Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2176(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2019

Testi mressqa :

A8-0109/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.10

Testi adottati :

P8_TA(2019)0251

Testi adottati
PDF 175kWORD 60k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
P8_TA-PROV(2019)0251A8-0109/2019
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2018/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0327/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118 u 260 sa 263 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 28.02.2017.
(2) ĠU C 348, 28.09.2018, p. 1.
(3) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.
(4) ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2018/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2019),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), il-livell ġenerali ta' żbalji fl-Intestatura 5 tal-QFP (Amministrazzjoni), inkluż il-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għadu relattivament baxx bi stima ta' 0,5 % fl-2017;

2.  Jinnota li l-Qorti ma identifikatx livelli materjali ta' żball fir-rapport annwali tal-attività tas-SEAE;

3.  Jinnota wkoll li kwalunkwe kwistjoni speċifika għas-SEAE ġiet irrapportata mill-Qorti, kuntrarjament għas-snin preċedenti;

4.  Jinnota b'apprezzament li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti li saru fir-rigward tat-titjib tas-sistema ta' monitoraġġ għall-aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni personali u tad-data tal-membri tal-persunal, b'impatt potenzjali fuq il-kalkolu tal-allowances tal-familja, ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti; iqis, madankollu, li l-kontrolli tal-konsistenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-allowances tal-familja jirrikjedu attenzjoni kontinwa;

5.  Jilqa' l-isforzi tas-SEAE biex itejjeb il-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet, inkluż l-użu tal-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku, l-istabbiliment ta' pjan ta' akkwist għal kuntratti ta' valur baxx u medju u l-iżvilupp ta' mudelli għal dokumenti tal-offerta u taħriġ; iqis li n-nuqqasijiet preċedenti identifikati fl-akkwist pubbliku u fil-ġestjoni tas-servizzi tas-sigurtà għad jistħoqqilhom attenzjoni u monitoraġġ kostanti;

6.  Jitlob lis-SEAE jżomm lill-Parlament infurmat dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-isforzi msemmija qabel biex itejjeb il-proċeduri ta' akkwist fid-delegazzjonijiet, b'mod partikolari permezz tas-sistema tal-PPMT (Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku) u l-proċeduri tal-Akkwist elettroniku u l-eTendering;

7.  Josserva li l-kawżi ta' żbalji identifikati minn kontrolli ex ante kemm fuq l-impenji kif ukoll fuq il-pagamenti huma tal-istess natura, jiġifieri n-nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn, bħal fis-snin preċedenti; jinnota li l-kontroll ex-post tas-SEAE inkluda għall-ewwel darba l-infiq tal-aħħar tas-sena (Novembru-Diċembru 2016);

8.  Jinnota b'apprezzament li, fl-2017, l-ispejjeż ġenerali komuni tal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha (kera, sigurtà, tindif u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), ġew iffinanzjati kompletament mil-linji baġitarji tas-SEAE għat-tieni sena konsekuttiva;

9.  Jinnota li r-riporti tal-approprjazzjonijiet żdiedu fl-2017 u li ammontaw għal EUR 85 911 000 (meta mqabbla ma' EUR 77 450 000 fl-2016); ifakkar li l-operazzjonijiet ta' riport għas-sena ta' wara jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jitwettqu taħt kundizzjonijiet stretti;

10.  Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2017 ammonta għal EUR 660 miljun b'żieda ta' 3,75 % meta mqabbel mal-2016;

11.  Jinnota li ġiet riċevuta wkoll kontribuzzjoni ta' EUR 54,9 miljun mill-FEŻ u mill-fondi fiduċjarji. Riporti addizzjonali u approprjazzjonijiet rilaxxati minn diżimpenji tellgħu l-ammont totali għal EUR 59,7 miljun (inkluż ukoll id-dħul assenjat tas-sena finanzjarja); jinnota li fi tmiem l-2017 l-eżekuzzjoni f'impenji kienet ta' EUR 52,6 miljun (88,1 %) u pagamenti ta' EUR 46,5 miljun (78,0 %); jinnota li l-krediti tal-FEŻ li ma ġewx impenjati ġew riportati għas-sena ta' wara bħala dħul assenjat estern u li ma hemm l-ebda telf ta' approprjazzjonijiet;

12.  Josserva li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal EUR 236,7 miljun li minnhom EUR 153,8 miljun (jew 64,6 %) ikkonċernaw il-ħlas tas-salarji u l-intitolamenti l-oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 32,2 miljun (jew 14 %) kienu għall-bini u spejjeż assoċjati u EUR 33 miljun (jiġifieri 14 %) kienu relatati ma' sistemi, tagħmir u għamara tal-IT;

13.  Jirrikjedi li l-politika tal-bini tas-SEAE tiġi annessa mar-rapport annwali tal-attività, b'mod partikolari minħabba l-fatt li huwa importanti li l-ispejjeż tiegħu jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi; iħeġġeġ lis-SEAE jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza il-lista tal-kuntratti ta' bini konklużi fl-2017, inklużi dettalji tal-kuntratti, il-pajjiż fejn ġew konklużi u t-tul ta' żmien tagħhom, bħal fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2011; jitlob lis-SEAE jipprovdi l-istess informazzjoni dwar il-kuntratti ta' bini fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2018;

14.  Jinnota li l-baġit ta' EUR 423,3 miljun tad-delegazzjonijiet kien maqsum bejn EUR 116,1-il miljun (jiġifieri 27,4 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 165,6 miljun (39,1 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, EUR 68,5 miljun (jew 16,2 %) għall-persunal estern u servizzi minn barra, EUR 27,9 miljun (6,6 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 45 miljun (10,6 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota wkoll li EUR 196,4 miljun (meta mqabbel ma' EUR 185,6 miljun fl-2016 u EUR 204,7 miljun fl-2015) ġew irċevuti mill-Kummissjoni għall-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonat fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u nqasmu bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni b'EUR 49,6 miljun, il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi b'EUR 91,8 miljun, u l-FEŻ u fondi fiduċjarji b'EUR 55 miljun (45,4 miljun fl-2016); jinnota li fl-2017, il-fondi fiduċjarji kkontribwew għall-ewwel darba għal dawn l-ispejjeż amministrattivi;

15.  Jirrikonoxxi li n-numru ta' linji baġitarji użati biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet relatati mal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet (34 linja differenti li joriġinaw f'diversi Intestaturi tal-baġit tal-Kummissjoni, flimkien mal-Fondi FEŻ) iżid il-kumplessità tal-ġestjoni tal-baġit; ifakkar li dan is-suġġett ġie ttrattat fir-rapport ta' kwittanza tal-2016 u jieħu nota tal-kumplessità fis-simplifikazzjoni tat-tnaqqis tal-linji baġitarji; iħeġġeġ għalhekk lis-SEAE jkompli jaħdem mal-Kummissjoni biex jissimplifika l-linji baġitarji meta jkun possibbli sabiex titnaqqas il-kumplessità tal-ġestjoni baġitarja;

16.  Jinnota li fl-2017 il-Kapijiet ta' Delegazzjoni pprovdew Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni; josserva li l-Kapijiet ta' Delegazzjoni kollha, ħlief il-Kap tad-Delegazzjoni fis-Sirja, ipprovdew dikjarazzjoni mingħajr riżervi; jirrikonoxxi li d-Delegazzjoni għas-Sirja attwalment qed tiġi evakwata u li d-delegazzjoni indikat pjan ta' azzjoni biex ittaffi l-problemi marbuta mal-funzjoni tagħhom f'żona ta' gwerra; jinnota li r-riżerva tidher bħala mhux materjali f'termini ta' ammonti għall-baġit kollu tas-SEAE;

17.  Josserva li l-baġit finali tas-SEAE ta' EUR 660 miljun għall-2017 ġie eżegwit b'99,7 % (bħal fl-2016) f'impenji u 86,7 % (87,5 % fl-2016) f'pagamenti fi tmiem is-sena;

18.  Jinnota li l-valur tat-trasferimenti kollha li saru fil-baġit amministrattiv tas-SEAE kienu jammontaw għal EUR 14,4-il miljun, li minnhom l-akbar ammont kien jikkonċerna kuntratt bil-quddiem rigward is-sigurtà Afgana; jinnota wkoll li t-trasferimenti naqqsu l-baġit tal-kwartieri ġenerali tas-SEAE b'EUR 5,1 miljun u żiedu l-baġit tad-delegazzjoni b'ammont korrispondenti;

