġi kkumpensat it-tnaqqis globali tal-persunal u tista' tkun ta' detriment għad-distribuzzjoni tal-volum ta' xogħol u għall-iżvilupp organizzazzjonali fit-tul tal-istituzzjoni;

12.  Jilqa' l-impenn biex jiġu stabbiliti għanijiet politiċi ċari biex jissaħħaħ l-involviment tal-Kumitat matul iċ-ċiklu politiku u leġiżlattiv tal-politiki tal-Unjoni bit-tisħiħ tas-sħubijiet effettivi ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali minħabba r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jikkoordina aħjar mal-ħidma dwar il-fajls relatati fil-Kummissjoni, fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill billi jallinja l-opinjonijiet tiegħu mal-iskedi ta' żmien ta' dawk l-istituzzjonijiet sabiex tinkiseb aktar effettività;

13.  Jilqa' d-djalogu fil-livell politiku bejn il-Kumitat u l-Parlament; jinnota b'sodisfazzjon l-iskambji bejn il-kummissjonijiet tal-Kumitat u l-kumitati tal-Parlament jew il-kooperazzjoni mas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS); iħeġġeġ lill-Kumitat u lill-Parlament jiżviluppaw approċċ aktar sistematiku għal din il-kooperazzjoni;

14.  Jilqa' l-kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali mal-Parlament u r-riżultati tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li jenfasizza l-implimentazzjoni b'suċċess ta' diversi miżuri; jinnota li, fil-kuntest ta' eżerċizzju ta' ridistribuzzjoni, 70 traduttur ġew ittrasferiti għal servizzi oħra, inkluż l-EPRS;

15.  Jilqa' l-fatt li diversi ftehimiet dwar il-livell ta' servizz ġew innegozjati u ffirmati mal-Kummissjoni;

16.  Jilqa' r-riżultati tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jenfasizza li l-istruttura amministrattiva u ta' governanza kienet issimplifikata b'suċċess; jilqa' l-fatt li l-kooperazzjoni bejn is-servizzi proprji u konġunti li tkopri oqsma bħall-IT, l-EMAS, jew il-ġestjoni tal-kmamar tal-laqgħat, pereżempju, qed tiffunzjona sew; jinnota li l-iffrankar li sar f'dawn l-oqsma operattivi huwa bil-bosta akbar mir-riżorsi minfuqa fuq il-koordinazzjoni;

17.  Jilqa' r-riżultati pożittivi mill-valutazzjoni preliminari tal-proġett pilota dwar il-ġestjoni komuni tal-unitajiet tat-traduzzjoni; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jiżviluppa din il-kooperazzjoni bil-għan li jinħolqu aktar sinerġiji;

18.  Jinnota li l-objettiv li x-xogħol tat-traduzzjoni jitnaqqas b'bejn 5 % u 10 % ma ntlaħaqx fl-2017 minkejja tnaqqis ta' 4,6 % meta mqabbel mal-2016; jilqa' l-impenn tal-Kumitat li jieħu passi ulterjuri fl-2018 biex jilħaq livell ġestibbli ta' xogħol tat-traduzzjoni u jħeġġeġ lill-Kumitat iwettaq miżuri oħra ta' razzjonalizzazzjoni inklużi żviluppi meħtieġa fir-rigward tal-IT;

19.  Jinnota r-rata baxxa ta' eżekuzzjoni tal-baġit għal-linja 1420 (servizzi supplementari għat-traduzzjoni), jiġifieri 55 % għall-impenji u 45 % għall-pagamenti; jinnota li l-ispiża tat-traduzzjoni għall-Kumitat fl-2017 kienet ta' EUR 27 231 105 li minnhom EUR 2 376 591 kienu għal traduzzjonijiet esternalizzati; jinnota li l-esternalizzazzjoni rrappreżentat 17,1 % tal-ispejjeż totali tat-traduzzjoni fl-2017; iħeġġeġ lill-Kumitat jikkompleta l-aġġustament tal-unitajiet tat-traduzzjoni tiegħu bil-għan li l-mira ta' esternalizzazzjoni ta' mill-inqas 20 % ma ddumx ma tintlaħaq;

20.  Jinnota li l-ammont iddedikat għall-infiq fuq l-ivvjaġġar għall-Membri laħaq it-EUR 8 882 955 fl-2017;

21.  Jinnota l-lista ta' avveniment li l-Membri attendew fir-Rapport ta' Attività Annwali 2017; jiddispjaċih li l-lista hija inqas dettaljata mil-lista pprovduta bi tweġiba għall-kwestjonarju għall-kwittanza 2016; jistieden lill-Kumitat jipprovdi lista aktar dettaljata, inkluża informazzjoni aktar speċifika dwar il-membri parteċipanti, it-titlu tal-avveniment, il-post, id-data u l-ispejjeż, fis-segwitu għal din il-kwittanza; jistieden lill-Kumitat jipprovdi tali lista għas-sena 2018 fir-Rapport ta' Attività Annwali li jmiss;

22.  Jinnota li, għall-perjodu 2017-2018, il-mira tal-Kumitat għal pubblikazzjonijiet ta' fajls u studji varati kienet ta' 15 kull sena u jinnota bi tħassib li għall-2017 l-għadd ta' pubblikazzjonijiet kien ta' 9 filwaqt li fl-2016 kien 12; jistieden lill-Kumitat biex jagħmel l-isforzi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri dwar il-pubblikazzjonijiet u jitlob segwitu tas-sitwazzjoni fid-dokument ta' segwitu tal-kwittanza għas-sena 2017;

23.  Jilqa' l-kisbiet li saru mill-Kumitat f'termini ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni biex iżid il-viżibilità u l-impatt medjatiku tiegħu, inkluża żieda tal-preżenza tiegħu fil-media soċjali; jilqa', b'mod partikolari, l-inizjattiva "Nirriflettu dwar l-Ewropa" biex tippromwovi l-involviment fid-dibattitu li għaddej dwar il-futur tal-Unjoni u l-180 djalogu taċ-ċittadini li saru f'dan il-kuntest; iħeġġeġ lill-Kumitat itejjeb il-kooperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni f'kampanji ta' komunikazzjoni konġunta u f'inizjattivi oħra;

24.  Jinnota li, wara rieżami maġġuri tal-qafas regolatorju tar-Riżorsi Umani, ċerti dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet flessibbli tax-xogħol, il-leave tal-ġenituri u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, ġew aġġornati fl-2017; jinnota li, f'Marzu 2017, ġiet introdotta skema għal xogħol ta' stand-by u xogħol bix-xift; jilqa' l-fatt li saru sforzi biex il-proċessi tar-Riżorsi Umani jiġu ssimplifikati aktar, b'mod partikolari permezz ta' flussi ta' xogħol deċiżjonali ġodda; jinnota li l-ewwel rapport annwali intern dwar ir-Riżorsi Umani ġie ppubblikat;

25.  Jilqa' l-politika komprensiva dwar il-ġestjoni tal-benessri, is-saħħa u l-assenzi, li ġiet ikkonsolidata aktar b'kooperazzjoni bejn is-Servizz Mediku u s-Servizz tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol; jinnota li r-rati ta' assenteiżmu jiġu segwiti mill-qrib b'enfasi fuq il-prevenzjoni, il-verifika u fuq ir-reintegrazzjoni b'suċċess wara leave minħabba mard fit-tul; jinnota li r-rata ta' assenteiżmu naqset matul is-snin (minn 4,86 % fl-2015 għal 4,60 % fl-2016 u 4,50 % fl-2017); jilqa' t-trasparenza tal-Kumitat fir-rigward tal-membri tal-persunal li jkollhom "burn-out", u jilqa' l-eżerċizzju ta' valutazzjoni tal-volum ta' xogħol li nbeda mill-Kumitat fl-2018 biex jimmappja d-distribuzzjoni tal-volum ta' xogħol fl-organizzazzjoni u jivverifika li l-kompiti jkunu proporzjonati għar-riżorsi; jitlob li jiġi infurmat dwar ir-riżultati ta' dik il-valutazzjoni;

26.  Jiddispjaċih li, fl-2017, ma kien hemm ebda titjib sinifikanti fil-proporzjon ta' nisa fil-maniġment intermedju li baqa' ta' madwar 38 % (meta mqabbel ma' 37 % fl-2015 u 33 % fl-2016); jiddispjaċih ferm li l-proporzjon ta' nisa f'karigi ta' maniġment superjuri naqas minn 33 % fl-2016 għal madwar 25 % fl-2017, minħabba t-tluq ta' maniġer superjuri mara fl-2017; jilqa' l-miżuri komprensivi meħuda mill-Kumitat biex itejjeb is-sitwazzjoni, inkluż il-ħolqien ta' skema maniġerjali funzjonali ġdida, li tfasslet, inter alia, biex jiżdied in-numru ta' nisa li jridu jwettqu kompiti maniġerjali formali; iħeġġeġ lill-Kumitat itejjeb b'mod sinifikanti l-prestazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward u jagħti rendikont dwar il-progress tiegħu lill-awtorità ta' kwittanza;

27.  Jinnota li 13,3 % tal-karigi maniġerjali kienu okkupati minn ċittadini tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara l-2004 (UE13); jistieden lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-bilanċ ġeografiku fil-karigi maniġerjali bil-għan li tintlaħaq il-mira ta' 20 li tirrifletti l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE13 meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

28.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Kumitat biex jipprevjeni b'mod attiv il-fastidju fl-ambjent tax-xogħol, bħat-taħriġ regolari dwar il-politika kontra l-fastidju u l-ħidma tal-counsellors kunfidenzjali; iħeġġeġ lill-Kumitat jimmonitorja mill-qrib l-effiċjenza tal-politika tiegħu f'dan ir-rigward, ikompli jqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u jrawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju; madankollu, jesprimi tħassib li l-Kumitat m'għandu ebda mekkaniżmu intern tal-ilmenti jew penali mogħtija għal każijiet ta' fastidju li jinvolvu lill-Membri tiegħu; jitlob lill-Kumitat jaġġorna l-kodiċi ta' kondotta tiegħu għall-Membri u r-regoli proċedurali interni f'dak ir-rigward u jagħti rendikont lill-awtorità ta' kwittanza;

29.  Jilqa' l-istrateġija fit-tul dwar il-bini li ġiet approvata mill-Kumitat u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-2017; jinnota li dik l-istrateġija dwar il-bini tipprovdi qafas biex tittieħed kwalunkwe deċiżjoni futura relatata mal-politika tal-bini u fiha sett ta' prinċipji gwida fil-qasam tal-proprjetà immobbli; jinnota li ġew identifikati u studjati diversi xenarji biex titħejja l-politika tal-bini lil hinn mill-2021 bil-prijorità mogħtija lil xenarji li jinkludu t-tkomplija tal-użu tal-bini VMA; jitlob li jinżamm infurmat dwar in-negozjati li għaddejjin mal-Kummissjoni rigward it-tkomplija tal-użu tal-bini VMA; iħeġġeġ lill-Kumitat, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, biex iwettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet potenzjali ta' rinnovazzjoni u jagħmel stima tal-ispejjeż għax-xenarju li fih iż-żewġ Kumitati jieħdu f'idejhom il-bini VMA kollu;

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd ta' abbonati u r-rata ta' attività tal-kors online tal-Kumitat għall-awtoritajiet reġjonali u lokali (MOOC) żdiedu b'5 % għall-abbonati u b'5 punti perċentwali għar-rata ta' attività wara n-numri baxxi fl-2016 minħabba l-attakki terroristiċi li seħħew fi Brussell, u jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd ta' viżitaturi żdied b'14 % fl-2017;

31.  Jilqa' r-riżultati tajbin miksuba fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali permezz tal-kooperazzjoni konġunta bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat; jilqa' l-miżuri biex jittejjeb il-konsum tal-enerġija tal-Kumitat u l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali fil-biċċa l-kbira tas-sejħiet għal offerti; jinnota li s-servizz tal-EMAS ġie kkonsultat dwar 27 proċedura tal-offerti relatati mal-kriterji ambjentali; jilqa' l-fatt li l-Kumitat, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kiseb it-tikketta "Good Food", mogħtija mir-Reġjun Brussell biex jiċċertifika li l-canteens tal-Kumitati huma ġestiti b'mod sostenibbli;

32.  Jinnota li l-Kumitat għadu qed jistenna r-rapport finali tal-OLAF li jikkonċerna l-każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta nnotifikat lill-OLAF f'Ottubru 2016; jitlob lill-Kumitat jirrispetta bis-sħiħ il-konstatazzjonijiet u l-eżitu tar-rapport u jagħti rendikont lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda;

33.  Jinnota s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-kawża kontra l-Kumitat imressqa minn ex awditur intern; jinnota li dik is-sentenza tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat tat-2 ta' Diċembru 2014 li tapprova l-konstatazzjonijiet tat-tieni kumitat tal-invalidità, li kien ikkonkluda li l-invalidità tal-ex awditur intern ma kinitx marbuta mal-professjoni tiegħu; jinnota li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-valutazzjoni tal-kumitat tal-invalidità ma kinitx motivata biżżejjed u kien fiha żball fil-metodoloġija tal-valutazzjoni tagħha; jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Kumitat iħallas kumpens ta' EUR 5 000 iżda rrifjutat it-talba tal-ex awditur intern għal kumpens addizzjonali ta' EUR 20 000;

34.  Iħeġġeġ lill-Kumitat jikkonforma malajr mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iwettaq id-deċiżjoni tagħha; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jikkunsidra li jsib soluzzjoni amikevoli mal-ex awditur intern fl-interess taż-żewġ partijiet u jitlob li jinżamm aġġornat regolarment;

35.  Jinnota li, fil-31 ta' Jannar 2018, l-ex awditur intern ressaq talba, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, biex jiġi rikonoxxut formalment mill-Kumitat bħala informatur in bona fede abbażi tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota wkoll li l-ex awditur intern ressaq ilment lill-awtorità tal-ħatra, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-23 ta' Awwissu 2018 wara d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-24 ta' Mejju 2018 li jirrifjuta li jirrikonoxxih bħala informatur in bona fede;

36.  Jinnota li l-Kumitat analizza t-talba u wasal għall-konklużjoni li m'hemm ebda bażi ġuridika biex l-ex awditur intern jiġi rikonoxxut bħala informatur in bona fede; jiddispjaċih li din il-konklużjoni hija f'kontradizzjoni mal-pożizzjoni tal-Parlament li l-awditur intern huwa informatur in bona fede, ikkonfermata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Il-qafas operazzjonali għall-aġenziji regolatorji Ewropej"; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jikkunsidra rikonoxximent simboliku tal-istatus tal-awditur intern minkejja n-nuqqas ta' bażi ġuridika xierqa meta ġraw il-fatti;

37.  Jappella għal medjazzjoni bejn l-ex awditur intern tal-Kumitat u l-Kumitat bil-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli fit-tilwima li għaddejja fl-interess taż-żewġ partijiet; jirrimarka li tali medjazzjoni għandha tindirizza wkoll l-istatus ta' informatur in bona fede tal-ex awditur intern (kif rikonoxxut mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2004) u l-fatt li kien qed jaġixxi fl-interessi tal-Unjoni billi jirrapporta irregolaritajiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

38.  Jinnota li l-Kumitat jistma li l-impatt finanzjarju tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni jammonta għal EUR 373 666 fl-2019 u EUR 576 559 fl-2020 minħabba t-tnaqqis tal-24 membru li bħalissa huma attribwiti lir-Renju Unit; jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' riflessjoni dwar iż-żamma ta' relazzjonijiet mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali fir-Renju Unit wara li joħroġ mill-Unjoni.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali