Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2189(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0120/2019

Testi mressqa :

A8-0120/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.19

Testi adottati :

P8_TA(2019)0260

Testi adottati
PDF 174kWORD 57k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2017: L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)
P8_TA-PROV(2019)0260A8-0120/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (issa l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea) (EASA) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0079/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0120/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 46.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 46.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
(6) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni(issa l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0079/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0120/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 46.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 46.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
(6) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (issa l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0120/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 191 611 843 – żieda ta' 0,92 % meta mqabbel mal-2016; billi EUR 34 870 000 tal-baġit tal-Aġenzija ġejjin mill-baġit tal-Unjoni u EUR 101 397 000 huma dħul minn tariffi u imposti;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), sostniet li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99 %, jiġifieri l-istess rata bħal fl-2016; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 93,75 % – żieda ta' 2,55 % meta mqabbel mal-2016;

2.  Jinnota bi tħassib il-kummenti tal-Qorti fis-snin ta' qabel, bħala rimarka rikorrenti, li minkejja li l-attivitajiet iffinanzjati mill-industrija rriżultaw f'defiċit ta' EUR 7 600 000 fl-2016, ir-riżultati baġitarji jvarjaw minn sena għal oħra u l-Aġenzija akkumulat bilanċ pożittiv ta' EUR 52 000 000 minn din il-kategorija ta' attività; ifakkar li r-Regolament fundatur tal-Aġenzija jistabbilixxi li t-tariffi imposti fuq l-industrija għandhom ikunu adegwati biex ikopru l-ispiża tal-Aġenzija għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni relatati u għalhekk ma jipprevedix l-akkumulazzjoni ta' bilanċ pożittiv; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-azzjonijiet korrettivi li għaddejjin u kif qed tippjana li tevita bilanċ pożittiv bħal dan fil-futur;

3.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija għandha l-ħsieb li temenda r-regolament finanzjarju u r-regolament dwar it-tariffi u l-imposti tagħha(2) biex tifformalizza aħjar it-trattament tal-akkumulazzjoni ta' bilanċ pożittiv; jinnota li l-Aġenzija bdiet ir-reviżjoni fl-2018 u li r-regolament rivedut dwar it-tariffi u l-imposti hu ppjanat li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2020; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-implimentazzjoni ta' din ir-reviżjoni u anke bid-dispożizzjonijiet li jiċċaraw it-trattament tal-possibbiltà ta' bilanċ pożittiv;

Kanċellazzjoni tar-riporti

4.  Jinnota li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 239 829, jiġifieri 2,6 % tal-ammont totali riportat u żieda ta' 1,07 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

5.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija tuża diversi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tkejjel il-valur miżjud iġġenerat mill-attivitajiet tagħha u biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha, u li tevalwa r-rilevanza tar-regoli u l-proċeduri tal-istandards tagħha perjodikament;

6.  Jinnota li, fl-2017, l-Aġenzija sarilha awditu mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali; jinnota b'sodisfazzjon li, filwaqt li r-riżultati uffiċjali għadhom ma ġewx ippubblikati, l-input inizjali jissuġġerixxi li l-Aġenzija hi fost l-aqwa awtoritajiet tal-avjazzjoni fid-dinja;

7.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija nediet il-Pjattaforma Ewropea ta' Koordinazzjoni Strateġika u ċ-Ċentru Ewropew għaċ-Ċibersigurtà fl-Avjazzjoni, kif ukoll l-ewwel fażi tal-inizjattiva Data4Safety, li għandha l-għan li tappoġġja t-teknoloġiji Ewropej u s-supremazija fis-suq fis-settur tal-avjazzjoni ċivili biex jissaħħaħ l-għarfien Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam mat-teknoloġiji tal-Big Data; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ffirmat ftehimiet ma' Franza, il-Ġermanja u l-Italja dwar il-kooperazzjoni bejn l-avjazzjoni ċivili u militari fil-qasam tas-sikurezza;

8.  Jinnota li fil-11 ta' Settembru 2018 daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 2018/1139 li jinkludi taqsima ġdida għad-drones u mandat ġdid għall-Aġenzija li jiddefinixxi mill-ġdid il-kompetenzi tagħha; jinnota wkoll li dan ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Aġenzija tipproponi għarfien espert tekniku lill-Kummissjoni fir-regolamentazzjoni ta' drones ta' kull daqs, inklużi dawk żgħar;

9.  Jinnota li, fl-2017, l-Aġenzija esperjenzat żieda sinifikanti fl-amministrazzjoni ta' proġetti li ġew allokati fondi għalihom u li, flimkien, jammontaw għal EUR 11 300 000 (EUR 7 300 000 fl-2016); jilqa' l-fatt li dawn il-proġetti għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet regolatorji u superviżorji tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-avjazzjoni madwar id-dinja u li jikkontribwixxu għal proġetti ta' riċerka biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-avjazzjoni globali u jiġu promossi l-istandards tal-UE;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għall-kompetenzi l-ġodda u msaħħa dwar, fost l-oħrajn, ir-riskji għall-avjazzjoni ċivili miż-żoni tal-kunflitti, it-temi relatati mal-ambjent u ċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ;

11.  Jilqa' r-rwol attiv tal-Aġenzija fis-sejħa għal proposti fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; iħeġġeġ lill-Aġenzija tibqa' attiva fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

12.  Jinnota li l-Aġenzija wettqet l-eżerċizzju ta' valutazzjoni annwali tagħha skont il-metodoloġija żviluppata għall-organizzazzjonijiet tal-UE; jinnota li wara l-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali, l-ebda riskju prominenti ma mmaterjalizza fl-2017;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tikkondividi r-riżorsi f'kompiti li fihom trikkib max-xogħol ta' Aġenziji oħra, partikolarment l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, fl-oqsma tal-istħarriġ, it-tagħlim elettroniku u s-servizzi tal-cloud;

Politika dwar il-persunal

14.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet mimlija 100 %, u li, mit-total ta' 678 aġent temporanju (fosthom 5 postijiet sussidjati) awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 676 post tax-xogħol awtorizzati fl-2016) kienu nħatru 673; jinnota li, billi r-regolament bażiku rivedut ma ġiex adottat, il-ħames postijiet issussidjati ma mtlewx fl-2017; jinnota wkoll li, fl-2017, l-Aġenzija ħaddmet 80 aġent kuntrattwali u 18-il espert nazzjonali sekondat;

15.  Jiddeplora l-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-ħames komponenti tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija – ilkoll irġiel – u fost il-membri tal-bord maniġerjali, li, minn total ta' 29, 25 minnhom huma rġiel u erbgħa biss huma nisa; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jressqu n-nomini tagħhom għall-membri tal-Bord; jitlob lill-Aġenzija biex anke hi tieħu miżuri li jiżguraw bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-maniġment superjuri tagħha;

16.  Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jirrikonoxxi li organizzat sessjonijiet ta' informazzjoni u offriet servizz ta' assistenza psikoloġika kunfidenzjali;

17.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; jifhem li l-lingwa li taħdem biha l-Aġenzija hija l-Ingliż u jinnota li l-Aġenzija tuża l-Inter-Agency Job Market stabbilit min-Netwerk tal-Aġenziji biex tippubblika l-avviżi tagħha;

Akkwist

18.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija għażlet li tagħmel użu minn kuntratti qafas ma' tliet kuntratturi f'kaskata għall-akkwist ta' servizzi tal-IT b'valur ta' EUR 22 000 000; jinnota li, f'ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti tqis li trid tintuża proċedura kompetittiva bejn il-kuntratturi magħżula għall-akkwisti speċifiċi; jilqa' r-risposta tal-Aġenzija li se tkun qed tikkunsidra ulterjorment li terġa' tiftaħ il-proċeduri sabiex tiżgura titjib fil-kompetizzjoni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-azzjonijiet meħuda biex tindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

19.  Jinnota li sa tmiem l-2017, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija kienet qed tuża wħud mill-għodod varati mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist elettroniku), iżda mhux il-fatturazzjoni elettronika; jistieden lill-Aġenzija tintroduċi l-għodod kollha meħtieġa biex tamministra l-proċeduri tal-akkwist u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress magħmul f'dan il-qasam;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitt ta' interessi u trasparenza

20.  Jirrikonoxxi li, fl-2017, l-Aġenzija rrevediet il-proċess eżistenti rigward il-politika tagħha "dwar l-imparzjalità u l-indipendenza: il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess" biex it-tlestija, ir-rieżami u l-aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta' interess jiġu estiżi għall-membri kollha tal-persunal; jinnota li, skont l-Aġenzija, f'April 2019 l-IAS mistenni jippubblika rapport tal-awditjar li jkun lesta dwar il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bir-rieżami dettaljat tas-sistema attwali tagħha għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess fl-2018/2019 u dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jilqa' l-linji gwida ġodda tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

21.  Jinnota li 70 % tad-dħul tal-Aġenzija jikkonsisti f'tariffi; jieħu nota tal-fehma tal-Aġenzija li l-fatt li l-applikanti jħallsu t-tariffi mhux bilfors jimplika kunflitt ta' interess; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta' interess fir-rigward tal-finanzjament tat-tariffi;

22.  Jilqa' l-passi ulterjuri li ttieħdu sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fl-attivitajiet tal-Aġenzija permezz tar-rapportar tal-laqgħat tal-membri tal-persunal tal-Aġenzija ma' partijiet ikkonċernati esterni u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit web tal-Aġenzija;

23.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura l-indipendenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà; jinnota li, wara r-rapport tal-Qorti, il-bord maniġerjali tal-Aġenzija ssodisfa t-talba tal-Qorti billi, b'effett minn Jannar 2019, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà għamlu amministrattivament responsabbli direttament lejn id-Direttur tal-Aġenzija u funzjonalment responsabbli lejn il-bord maniġerjali; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

Kontrolli interni

24.  Jinnota li, fl-2017, is-servizzi tal-awditjar intern wettqu eżerċizzju ta' valutazzjoni tar-riskju b'appoġġ għall-iżvilupp taċ-ċiklu tal-awditjar li jmiss (2018-2020);

25.  Jinnota li, fl-istess sena, il-kapaċità tal-awditjar intern wettqet erba' eżerċizzji ta' assigurazzjoni tal-awditjar biex tivvaluta jekk ir-regolamenti rilevanti ġewx rispettati, jekk l-objettivi tal-proċess intlaħqux, u jekk ir-riskji ewlenin ġewx mitigati kif xieraq; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-livell ta' assigurazzjoni ngħata f'kull wieħed mill-eżerċizzji u ngħataw rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tal-ambjent tal-kontroll jew l-effiċjenza ġenerali tal-proċessi; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li fis-segwitu dwar l-awditi mwettqa fl-2016, ir-riskji residwi tnaqqsu b'mod konsiderevoli għal livell aċċettabbli, u li l-azzjonijiet miftuħa kollha kienu qed jiġu implimentati bil-ħsieb li l-azzjoni finali tingħalaq sa nofs l-2018;

26.  Jinnota li l-valutazzjoni annwali tal-istandards maniġerjali tal-Aġenzija, ibbażata fuq l-aktar verżjoni riċenti tal-istandards tal-ISO u fuq il-qafas ta' kontroll intern il-ġdid, ikkonkludiet li s-sistema maniġerjali tal-Aġenzija hi konformi mal-istandards maniġerjali bis-saħħa ta' sistema ta' monitoraġġ robusta stabbilita kemm fil-livell tal-maniġment kif ukoll fil-livell tal-proċess;

o
o   o

27.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 108, 22.03.2018, p. 229.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 tas-27 ta' Marzu 2014 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 593/2007 (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 58).
(3) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2019Avviż legali