19.  Jinnota li 1,3 % taż-żieda fil-baġit fl-2017 kienet iddedikata għal investimenti ta' sigurtà fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-pakkett ta' sigurtà, li kienu jinkludu t-tisħiħ tan-netwerk ta' uffiċjali tas-sigurtà reġjonali u l-akkwiżizzjonijiet ta' vetturi armati f'konformità mad-dmir tal-viġilanza u s-sigurtà fuq il-post tas-SEAE, l-istrateġija ta' ċibersigurtà u taħriġ kontinwu fis-sigurtà tal-persunal b'rispons għal sitwazzjonijiet ta' theddid potenzjali u ta' kriżi fid-delegazzjonijiet u fil-kwartieri ġenerali; jilqa' t-titjib li sar s'issa, iżda jħeġġeġ lis-SEAE, b'mod partikolari, biex jindirizza l-isfidi differenti li għad fadal bħall-bżonn li jiġu aġġornati l-għodod tas-sigurtà tal-IT; jistieden lis-SEAE, barra minn hekk, jaħdem flimkien mal-Istati Membri bil-għan li jiġi żviluppat approċċ komuni u tittejjeb l-interkonnessjoni tas-sistemi tas-sigurtà ma' istituzzjonijiet u Stati Membri oħra;

20.  Jilqa' l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' rieżami annwali dedikat għall-analiżi tar-riżorsi tas-SEAE u l-użu effikaċi tagħhom qabel ma ssir ir-riallokazzjoni tal-persunal li tkun saret meħtieġa minħabba prijoritajiet operattivi jew politiċi ġodda jew sfidi addizzjonali oħra;

21.  Jinnota li l-awtovalutazzjoni annwali tal-2017 tas-sistema ta' kontroll intern ipprovdiet assigurazzjoni raġonevoli lill-maniġment tas-SEAE fir-rigward tal-livell ta' konformità mal-biċċa l-kbira tal-kontrolli interni; jinnota madankollu li t-tliet standards ta' kontroll intern li ġejjin "Allokazzjoni u mobbiltà tal-persunal", "Kontinwità tan-negozju" u "Ġestjoni tad-dokumenti" għadhom il-komponenti l-aktar dgħajfa tas-sistema ta' kontroll intern tas-SEAE; jinnota bi tħassib li l-"kontinwità tan-negozju" baqgħet problematika għal bosta snin, kemm f'termini ta' konformità kif ukoll ta' effikaċja, u hija ta' importanza partikolari fi ħdan id-delegazzjonijiet;

22.  Jilqa' t-tnaqqis kontinwu fl-għadd ta' delegazzjonijiet li jaqbżu l-ispazju massimu ta' 35 m² għal kull persuna minn 83 fl-2016 għal 73 fl-2017 f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti fl-2016; jilqa' t-tnedija tal-għodda tal-ġestjoni tal-proprjetà immobbli IMMOGEST u l-akkwist tal-għarfien espert intern u estern biex jappoġġa l-ġestjoni tal-bini, b'mod partikolari fir-rigward tad-delegazzjonijiet; jistieden lis-SEAE biex meta jkun possibbli, raġonevoli u effiċjenti għall-baġit tal-Unjoni, ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha dwar kif is-SEAE jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja(1) u jżomm lill-Parlament infurmat dwar it-titjib;

23.  Jilqa' l-fatt li s-SEAE stabbilixxa 7 proġetti ġodda ta' kolokazzjoni ma' 6 Stati Membri differenti u josserva l-interess li qed jiżdied fi skemi ta' kolokazzjoni b'14-il ftehim ġdid iffirmat b'mod konġunt, mhux biss mal-Istati Membri iżda wkoll mal-FRONTEX jew mal-EASO; jinnota li l-arranġamenti ta' kolokazzjoni kkontribwew għal tnaqqis fl-ispazju medju tal-bini sabiex jinġieb aktar qrib il-35 m²/persuna stipulat; huwa tal-fehma li l-kolokazzjonijiet huma kosteffikaċi u jilqa' l-fatt li dawn jikkontribwixxu għar-rappreżentanza konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha lejn pajjiżi terzi; jistieden lis-SEAE biex, bħala parti mill-monitoraġġ tal-ispejjeż, jestendi tali memoranda ta' qbil għal entitajiet oħrajn tal-Unjoni bħall-missjonijiet tal-PSDK; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi ġestjoni effikaċi tal-irkupru tal-ispejjeż fil-każ ta' kolokazzjoni;

24.  Jirrikonoxxi l-preferenza tas-SEAE li jixtri minflok jikri bini għad-delegazzjonijiet tiegħu; jissuġġerixxi li s-SEAE jinżamm infurmat dwar analiżi komprensiva tad-delegazzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jiddetermina f'liema pajjiżi jkun aktar kosteffikaċi li d-delegazzjonijiet jixtru, u mhux jikru, il-bini intiż għall-uffiċċji jew għar-residenza; jinnota li s-sehem tal-bini li huwa proprjetà tiegħu kien jirrappreżenta 18 % fl-2017;

25.  Ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ orjentat lejn ir-riżultati lid-delegazzjonijiet fl-oqsma kollha u jitlob lis-SEAE jirrapporta dwar l-esperjenza taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa u l-valutazzjoni tal-possibbiltajiet li dan il-qafas jiġi estiż għal żoni ġeografiċi oħra; jilqa' ż-żieda fl-isforzi li saru biex jiġu appoġġati d-delegazzjonijiet, b'mod partikolari permezz tad-Diviżjoni ta' Koordinazzjoni Orizzontali ġdida, li jgħinu biex jissaħħaħ il-livell ġenerali ta' assigurazzjoni għal kompiti mwettqa mid-delegazzjonijiet, speċjalment dawk relatati ma' akkwist pubbliku ta' valur għoli;

26.  Iqis li huwa essenzjali li l-Kapijiet ta' Delegazzjoni, matul il-fażi ta' qabel l-istazzjonar, waqt seminars ad hoc jew waqt il-konferenza annwali tal-Ambaxxaturi, jitfakkru b'mod regolari dwar ir-rwol essenzjali tagħhom fil-konsolidazzjoni tal-katina ta' assigurazzjoni tas-SEAE u r-responsabbiltà ġenerali u l-obbligu ta' rendikont tagħhom għall-ġestjoni tal-ispejjeż amministrattivi u l-portafolji tal-proġetti flimkien mal-funzjonijiet politiċi tagħhom; iqis li esperjenza f'istituzzjoni tal-Unjoni għandha titqies bħala assi meta jintgħażlu l-Kapijiet ta' Delegazzjoni;

27.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid għall-ispezzjonijiet introdott fl-2017, li joffri approċċ promettenti għall-għoti ta' appoġġ lill-ġestjoni tad-delegazzjonijiet kif ukoll għall-promozzjoni ta' koerenza akbar u għas-simplifikazzjoni tal-ħidma tad-delegazzjonijiet;

28.  Jirrikonoxxi l-karatteristika diffiċli tal-ġestjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi fir-rigward tar-riżorsi umani fil-kuntest tat-"tliet sorsi" ta' reklutaġġ tas-SEAE u l-ġestjoni tal-karigi fid-delegazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li s-SEAE naqqas il-persunal tiegħu b'5 % matul il-perjodu 2013-2017 f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 16-il kariga għall-2017 fil-kwartieri ġenerali u tnaqqis globali ta' 84 kariga matul l-aħħar ħames snin; jinsab imħasseb li ż-żieda fil-medja tal-volum tax-xogħol u n-nuqqas ta' persunal jista' jkollhom effetti detrimentali fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-membri tal-persunal kif ukoll fuq l-iżvilupp organizzattiv fit-tul tal-istituzzjoni;

29.  Jinnota b'apprezzament li l-bilanċ bejn il-ġeneri kważi laħaq parità fl-għadd globali ta' karigi okkupati fejn 49,6 % huma nisa; jiddispjaċih madankollu li l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali baqa' insuffiċjenti, kemm għall-Kapijiet ta' Diviżjoni kif ukoll għall-Kapijiet ta' Delegazzjoni, fejn 57 pożizzjoni minn 219 (26 %) jew 18 % biss tal-karigi ta' maniġment superjuri (9 karigi minn 50) huma miżmuma min-nisa; jenfasizza żbilanċ simili fost l-Amministraturi, li minnhom 33 % kienu nisa, u fost l-esperti nazzjonali sekondati (ENS), li minnhom 23 % kienu nisa;

30.  Jistieden lis-SEAE, f'kooperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, biex ikompli jtejjeb kemm jista' jkun il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġment superjuri u intermedju; jinnota li 18,28 % biss tal-applikanti għal karigi maniġerjali fl-aħħar eżerċizzju ta' rotazzjoni kienu nisa; josserva li għall-karigi l-oħra ppubblikati mis-SEAE, il-perċentwal ta' nisa fost l-applikanti naqas ukoll minn 39 % fl-2016 għal 31,7 % fl-2017;

31.  Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ progress f'dan ir-rigward u għalhekk jistieden lis-SEAE jidentifika u jirrifletti fuq ir-raġunijiet għal dan l-iżbilanċ, u sussegwentement, possibbilment, jirfina l-kundizzjonijiet u l-politiki ta' reklutaġġ tiegħu sabiex jattira l-ġeneri kollha b'mod ugwali għall-pożizzjonijiet maniġerjali; iħeġġeġ lis-SEAE jikkoopera mal-universitajiet nazzjonali li joffru korsijiet dedikati għal karriera diplomatika sabiex jippromwovi s-servizz diplomatiku Ewropew fi stadju bikri;

32.  Jappella għall-ħolqien ta' istitut iddedikat għall-edukazzjoni ta' diplomatiċi Ewropej futuri u jissuġġerixxi li tiġi studjata l-possibbiltà li l-awtoritajiet pertinenti jużaw il-faċilitajiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu biex jospitaw dan l-istitut diplomatiku;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' task forces dwar "L-Iżvilupp tal-Karriera, il-Ġeneru u Opportunitajiet Indaqs" kif ukoll l-adozzjoni ta' "Qafas ta' Tagħlim u Żvilupp" (LEAD) u l-ħolqien tan-netwerk "In-Nisa u s-SEAE" u l-"Programm ta' Mentoraġġ għall-Maniġers Nisa" bħala passi importanti fit-titjib tal-opportunitajiet indaqs fis-SEAE; jinnota l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni li ġie adottat wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti finali taż-żewġ task forces u jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress fl-implimentazzjoni;

34.  Jinnota li peress li sal-aħħar tal-2017 32,83 % tal-persunal AD tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri, is-SEAE huwa konformi mal-formula tal-persunal kif stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE, jiġifieri li proporzjon ta' terz tal-persunal irid ikun ġej mill-Istati Membri u l-bqija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

35.  Jinnota li l-parti tad-diplomatiċi tal-Istati Membri tirrappreżenta 32,83 % tal-persunal AD kollu tas-SEAE (jiġifieri 307 persuni) meta mqabbel ma' 33,8 % fl-2014; jenfasizza li l-għadd ta' diplomatiċi tal-Istati Membri stazzjonati bħala Kapijiet ta' Delegazzjoni naqas minn 46 % għal 43,8 % tat-total; jinnota ż-żieda żgħira fis-sehem tan-nisa fost il-Kapijiet ta' Delegazzjoni għal 21,9 %; jinnota li kien hemm biss 10 minn 60 Kap ta' Delegazzjoni li ġejjin mill-Istati Membri li kienu diġà ħadmu f'pożizzjoni bbażata fi Brussell;

36.  Itenni li l-bilanċ ġeografiku għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib, b'mod partikolari f'każijiet ta' nuqqas ta' rappreżentanza, biex tiġi żgurata rappreżentanza proporzjonata ta' kull Stat Membru fost il-popolazzjoni tal-persunal; jinnota li fi tmien każijiet meta s-sehem tal-persunal kien taħt is-sehem tal-popolazzjoni tal-pajjiż tagħhom fil-popolazzjoni ġenerali tal-Unjoni, ħamsa kienu ġejjin mill-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni fl-2004;

37.  Josserva li l-għadd ta' ENS mill-Istati Membri żdied bi ftit fl-2017 biex laħaq 449 (bi 387 kariga fil-kwartieri ġenerali u 62 fid-delegazzjonijiet); jinnota li 55 % ta' din il-kategorija ta' persunal li jinsab fi Brussell (jew 214) tħallsu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ENS f'diversi oqsma speċifiċi li jittrattaw kwistjonijiet ta' difiża u sigurtà kif ukoll komunikazzjoni strateġika; jistieden, madankollu, lis-SEAE, fil-kuntest tal-istrateġija tiegħu dwar l-ENS jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rieżami annwali li għadu kif ġie stabbilit, jipprovdi projezzjoni aktar dettaljata tal-ħtiġijiet li ġejjin u tal-ħiliet meħtieġa relatati tiegħu għal skopijiet ta' prevedibbiltà, ġestjoni aħjar ta' kunflitt ta' interessi potenzjali, l-evitar ta' żieda kostanti ta' dawk il-kuntratti u t-tisħiħ tal-għarfien espert intern; huwa tal-fehma li l-għadd ta' ENS ma għandux jaqbeż ċertu proporzjon tal-persunal globali tas-SEAE sabiex jiġi ppreservat esprit de corps b'saħħtu u sostenibbli u jitlob lis-SEAE jistabbilixxi tali livell limitu;

38.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' traineeships imħallsa fid-delegazzjonijiet bħala segwitu pożittiv għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tas-SEAE tal-2016; jinnota li s-SEAE se jkompli joffri traineeships taħt skemi differenti bħal dawk relatati ma' traineeships obbligatorji għall-istudenti jew l-impjegati taċ-ċivil li jkunu trainees bħala parti mit-taħriġ obbligatorju tagħhom; jinnota li l-appoġġ finanzjarju estern medju ammonta għal EUR 885 għal trainees fi skemi differenti, li huwa konsiderevolment inqas mill-allowance ta' kull xahar ta' EUR 1 200 taħt l-iskema tas-SEAE; jistieden lis-SEAE jiggarantixxi allowance xierqa għat-trainees kollha tas-SEAE, sabiex jiġi pprovdut rimborż suffiċjenti għall-isforzi tat-trainees u biex jiġi evitat li tiġi rinforzata d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi;

39.  Jinnota l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-konsultazzjonijiet mat-Trade Unions biex jiġu modernizzati u mtejba r-Regoli ta' Qafas u l-iskemi tas-sigurtà soċjali relatati għall-Aġenti Lokali; jistieden lis-SEAE jiżgura assigurazzjoni medika adegwata għal wara l-irtirar, b'mod partikolari fil-każ ta' invalidità, permezz tal-proċess ta' reviżjoni; iħeġġeġ bis-sħiħ lis-SEAE jiżgura li fl-2018 jidħlu fis-seħħ miżuri ta' riforma identifikati u jtejjeb l-involviment tal-persunal lokali tiegħu u l-għarfien espert tagħhom;

40.  Jinnota bi tħassib li fl-2017 ġew reġistrati 171 każ ta' medjazzjoni (li jirrapreżentaw żieda ta' 16 % mill-2016) li minnhom 60 % kienu f'delegazzjonijiet u li 32 minn dawn il-każijiet kienu għadhom miftuħa fl-aħħar tas-sena; jinnota wkoll bi tħassib li fl-Istħarriġ ta' Sodisfazzjon tal-Persunal, 10,2 % tal-persunal ma qablux u 6,21 % tal-persunal ma qablux ftit mal-proposta "Jiena qatt ma ġarrabt fastidju fis-SEAE"; jirrikonoxxi, madankollu, li ż-żieda kontinwa tal-każijiet rapportati jidher li tirrifletti rieda akbar li wieħed jitkellem pjuttost milli żieda fil-kunflitti fuq il-post tax-xogħol; jissottolinja l-importanza li titrawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju u li l-każijiet irrapportati jiġu debitament segwiti;

41.  Jilqa' l-estensjoni tan-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali għal 13-il voluntier imħarreġ fl-2017; huwa kkonċernat li ħamsa minn tlettax-il kunsillier biss ġew stazzjonati f'140 delegazzjoni; jistieden lis-SEAE jkompli jżid il-preżenza ta' konsulenti kunfidenzjali fid-delegazzjonijiet u jkompli jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-fastidju u r-riskji psikosoċjali u dwar modi kif jiġu mitigati u kif issir reazzjoni għalihom;

42.  Josserva li s-SEAE aġġorna l-arranġament amministrattiv tiegħu mal-OLAF u saħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu fi kwistjonijiet relatati mal-frodi mad-Direttorati Ġenerali li jaġixxu f'affarijiet esterni, bħall-FPI, DĠ NEAR u DĠ DEVCO fl-2017; jinnota li hemm tliet investigazzjonijiet mill-OLAF għaddejjin relatati mal-kunflitt ta' interessi potenzjali fis-SEAE u jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress ta' dawn l-investigazzjonijiet;

43.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' data relatata mal-ispejjeż tal-missjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li issa hija kompletament disponibbli fuq il-paġna tagħha fis-sit web tal-Kummissjoni u aġġornata kull xahrejn, f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta li ġie adottat fil-31 ta' Jannar 2018;

44.  Jinnota li fl-2017 ġie allokat EUR 1,1 miljun lis-SEAE għall-iżvilupp tal-Azzjoni tagħha "Komunikazzjoni Strateġika Plus" sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u jiġi komunikat l-impatt pożittiv tal-politiki tal-Unjoni; jissottolinja wkoll l-importanza tal-komunikazzjoni tal-ħidma tas-SEAE liċ-ċittadini u jitlob lis-SEAE jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu f'dan ir-rigward fir-rapport ta' attività annwali li jmiss;

45.  Iqis lis-SEAE bħala attur kruċjali fil-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem; għaldaqstant jenfasizza l-importanza li r-riżorsi skarsi disponibbli jintużaw b'mod għaqli u li b'mod kostanti jittejbu l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna u interna tal-Unjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jsir sforz għal pożizzjonijiet komuni u reazzjonijiet koordinati biex l-Unjoni tkun effiċjenti f'dan ir-rwol; jissottolinja l-importanza tad-diplomazija pubblika u l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala aspett integrali tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, mhux biss bħala strument li jikkomunika l-valuri u l-interessi tiegħu filwaqt li jsaħħaħ il-viżibilità tal-Unjoni, iżda wkoll bħala għodda għall-ġlieda kontra l-influwenza barranija fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinati tagħna u l-propaganda strateġika kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa, kontinwa u li qiegħda tikber, li tiġi esposta d-diżinformazzjoni u tiġi mobilizzata l-analiżi speċifika għall-kuntest sabiex tiġi miġġielda l-propaganda kontra l-Unjoni; jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa strateġiji effikaċi għad-diplomazija pubblika; jappella lis-SEAE biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-approċċi tiegħu u jinvesti f'ħiliet u kapaċitajiet ġodda; iqis li l-ħidma tat-Task Force dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE hija neċessarja u prezzjuża u jappella li din tingħata r-riżorsi finanzjarji u tal-persunal xierqa;

46.  Jinnota li s-SEAE wettaq valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni Ewropea fuq ir-riżorsi umani (jiġifieri 122 impjegat li huma ċittadini Britanniċi) u l-aġġustament operattiv mitlub fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet; jilqa' l-intenzjoni tas-SEAE li jsegwi approċċ ta' każ b'każ biex jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-kuntratti għall-aġenti kuntrattwali u għall-aġenti temporanji Britanniċi; isejjaħ lis-SEAE jiżviluppa rapidament strateġija koerenti biex jipprovdi ċ-ċertezza lill-persuni kkonċernati;

47.  Jinnota li l-valutazzjoni inizjali tal-livell ta' spejjeż amministrattivi ta' EUR 6,7 miljun għall-persunal u l-infrastruttura matul perjodu ta' disa' xhur relatat mal-ftuħ ta' delegazzjoni f'Londra fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz;

48.  Jitlob lis-SEAE jipprovdi rapport ta' segwitu għall-kwittanza tal-2017 f'konformità mal-Artikolu 262 tar-Regolament Finanzjarju bi tħejjija għall-proċedura ta' kwittanza tas-sena finanzjarja 2018.

(1) Il-Qorti tal-Awdituri: Rapport Speċjali Nru 07/2016: Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali